This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Is-sigurtà ta' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni fl-UE
Il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (pereżempju, ċilindri tal-għaddasa) għandha 2 għanijiet ewlenin: (i) li tiżgura l-protezzjoni tal-persuni, tal-annimali domestiċi u tal-proprjetà fir-rigward tal-perikli li jirriżultaw minn tnixxija jew tifqiegħa; (ii) li jkun hemm fis-seħħ l-istess regoli li jirregolaw il-bejgħ tagħhom madwar l-UE.
ATT
Direttiva 2014/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibbiltà fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni.
SOMMARJU
Il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (pereżempju, ċilindri tal-għaddasa) għandha 2 għanijiet ewlenin: (i) li tiżgura l-protezzjoni tal-persuni, tal-annimali domestiċi u tal-proprjetà fir-rigward tal-perikli li jirriżultaw minn tnixxija jew tifqiegħa; (ii) li jkun hemm fis-seħħ l-istess regoli li jirregolaw il-bejgħ tagħhom madwar l-UE.
X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?
Hija tistabbilixxi regoli uniformi dwar it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni.
Hija tapplika għal reċipjenti manifatturati f’serje, bħal kwalunkwe reċipjent iwweldjat soġġett għal pressjoni tal-gejġ intern akbar minn 0.5 bar, li huwa intiż biex iżomm l-arja jew in-nitroġenu u li mhux maħsub biex jinħaraq, kif ukoll għall-partijiet u l-assemblaġġi li jikkontribwixxu għas-saħħa tar-reċipjent taħt pressjoni magħmula minn ċerti kwalitajiet ta’ azzar jew aluminju.
Hija ma tapplikax għal: (i) reċipjenti li huma speċifikament iddisinjati għal użu nukleari; (ii) reċipjenti installati fuq vapuri u inġenji tal-ajru; (iii) apparat għat-tifi tan-nar.
PUNTI EWLENIN
Id-direttiva tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-manifatturi, tal-importaturi u tad-distributuri ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni.
Il-biċċa l-kbira tar-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jkollhom il-marka ta’ konformità CE sabiex juru li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà essenzjali kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-manifattur għandu jwettaq valutazzjoni tal-konformità u jistabbilixxi dokumentazzjoni teknika ddettaljata għar-reċipjenti tiegħu.
L-importaturi għandhom jivverifikaw jekk il-manifatturi wettqux il-valutazzjonijiet tal-konformità b’mod korrett u jinformaw lill-awtorità li timmonitorja s-sigurtà jekk huma jkunu tal-fehma li r-reċipjent mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tas-sigurtà essenzjali.
Id-dokumentazzjoni meħtieġa kollha għandha tiġi rreġistrata u għandha tinżamm għal 10 snin.
L-istruzzjonijiet u t-tagħrif dwar is-sigurtà għandhom jinkitbu b’lingwaġġ li jinftiehem faċilment mill-utenti finali.
Il-manifatturi u l-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trejdmark irreġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn jistgħu jiġu kkuntattjati dwar ir-reċipjenti tagħhom.
Id-direttiva tispeċifika x’għandhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq sabiex jidentifikaw il-prodotti mhux konformi u jipprevjenu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ tali prodotti fis-suq tal-UE.
META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Tidħol fis-seħħ fit-18 ta' April 2014 u tapplika mill-20 ta' April 2016. Tirrevoka d-Direttiva 2009/105/KE b'effett mill-20 ta' April 2016.
SFOND
Id-Direttiva taġġorna r-regoli eżistenti tal-UE dwar it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni. Din hija parti mill-isforz sabiex tiġi mmodernizzata il-liġi Ewropea f’firxa wiesgħa ta’ setturi industrijali bil-għan li jiġu ssimplifikati r-regoli, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġu stabbiliti regoli aktar ċari u konsistenti.
Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Reċipjenti sempliċi taħt pressjoni.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Direttiva 2014/29/UE |
18.4.2014. L-Artikoli 1, 3, 4 u 5 u l-Annessi I u III japplikaw mill-20.4.2016 |
19.4.2016 |
l-aħħar aġġornament 17.02.2015