Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-integrazzjoni tar-Roma fil-kuntest tat-trattament ugwali

 

SOMMARJU

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata fl-2013, titlob li jittieħdu miżuri f'għadd ta' oqsma, inkluż fl-anti-diskriminazzjoni, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tar-Roma, l-ikbar minoranza etnika fl-Ewropa.

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Turi l-impenn politiku b'saħħtu u kondiviż tal-pajjiżi tal-UE kollha biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex:

tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali kif ukoll id-diskriminazzjoni u

jinkiseb titjib reali fil-promozzjoni tal-integrazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, s-saħħa u l-akkomodazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Speċifikament, fir-rigward tad-diskriminazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex:

Jinfurzaw bis-sħiħ id-Direttiva 2000/43/KE li tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' oriġini razzjali jew etnika. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'numru ta' każijiet iservu bħala punt ta' referenza għall-kompatibilità tad-drittijiet tal-bniedem tal-liġijiet u prattiki.

Jimplimentaw — kemm fuq livell reġjonali kif ukoll fuq livell lokali — miżuri ta' desegregazzjoni (jiġifieri azzjonijiet sabiex tintemm is-separazzjoni ta' gruppi differenti fil-popolazzjoni) dwar ir-Roma. Miżuri bħal dawn, li jiffukaw fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġu li jkunu akkompanjati b'taħriġ u b'kampanji ta' informazzjoni xierqa għal uffiċjali lokali, gruppi ta' ċittadini relevanti, kif ukoll mir-Roma nfushom.

Jiżguraw li kwalunkwe sgumbrar furzat jikkonforma għal kollox mal-liġijiet tal-UE kif ukoll ma' kwalunkwe obbligu internazzjonali ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Jinfurzaw miżuri li jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jippreġudikaw kontra r-Roma fl-oqsma kollha tas-soċjetà :

Iżidu l-għarfien tal-benefiċċji tal-integrazzjoni tar-Roma fost il-komunitajiet tar-Roma u l-pubbliku ġenerali;

Jagħmlu lill-pubbliku sensittiv għall-problemi ffaċjati mir-Roma, permezz ta' materjal edukattiv u tat-tagħlim relevanti;

Jiġġieldu diskors retoriku u ta' mibgħeda kontra r-Roma u mġibiet oħrajn li jinċitaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu jimmonitorjaw u jevalwaw l-effikaċja tal-miżuri li huma jieħdu kemm f'termini tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma kif ukoll fi ħdan il-politiki ta' inklużjoni soċjali usa'.

Dan jista' jsir billi jiġu stabbiliti miri jew billi tinġabar dejta kwalitattiva jew kwantitattiva fuq l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri meħudin.

L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali żviluppat Programm Multi- Annwali dwar ir-Roma (2012–2020). Tħejji rapporti regolari dwar il-progress magħmul u tipprovdi parir ibbażat fuq l-evidenza lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-pajjiżi tal-UE abbażi tad-dejta miġbura minn madwar l-UE.

Rapportar u follow-up

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta' Jannar 2016 kwalunkwe miżura meħuda f'konformità mar-Rakkomandazzjoni; Minn hemm 'il quddiem, għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fuq bażi annwali.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni pprovduta sservi bħala bażi għar-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma.

Ir-riżultati jiġu mitmugħin fil-proċess tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Mill-2012, bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal 5 pajjiżi b'komunitajiet kbar ta' Roma (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja).

SFOND

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1-7)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 (COM(2011) 173 final tal-5 ta' April 2011)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tal-2015 (COM(2015) 299 final tas-17 ta' Ġunju 2015)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22-26)

Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Roma sal-2020 — konklużjonijiet tal-Kunsill (ĠU C 258, 2.9.2011, p. 6–9)

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top