EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kapitalizzazzjoni fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta’ tkabbir imġedded tħares lejn il-modi kif qiegħda tingħata spinta lill-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), li għandhom irwol importanti fis-sostenn għat-tkabbir ekonomiku futur fl-Ewropa. Hija tiffoka fuq kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jtejbu l-kwalità tal-investimenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, din il-komunikazzjoni tinnota li l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa jinsab fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda u li l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba li tagħmel kapital minn dan il-potenzjal.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta’ tkabbir imġedded (COM(2014) 339 final tal-10.6.2014 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

B’referenza għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir riċenti, il-komunikazzjoni tirrakkomanda li l-gvernijiet għandhom jipprijoritizzaw l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni - anki waqt li jkunu qegħdin jagħmlu ħilithom biex ibaxxu d-defiċits u d-djun nazzjonali (konsolidazzjoni fiskali).

Dawk l-investimenti għandhom isiru id f’id mar-riformi tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu l-kwalità, l-effikaċja u l-impatt tan-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-effett ta’ ingranaġġ tan-nefqa pubblika għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq l-investiment kummerċjali u tirrakkomanda li jitfasslu riformi ta’ R&I skont il-karatteristiċi ta’ kull pajjiż.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiffokaw fuq 3 oqsma ta’ riforma ewlenin:

  • 1.

    It-titjib tal-kwalità tal-iżvilupp tal-istrateġija u tal-proċess tat-tfassil tal-politika: pereżempju, il-ħolqien ta’ strateġija globali ta’ R&I bi gwida fl-ogħla livell politiku, filwaqt li tiffoka fuq għadd limitat ta’ punti ta’ saħħa u opportunitajiet ewlenin (speċjalizzazzjoni intelliġenti);

  • 2.

    It-titjib tal-kwalità tal-programmi, b’enfasi fuq ir-riżorsi u l-mekkaniżmi ta’ finanzament: pereżempju, enfasi akbar tal-programmi nazzjonali ta’ R&I fuq l-isfidi tas-soċjetà u fuq is-soluzzjonijiet għat-tħassib taċ-ċittadini; l-allokazzjoni ta’ fondi fuq bażi kompetittiva; li l-programmi ta’ R&I jsiru aktar rilevanti u aċċessibbli għan-negozji;

  • 3.

    L-ottimizzazzjoni tal-kwalità tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jwettqu R&I: pereżempju, inkoraġġiment lill-istituzzjonijiet li jirċievu finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikunu aktar intraprenditorjali u jfittxu opportunitajiet/sħubiji ġodda man-negozji, inkluż barra mill-Ewropa, kif ukoll sabiex jattiraw l-aqwa riċerkaturi possibbli biex jaħdmu għalihom.

Bil-għan li tgħin lill-pajjiżi tal-UE jagħmlu riformi ta’ R&I li jirnexxu, il-Kummissjoni ser tibbaża fuq l-esperjenza miksuba taħt l-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li tisfrutta l-faċilitajiet disponibbli taħt l-Orizzont 2020.

Il-komunikazzjoni tgħid li l-innovazzjoni mwettqa b’suċċess tiddependi fuq il-kwalità tal-politika pubblika, kif ukoll fuq ambjent innovattiv b’saħħtu. Hija tenfasizza s-suċċess tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, bħat-tnedija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, iżda tgħid li jeħtieġ li jsir aktar f’dawn l-oqsma, bħall-approfondiment tas-Suq Uniku, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tas-settur pubbliku, it-titjib tal-aċċess għall-finanzi, l-iżvilupp tal-ħiliet tan-nies u t-trawwim ta’ “riċerka fil-fruntieri” (jiġifieri riċerka f’oqsma ġodda u emerġenti, li jistgħu jkunu transdixxiplinarji u jinvolvu approċċi mhux konvenzjonali).

l-aħħar aġġornament 23.09.2014

Top