Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel
X'INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
-
Huwa jfittex li jirregola l-indikazzjonijiet* fuq it-tikketti tal-ikel u rreklamar fl-Unjoni Ewropea (UE).
-
Huwa għandu l-għan li jiżgura li l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni* u s-saħħa* fuq it-tikketti tal-ikel u fil-preżentazzjonijiet u r-reklamar ikunu ċari u bbażati fuq evidenza li hija aċċettata b’mod ġenerali mill-komunità xjentifika.
-
Hemm firxa wiesgħa ta’ sustanzi, bħal vitamini, minerali, amminoaċidi, aċidi grassi essenzjali, fibri u estratti erbali b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, li jistgħu jkunu preżenti f’oġġett tal-ikel u jkunu soġġetti għal indikazzjoni.
-
Ir-Regolament ifittex li:
-
jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi;
-
jagħti lill-konsumatur it-tagħrif neċessarju sabiex ikun jista’ jagħmel l-għażliet b’għarfien sħiħ tal-fatti; u
-
joħloq kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-industrija tal-ikel.
PUNTI EWLENIN
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji profili ta’ nutrijenti* u kundizzjonijiet għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, billi tieħu f’kunsiderazzjoni:
-
il-kwantitajiet ta’ nutrijenti u sustanzi* oħrajn li jkun hemm fl-ikel, bħal:
-
aċidi grassi,
-
aċidi grassi saturati,
-
trans-aċidi grassi,
-
zokkor, u
-
melħ;
-
ir-rwol u l-importanza tal-ikel fid-dieta b’mod ġenerali jew il-gruppi f’riskju, bħat-tfal;
-
il-preżenza tan-nutrijenti xjentifikament rikonoxxuti bħala li għandhom effett fuq is-saħħa.
L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa ma għandhomx:
-
ikunu foloz, ambigwi jew qarrieqa;
-
jagħtu lok għal dubju dwar is-sikurezza jew l-adegwatezza nutrittiva ta’ ikel ieħor;
-
jinkoraġġixxu l-konsum eċċessiv;
-
jissuġġerixxu li dieta varjata u bilanċjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet xierqa ta’ nutrijenti;
-
jagħmlu suġġerimenti li s-saħħa tista’ tiġi affettwata billi ma jiġix ikkonsmat l-ikel;
-
jirreferu għal rata jew ammont ta’ telf tal-piż;
-
jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet ta’ professjonisti tas-saħħa individwali.
L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jkun permess biss jekk jintwera li l-preżenza, l-assenza jew il-kontenut imnaqqas ta’ sustanza f’oġġett tal-ikel għandhom effett ta’ benefiċċju, kif stabbilit mid-dejta xjentifika aċċettata. Sustanzi bħal dawn għandhom ikunu fi kwantitajiet li jistgħu jiġu kkonsmati b’mod raġonevoli u f’ammont li jagħti l-effett mixtieq.
L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jkunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun fuq it-tikketta:
-
il-popolazzjoni fil-mira għall-indikazzjoni;
-
dikjarazzjoni tal-importanza ta’ dieta varjata u bilanċjata u ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa;
-
il-kwantità u l-mudell tal-konsum meħtieġ sabiex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat;
-
dikjarazzjoni mmirata lejn dawk il-persuni li għandhom jevitaw li jikkunsmaw l-oġġett tal-ikel (eż. nisa tqal);
-
twissija għall-prodotti li x’aktarx jippreżentaw riskju għas-saħħa jekk jiġu kkonsmati b’mod eċċessiv;
-
meta jiġi indikat riskju mnaqqas tal-marda, dikjarazzjoni li l-marda għandha diversi fatturi ta’ riskju u li t-tibdil ta’ wieħed minn dawn jista’ jkollu u jista’ ma jkollux effett ta’ benefiċċju;
-
kwalunkwe restrizzjonijiet jew direzzjonijiet għall-użu oħrajn.
Indikazzjonijiet dwar is-saħħa bbażati fuq dejta xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, li jkunu mifhuma sewwa mill-konsumatur medju, jistgħu jiġu eżentati mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni.
Xarbiet li jkun fihom aktar minn 1.2 % bħala volum ta’ alkoħol ma għandux ikollhom indikazzjonijiet dwar is-saħħa jew in-nutrizzjoni, ħlief biex jirreferu għal tnaqqis fil-kontenut jew l-enerġija tal- alkoħol.
Ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 jipprovdi għal lista ta' indikazzjonijiet, għajr dawk relatati mat-tnaqqqis tar-riskju tal-mard u mal-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal. Dan ir-Regolament ilu japplika mill-14 ta' Diċembru 2012 u huwa emendat regolarment biex jaġġorna l-lista ta' indikazjonijiet awtorizzati riċenti tas-saħħa.
Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni
Kwalunkwe manifattur jista' jitlob l-inklużjoni ta' indikazzjoni ġdida mal-lista permessa billi jissottometti applikazzjoni lil kwalunkwe pajjiż tal-UE. Din tal-aħħar tibgħatha lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u lill-Kummissjoni li mbagħad tieħu deċiżjoni dwar l-użu tal-indikazzjoni abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mill-1 ta' Lulju 2007.
SFOND
Għal aktar tagħrif, ara:
* TERMINI EWLENIN
Indikazzjoni: kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhijiex mandatorja taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE jew leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż rappreżentazzjoni f'forma ta' stampi, grafika jew simbolika fi kwalunkwe forma li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu karatteristiċi partikolari.
Indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni: kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet benefiċċjali nutrittivi partikolari minħabba:
- l-enerġija (valur kalorifiku) li:
- jipprovdi,
- jipprovdi b'rata mnaqqsa jew miżjuda, jew
- ma jipprovdix; u/jew
- in-nutrijenti jew u sustanzi oħra li:
- fih,
- fih f'proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew
- ma fihx.
Indikazzjoni dwar is-saħħa: kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija tal-ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa.
Nutrijenti: proteini, karboidrati, xaħmijiet, fibri, sodju, vitamini u minerali elenkati fl-anness għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, u sustanzi li jappartjenu għal jew li huma komponenti ta' waħda minn dawk il-kategoriji.
Sustanzi oħra: sustanza għajr nutrijent li għandha effett nutrittiv jew fiżjoloġiku.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (Ġ U L 404, 30.12.2006, p. 9-25)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinal. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
ATTI RELATATI
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 353/2008 tat-18 ta' April 2008 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ saħħa kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 109 tad-19.4.2008, p. 11–16).
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta' Mejju 2012 li jistabbilixxi lista permessa ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa mogħtija fuq l-ikel, għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1-40). Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63/EU tal-24 ta' Jannar 2013 li qed tadotta linji gwida għall-implimentazjoni ta' kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjoni dwar is-saħħa stipulata f'Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 25-28)
l-aħħar aġġornament 16.08.2016