Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas għal rimedju kollettiv (azzjonijiet rappreżentattivi)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Rakkomandazzjoni 2013/396/UE dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI?

  • Hija tistabbilixxi serje ta’ prinċipji komuni mhux vinkolanti għal rimedju kollettiv* mekkaniżmi.
  • L-għan huwa li jagħti liċ-ċittadini u lill-kumpaniji l-possibbiltà li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom li ngħatawlhom mil-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) meta jinkisrulhom tali drittijiet.
  • Dawn il-mekkaniżmi ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli f’oqsma differenti fejn il-liġi tal-UE tagħti drittijiet liċ-ċittadini u lill-kumpaniji, bħal fil-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetizzjoni, il-ħarsien ambjentali u s-servizzi finanzjarji.

PUNTI EWLENIN

Il-prinċipji ewlenin huma stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewrope ippubblikata flimkien ma’ komunikazzjoni li tissuġġerixxi li l-Istati Membri kollha tal-UE jintroduċu mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv fuq il-bażi tal-prinċipji maqbulin. Dawn il-prinċipji huma kif ġejjin:

  • L-atturi għandhom ikunu jistgħu jfittxu ordnijiet tal-qorti biex iwaqqfu ksur tad-drittijiet tagħhom mogħtija mil-liġi tal-UE (“rimedju ta’ inġunzjoni”) u li jitolbu d-danni għal ħsara li tkun saritilhom minn dan il-ksur (“rimedju kumpensatorj”) f’każ li fih numru kbir ta’ persuni jintlaqtu mill-istess prattika illegali.
  • Il-proċeduri ta’ rimedju kollettiv għandhom ikunu ġusti, bilanċjati, fi żmien opportun u l-ispejjeż li jinvolvu m’għandhomx ikunu projbittivi.
  • Is-sistemi ta’ rimedju kollettiv għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ “inklużjoni fakultattiva”. Skont dan il-prinċipju, atturi potenzjali li ma esprimewx direttament il-kunsens tagħhom mhumiex parti mill-grupp, u għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw direttament minn riżultat favorevoli tal-proċeduri ta’ rimedju kollettiv.
  • Għandu jkun hemm salvagwardji proċedurali biex jiġi evitat l-abbuż ta’ sistemi ta’ rimedju kollettiv bħal:
    • projbizzjoni ta’ danni u mgħaxijiet punittivi (jiġifieri eċċessivament għoljin);
    • l-entitajiet li jirrappreżentaw lill-atturi ma għandux ikollhom l-għan li jagħmlu profitt;
    • projbizzjoni fuq il-ħlasijiet ta’ ħlasijiet ta’ kontinġenza għall-avukati.
  • Il-parti telliefa hi meħtieġa tħallas l-ispejjeż legali tal-parti rebbieħa.
  • L-imħallef għandu rwol ewlieni fil-ligitazzjoni kollettiva* biex jimmaniġġja effettivament il-każ u għandu jkun viġillanti kontra kull abbuż possibbli.
  • L-atturi għandhom ikunu jistgħu jaslu għal soluzzjoni tal-każ permezz ta’ mekkaniżmi kollettivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim b’mod kunsenswali (jiġifieri proċeduri fejn il-partijiet jilħqu kunsens dwar soluzzjoni).

META TAPPLIKA R-RAKKOMANDAZZJONI?

Il-pajjiżi tal-UE ġew mistiedna japplikaw dawn il-prinċipji sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Lulju 2015.

SFOND

Ir-rimedju kollettiv jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għal dawk li d-drittijiet tagħhom inkisru mill-istess entità. Dan jippermettilhom jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod kollettiv meta ma jkunx possibbli li jagħmlu dan minħabba l-ispiża jew il-ħin li jinvolvi.

Il-qafas Ewropew għal rimedju kollettiv jikkumplimenta mekkaniżmi eżistenti fuq livell Ewropew, partikolarment:

TERMINI EWLENIN

Rimedju kollettiv: mekkaniżmu li jirriżulta fit-tmiem jew fil-prevenzjoni ta’ prattika kummerċjali illegali li taffettwa grupp ta’ atturi jew fil-kumpsens għad-dannu kkaġunat minn dawn il-prattiki.
Litigazzjoni fi grupp/kollettiv: kawża miftuħa minn grupp ta’ atturi.

DOKUMENT EWLIENI

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (ĠU L 201, 26.7.2013, pp. 60-65)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri dwar il-ksur tad-drittijiet mogħtija taħt il-liġi tal-Unjoni (2013/396/UE) (COM(2018) 40 final, il-25 ta’ Jannar 2018)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Lejn Qafas Ewropew Orizzontali għal Rimedju Kollettiv” (COM(2013) 401 final, il-11 ta’ Ġunju 2013)

l-aħħar aġġornament 26.08.2021

Top