Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-politika trans-settorjali

Il-Ministri tal-UE jaraw il-kooperazzjoni fost l-oqsma ta’ politika bħala vitali għall-indirizzar tal-problemi soċjali u ekonomiċi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-politika trans-settorjali sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi soċjo-ekonomiċi li qegħdin jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 3-7)

SOMMARJU

Il-Ministri tal-UE jaraw il-kooperazzjoni fost l-oqsma ta’ politika bħala vitali għall-indirizzar tal-problemi soċjali u ekonomiċi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.

X’JAGĦMLU DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL?

Huma jikkunsidraw l-istrateġiji għat-tisħiħ tal-approċċ trans-settorjali għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw iż-żgħażagħ sabiex b’hekk dawk li jfasslu l-politika jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar effettiv u malajr għall-problemi, billi jagħmlu l-aħjar użu mill-programmi u l-fondi tal-UE kollha disponibbli f’dan il-qasam.

PUNTI EWLENIN

Politika trans-settorjali

Sabiex jimplimentaw politika trans-settorjali wiesgħa dwar iż-żgħażagħ, il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jieħdu f’kunsiderazzjoni l-kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ meta jiżviluppaw politika f’oqsma bħall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u oħrajn li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ. Sabiex din tkun effettiva, hija meħtieġa kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali;
  • jimplimentaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ sabiex jikkonnettjaw l-azzjonijiet ta’ politika rilevanti li jindirizzaw il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u liż-żgħażagħ infushom;
  • jistabbilixxu metodi kif jimmonitorjaw is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, li jippermettu politiki bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza.

Huma jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex:

  • tikkunsidra kif tapplika b’mod effettiv approċċ ta’ politika kkoordinat fl-indirizzar tal-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ;
  • tivvaluta kif il-kwistjonijiet relatati mal-politika dwar iż-żgħażagħ qegħdin jiġu kkunsidrati f’oqsma ta’ politika oħrajn li jaffettwaw liż-żgħażagħ.

Huma jħeġġu lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni sabiex:

  • jagħmlu użu sħiħ mill-programm Erasmus+ sabiex isaħħu l-kooperazzjoni fost is-setturi;
  • jiġbru evidenza dwar kif il-kooperazzjoni trans-settorjali tista’ trendi riżultati pożittivi.

Approċċi mfasslin apposta

Huma meħtieġa approċċi trans-settorjali mfasslin b’mod speċjali għal programmi li jindirizzaw l-isfidi soċjo-ekonomiċi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.

Il-pajjiżi tal-UE huma mistiedna biex:

  • isaħħu l-approċċi ta’ sħubija fl-implimentazzjoni tal-miżuri, bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
  • jitolbu appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet fis-settur taż-żgħażagħ iffinanzjati taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
  • isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali (bħal skejjel u kulleġġi) u fornituri tat-tagħlim mhux formali (bħal ċentri taż-żgħażagħ u klabbs sportivi) bil-għan li jindirizzaw il-kwistjoni tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien;
  • jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-ħidma taż-żgħażagħ u s-servizzi soċjali bil-għan li jtejbu l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Il-Kummissjoni hija mitluba sabiex tiffaċilita l-interazzjoni fil-livell tal-UE bejn dawk li jfasslu l-politika taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) involuti fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Kemm il-pajjiżi tal-UE kif ukoll il-Kummissjoni huma mitluba sabiex:

  • jikkunsidraw li jużaw Fondi Strutturali Ewropej u l-programm Erasmus+ sabiex jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ;
  • jindirizzaw it-tħassib imqajjem fit-tagħlim bejn il-pari li jmiss fost il-pajjiżi tal-UE dwar it-tisħiħ tal-politika trans-settorjali taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali li hija inkluża fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ.

Il-ħidma taż-żgħażagħ

Il-Kunsill tal-UE jitlob lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni sabiex jenfasizzaw il-valur tal-ħidma taż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-isfidi taż-żgħażagħ billi:

  • jippromwovu r-rikonoxximent tal-ħidma taż-żgħażagħ u tal-għodod tat-tagħlim mhux formali, bħaċ-ċertifikat tal-Youthpass fis-setturi tax-xogħol, tat-taħriġ, tal-edukazzjoni u tal-kultura;
  • jesploraw il-possibbiltajiet tal-integrazzjoni taċ-ċertifikat tal-Youthpass bħala għodda nazzjonali għar-rikonoxximent.

Aktar tagħrif:

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-perjodu 2014-2015 (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5-11)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top