Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Offerti ta’ xiri ta’ kumpanniji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva tal-UE 2004/25/UE fuq offerti ta’ xiri

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi miżuri li jikkoordinaw il-liġijiet, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi, il-kodiċi tal-prattika u arranġamenti oħra tal-pajjiżi tal-UE għal offerti ta’ xiri*.

PUNTI EWLENIN

  • Il-gvernijiet tal-UE jridu jiżguraw il-konformità mal-prinċipji segwenti:
    • Id-detenturi kollha ta’ titoli* ta’ kumpannija li qed tirċievi l-offerta* tal-istess klassi jridu jiġu trattati b’mod ugwali.
    • Dawn irid ikollhom żmien u informazzjoni biżżejjed biex jieħdu deċiżjoni li tkun informata tajjeb fuq l-offerta.
    • Il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jaħdem fl-interessi tal-kumpannija fl-intier tagħha.
    • Imġiba li tagħmel it-titoli inkwistjoni jiżdiedu jew jorħsu b’mod artifiċjali fil-prezz mhijiex permessa.
    • L-offerent jista’ jiddikjara l-offerta biss jekk ikollu biżżejjed riżorsi finanzjarji.
    • Kumpannija li tirċievi l-offerta ma tistax tiġi mfixkla fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha għal aktar żmien milli huwa raġonevoli.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jaħtru awtorità, jew awtoritajiet, biex jissorveljaw l-offerti ta’ xiri. Huma jiddeċiedu wkoll dwar liema awtorità ġudizzjarja jew awtorità oħra għandha tieħu ħsieb tilwim jew irregolaritajiet f’offerta.
  • Il-kumpannija li tirċievi l-offerta tiddetermina liema awtorità superviżorja nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar l-offerta jekk it-titoli tagħha huma nnegozjati f’aktar minn pajjiż tal-UE wieħed.
  • Biex jiġu protetti l-azzjonisti f’minoranza, kull min jieħu f’idejh il-kontroll ta’ kumpannija jrid jagħmel offerta bi prezz raġonevoli mal-ewwel opportunità lid-detenturi kollha tat-titoli.
  • Il-prezz raġonevoli huwa l-ogħla prezz li ħallas l-offerent għat-titoli matul perjodu ta’ 6 sa 12-il xahar qabel saret l-offerta. F’ċirkustanzi speċifiċi, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jaġġustaw dan il-prezz.
  • Deċiżjoni biex tinħareġ offerta għandha ssir pubblika malajr kemm jista’ jkun u tiżgura t-trasparenza fis-suq u l-integrità tat-titoli tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta.
  • Id-dokument ta’ offerta li jkun fih offerta jrid jipprovdi informazzjoni bażika bħat-termini involuti u l-identità tal-kumpannija jew tal-persuna li qed tniedi l-inizjattiva u ta’ persuni li jaġixxu flimkien.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jiddeterminaw iż-żmien permess biex tiġi aċċettata offerta. Dan idum bejn ġimagħtejn u 10 ġimgħat.
  • Qabel jimpenja ruħu f’azzjonijiet li jistgħu jimblukkaw l-offerta, il-bord tal-kumpannija li tirċievi l-offerta jrid (suġġett għal opt-out ta’ pajjiż tal-UE) jikseb awtorizzazzjoni minn qabel minn laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.
  • Ir-rappreżentanti tal-impjegati jridu jkunu infurmati dwar kwalunkwe offerta ta' xiri.
  • Jeżistu regoli nazzjonali għal kwistjonijiet bħall-iskadenza jew ir-reviżjoni tal-offerti jew l-iżvelar tar-riżultat ta’ xiri ppjanat.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-20 ta’ Mejju 2004. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-20 ta’ Mejju 2006.

* TERMINI EWLENIN

Offerta ta’ xiri: Offerta pubblika biex jiġu akkwistati t-titoli kollha ta’ kumpannija jew parti minnhom.

Titoli: Ishma trasferibbli li jagħtu lis-sid drittijiet tal-vot f’kumpannija.

Kumpannija li tirċievi l-offerta: kumpannija soġġetta għal offerta.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill2004/25/KE tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, pp. 12–23)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/25/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 16.11.2016

Top