EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Frar 2016.
Salutas Pharma GmbH vs Hauptzollamt Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 3004 – Pilloli effervexxenti li għandhom 500 mg ta’ kalċju – Livell ta’ sustanza f’doża ta’ kuljum irrakkomandata ogħla sewwa mill-konċessjoni ta’ kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali.
Kawża C-124/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:87

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 3004 — Pilloli effervexxenti li għandhom 500 mg ta’ kalċju — Livell ta’ sustanza f’doża ta’ kuljum irrakkomandata ogħla sewwa mill-konċessjoni ta’ kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali”

Fil-Kawża C‑124/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Salutas Pharma GmbH

vs

Hauptzollamt Hannover,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Salutas Pharma GmbH, minn M. Niestedt u K. Göcke, avukat,

għall-Hauptzollamt Hannover, minn T. Röper, bħala aġent,

għall-gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u A. M. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas‑27 ta’ Settembru 2011 (ĠU L 282, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Salutas Pharma GmbH (iktar ’il quddiem “Salutas Pharma”), kumpannija ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi, u l-Hauptzollamt Hannover (uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hannover, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju doganali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ pilloli effervexxenti li għandhom bħala denominazzjoni kummerċjali “Calcium-Sandoz Forte 500 mg”.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), ġie istitwit mill-Konvenzjoni li twaqqaf l-imsemmi Kunsill, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet żviluppata mill-ODD u mwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, bil-Protokoll ta’ emenda tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistika jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċi numeriċi relattivi tagħha, u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA u n-noti kollha tas-sezzjoni, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

L-ODD għandha tapprova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

6

L-intestatura 21.06 tas-SA ssemmi “[p]reparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.

7

In-nota ta’ spjega dwar din l-intestatura tipprevedi:

8

L-intestatura 30.04 tas-SA hija fformulata kif ġej:

9

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 30.04 tas-SA tipprevedi li l-imsemmija intestatura “ma tkoprix is-supplimenti tal-ikel li jinkludu vitamini jew melħ minerali li huma intiżi li jżommu lill-ġisem b’saħħtu, iżda li ma għandhomx indikazzjonijiet relatati mal-prevenzjoni jew mal-kura ta’ marda. Dawn il-prodotti, li normalment huma ppreżentati f’forma likwida, iżda li jistgħu jiġu ppreżentati wkoll f’forma ta’ trab jew ta’ pillola, ġeneralment jaqgħu taħt in-Nru 21.06 jew taħt il-Kapitolu 22”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

10

In-NM hija bbażata fuq is-SA li minnha tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri, u s-seba’ u t-tmien figura biss jifformaw sottotitoli li huma speċifiċi għaliha.

11

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazju doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12

L-intestaturi 2106 u 3004 tan-NM jirriproduċu l-formulazzjoni tal-intestaturi 21.06 u 30.04 tas-SA.

13

Is-subintestatura 3004 90 00 tan-NM hija intitolata “Oħrajn”.

14

In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM tinqara kif ġej:

15

In-nota ta’ spjega dwar in-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM, li tidher fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Noti ta’ spjegazzjoni għan-nomenklatura magħquda tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 30 tan-NM”), tipprevedi, fil-punt 3 tagħha:

16

Mill-imsemmi punt 3 jirriżulta wkoll li l-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata tal-kalċju hija ta’ 800 mg.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fit‑2 ta’ Mejju 2012, Salutas Pharma talbet il-ħruġ ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti, għall-pilloli bl-isem “Calcium-Sandoz Forte 500 mg”. Hija pproponiet li dan il-prodott ikun ikklassifikat fis-subintestatura 3004 90 00 tan-NM.

18

Il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preparazzjoni li l-komponent essenzjali tiegħu huwa l-kalċju, intiż li jiġi inġerit wara li jkun inħall fl-ilma. Kull pillola tinkludi 500 mg ta’ kalċju. Informazzjoni dwar dan il-prodott, b’mod partikolari dwar id-doża tiegħu, l-użu tiegħu u s-sustanza attiva tiegħu tidher fuq il-kaxxa tiegħu u fuq l-istruzzjonijiet. Id-doża rrakkomandata hija, għall-adulti, bejn pillola effervexxenti waħda u tlieta, jiġifieri bejn 500 mg sa 1500 mg ta’ kalċju kuljum u, għat-tfal, bejn pillola effervexxenti waħda u tnejn, jiġifieri bejn 500 mg u 1000 mg ta’ kalċju kuljum. L-imsemmija istruzzjonijiet jindikaw li l-pilloli effervexxenti jintużaw għall-prevenzjoni u t-trattament tan-nuqqas tal-kalċju jew assoċjati mat-trattamenti speċifiċi għall-prevenzjoni u għat-trattament tal-osteoporożi. Salutas Pharma tikkummerċjalizza dawn il-pilloli effervexxenti esklużivament fil-farmaċiji.

19

L-uffiċċju doganali kklassifika l-imsemmi prodott, billi ħareġ informazzjoni tariffarja vinkolanti fit‑8 ta’ Ottubru 2012, fis-subintestatura 2106 90 92 tan-NM għar-raġuni li l-istess prodott ma jaqax taħt l-intestatura 3004 tan-NM peress li d-doża tiegħu ma tikkorrispondix għal livell ta’ konsum ta’ kalċju ogħla sewwa mill-konċessjoni rrakkomandata kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali.

20

Wara rikors ta’ Salutas Pharma, imressaq fis‑26 ta’ Ottubru 2012, l-uffiċċju doganali kkonferma, fit‑13 ta’ Jannar 2014, id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 2106 tan-NM billi qies li l-kundizzjoni fin-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM ma kinitx issodisfatta peress li l-kontenut ta’ kalċju fid-doża massima rrakkomandata kuljum tal-prodott inkwistjoni ma kienx it-triplu tal-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata għall-kalċju.

21

Fis‑17 ta’ Frar 2014, Salutas Pharma ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2014, billi qieset li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM ma hijiex valida peress li hija temenda l-kontenut tal-intestatura tariffarja 3004 tan-NM. Sussidjarjament, Salutas Pharma rrilevat li din in-nota addizzjonali ma teżiġix li l-kontenut ta’ kalċju fid-doża rrakkomandata kuljum tal-prodott inkwistjoni għandu bilfors ikun it-triplu tal-konċessjoni ta’ kuljum meħtieġa, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li doża ta’ kuljum ta’ 2400 mg ta’ kalċju, li hija triplu tal-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata, taqbeż il-limitu kritiku għas-saħħa.

22

L-uffiċċju doganali ssuġġerixxa li l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud, għar-raġuni li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM hija vinkolanti u li huwa possibbli li jiġi kkonsmat sa 2500 mg ta’ kalċju kuljum mingħajr effetti negattivi għas-saħħa, b’mod illi l-kontenut ta’ kalċju fid-doża massima rrakkomandata kuljum tal-pilloli effervexxenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri 1500 mg, ma jistax jitqies li huwa “ogħla sewwa”, fis-sens ta’ din in-nota addizzjonali.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-imsemmija pilloli jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti mill-punti a) sa d) tal-ewwel paragrafu tan-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM u li, b’hekk, il-klassifikazzjoni tagħhom tiddependi, minn naħa, mill-interpretazzjoni tal-kliem “ogħla sewwa” li jidhru fit-tielet paragrafu ta’ din in-nota addizzjonali u, min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni tan-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 30 tan-NM.

24

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li din in-nota ta’ spjega tidher li teżiġi li, sabiex preparazzjoni, bħall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt dan il-kapitolu bħala “preparazzjonijiet ta’ vitamini jew minerali”, il-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali ta’ din il-preparazzjoni jkun ħafna ogħla, ġeneralment mill-inqas tliet darbiet ogħla, mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata. B’hekk, peress li l-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata ta’ kalċju hija ta’ 800 mg, l-kontenut ta’ kalċju fid-doża rrakkomandata kuljum ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti li jiġi kklassifikat fl-intestatura 3004 tan-NM għandu jkun ta’ 2400 mg. Issa, għall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-ammont huwa ta’ 1500 mg kuljum.

25

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li dan il-kontenut tal-aħħar huwa ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata ta’ kalċju b’iktar minn 85 %. Hija inklinata wkoll tqis li tali kontenut jista’ jiġi kklassifikat bħala “ogħla sewwa”, fis-sens tan-nota addizzjonali 1 tal-imsemmi Kapitolu 30, minkejja li ma huwiex tliet darbiet ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata. Hija tqis ukoll li n-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 30 tan-NM donnha tirreferi, bl-użu tal-kelma “ġeneralment”, għal xi eċċezzjonijiet possibbli. Konsegwentement, skont din il-qorti, ma jistax jiġi eskluż li, għall-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura 3004 tan-NM, kontenut f’dan il-prodott ta’ vitamini jew ta’ minerali inqas mit-triplu tal-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata jista’ eċċezzjonalment ikun biżżejjed.

26

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tasserixxi li ma jeżistux, fis-suq, preparazzjonijiet orali li għandhom ammont ta’ kalċju tliet darbiet ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata u li ma jistax jitqies li, b’mod ġenerali, l-amministrazzjoni ta’ doża ta’ kuljum ta’ 2400 mg ta’ kalċju ma hijiex ta’ ħsara għas-saħħa.

27

Madankollu, l-istess qorti tosserva li, minkejja li diversi elementi jiffavorixxu interpretazzjoni li n-natura “ogħla sewwa” tal-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni differenti skont it-tip ta’ vitamina jew ta’ minerali, rekwiżiti prattiki ta’ amministrazzjoni tajba jistgħu jeżiġu li jkun stabbilit limitu ċar u li jista’ jiġi vverifikat faċilment ta’ dan il-kontenut. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti, dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu differenzjati skont il-prattika normali prevalenti fis-suq inkwistjoni jew skont l-użu medikali tagħhom.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

Fuq id-domanda preliminari

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifika tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara s-sentenzi Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; Vario Tek, C‑178/14, EU:C:2015:152, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll Amazon EU, C‑58/14, EU:C:2015:385, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’hekk, in-noti tal-kapitolu tan-NM jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi utli għall-interpretazzjoni tagħhom. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom (ara s-sentenza X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, EU:C:2011:720, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni, u f’dak li jirrigwarda s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti ta’ liġi (ara s-sentenza Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa prodott ibbażat fuq minerali, ippakkjat għall-bejgħ bl-imnut. Il-konċentrazzjoni tas-sustanza attiva, id-doża, il-mod ta’ amministrazzjoni, kif ukoll il-mard, l-uġigħ jew is-sintomi tagħhom li dan il-prodott għandu jintuża għalihom, huma indikati fuq il-kaxxa jew fuq l-istruzzjonijiet tiegħu. B’hekk, dan il-prodott jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti a) sa d) tal-ewwel paragrafu tan-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM.

33

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux biss fuq il-punt dwar jekk il-kontenut ta’ kalċju fid-doża ta’ kuljum irrakkomandata tal-prodott inkwistjoni hijiex “ogħla sewwa mill-konċessjoni irrikmandata kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali”, fis-sens ta’ din in-nota addizzjonali.

34

In-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 30 tan-NM hija intiża li tiċċara dan il-kriterju billi tipprevedi li dan ikopri d-doża ta’ kuljum irrakkomandata li l-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali tagħha huwa “ħafna ogħla [...], ġeneralment għallinqas tliet darbiet aktar mill-konċessjoni ta’ kuljum rakkomandata”.

35

Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-imsemmija nota ta’ spjega, li, bħalma ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ma għandhiex saħħa vinkolanti ta’ liġi, tipprevedi li prodott, li l-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali tiegħu fid-doża ta’ kuljum irrakkomandata huwa tliet darbiet ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata, jaqa’ taħt l-imsemmi kapitolu fis-sitwazzjoni meta l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha jkunu wkoll issodisfatti. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-użu tal-kelma “ġeneralment” li tidher fl-istess nota, din ma teskludix prodotti mill-istess kapitolu minħabba l-fatt biss li l-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali fid-doża ta’ kuljum irrakkomandata tagħhom ma hijiex tliet darbiet ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata.

36

Konsegwentement, in-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 30 tan-NM ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-kontenut ta’ vitamini jew ta’ minerali fid-doża ta’ kuljum irrakkomandata tal-prodotti magħmula minn dawn is-sustanzi għandu bilfors ikun tliet darbiet ogħla mid-doża ta’ kuljum irrakkomandata sabiex tippermetti l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-intestatura 3004 tan-NM.

37

Fil-fatt, meta l-kontenut ta’ vitamini, ta’ minerali, ta’ amminoaċidi essenzjali, u ta’ aċidi xaħmin tad-doża ta’ kuljum irrakkomandata ta’ prodott li għandu l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura 3004 tan-NM huwa ogħla sewwa minn dak li huwa meħtieġ jew irrakkomandat għall-ikel ġenerali, huwa għandu jiġi kklassifikat taħt din l-intestatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glob-Sped, C‑328/97, EU:C:1998:601, punt 28).

38

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fl-ewwel lok, li l-kontenut ta’ kalċju fid-doża ta’ kuljum irrakkomandata ta’ dan il-prodott, jiġifieri sa massimu ta’ 1500 mg, huwa ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata ta’ kalċju meħtieġa biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali b’iktar minn 85 % u, fit-tieni lok, li l-konsum regolari ta’ dożi li l-kontenut ta’ kalċju tagħhom huwa tliet darbiet ogħla mill-konċessjoni ta’ kuljum irrakkomandata ta’ kalċju jista’ jkun ta’ ħsara għas-saħħa.

39

F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut ta’ kalċju fid-doża massima rrakkomandata kuljum ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ogħla sewwa minn dak li huwa meħtieġ jew irrakkomandat għall-ikel ġenerali. Sa fejn tali prodott jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet previsti mill-punti a) sa d) tal-ewwel paragrafu tan-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM, dan jaqa’ taħt l-intestatura 3004 tan-NM.

40

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott, bħall-pilloli effervexxenti li għandhom kontenut ta’ kalċju ta’ 500 mg kull pillola, użati għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ nuqqas ta’ kalċju jew relatati ma’ trattamenti speċifiċi għall-prevenzjoni u għat-trattament tal-osteoporożi u li d-doża massima ta’ kuljum li hija rrakkomandata għall-adulti indikata fuq it-tikketta hija ta’ 1500 mg, jaqa’ taħt l-intestatura 3004 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas‑27 ta’ Settembru 2011, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott, bħall-pilloli effervexxenti li għandhom kontenut ta’ kalċju ta’ 500 mg kull pillola, użati għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ nuqqas ta’ kalċju jew relatati ma’ trattamenti speċifiċi għall-prevenzjoni u għat-trattament tal-osteoporożi u li d-doża massima ta’ kuljum li hija rrakkomandata għall-adulti indikata fuq it-tikketta hija ta’ 1500 mg, jaqa’ taħt l-intestatura 3004 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top