Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Adrijatiku u tal-Baħar Jonju

Fir-Reġjun tal-Baħar Adrijatiku u tal-Baħar Jonju joqogħdu iktar minn 70 miljun persuna. L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea (UE) proposta għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (EUSAIR) tfittex li tibni fuq il-kooperazzjoni li diġà teżisti bejn it-tmien pajjiżi tiegħu - erba’ pajjiżi tal-UE (il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja u s-Slovenja) u erba’ pajjiżi mhux tal-UE (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja) - li diġà għandhom storja u ġeografija komuni.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-Istraġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (COM(2014) 357 final tas-17.6.2014)

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din tistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-potenzjal għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fir-reġjun tal-Adrijatiku u l-Jonju.
  • Hija tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jaħdmu flimkien fuq il-koordinazzjoni politika u l-kooperazzjoni territorjali.
  • Tfittex li tippromwovi l-attrattività tar-reġjun, il-kompetittività u l-konnettività, filwaqt li tħares l-ambjent tiegħu u tiżgura ekosistemi tal-baħar u tal-kosta sani u bilanċjati.

PUNTI EWLENIN

Sfidi komuni

Storikament, ir-reġjun iffaċċja ċirkostanzi ekonomiċi u politiċi diffiċli, kif ukoll kunflitt. L-isfidi fil-fatt jinkludu:

  • inugwaljanzi soċjoekonomiċi kuntrastanti bejn il-pajjiżi u r-reġjuni;
  • infrastruttura tat-trasport dgħajfa u diffikultà ta’ aċċessibbiltà;
  • interkonnessjoni mhux adegwata tan-netwerks tal-elettriku u investiment baxx fin-netwerks tal-gass;
  • l-użu akbar mill-bnedmin ta’ theddida għall-ekosistemi tal-baħar u kostali (eż. pressjoni tat-turiżmu fuq l-infrastruttura tal-ilma mormi);
  • perikli naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u r-riskji li ġġib magħha l-bidla fil-klima (eż. nirien fil-foresti iktar frekwenti);
  • il-ħtieġa għall-bini tal-kapaċità (jiġifieri l-iżvilupp ta’ ħiliet, kapaċitajiet, proċessi, eċċ.) fl-amministrazzjonijiet u l-korpi nazzjonali, reġjonali u lokali.

Pjan ta’ Azzjoni

L-istrateġija hija akkumpanjata minn Pjan ta’ Azzjoni. Dan jespandi d-dimensjoni marittima biex tinkludi l-art interna tar-reġjun u huwa strutturat madwar erba’ pilastri indipendenti:

  • 1.

    Tkabbir Blu: biex tingħata spinta lit-tkabbir marittimu u tal-baħar innovattiv bil-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli, impjiegi u opportunitajiet ta’ negozju fl-ekonomija blu, inkluż is-sajd u l-akkwakultura (jiġifieri t-trobbija tal-ħut).

  • 2.

    Nikkollegaw ir-reġjun: it-titjib tal-konnettività tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija:

  • 3.

    Kwalità ambjentali: kooperazzjoni biex jingħata kontribut għall-istatus ambjentali tajjeb tal-ekosistemi kostali u tal-baħar; biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar, jiġi mtaffi u kkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija (jiġifieri. t-telf ta’ riżorsi tal-ħamrija minħabba li l-art titgħatta għall-akkomodazzjoni, toroq jew xogħlijiet oħra ta’ kostruzzjoni), it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi.

  • 4.

    Turiżmu sostenibbli: l-iżvilupp tal-potenzjal tar-reġjun f’termini ta’ turiżmu ta’ kwalità innovattiv, sostenibbli u responsabbli permezz tad-diversifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tat-turiżmu, flimkien mal-indirizzar tal-istaġjonalità.

Il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima (tnaqqis tar-riskji tal-bidla fil-klima għall-ħajja tal-bniedem u l-proprjetà) u l-adattament, kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, huma wkoll inkorporati fi ħdan kull wieħed minn dawn il-pilastri.

Barra minn hekk, huma identifikati żewġ aspetti trażversali:

  • il-bini tal-kapaċitajiet, inkluża l-komunikazzjoni, għall-implimentazzjoni effiċjenti u biex titqajjem kuxjenza pubblika u appoġġ;
  • ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tingħata spinta lill-impjeg ta’ ħiliet għoljin, it-tkabbir u l-kompetittività. Kooperazzjoni fi ħdan netwerks transnazzjonali tista’ ġġib magħha ideat għas-swieq, u tgħin biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda.

SFOND

Filwaqt li bniet fuq l-esperjenza miksuba mill-Istrateġiji tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u għar-Reġjun tad-Danubju, il-Kummissjoni Ewropea adottat din il-komunikazzjoni, li hija akkumpanjata minn Pjan ta’ Azzjoni. L-Istrateġija tinkorpora l-Istrateġija Marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2012.

Għal aktar informazzjoni, ara:

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju (COM(2012) 713 final tat-30.11.2012).

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-Istraġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (COM(2014) 190 final tas-17.6.2014).

l-aħħar aġġornament 30.06.2015

Top