EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Promozzjoni ta’ attività fiżika li ttejjeb is-saħħa għal kulħadd

L-attività fiżika regolari tikkontribwixxi għal stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom għall-individwi. B’hekk, dan jiżgura ħaddiema b’saħħithom - prerogattiva prinċipali sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea (UE) għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Il-pajjiżi tal-UE issa huma mħeġġin sabiex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini tagħhom biex jagħmu eżerċizzju regolari.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa. (ĠU C 354 tal-4.12.2013).

SOMMARJU

Il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej ma jagħmlux biżżejjed attività fiżika. Madwar 60% qatt, jew rari, jilagħbu sport jew jagħmlu l-eżerċizzju, minkejja li n-nuqqas ta’ attività fiżika huwa kawża prinċipali ta’ mewt u mard prematuri f’pajjiżi bi dħul għoli, li jwasslu għal miljun mewta fis-sena fl-Ewropa. Barra mill-ħafna traġedji personali, hemm ukoll spiża diretta u indiretta għas-soċjetà in ġenerali.

Rakkomandazzjoni tal-UE

Il-gvernijiet tal-UE indirizzaw l-isfida billi adottaw rakkomandazzjoni volontarja fis-26 ta’ Novembru 2013 indirizzata lejn l-awtoritajiet nazzjonali u lejn il-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-attivitajiet fiżiċi li jtejbu s-saħħa.

Dan iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE sabiex jiżviluppaw kampanji nazzjonali u strateġiji li jilħqu lil kulħadd li jinvolvu oqsma differenti ta’ politika bħall-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport. Dawn għandhom jinkludu modi prattiċi u konkreti ta’ kif in-nies ikunu mmotivati li jagħmlu eżerċizzju regolari.

Monitoraġġ

Sabiex jitkejjel l-impatt tal-miżuri differenti, il-gvernijiet huma mitlubin li jikkontrollaw il-livelli ta’ attività fiżika billi jkopru kwistjonijiet bħal edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, skemi ta’ promozzjoni tal-attività fiżika fost l-anzjani u proġetti li jinkoraġġixxu vjaġġi attivi lejn ix-xogħol.

Punti fokali u qsim ta’ informazzjoni

Punti fokali nazzjonali għall-attività fiżika qed jiġu stabbiliti sabiex jgħinu fil-monitoraġġ u d-dejta se tkun imdaħħla fil-bażi ta’ dejta Ewropea tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar in-nutrizzjoni, l-obeżità u l-attività fiżika.

Il-Kummissjoni qiegħda tipprovdi l-appoġġ tagħha billi tgħin fl-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba, tagħlim mingħand xulxin u netwerking. Tista’ wkoll tipprovdi esperti xjentifiċi sabiex iħarrġu punti fokali nazzjonali u appoġġ għall-WHO fl-involviment tagħha f’din l-inizjattiva.

Rapport

Il-Kummissjoni se tipproduċi rapport kull tliet snin dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni u tista’ tiġbor statistika dwar il-livelli ta’ attività fiżika bl-istess frekwenza.

L-aħħar aġġornament: 17.06.2014

Top