Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Soluzzjoni alternattiva għal tilwimiet tal-konsumaturi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim bejn in-negozjanti u l-konsumaturi

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Tiżgura li l-konsumaturi tal-UE jkunu jistgħu jissottomettu t-tilwim kuntrattwali tagħhom ma' negozjant tal-UE* fuq prodott jew fuq servizz lil entità ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) — korp rikonoxxut li r-rwol tiegħu huwa li jsolvi tilwim permezz ta' proċeduri ta' ADR, jiġifieri mingħajr ma wieħed jitla' l-qorti.
  • Tistabbilixxi r-rekwiżiti vinkolanti dwar il-kwalità għall-entitajiet u għall-proċeduri tal-ADR sabiex jiġu żgurati aspetti bħat-trasparenza, l-indipendenza, il-ġustizzja u l-effettività.
  • Il-konformità hija żgurata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħturin mill-pajjiżi tal-UE.
  • Tobbliga lin-negozjanti jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-ADR meta dawk imsemmijin l-ewwel ikunu ħadu impenn jew ikunu obbligati li jużaw l-ADR u meta ma jkunux jistgħu jsolvu tilwima b'mod bilaterali mal-konsumatur.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li t-tilwim kuntrattwali kollu li jirriżulta mill-bejgħ ta' oġġetti jew għoti ta' servizzi — bejn il-konsumaturi residenti fl-UE u l-kummerċjanti stabbiliti fl-Unjoni — jista' jintbagħat lil entità ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Dan japplika kemm għal bejgħ online u offline kif ukoll għal servizzi online u offline.
  • Il-mira ta' din il-leġiżlazzjoni hija li tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq waħdieni tal-UE.
  • ADR toffri lill-konsumaturi mod bi prezz li jista' jintlaħaq, sempliċi u veloċi ta' soluzzjoni għat-tilwim, bħal meta kummerċjant jirrifjuta li jsewwi prodott jew li jagħti rifużjoni lil konsumatur li jkun intitolat għal dan.
  • Entitajiet ADR jinvolvu parti newtrali bħala medjatur, ombudsman jew bord ta' ilmenti, li tipprova ssolvi t-tilwima permezz ta' proċedura ADT. Skont il-forma ta' proċedura ADR li tħaddem entità ADR partikolari, il-parti newtrali tista' jew:
    • tipproponi jew timponi soluzzjoni; jew
    • tlaqqa' l-partijiet flimkien sabiex tgħinhom isibu soluzzjoni.
  • L-entitajiet ADR kollha għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti vinkolanti tal-kwalità , li jiggarantixxu li huma jaħdmu b'mod effettiv, ġust, indipendenti u trasparenti.
  • Kull pajjiż tal-UE jrid jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar, li jkollha sorveljanza nazzjonali fuq l-entitajiet ADR u jiżgura l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti dwar il-kwalità. L-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu listi nazzjonali ta' entitajiet ADR. Entitajiet ta' soluzzjoni għat-tilwim li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-kwalità biss jistgħu jiġu inklużi bħala “entitajiet tal-ADR” f'dawk il-listi.
  • Il-kummerċjanti li jaqblu jew li huma obbligati li jużaw ADR għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwar ADR fuq is-siti elettroniċi tagħhom kif ukoll fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom. Għandhom jinfurmaw ukoll lill-konsumaturi dwar ADR, meta tilwima ma tkunx tista' tissolva direttament bejn il-konsumaturi u l-kummerċjant.
  • Fl-interess ta' trasparenza, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li s-siti elettroniċi tal-ADR jipprovdu informazzjoni ċara u li tinftiehem. Dan jinkludi dettalji, it-tipi ta' tilwim li dawk l-entitajiet jisgħu jkopru, kif ukoll l-ispejjeż, tul medju u l-effett legali tal-eżitu tal-proċedura ADR. Barra minn hekk, l-entitajiet ADR għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni pubblika fuq is-siti web tagħhom ir-rapporti tal-attività annwali li fihom informazzjoni fuq it-tilwim li huma jkunu ltaqgħu magħhom.
  • Entitajiet tal-ADR għandhom jikkooperaw fis-soluzzjoni ta t-tilwim fi ħdan l-UE. Għandhom jiskambjaw l-aqwa prattiċi bejniethom u mal-awtoritajiet nazzjonali dwar is-solvien ta' tilwim.
  • Din id-Direttiva tapplika għas-setturi tas-suq kollu, bl-eċċezzjoni tas-saħħa u l-edukazzjoni għolja

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-8 ta' Lulju 2013. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-9 ta' Lulju 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Negozjant: Persuna jew negozju li jbigħu prodott jew servizz.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Direttiva dwar l-ADR għall-konsumatur) (ĠU L 165, 18.6.2013, pp. 63-79)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (ĠU L 364 09.12.2004, pp. 1-11).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110 01.05.2009, pp. 30-16).

Ara l-verżjoni konsolidata

Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136 24.5.2008, pp. 3-8).

l-aħħar aġġornament 17.10.2016

Top