EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Skambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali bejn l-Istati Membri tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI dwar l-iskambju bejn l-Istati Membri tal-UE, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI QAFAS?

  • Din tistabbilixxi sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni bbażati fuq il-bażijiet tad-data tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), is-sistema Ewropea ta’ informazzjoni tar-rekords kriminali (ECRIS).
  • Hija tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni* bejn l-Istati Membri tal-UE.
  • Hija tiddefinixxi l-obbligi għall-Istat Membru tal-kundanna u għall-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkundannata hija ċittadina, u tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta twieġeb għal talba għal informazzjoni dwar il-kundanni.
  • Hija applikabbli fl-Istati Membri kollha. L-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bil-bidliet li saru mid-Direttiva emendatorja (UE) 2019/884. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ECRIS 2009/316/ĠAI xorta tapplika (ara s-sommarju) f’dawn iż-żewġ Stati Membri.
  • Il-bidliet introdotti mid-Direttiva emendatorja (UE) 2019/884 għandhom l-għan li jiżguraw l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni permezz tal-ECRIS dwar il-kundanni ta’ ċittadini mhux tal-UE (inklużi wkoll persuni apolidi u persuni li n-nazzjonalità tagħhom mhijiex magħrufa) mogħtija fl-Istati Membri. Id-direttiva għalhekk tippermetti li tintalab informazzjoni dwar tali persuni mill-Istati Membri tal-kundanna, kif identifikat b’hit pożittiv fl-ECRIS-TCN (ara s-sommarju).
  • Għandha l-għan li timpedixxi lill-kriminali milli jaħarbu mill-passat tagħhom billi jmorru lejn Stat Membru differenti minn dak li fih ġew ikkundannati. Tagħmel dan billi tiżgura li l-informazzjoni dwar il-kundanni kollha tagħhom ikunu disponibbli meta jkun hemm bżonn, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu ġew ikkundannati.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

L-għanijiet tad-deċiżjoni qafas huma li:

  • tistabbilixxi obbligu għal Stat Membru li jikkundanna ċittadin ta’ Stat Membru biex jittrażmetti informazzjoni dwar il-kundanna lill-Istat Membru li tiegħu l-persuna hija ċittadina;
  • tiddefinixxi l-obbligi tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna hija ċittadina fil-ħżin tal-informazzjoni rċevuta dwar kundanni kif ukoll il-proċeduri li għandu jsegwi Stat Membru meta jwieġeb għat-talbiet għal informazzjoni dwar iċ-ċittadini tiegħu;
  • tistabbilixxi sett ta’ regoli għall-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni.

Ħatra ta’ awtoritajiet

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet ċentrali biex iwettqu l-kompiti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni.

Reġistrar ta’ kundanni u l-ħażna tal-informazzjoni

Stat Membru li jikkundanna għandu jirreġistra n-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet) tal-persuna kkundannata u, fil-każ taċ-ċittadini tal-UE, jinnotifika lill-Istat(i) Membru(i) li tiegħu huma ċitadini dwar id-dettalji tal-kundanna, inkluża informazzjoni dwar:

  • il-persuna kkundannata,
  • in-natura u l-kontenut tal-kundanna, u
  • ir-reat li wassal għall-kundanna.

L-Istat Membru li tiegħu l-persuna hija ċittadin għandu jaħżen l-informazzjoni mibgħuta lilu sabiex ikun jista’ jwieġeb għat-talbiet għal informazzjoni dwar il-kundanni taċ-ċittadini tiegħu. It-tweġiba għandha:

  • tinkludi informazzjoni dwar kundanni fit-territorju tiegħu u fi kwalunkwe pajjiż ieħor; u
  • tingħata fi żmien 10 ijiem tax-xogħol jew 20 jum tax-xogħol jekk it-talba tkun saret minn persuna li tkun tikkonċerna r-rekord kriminali tagħha stess.

Id-data kollha mir-rekords kriminali trid tinħażen esklussivament f’bażijiet ta’ data ġestiti mill-Istati Membri. L-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru mhux se jkollha aċċess dirett għall-bażijiet ta’ data tar-rekords kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni

  • L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali jew għal kwalunkwe finijiet leġittimi oħrajn, eż. analiżi ta’ qabel l-impjieg. Filwaqt li t-tweġibiet għat-talbiet għall-fini tal-proċedimenti kriminali huma obbligatorji, dawk għal finijiet oħrajn għandhom isiru b’konformità mal-liġi nazzjonali.
  • L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-kundanni jkunu akkumpanjati b’informazzjoni dwar in-nazzjonalità, jew in-nazzjonalitajiet, tal-persuna kkundannata, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.
  • Meta awtorità ċentrali ta’ Stat Membru tirċievi talba għal informazzjoni minn kwalunkwe awtorità nazzjonali rilevanti, hija tista’ titlob għal informazzjoni minn Stat Membru, b’mod partikolari mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.
  • Meta awtorità ċentrali ta’ Stat Membru tirċievi talba mingħand ċittadin ta’ Stat Membru ieħor rigward ir-rekord kriminali tiegħu, din trid titlob informazzjoni mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu u tinkludiha fiċ-ċertifikat maħruġ.
  • Meta ċittadin mhux tal-UE jitlob lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru għall-informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tiegħu, l-awtorità ċentrali għandha tibgħat talba biss lil dawk l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri li għandhom informazzjoni dwar ir-rekord kriminali ta’ dik il-persuna għall-informazzjoni u d-data relatata li għandha tiġi estratta mir-rekords kriminali; it-talba għandha tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata.
  • L-ECRIS tippermetti l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mir-rekords kriminali b’mod elettroniku; kull Stat Membru għandu jwettaq l-alterazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-użu tal-format standardizzat li jittrażmetti b’mod elettroniku l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ECRIS.
  • L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (ara s-sommarju) hija responsabbli għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tas-software ta’ referenza tal-ECRIS.

Implimentazzjoni

Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport dwar l-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali bejn l-Istati Membri.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI QAFAS?

  • Id-deċiżjoni qafas ilha tapplika mis-27 ta’ April 2009. L-Istati Membri kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sas-27 ta’ April 2012.
  • Il-bidliet introdotti permezz tad-Direttiva emendatorja (UE) 2019/8844 ilhom japplikaw fl-Istati Membri (għajr l-Irlanda u d-Danimarka) mit-28 ta’ Ġunju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kundanna. Kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra individwu fir-rigward ta’ reat kriminali, sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet jiddaħħlu fir-rekords kriminali tal-Istat Membru tal-kundanna.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, pp. 23-32).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Kwadru 2009/315/ĠAI ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-iskambju permezz tas-Sistema Ewropea ta’ informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bejn l-Istati Membri (COM(2020) 778 final, 21.12.2020)

Id-Direttiva (UE) 2019/884 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 143-150).

Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, pp. 1-26).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.10.2022

Top