Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ġurisdizzjoni tal-qorti f'każijiet legali li jinvolvu pajjiżi tal-UE differenti

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 - il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Jaġġorna liġi tal-UE preċedenti dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (magħruf bħala r-“Regolament Brussell I”). Jimmira li jagħmel iċ-ċirkolazzjoni ta' sentenzi f'każijiet ċivili u kummerċjali aktar faċli fi ħdan l-UE, b'mod konformi mal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u l-linji gwida tal-Programm ta' Stokkolma.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Madankollu, ma japplikax għal-liġi tal-familja, kwistjonijiet ta' falliment u wirt u kwistjonijiet speċifiċi oħrajn elenkati fir-Regolament, bħas-sigurtà soċjali jew l-arbitraġġ.

Taħt il-liġi l-ġdida, dik li kienet magħrufa bħala l-proċedura ta' exequatur taħt ir-“Regolament Brussell I” tneħħiet għal kollox. Dan ifisser li sentenza mogħtija f'wieħed mill-pajjiżi tal-UE hija rikonoxxuta fil-pajjiżi tal-UE l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura speċjali. Jekk tkun infurzabbli fil-pajjiż ta' orġini, hija infurzabbli fil-pajjiżi tal-UE l-oħrajn mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' dikjarazzjoni ta' infurzabilità .

Il-persuna li kontriha jkun qiegħed jitfittex li jsir infurzar għandha tiġi infurmata b'dan permezz ta' “ċertifikat li jikkonċerna sentenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”. Dan għandu jitfassal fuq talba minn kwalunkwe parti interessata (mudell tiegħu huwa pprovdut fir-Regolament). Iċ-ċertifikat għandu jkun akkompanjat mis-sentenza (jekk ma tkunx ingħatat diġà). Din għandha tingħata lil dik il-persuna f'ħin raġonevoli qabel l-ewwel miżura ta' infurzar.

F'ċerti każijiet, il-persuna li kontriha jkun qiegħed jitfittex li jsir infurzar, tista' tapplika għal rifjut tar-rikonoxximent jew tal-infurzar tas-sentenza. Dan jista' jirriżulta meta huwa jew hija jqis/tqis li hemm preżenti waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta' rikonoxximent stipulati fir-Regolament (eż. meta r-rikonoxximent ta' sentenza jmur manifestament kontra l-politika pubblika). Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, dawk il-qrati kompetenti li lilhom trid tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.

Regoli komuni tal-ġurisdizzjoni

Kien hemm konnessjoni bejn il-proċeduri li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' din il-liġi u t-territorju tal-pajjiżi tal-UE. Regoli komuni tal-ġurisdizzjoni għandhom, fi prinċipju, japplikaw meta l-intimat ikollu d-domiċilju tiegħu f'pajjiż membru tal-UE. Intimat li ma jkollux id-domiċilju tiegħu f'pajjiż tal-UE (jiġifieri li d-dar permanenti tiegħu mhijiex f'pajjiż tal-UE) għandu jkun soġġett għar-regoli nazzjonali tal-ġurisdizzjoni applikabbli fit-territorju tal-pajjiż tal-qorti tal-pussess (il-qorti fejn jinbdew il-proċeduri).

Madankollu, japplikaw ċerti regoli ta' ġurisdizzjoni, irrispettivament mid-domiċilju tal-intimat, sabiex:

  • jiġi żgurat li jiġu protetti l-konsumaturi u l-impjegati,
  • sabiex tiġi salvagwardjata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-pajjiżi tal-UE meta jkollhom ġurisdizzjoni esklussiva (eż. fil-każ ta' proprjetà immobbli), u
  • sabiex tiġi rispettata l-awtonomija tal-partijiet.

Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni jistgħu wkoll, taħt ċerti ċirkostanzi, japplikaw għal partijiet domiċiljati barra l-UE. Dan jista' jirriżulta eż. fejn dawk il-partijiet qablu li l-qrati ta' pajjiż tal-UE għandhom ġurisdizzjoni.

Titjib tar-rispett tal-għażla tal-ftehimiet tal-qorti

Il-liġi ttejjeb l-effikaċja tal-għażla tal-ftehimiet tal-qrati fejn il-partijiet ħatru qorti jew qrati partikolari biex isolvu tilwima. Tagħti prijorità lill-qorti magħżula sabiex tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha, kemm jekk tkun l-ewwel pussess tagħha jew it-tieni wieħed. Kwalunkwe qorti oħra għandha twaqqaf temporanjament il-proċeduri sakemm il-qorti magħżula tkun stabbiliet jew - fejn il-ftehim huwa invalidu - ċaħdet il-ġurisdizzjoni.

Ir-Renju Unit (1) u l-Irlanda ħadu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Id-Danimarka tapplika r-Regolament f'konformità mal-Ftehim tad-19 ta' Ottubru 2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

Applikazzjoni tar-regoli ta' Brussell I mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux

Ir-Regolament (UE) Nru 542/2014 jintroduċi regoli ġodda dwar ir-relazzjoni bejn il-proċeduri quddiem ċerti qrati li huma komuni għal diversi pajjiżi tal-UE (bħall-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux) minn naħa minnhom u l-qrati tal-pajjiżi tal-UE skont ir-Regolament Brussell I min-naħa l-oħra. Dan ifisser li s-sentenza li tingħata minn dawn il-qrati għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

Formoli għal sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Portal Ewropew e-Ġustizzja)

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1215/2012

9.1.2013 Applikazzjoni minn 10.1.2015.

-

ĠU L 351, 20.12.2012, pp. 1-32

Atti ta' emenda

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 542/2014

30.5.2014

-

ĠU L 163, 29.5.2014, pp. 1-4

Regolament (UE) 2015/281

26.2.2015

-

ĠU L 54, 25.2.2015, pp. 1-9

ATTI RELATATI

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. (Il-Ġurnal Uffiċjali L 79, 21.3.2013, pp. 4-4)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top