EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iżgurar ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-utenti

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 2016/425 — tagħmir ta’ protezzjoni personali sikur

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi rekwiżiti għad-disinn u l-manifattura ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali* (PPE).
  • Dawn għandhom l-għan li jiżguraw is-saħħa u s-sikurezza tal-utenti u jippermettu li t-tagħmir jinbiegħ u jintuża fl-Unjoni Ewropea (UE) kollha.
  • Huwa jisstostiwixxi l-leġiżlazzjoni preċedenti (id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE).

PUNTI EWLENIN

  • It-tagħmir ta’ protezzjoni personali jista’ jinbiegħ u jintuża biss jekk:
    • jikkonforma mar-regolament, meta jinżamm kif xieraq u jintuża għall-iskop maħsub tiegħu, speċjalment mal-Anness II li jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza;
    • ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni, annimali domestiċi jew propjetà.
  • Il-manifatturi għandhom:
    • jiżguraw li l-komponenti tal-PPE huma ddisinjati u magħmula skont il-leġiżlazzjoni;
    • jissuġġettaw kull PPE għall-proċedura rilevanti tal-valutazzjoni tal-konformità;
    • iżommu dokumentazzjoni teknika relevanti u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal 10 snin;
    • iwettqu testijiet fuq kampjuni ta' PPE, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' PPE mhux konformi u sejħiet lura ta' PPE;
    • jagħtu dettalji, bħall-isem kummerċjali rreġistrat u l-indirizz postali, fuq l-imballaġġ tal-PPE jew dokumenti li jakkumpanjawh;
    • jipprovdu istruzzjonijiet għall-użu u istruzzjonijiet ta’ sikurezza li jinftiehmu faċilment;
    • jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali immedjatament meta l-PPE jippreżenta riskju.
  • Huma imposti obbligi fuq l-importaturi u d-distributuri biex ikun żgurat li l-PPE jissodisfa l-istandards tal-UE.
  • Proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformitá differenti jitwettqu minn korpi nazzjonali tal-valutazzjoni tal-konformità skont liema waħda mit-tliet kategoriji ta’ riskju l-PPE jkun maħsub li jipproteġi l-utenti kontrihom:
    • kategorija I — riskji minimi;
    • kategorija II — riskji li mhumiex inklużi fil-kategoriji I jew III;
    • kategorija III — riskji serji ħafna bħal mewt jew ħsara irreversibbli għas-saħħa.
  • Il-pajjiżi tal-UE jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-korpi differenti li huma awtorizzati jwettqu t-testijiet ta' valutazzjoni tal-konformità.
  • Il-Kummissjoni torganizza skambju ta’ esperjenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal tagħmir ta’ protezzjoni personali użat:
    • mill-forzi armati jew għall-ħarsien tal-liġi u l-ordni;
    • għall-awtodifiża, minbarra għal attivitajiet sportivi;
    • privatament bħala protezzjoni minn kundizzjonijiet tat-temp li mhumiex estremi; umdità u ilma waqt il-ħasil tal-platti;
    • f'bastimenti tal-baħar jew inġenji tal-ajru li huma suġġetti għat-trattati internazzjonali;
    • minn sewwieqa u l-passiġġieri ta' muturi u ċiklomuturi (elmi protettivi u viżieri).
  • Il-pajjiżi tal-UE għandu jkollhom stabbiliti penali għal kwalunkwe ksur tal-liġi sal-21 ta’ Marzu 2018.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-21 ta’ April 2018, apparti ċerti artikoli li fil-biċċa l-kbira jittrattaw korpi u proċeduri ta’ notifika. Dawn japplikaw mill-21 ta’ Ottubru 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:

* TERMINI EWLENIN

Tagħmir ta’ protezzjoni personali: tagħmir iddisinjat u manifatturat biex jintlibes jew jinżamm minn persuna għal protezzjoni kontra riskju wieħed jew aktar għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta' protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, pp. 51-98)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, pp. 18-38)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/686/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 02.06.2020

Top