This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-ġestjoni ta’ skemi tal-irtirar kollettivi: fondi tal-pensjoni okkupazzjonali
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?
Din tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs)* jew ta’ fondi tal-pensjonijiet fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
PUNTI EWLENIN
Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-pensjonanti futuri (il-membri u l-benefiċjarji ta’ fondi tal-pensjonijiet) filwaqt li jiġi garantit investiment effiċjenti billi tistabbilixxi r-regoli segwenti:
Regoli prudenzjali stretti, li l-ispeċifiċitajiet tagħhom għandhom jiġu ddeterminati minn kull pajjiż tal-UE għall-ħarsien tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORPs li jrid ikollhom biżżejjed informazzjoni dwar ir-regoli tal-iskema tal-pensjoni*, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORPs u d-drittijiet tagħhom;
Regoli ta’ investiment adattati għall-karatteristiċi tal-IORPs u għal ġestjoni effiċjenti tat-tfaddil. L-ORPs huma investituri fit-tul li jridu jagħtu l-aħjar dħul lill-membri u l-benefiċjarji tagħhom u fl-istess waqt iżommu l-investimenti tagħhom siguri. Jekk kull IORP għandha tistabbilixxi l-politika ta’ investiment l-aktar sigura u l-aktar effiċjenti, ir-regoli ta’ investiment, u b'mod partikolari r-regoli għall-investiment f’ishma, ma għandhomx ikunu restrittivi wisq;
Regoli li jippermettu l-attività transkonfinali tal-IORPs li jippermettu l-ħolqien ta' fondi tal-pensjoni pan-Ewropej. Il-ġestjoni transkonfinali teħtieġ rikonoxximent reċiproku tal-metodi ta’ superviżjoni fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE.
Din id-Direttiva ma tikkonċernax l-istituzzjonijiet koperti mid-direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u d-direttiva dwar maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi.
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) hija responsabbli għall-ġbir ta’ informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi tal-UE dwar l-iżviluppi f’arranġamenti transkonfinali ta’ IORPs u għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-EIOPA.
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 643/2014 dwar l-istarndards tekniċi għar-rappurtar ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ta' natura prudenzjali lill-EIOPA
L-EIOPA tista’ tabbozza standards regolatorji u ta’ implimentazzjoni u tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-superviżjoni xierqa tal-IORPs. L-EIOPA tikkoopera mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea.
Direttiva ġdida hija mistennija tissostitwixxi din id-direttiva sa mill-aħħar tal-2016, u ssir applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE sal-aħħar tal-2018.
MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mit-23 ta’ Settembru 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jittrasponuha fid-dritt nazzjonali sas-22 ta’ Settembru 2005.
SFOND
Il-fondi tal-pensjoni okkupazzjonali fl-UE jibbenefikaw mill-prinċipji ta' moviment liberu tal-kapital u l-forniment liberu tas-servizzi. L-attività transkonfinali tagħhom għandha tiġi promossa. Fl-istess ħin, il-membri u l-benefiċjarji kollha jridu jingħataw protezzjoni xierqa tal-pensjonijiet tagħhom permezz ta' IORPs irregolati bi prudenza.
Għal aktar informazzjoni ara:
* TERMINI EWLENIN
Istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali: istituzzjonijiet finanzjarji li jamministraw skemi ta’ rtirar kollettivi għal min iħaddem, sabiex jipprovdu benefiċċji tal-irtirar lill-impjegati tagħhom (jiġifieri l-membri u l-benefiċjarji tal-iskema).
Skema tal-pensjoni: kuntratt, ftehim, kuntratt ta’ fiduċja jew regoli li jistabbilixxu l- benefiċċji tal-irtirar li qed jingħataw u l-kondizzjonijiet tagħhom.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10-21)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/41/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopjiet ta' referenza.
DOKUMENTI RELATATI
Rapport mill-Kummissjoni Dwar aspetti ewlenin relatati mad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (Id-Direttiva IORP) (COM(2009) 203 final, 30.4.2009)
Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 1-7)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 643/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rapportar ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ta' natura prudenzjali rilevanti għall-qasam tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali skont id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 34-41)
l-aħħar aġġornament 14.09.2016