Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

ll-klassifikazzjoni u l-irrappurtar tal-ilmenti tal-konsumaturi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2009) 346 final) dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Hija tirrappreżenta l-benefiċċji tal-armonizazzjoni tal-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti* tal-konsumaturi* madwar l-Unjoni Ewropea (UE). Dawn huma kkunsidrati indikatur ewlieni dwar jekk suq uniku hux qed jaħdem jew le.
  • Hija tirrakkomanda metodoloġija volontarja armonizzata.

PUNTI EWLENIN

  • Il-metodoloġija armonizzata hija bbażata fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:
    • id-data għandha tkun komparabbli ma’ settijiet oħra tad-data, pereżempju s-sodisfazzjon tal-konsumatur mit-tabella ta’ valutazzjoni tas-swieq tal-konsumatur;
    • din għandha tkun ibbażata fuq il-klassifikazzjoni ta’ konsum individwali skont l-għan tan-NU;
    • għandha wkoll tippermetti tranżizzjoni bla xkiel minn klassifikazzjoni eżistenti għall-mudell armonizzat ġdid;
    • l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għandhom jiġu minimizzati u aċċettabbli għall-korpi tal-ilmenti tal-konsumatur;
    • tista’ tiġi adattata hekk kif jevolvu s-swieq.
  • Il-metodoloġija fiha tliet sezzjonijiet:
    • informazzjoni ġeneral dwar l-ilment;
    • informazzjoni settorjali dwar l-ilment;
    • informazzjoni dwar it-tip tal-ilment.

Il-komunikazzjoni ġiet segwita fl-2010 minn rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-metodoloġija armonizzata għall-klassifikazzjoni u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi*.

  • Ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi:
    • id-data li entitajiet responsabbli mill-ilmenti għandhom jiġbru u jirreġistraw;
    • il-mod kif id-data għandha tiġi pproċessata u r-rappurtata.
  • Il-Kummissjoni tuża diversi metodi biex timmonitorja kundizzjonijiet u mġiba tas-swieq u tal-konsumaturi. Dawn jinkludu:
    • monitoraġġ tal-attitudnijiet tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut għal kummerċ transkonfinali użat mill-Kummissjoni biex timmonitorja l-integrazzjoni tas-suq uniku mill-perspettiva tal-konsumatur, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-konsumaturi f’pajjiżi tal-UE; dan l-istħarriġ jintuża għat-tħejjija ta’ tabelli tal-konsumaturi;
    • monitoraġġ tas-suq tal-konsumatur li jiffoka fuq il-faċilità biex jitqabblu l-prodotti u s-servizzi offruti, il-fiduċja tal-konsumaturi fil-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri, problemi li jesperjenzaw il-konsumaturi u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi. Dawn huma l-bażi għat-tħejjija tat-tabelli tal-konsumaturi li jsegwu l-prestazzjoni ta’ aktar minn 40 suq ta’ prodotti ta’ konsum u ta’ servizzi;
    • studji dettaljati dwar kwistjonijiet speċifiċi tal-konsumaturi, (eż. studju tal-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-midja soċjali, logħob online u applikazzjonijiet mobbli fuq l-imġiba tat-tfal);
    • appoġġ finanzjarju biex jiġu stabbiliti jew jitjiebu sistemi tal-IT użati biex jibagħtu l-ilmenti dwar data armonizzata lill-Kummissjoni.
  • Il-Grupp Espert dwar l-Ilmenti tal-Konsumaturi huwa netwerk imwaqqaf biex jgħin fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-metodoloġija armonizzata. Il-grupp jagħti pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-metodoloġija u dwar kwistjoniijet oħra li jistgħu jinqalgħu f’konnessjoni mar-rakkomandazzjoni.

SFOND

  • Il-valur tal-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-ilmenti fuq livell tal-UE huwa konsiderevoli, kemm għar-regolaturi tal-UE kif ukoll għal dawk nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jew il-konsumaturi tal-UE infushom.
  • Id-data hija komparabbli direttament madwar l-UE u dan jirriżulta f’rispons aktar imħaffef u mmirat aħjar mill-awtoritajiet għall-problemi tal-konsumaturi, ibbażat fuq din l-evidenza, kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali. Id-data miġbura tippermetti lill-awtoritajiet u lir-regolaturi nazzjonali jirrispondu aħjar għax-xejriet emerġenti, jagħtu stampa aktar kompluta tas-swieq tagħhom, u jippermettu paraguni eħfef ma’ pajjiżi oħra.

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Il-konsumatur: persuna individwali li ma tkunx qed taġixxi fil-kors tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha

Ilmenti tal-konsumaturi: dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon ma’ negozjant speċifiku minn konsumatur lill-entità responsabbli mill-ilmenti

Domanda tal-konsumatur: talba għal informazzjoni jew pariri, għajr ilment, minn konsumatur lill-entità responsabbli mill-ilmenti

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009) 346 final, 7.7.2009)

DOKUMENTI RELATATI

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12.5.2010 dwar l-użu ta’ metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (C(2010) 3021 final)

l-aħħar aġġornament 25.08.2016

Top