Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ - kontribut ewlieni għall-koeżjoni soċjali

 

SOMMARJU

Skont il-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2010-2018), il-Ministri tal-UE jagħmlu enfasi fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-kontribut ta’ din il-ħidma sabiex tiġi assigurata l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

X’JAGĦMLU DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET?

Huma jiffokaw fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ħidma fost iż-żgħażagħ bil-għan li jiġu assigurati soċjetajiet aktar koeżivi madwar l-UE. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam fil-pajjiżi kollha tal-UE hija importanti ħafna.

Il-Konklużjonijiet huma ppreżentati skont il-Pjan ta’ Ħidma attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ 2014-2015, fejn l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tat-tagħlim mhux formali (bħal f’għaqdiet taż-żgħażagħ jew klabbs sportivi), kif ukoll tat-tagħlim informali (bħal mingħand il-ġenituri u l-ħbieb) huwa prijorità.

Huma jieħdu nota wkoll tal-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill rigward il-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ta’ kwalità għall-iżvilupp, għall-benesseri u għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ fl-UE.

Ġiet innotata wkoll id-dikjarazzjoni li saret mill-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE fit-12 ta' Frar 2015, ftit wara l-attakki terroristiċi li saru f’Pariġi, b’enfasi fuq l-importanza tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ħarsien tal-valuri.

PUNTI EWLENIN

Il-Konklużjonijiet itennu l-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-kontribut għall-iżvilupp personali u sabiex jintlaħqu ż-żgħażagħ bi sfond differenti. Hemm ħtieġa partikolari ta’ konnessjoni maż-żgħażagħ emarġinati u dawk li ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ.

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa sabiex:

  • jimpenjaw ruħhom li jkomplu jiżviluppaw servizzi professjonali u ta’ kwalità ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż minn ħaddiema bi ħlas u voluntiera;
  • jiżviluppaw miżuri ta’ appoġġ, inklużi edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema żgħażagħ;
  • iżidu l-ħidma ta’ kuntatt maż-żgħażagħ sabiex jinvolvu lill-persuni ta’ ’l fuq minn 18-il sena u liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

Il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea jintalbu sabiex:

  • jinvolvu ruħhom f’tagħlim reċiproku (tagħlim bejn il-pari) u jiskambjaw l-aqwa prassi rigward il-kwalità fil-ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • isaħħu l-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jiżviluppaw indikaturi, għodod u sistemi li jistgħu jiġu applikati f’livelli differenti madwar l-UE;
  • itejbu l-viżibbiltà tal-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi juru l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tagħha u l-impatt li tħalli fuq iż-żgħażagħ u s-soċjetà ta’ madwarhom;

Il-Kummissjoni hija mistiedna illi:

  • twettaq studju dwar il-prinċipji bażiċi ta’ kwalità għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż manwal ta’ implimentazzjoni. Dan l-istudju għandu jieħu f’kunsiderazzjoni r-riżultati tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sistemi ta’ Kwalità tal-Ħidma fost iż-Żgħażagħ;
  • tikkunsidra li tagħmel proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ li tkun tiffoka fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni taż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza u soċjetà aktar koeżiva.

Għal aktar tagħrif, ara:

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bil-għan li jiġu assigurati soċjetajiet koeżivi (ĠU C 170, 23.5.2015, p. 2-3)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top