This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015XG0527(03)
Council conclusions on cultural and creative crossovers to stimulate innovation, economic sustainability and social inclusion
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali
ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 172/13 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali
(2015/C 172/04)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:
1. |
is-setturi kulturali u kreattivi huma sors ta’ valur kulturali u ekonomiku. F’dawn l-aħħar snin twettqet ħidma sinifikanti biex is-setturi kulturali u kreattivi jiġu stabbiliti bħala parti integrali tas-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa u bħala sors ta’ tkabbir, impjiegi u prosperità. Madankollu, il-kontribut usa’ tagħhom għadu ma ġiex rikonoxxut kompletament, b’mod partikolari f’termini tal-potenzjal tal-kultura u tal-kreattività artistika li jwasslu għall-innovazzjoni f’setturi oħra tal-ekonomija, fis-soċjetà b’mod ġenerali, u għall-ġid tal-individwi; |
2. |
il-kollegamenti bejn is-setturi kulturali u kreattivi u setturi oħra jistgħu jinftehmu bħala proċess li jgħaqqad l-għarfien u l-ħiliet speċifiċi għas-setturi kulturali u kreattivi flimkien ma’ dawk ta’ setturi oħra sabiex jiġu ġenerati soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti għall-isfidi soċjetali tal-lum; |
3. |
kollegamenti kulturali u kreattivi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għas-setturi kollha involuti jekk is-setturi jipparteċipaw b’mod ugwali; |
JIKKUNSIDRA LI:
4. |
kollegamenti kulturali u kreattivi ma’ setturi oħra jistgħu jwasslu għal firxa wiesgħa ta’ benefiċċji (1), inkluż:
|
FILWAQT LI JINNOTA LI:
5. |
hemm nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal li jirriżulta mill-għaqda tal-arti, il-kultura u l-kreattività mat-teknoloġija, ix-xjenza u n-negozju, kif ukoll skambju insuffiċjenti ta’ prattiki tajba. B’mod partikolari, l-effett katalitiku tal-kultura u l-arti fuq l-innovazzjoni fis-setturi kollha għadu sottovalutat u b’hekk mhux użat biżżejjed; |
6. |
Il-kollegamenti jseħħu fl-intersezzjonijiet ta’ setturi differenti. Madankollu, is-setturi u l-politiki ta’ spiss għadhom qed jiġu organizzati f’kompartimenti separati, u b’hekk qed jiġi limitat l-ambitu għal sinerġiji u l-feġġ ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Sabiex tingħeleb il-mentalità tal-organizzazzjoni f’kompartimenti u biex jiġu promossi l-kollegamenti, hemm bżonn ta’ approċċ strateġiku komprensiv li jinvolvi l-atturi kollha mil-livell lokali sal-livell tal-UE; |
7. |
hemm ħtieġa għal data affidabbli u komparabbli dwar il-kollegamenti kulturali u kreattivi li tippermetti il-qbid u l-analiżi tal-kontribut tagħhom għall-ekonomija ġenerali u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà usà fil-livelli kollha; |
8. |
l-iżvilupp ta’ ħiliet kreattivi u ħsieb kritiku matul l-edukazzjoni formali u mhux formali u t-tagħlim informali jippermetti lill-individwi jilħqu aħjar il-ħtiġijiet ta’ soċjetà dejjem aktar diversa u bbażata fuq l-għarfien kif ukoll ta’ suq tax-xogħol impenjattiv u li jinbidel rapidament; |
9. |
Is-Suq Uniku Diġitali tal-Ewropa għandu jinkoraġġixxi l-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta’ kontenut ta’ kwalità li jiddependi mid-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa u jipprovdi qafas bilanċjat ta’ drittijiet u dmirijiet fil-katina tal-valur kollha; |
10. |
l-investimenti fis-setturi kulturali u dawk kreattivi huma ta’ spiss meqjusa bħala riskjużi u volatili minħabba li huma bbażati fuq assi intanġibbli. Għaldaqstant hemm ħtieġa għal strumenti innovattivi finanzjarji speċifikament immirati għas-setturi kulturali u kreattivi li ser isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jipparteċipaw f’kollaborazzjoni transettorjali, inkluż fil-livell internazzjonali; |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U BIR-RISPETT DEBITU GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:
11. |
iqajmu s-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkoċernati kollha, b’mod partikolari dawk li jfasslu l-politika, il-professjonisti kreattivi, l-industriji, in-negozji u l-investituri, dwar il-valur kulturali, ekonomiku u soċjetali tal-kreattività u l-innovazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni transsettorjali. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġi inkoraġġut it-tixrid wiesa’ ta’ informazzjoni dwar il-prattiki tajba, ir-riżultati, u l-lezzjonijiet meħuda mill-kollaborazzjoni transsettorjali, kif ukoll in-netwerking ta’ esperti u t-tagħlim bejn il-pari; |
12. |
jegħlbu l-mentalità tal-organizzazzjoni li ma jikkondividux l-informazzjoni (silo) f’oqsma ta’ politika tradizzjonali permezz tal-integrazzoni mtejba tal-kultura u l-kreattività artistika fl-istrateġiji għat-tkabbir ekonomiku, il-politiki soċjali, l-iżvilupp urban u reġjonali, u l-iżvilupp sostenibbli; |
13. |
ikomplu l-immappjar ta’ politiki eżistenti u ta’ tendenzi relatati ma’ kollegamenti kulturali u kreattivi u t-titjib tal-ġbir ta’ data sabiex jissaħħaħ it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Dan jimplika l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda biex jiġu mkejla l-kollegamenti kulturali u kreattivi ma’ industriji oħra sabiex il-kontribut innovattiv tagħhom jinqabad aħjar, jinfiehem l-impatt usa’ tagħhom; |
14. |
jippromwovu ekosistemi kreattivi u ambjenti multidixxiplinari għas-setturi kulturali u kreattivi permezz ta’ strutturi bħal ċentri għall-innovazzjoni u n-negozju, aċċeleraturi għall-bidu ta’ negozju, inkubaturi, ċentri kreattivi, spazji għal ħidma konġunta u programmi ta’ netwerking; |
15. |
jippromwovu raggruppamenti u netwerks kulturali u kreattivi transettorjali fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali sabiex tingħata spinta lill-esportazzjonijiet kulturali u kreattivi u jittejjeb l-aċċess għal swieq ġodda; |
16. |
jinkoraġġixxu l-użu tal-innovazzjoni mhux teknoloġika, soċjali u ta’ servizz f’industriji tradizzjonali pereżempju bl-introduzzjoni ta’ approċċ tal-mentalità tad-disinn (2) u l-kreattività bbażata fuq il-kultura f’dawn l-industriji; |
17. |
jinkoraġġixxu s-setturi kulturali u kreattivi biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali futur; |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:
18. |
jinkoraġġixxu l-kollegamenti kulturali u kreattivi fil-livell lokali u dak reġjonali, jekk possibbli abbażi ta’ inizjattivi eżistenti, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi lokali, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet u n-negozji. Il-ħolqien ta’ raggruppamenti multidixxiplinari bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jiġi kkunsidrat ukoll; |
19. |
jappoġġaw inizjattivi li jinkoraġġixxu attivitajiet konġunti ta’ sostenn għas-setturi kulturali u kreattivi sabiex jingħelbu silos settorjali u jiġu żviluppati approċċi srateġiċi komprensivi; |
20. |
jinkoraġġixxu l-użu tal-approċċ ta’ mentalità tad-disinn fis-settur pubbliku waqt l-indirizzar ta’ kwistjonijiet kumplessi u l-iżvilupp ta’ servizzi effiċjenti u ċċentrati fuq l-utent (3); |
21. |
jippromwovu kondizzjonijiet favorevoli għas-setturi kulturali u kreattivi biex ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fil-kuntest ta’ sħubijiet transettorjali, inkluż bil-konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej (4), permezz ta’ miżuri adatti li jinkludu:
|
22. |
il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali bħall-kreattività, is-sensibilizzazzjoni kulturali, u l-intraprenditorija fl-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali. Jinkoraġġixxu, fejn adatt, approċċi transettorjali bejn oqsma differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, pereżempju permezz ta’ programmi konġunti bejn l-arti u l-kultura, ix-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, in-negozju u oqsma rilevanti oħra; |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:
23. |
tiżviluppa approċċ strateġiku komprensiv biex tingħata spinta lill-kompetittività u l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi, filwaqt li jiġi enfasizzat ir-rwol tagħhom fil-proċess ġenerali tal-innovazzjoni fl-industriji kollha; |
24. |
tfassal u xxerred aħjar l-informazzjoni dwar il-programmi u l-fondi eżistenti tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi biex jiġu rinfurzati l-kollegamenti ma’ oqsma oħra ta’ politika; |
25. |
tikkunsidra l-użu ta’ finanzjament eżistenti disponibbli taħt programmi tal-UE, bħall-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COSME, Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, għal proġetti ta’ kollegamenti mmirati, pereżempju, lejn:
u tipproċedi mingħajr dewmien bl-azzjonijiet preparatorji meħtieġa biex tniedi l-Faċilità ta’ Garanzija għas-Setturi Kulturali u Kreattivi (8) fl-2016; |
26. |
tkompli l-ħidma mibdija mis-servizzi tagħha bħall-Eurostat u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, biex jiġu prodotti informazzjoni u data dwar il-kontribut tal-kollegamenti kulturali u kreattivi għal setturi ekonomiċi u oqsma ta’ politika oħra, kif ukoll għat-tkabbir b’mod ġenerali. |
JAQBEL LI
27. |
jittieħed kont ta’ dawn il-konklużjonijiet fl-2018. L-għan tal-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kont ser ikun biex jiġi evalwat il-progress imwettaq mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fis-segwitu għall-konklużjonijiet (9). L-Istati Membri għandhom jiġu kkonsultati dwar il-forma u l-ambitu tal-eżerċizzju, li għandu jkun ħafif u utli. |
(1) Abbażi tal-manwal tal-politika dwar il-Promozzjoni ta’ Sħubijiet Kreattivi, imħejji mill-grupp ta’ ħidma dwar il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (2014), http://ec.europa.eu/culture/library/reports/creative-partnerships_en.pdf
(2) Il-mentalità tad-disinn tista’ tiġi deskritta bħala forma ta’ riflessjoni ffokata fuq is-soluzzjonijiet, li tibda b’għan (sitwazzjoni futura aħjar) pjuttost milli tipprova ssolvi problema speċifika. Hi tipprovdi approċċ komprensiv u kreattiv li jista’ jiġi applikat biex jirrisolvi firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, b’mod partikolari dawk kumplessi jew mhux mistennija.
(3) Ibbażat fuq “Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Innovazzjoni Mmexxija mid-Disinn” (SWD (2013) 380 final).
(4) L-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej (ECIA) hija inizjattiva ta’ politika integrata li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni u li damet mill-2012 sal-2014. L-għan tagħha kien li tittestja u tirrevedi strumenti ġodda ta’ politiki innovattivi għall-industriji kreattivi u li toħroġ rakkomandazzjonijiet konkreti.
(5) L-iskemi kreattivi ta’ kupuni għall-innovazzjoni huma ammonti żgħar ta’ kreditu pprovduti mill-gvernijiet lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jixtru servizzi li jintroduċu l-innovazzjoni (prodotti, servizzi jew proċessi ġodda) fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom (rakkomandazzjoni tal-ECIA).
(6) Il-kapital inizjali huwa mmirat biex jappoġġa lill-kumpaniji biex jimxu mill-istadju ta’ idea jew prototip għall-ewwel dħul kummerċjali. Huwa jikkonċentra fuq l-istadji bikrija ħafna ta’ kumpaniji ġodda innovattivi fejn ir-riskju huwa għoli.
(7) Kontribuzzjonijiet li jitħallsu lura huma għodda ġdida ffinanzjata mill-awtoritajiet pubbliċi. Proġett li jiġi magħżul jirċievi simultanjament finanzjament doppju li jikkonsisti minn self b’ebda spiża u minn “kontribuzzjoni li titħallas lura” li ser titħallas lura mill-kumpanija benefiċjarja totalment jew parzjalment skont il-prestazzjoni tal-kumpanija matul il-perijodu ta’ sfruttament (rakkomandazzjoni tal-ECIA).
(8) Il-faċilità ta’ garanzija għas-setturi kulturali u kreattivi hija strument finanzjarju stabbilit permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva (2014-2020). L-għan tagħha hu li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u organizzazzjonijiet li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi.
(9) Eżempji preċedenti jinkludu t-teħid ta’ kont tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2012 dwar il-governanza kulturali li sar fl-2015.