Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Eurodac: Sistema Ewropea għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ ta’ applikanti għall-ażil

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar il-Eurodac, bażi tad-data tal-marki tas-swaba’ tal-ażil tal-UE għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jespandi l-Eurodac, li hija bażi ta’ data bijometrika mifruxa mal-Unjoni Ewropea (UE) kollha, li fiha l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil u ta’ ċittadini mhux tal-UE/taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) biex jitqabblu bejn l-Istati Membri tal-UE.
  • L-għan huwa li:
    • jagħmilha eħfef għall-Membri tal-UE biex jiddeterminaw ir-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil billi jqabblu l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil u ta’ ċittadini mhux tal-UE/ŻEE kontra bażi tad-data ċentrali; u
    • jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, soġġetti għal kundizzjonijiet serji, biex jikkonsultaw mal-Eurodac għall-investigazzjoni, kxif u l-prevenzjoni ta’ reati terroristi jew kriminali serji.

PUNTI EWLENIN

  • Kull Stat Membru għandu jieħu l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil kollha u ta’ dawk maqbuda waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari (eż. ċittadini mhux tal-UE/ŻEE jew persuni apolidi li daħlu mingħajr dokumenti validi) li għandhom iktar minn 14-il sena u, fi żmien 72 siegħa, jittrażmetti d-data lill-Eurodac.
  • Meta persuna li japplika għall-ażil jew ċittadin mhux tal-UE/ŻEE jinstab preżenti illegalment fi Stat Membru tal-UE, dak l-Istat Membru mbagħad jista’ jikkonsulta lill-Eurodac biex jiddetermina jekk l-individwu kienx applika qabel għall-ażil f’Membru tal-UE jew kienx maqbud qabel waqt li kien qed jipprova jidħol illegalment fl-UE.
  • Data tal-marki tas-swaba’ għandha titħassar ladarba l-applikanti għall-ażil, ċittadini mhux tal-UE/ŻEE jew persuni apolidi jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
  • Dan ir-regolament jgħin biex jiġi applikat ir-Regolament III ta’ Dublin (ir-Regolament (UE) Nru 604/2013), li jistabbilixxi r-regoli biex ikun iddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.
  • Il-leġiżlazzjoni Eurodac oriġinali (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000) ma kinitx toffri mezz għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jitolbu t-tqabbil tad-data. Madankollu, dan ir-regolament jippermetti lill-forzi tal-pulizija u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġili jqabblu l-marki tas-swaba’ relatati ma’ investigazzjonijiet kriminali ma’ dawk li jinsabu fil-Eurodac. Madankollu, minħabba d-dritt fundamentali għall-privatezza, aġenziji tal-infurzar tal-liġi huma permessi li jużaw il-Eurodac għat-tqabbil biss:
    • fejn ikun hemm motivi raġonevoli li dan jista’ jgħinhom sostanzjalment fil-prevenzjoni, fil-kxif jew fl-investigazzjoni ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor; u
    • biss bħala l-aħħar soluzzjoni wara li diversi kontrolli oħra jkunu twettqu qabel.
  • Ebda data tal-Eurodac ma tista’ tiġi kondiviża ma’ pajjiżi mhux tal-UE (apparti mill-Iżlanda u n-Norveġja).
  • Xi applikanti għall-ażil u ċittadini mhux tal-UE/ŻEE jew persuni apolidi rrifjutaw li jikkoperaw mat-tentattivi tal-Istati Membri biex joħdulhom il-marki tas-swaba’ għall-bażi tad-data tal-Eurodac. Dan wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ dokument dwar l-aħjar prattiki possibbli relatati mat-teħid tal-marki tas-swaba’.
  • Il-protokoll bejn l-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja, kif ukoll il-protokoll mal-Liechtenstein u mal-Iżvizzera, it-tnejn li huma ffirmati fl-2020, jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil fir-rigward tal-aċċess tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi għall-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2015.

Il-protokoll mal-Liechtenstein u l-Iżvizzera daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2022. Il-protokoll mal-Iżlanda u n-Norveġja daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2022.

SFOND

Il-Eurodac oriġinarjament inħolqot fl-2000 (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000) u ilha topera mill-2003. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija għodda ta’ teknoloġija tal-informazzjoni ta’ suċċess.

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Il-Eurodac (L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 1-30).

DOKUMENTI RELATATI

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera fir-rigward ta’ aċċess fil-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (ĠU L 240, 16.9.2022, p. 1).

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew fin-Norveġja fir-rigward ta’ aċċess fil-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (ĠU L 240, 16.9.2022, p. 2).

Il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew fin-Norveġja fir-rigward ta’ aċċess fil-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (ĠU L 64, 3.3.2020, pp. 3-7).

Il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera fir-rigward ta’ aċċess fil-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (ĠU L 32, 4.2.2020, pp. 3-7).

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Eurodac rigward l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ (SWD(2015) 150 final, tas-27.5.2015).

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 31-59).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 28.09.2022

Top