EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0137

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 27 ta' Ġunju 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE - Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali - Direttiva 98/84/KE - Bażi legali - Artikolu 207 TFUE - Politika kummerċjali komuni - Artikolu 114 TFUE - Suq intern.
Kawża C-137/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:441

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fi 27 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )

Kawża C‑137/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE — Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali — Għażla tal-bażi legali korretta — Politika kummerċjali komuni (Artikolu 207(4) TFUE) — Suq intern (Artikolu 114 TFUE) — Kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni [Artikoli 2(1) TFUE u 3(1) u (2) TFUE)]”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni tal-portata tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-azzjoni esterna ma hijiex biss ta’ portata prattika kunsiderevoli, imma għandha sinjifikat kostituzzjonali ( 2 ). Għalhekk, ma hijiex sorpriża li din il-problema ħafna drabi tagħti lok għal tilwim legali.

2.

Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk l-Unjoni Ewropea hijiex meħtieġa li tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-fornituri ta’ ċerti servizzi awdjoviżivi u ċerti servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni fi ħdan il-qafas tal-politika kummerċjali komuni tagħha jew bħala parti mill-politika tagħha dwar is-suq intern. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu delimitati b’mod korrett l-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 207 TFUE u 114 TFUE. Barra minn hekk, hija għandha tiddeċiedi jekk il-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi dan il-ftehim kinitx esklużiva fis-sens tal-Artikolu 2(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 3 TFUE, jiġifieri jekk l-Unjoni kinitx awtorizzata li tikkonkludi l-ftehim waħedha jew inkella biss flimkien mal-Istati Membri bħala ftehim imħallat.

3.

Dawn il-kwistjonijiet jinqalgħu b’rabta mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi ibbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali ( 3 ) (iktar ’il quddiem ukoll il-“Konvenzjoni”), li hija maħsuba biex tipproteġi servizzi awdjoviżwali u servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni li jingħataw bi ħlas u li huma bbażati fuq aċċess kundizzjonali (bħal xandiriet ikkodifikati tat-televiżjoni bi ħlas) minn aċċess illegali.

4.

Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar ta’ din il-Konvenzjoni bid-Deċiżjoni 2011/853/UE ( 4 ) (iktar ’il quddiem ukoll id-“deċiżjoni kkontestata”). Filwaqt li l-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Konvenzjoni kellha tiġi konkluża mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 207 TFUE u fi ħdan il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 114 TFUE ( 5 ) u qies li dan għandu jkun ftehim imħallat li għandu jiġi ffirmat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ( 6 ).

5.

Il-kwistjoni dwar liema waħda minn dawn l-opinjonijiet hija preferibbli tiddependi mhux l-inqas fuq jekk u sa liema punt il-Konvenzjoni inkwistjoni tikkoinċidi mad-Direttiva 98/84/KE ( 7 ) (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva”), li tinkludi regoli li japplikaw fi ħdan l-Unjoni dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali.

6.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja se tistabbilixxi r-raġunijiet għad-delimitazzjoni tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, din tista’ tagħmel kontribut importanti għall-iżvilupp ulterjuri tad-“duttrina ERTA” ( 8 ) b’rabta mal-attwali Artikoli 3(2) TFUE u 216(1) TFUE.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.

It-Titolu I (“Kategoriji u Oqsma ta’ Kompetenza tal-Unjoni”) tal-Ewwel Parti tat-TFUE (“Prinċipji”) jinkludi l-Artikolu 3 TFUE, li jinkludi d-dispożizzjoni li ġejja:

“(1)   L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

?…?

(e)

il-politika kummerċjali komuni.

(2)   L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġi[ż]lattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.”

8.

It-Titolu 1 (“Is-Suq Intern”) tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, jinkludi l-Artikolu 26 TFUE bħala dispożizzjoni introduttiva, il-paragrafu 1 tiegħu jistipula kif ġej:

“L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.”

9.

Il-Tielet Parti Tlieta tat-Trattat FUE tinkludi wkoll, fit-Titolu VII tagħha, il-Kapitolu 3 bit-titolu “Approssimazzjoni ta’ Liġijiet”. L-Artikolu 114 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 100a tat-Trattat KE), il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispo[ż]izzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”

10.

Fl-aħħar nett, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 216(1) TFUE, li jinsab fil-Titolu V (“Ftehim Internazzjonali”) tal-Ħames Parti tat-TFUE (“L-Azzjoni Esterna tal-Unjoni”), u li jistipula:

“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

11.

Is-“servizzi ibbażati fuq aċċess k[u]ndizzjonali” li l-protezzjoni tagħhom hija inkwistjoni fil-kawża preżenti, huma essenzjalment ix-xandir bit-televiżjoni, ix-xandir bir-radju u servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni li ma humiex disponibbli b’xejn jew free-to-air. Sabiex tali servizzi jiġu protetti minn aċċess illegali, jiġu użati miżuri u arranġamenti tekniċi, li jippermettu “aċċess kundizzjonali”, pereżempju permezz ta’ xandiriet ikkodifikati u billi jiġi pprovdut apparat ta’ dekodifikazzjoni jew passwords, bi ħlas, biex wieħed jirċievihom.

12.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali hija ftehim internazzjonali li ġiet innegozjata iktar minn għaxar snin ilu fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa bil-parteċipazzjoni ta’ dik li kienet il-Komunità Ewropea.

13.

Il-Konvenzjoni kienet eventwalment approvata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-6 ta’ Ottubru 2000. Din ġiet suġġetta għall-iffirmar fl-24 ta’ Jannar 2001 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003.

14.

Fil-preżent, ħames Stati Membri tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni: ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Rumanija. Il-Kroazja, li se tissieħeb mal-Unjoni dalwaqt – fl-1 ta’ Lulju 2013 – ukoll diġà rratifikat il-Konvenzjoni. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ffirma, imma sa issa għadu ma rratifikax il-Konvenzjoni.

15.

Fl-2008, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li r-ratifika tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea kienet mixtieqa “għax tippermetti li jingħata impetu ġdid għall-azzjoni internazzjonali” fost il-membri tal-Kunsill tal-Ewropa; il-Konvenzjoni għandha “potenzjal kunsiderevoli biex testendi internazzjonalment il-protezzjoni ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali , lil hinn mit-territorju tal-Unjoni Ewropea” ( 9 ).

16.

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għamlet proposti lill-Kunsill dwar l-iffirmar ( 10 ) u l-konklużjoni ( 11 ) tal-Konvenzjoni, u bbażat iż-żewġ proposti fuq l-Artikolu 207(4) TFUE.

17.

Wara dan, fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/853, issa kkontestata, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni. Imma differenti mill-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma bbażax id-deċiżjoni fuq l-Artikolu 207(4) TFUE, imma fuq l-Artikolu 114 TFUE. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, il-Kunsill qies barra minn hekk li l-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri tagħha ( 12 ) u għalhekk ikollha n-natura ta’ ftehim imħallat.

18.

Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni li taħt l-Artikolu 3(2) TFUE kellha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni u li l-Artikolu 207 TFUE kien il-bażi legali korretta. Hija esprimiet l-opinjoni legali tagħha f’dan ir-rigward fi stqarrija li ddaħħlet fil-minuti tal-Kunsill u rriżervat id-drittijiet kollha ( 13 ).

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

B’att tat-12 ta’ Marzu 2012 ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263(2) TFUE.

20.

B’digriet tas-6 ta’ Awwissu 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lill-Parlament Ewropew biex jintervjeni insostenn tal-Kummissjoni, u awtorizza lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jintervjenu insostenn tal-Kunsill.

21.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE tal-29 ta’ Novembru 2011; u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

22.

Bl-istess mod, il-Kunsill, sostnut ukoll mill-intervenjenti tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ( 14 ).

23.

Ir-rikors tal-Kummissjoni wassal għal proċedura bil-miktub kif ukoll għal seduta, li saret fis-30 ta’ April 2013, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ).

V – Id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 98/84 u tal-Konvenzjoni

24.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 98/84 u tal-Konvenzjoni jipperemettu li tinftiehem din il-kawża.

A – Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/84

25.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/84, li għandu bħala titolu “Kamp [ta’ applikazzjoni]”, jiddefinixxi l-għan ta’ dik id-direttiva bħala li “jqarreb id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri kontra apparat illeċitu li jagħti aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti”.

26.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/84 jinkludi numru ta’ definizzjonijiet. Għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva:

“(a)

servizz protett għandu jfisser kwalunkwe mis-servizzi li ġejjin, meta pprovduti bi ħlas u fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali:

xandir bit-televiżjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE,

xandir bir-radju, jfisser kwalunkwe trasmissjoni permezz ta’ fili jew fl-ajru, inkluż bis-satellita, ta’ programmi tar-radju intiżi għar-riċeviment mill-pubbliku,

servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-dispożizzjoni ta’ l-informazzjoni fil-kamp ta’ standards tekniċi u regolamenti u ta’ regoli dwar is-serviżżi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni

jew il-dispożizzjoni ta’ aċċess kondizzjonali għas-servizzi hawn fuq imsemmija kkunsidrati bħala servizz fih innifsu;

(b)

aċċess kondizzjonali għandha tfisser kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li permezz tiegħu aċċess għas-servizz protett f’forma konkreta hu magħmul kondizzjonali fuq l-awtorizzazzjoni individwali magħmula minn qabel;

?…?

(e)

apparat illeċitu għandu ifisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz;

?…?”

27.

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84, bit-titolu “Attivitajiet kontra l-liġi”:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu fuq ir-territorju tagħhom l-attivitajiet segwenti kollha:

(a)

il-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, l-bejgħ, il-kera jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(b)

l-istallazzjoni, il-manteniment jew ir-rimpjazzament għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(ċ)

l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali biex ikunu promossi apparat illeċitu.”

28.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/84 bit-titolu “Sanzjonijiet u rimedji”, jistipula kif ġej:

“1)   Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, disswa[ż]ivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali tal-attività li tikser il-liġi.

2)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw ruħhom li dawk li jipprovdu s-servizzi protetti li l-interessi tagħhom huma [a]fettwati minn attività li tkun tikser il-liġi kif speċifikat fl-Artikolu 4, mwettqa fuq it-territorju tagħhom, għandhom aċċess għal rimedji proporzjonati, kif ukoll li tkun miġuba azzjoni għad-danni u l-kisba ta’ mandat ta’ sekwestru jew miżura oħra preventiva, u meta proporzjonat, l-applikazzjoni għad-disponiment barra kanali kummerċjali ta’ apparat illeċitu.”

B – Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali

29.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, li jifforma parti mis-Sezzjoni I, bit-titolu “Dispożizzjonijiet Ġenerali” jiddeskrivi s-suġġett u l-għan tal-Konvenzjoni b’dan il-mod:

“Din il-Konvenzjoni tirrigwarda s-servizzi tax-xandir u tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti bi ħlas u ibbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali. L-iskop ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tagħmel illegali fit-territorju tal-Partijiet għadd ta’ attivitajiet li jippermettu aċċess mhux awtorizzat ghal servizzi protetti, u li tqarreb kemm jista’ jkun il-liġijiet tal-Partijiet f’dan il-qasam.”

30.

Is-Sezzjoni II bit-titolu “Attivitajiet illegali”, jinkludi l-Artikolu 4 li jelenka l-“Ksur”, li huma essenzjalment, l-istess bħall-attivitajiet kontra l-liġi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84.

31.

Barra minn hekk, is-Sezzjoni III tal-Konvenzjoni, li hija intitolata “Pieni u rimedji”, tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“L-Artikolu 5

Pieni kontra l-attivitajiet illegali

Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri sabiex attivitajiet illegali msemmija fl-Artikolu 4 hawn fuq [i]kunu imposti fuqhom pieni ta’ natura kriminali, amministrattiva jew pieni oħra. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali tal-attività illegali.

L-Artikolu 6

Miżuri ta’ Konfiska

Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jippermettu s-sekwestru u l-konfiska tal-apparat illeċitu jew tal-materjal ta’ promozzjoni, marketing jew reklamar użat biex jitwettaq reat, kif ukoll il-konfiska tal-profitti u l-qligħ finanzjarju kollu li jirriżulta minn din l-attività illegali.

L-Artikolu 7

Proċeduri ċivili

Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu li l-fornituri ta’ servizzi protetti li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn xi attività illegali stabbilita fl-Artikolu 4 hawn fuq ikollhom aċċess għar-rimedji xierqa, inkluż is-setgħa li jieħdu azzjoni għad-danni u jiksbu mandat jew xi miżura oħra preventiva, kif ukoll jekk ikun il-każ, japplikaw għat-tneħħija ta’ apparat illeċiti mill-kummerċ.”

32.

Is-Sezzjoni IV tal-Konvenzjoni, li hija intitolata “Implimentazzjoni u emendi”, tinkludi s-segwenti Artikolu 8 dwar “Kooperazzjoni internazzjonali”:

“Il-Partijiet jaqblu li jagħtu għajnuna lil xulxin sabiex jimplimentaw din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet se jipprovdu lil xulxin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali rilevanti dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali jew amministrattiv u skont id-dritt domestiku tagħhom, l-iktar miżuri wiegħsa ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali relatati ma’ reati kriminali jew amministrattivi stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.”

33.

Fl-aħħar nett, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni, li huwa wkoll parti mis-Sezzjoni IV “Implimentazzjoni u emendi” u li jipprovdi s-segwenti rigward “Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet u l-[ftehim] l-oħrajn”:

“Fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet li huma [m]embri tal-Komunità Ewropea għandhom japplikaw ir-regoli tal-Komunità u ma għandhomx għalhekk japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni għajr jekk ma teżistix l-ebda regola Komunitarja li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

VI – Evalwazzjoni ġuridika

34.

Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija llegali f’żewġ aspetti. L-ewwel nett, fil-fehma tagħha, il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni fuq bażi legali żbaljata (l-ewwel motiv, ara immedjatament taħt, Sezzjoni A). It-tieni nett, hija targumenta li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni, irrispettivament liema miż-żewġ bażi legali inkwistjoni hija dik korretta (it-tieni motiv, ara hawn taħt Sezzjoni B). Hija tippeżumi li permezz tal-azzjoni tiegħu l-Kunsill kellu l-ħsieb li joħloq artifiċjalment ftehim imħallat sabiex jippermetti li l-Istati Membri jkollhom preżenza internazzjonali flimkien mal-Unjoni Ewropea.

A – L-għażla tal-bażi legali korretta għad-deċiżjoni kkontestata (l-ewwel motiv)

35.

Bl-ewwel motiv, qiegħed jiġi allegat li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tal-Kummissjoni u tal-Parlament, il-kompetenza għall-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni Ewropea toriġina mill-Artikolu 207 TFUE u mhux mill-Artikolu 114 TFUE, kif isostnu l-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu.

36.

Il-partijiet jinsabu f’tilwima biss dwar l-għażla tal-bażi legali sostantiva għall-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni. Mill-banda l-oħra, huwa paċifiku bejniethom, li minn perspettiva proċedurali l-Artikolu 218(5) TFUE huwa applikabbli, kif ġie espress b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata ( 16 ).

37.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att ( 17 ).

38.

Essenzjalment id-deċiżjoni kkontestata għandha żewġ għanijiet: l-ewwel nett, ir-regoli applikabbli fi ħdan is-suq intern Ewropew dwar il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali, kif stabbilit bid-Direttiva 98/84, għandhom jiġu estiżi lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni ( 18 ). It-tieni nett, il-partijiet firmatarji huma mistennija wkoll, fi ħdan il-qafas tas-sanzjonijiet u r-rimedji rispettivi għal attivitajiet illegali, li jipprovdu dispożizzjoni għas-sekwestru u l-konfiska ta’ ċerti oġġetti (l-Artikoli 6 tal-Konvenzjoni) ( 19 ).

39.

Huwa paċifiku li, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni tal-partijiet għall-Konvenzjoni għandha tiġi armonizzata (l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni). Il-partijiet fil-kawża preżenti għandhom tilwima, madankollu, jekk dan ifissirx – mill-perspettiva tal-Unjoni – primarjament armonizzazzjoni bil-għan tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern Ewropew, u li għalhekk tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE (ara immedjatament hawn taħt, Sezzjoni 1), jew armonizzazzjoni li essenzjalment tikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali esterni ma’ pajjiżi terzi u li għalhekk għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207 TFUE (ara hawn taħt, Sezzjoni 2).

1. In-nuqqas ta’ adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali sostantiva

40.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-iffirmar tal-Konvenzjoni, bħala miżura għall-istabbiliment tas-suq intern, tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, kif il-Kunsill assuma fid-deċiżjoni kkontestata.

– L-ebda parallelliżmu strett bejn kompetenza interna u esterna

41.

Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 114 TFUE ma jistax ikun ir-regola korretta li tiddefinixxi l-kompetenza għall-iffirmar tal-Konvenzjoni għar-raġuni biss li l-Unjoni diġà adottat direttiva, jiġifieri d-Direttiva 98/84, internament fuq din il-bażi legali. Kuntrarjament għal dak li tidher li qed issostni l-Polonja, il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma għandhiex neċessarjament għalfejn ikollha l-istess bażi sostantiva bħall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jinkludi r-regoli interni tal-Unjoni dwar essenzjalment l-istess suġġett. It-Trattati ma jimponux tali paralleliżmu riġidu bejn il-bażi għal azzjoni interna u esterna.

42.

Pjuttost, fis-sistema stabbilita bit-Trattati ssir distinzjoni bejn il-kompetenza interna u esterna tal-Unjoni. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenza esterna hija ddefinita b’mod iktar ċar u organizzata b’mod sistamtika fit-Trattati, kif jidher, fost l-oħrajn, mid-dispożizzjonijiet il-ġodda inklużi fl-Artikoli 216(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) TFUE.

– L-Artikolu 114 TFUE ma huwiex bażi legali għall-azzjoni esterna

43.

L-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni tqajjem dubji fundamentali. Huwa veru li l-Artikolu 114(1) TFUE huwa redatt b’mod wiesgħa u, fit-tieni sentenza tiegħu, jippermetti f’termini ġenerali l-adozzjoni ta’ “miżuri”, li jistgħu teoretikament jinkludu l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Madankollu, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-għan tal-Artikolu 114 TFUE. Id-dispożizzjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 tat-TFUE u għalhekk għandha l-għan li tistabbilixxi u tiżgura l-funzjonament tas-suq intern. Hija maħsuba li tippermetti azzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill fi ħdan l-Unjoni ( 20 ). Dan huwa kkonfermat jekk nikkunsidraw l-pożizzjoni skematika tal-Artikolu 114 TFUE: id-dispożizzjoni tinsab fit-Tielet Parti tat-TFUE, li tittratta l-“Politika u Azzjonijiet Interni tal-Unjoni”, filwaqt li “l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni” hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċjali fil-Ħames Parti tat-TFUE.

44.

Għalhekk, l-Unjoni jista’ jkollha wkoll kompetenza esterna b’konnessjoni ma’ wħud mill-politiki interni tagħha, inkluż fejn din hija meħtieġa biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 TFUE u għalhekk għandha l-għan li tistabbilixxi u tiżgura l-funzjonament tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE. Madankollu, tali kompetenza esterna ma toriġinax mill-Artikoli 114 TFUE, kif il-Kunsill u l-intervenjenti insostenn tiegħu jidhru li jemmnu, imma mill-Artikolu 216(1) TFUE, li kkodifika ġurisprudenza preċedenti ( 21 ).

45.

Għalhekk, irid jingħad li fi kwalunkwe każ il-Kunsill żbalja fil-liġi meta uża l-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali sostantiva għall-iffirmar tal-Konvenzjoni, pjuttost milli – għall-inqas addizzjonalment – ibbaża fuq l-Artikolu 216(1) TFUE.

46.

Madankollu, dak l-iżball ta’ liġi jista’, minnu nnifsu, jitqies bħala żball purament formali li ma jkunx, bħala tali, jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ( 22 ). Għalhekk irid jiġi eżaminat xorta waħda jekk l-iffirmar tal-Konvenzjoni jistax jitqies sostantivament bħala miżura għall-istabbiliment tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 26(1) TFUE, kif qiegħed jinsistu l-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu.

– Il-Konvenzjoni ma tikkontribwixxix għall-armonizzazzjoni interna, iżda esterna

47.

Eżami superfiċjali jista’ effettivament joħloq l-impressjoni li l-Konvenzjoni tikkontribwixxi għall-approssimazzjoni interna tal-liġijiet fis-suq intern. Skont l-Artikolu 1, l-għan tal-Konvenzjoni huwa fost l-oħrajn li “tqarreb kemm jista’ jkun il-liġijiet tal-Partijiet”. Għalhekk il-Konvenzjoni tidher li hija mmirata għal miżuri li jittieħdu wkoll ħafna drabi internament fi ħdan l-Unjoni biex jiġi stabbilit u jkun żgurat il-funzjonament tas-suq intern.

48.

Madankollu, minn eżami iktar mill-qrib, l-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni mhux l-iktar għax tixtieq tistabbilixxi jew issaħħaħ is-suq intern tagħha fil-qasam tal-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali, imma għaliex tixtieq testendi l-leġiżlazzjoni diġà eżistenti f’dan il-qasam ġewwa l-UE lil hinn mill-fruntieri tas-suq intern għal pajjiżi terzi fejn il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali għadha sa issa ma hijiex kompluta ( 23 ). L-iffirmar tal-Konvenzjoni se jgħin espressament biex “tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet simili għal dawk fid-Direttiva 98/84/KE lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u biex tiġi stabbilita liġi dwar is-servizzi b’aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu” ( 24 ).

49.

Għalhekk l-enfasi huwa inqas fuq li jiġu stabbiliti regoli uniformi fis-suq intern Ewropew milli fuq li jsir tentattiv biex jiġi “esportat” l-acquis intern tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi. Fi kliem ieħor, l-iffirmar tal-Konvenzjoni ma jidhirx li huwa miżura ta’ “armonizzazzjoni interna” fi ħdan l-Unjoni, imma pjuttost kontribut għall-“armonizzazzjoni esterna” fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

– Il-klawżola ta’ skonnessjoni fl-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni

50.

Il-klawżola ta’ skonnessjoni stabbilita fl-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni ssaħħaħ din l-impressjoni. Skont din il-klawżola, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet li huma Membri tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx japplikaw il-Konvenzjoni, imma “r-regoli Komunitarji”.

51.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, tali klawżola ta’ skonnessjoni tista’ tabilħaqq tkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kompetenza biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali ( 25 ).

52.

Fil-każ preżenti, l-effett tal-klawżola ta’ skonnessjoni fl-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni huwa li l-maġġoranza tar-regoli tal-Konvenzjoni ma jkunux applikabbli internament fi ħdan l-Unjoni, għaliex diġà hemm “regoli Komunitarji” fid-Direttiva 98/84 li huma sostanzjalment simili għal dawk fil-Konvenzjoni ( 26 ). Dan huwa rikonoxxut minn Franza b’mod partikolari.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Unjoni ma tistax titqies, l-ewwel u qabel kollox, bħala miżura għall-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri tagħha fil-kuntest tas-suq intern Ewropew.

54.

Verament, l-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni jistipula li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu ma japplikawx ir-regoli li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni ħlief sa fejn ma jkun hemm l-ebda “regola Komunitarja” li tirregola is-suġġett partikolari kkonċernat. Madankollu, kif irrikonoxxa l-Kunsill, dan japplika biss għal “miżuri ta’ konfiska” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni (jiġifieri s-sekwestru u l-konfiska ta’ ċerti oġġetti) u għall-kooperazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni sa fejn din tikkonċerna tali miżuri ta’ konfiska fis-sens tal-Artikolu 6. Huwa biss dwar dawn l-aspetti li d-Direttiva 98/84 ma tinkludi ebda regoli speċifiċi.

55.

Konsegwentement, sa fejn jirrigwarda l-miżuri ta’ konfiska u l-kooperazzjoni relatata fost l-Istati Membri, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Unjoni indubjament se jkollha wkoll ċerti riperkussjonijiet fuq is-suq intern Ewropew u tissupplimenta jew tal-inqas tikkjarifika r-“regoli Komunitarji” li diġà japplikaw hemmhekk skont id-Direttiva 98/84.

56.

Madankollu, ikun diffiċli li jiġu sostnut li l-miżuri ta’ konfiska u l-kooperazzjoni internazzjonali għal dak l-iskop jifformaw l-għan prinċipali tal-Konvenzjoni. Konsegwentement, il-fatt li l-Konvenzjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet addizzjonali fl-Artikoli 6 u 8 ma huwiex ta’ natura li jbiddel l-iffirmar tagħha mill-Unjoni għal miżura għall-istabbiliment tas-suq intern li għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 216(1) TFUE. L-għażla tal-bażi legali għal miżura tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq l-enfasi ewlieni tal-kontenut regolatorju tagħha ( 27 ). Kif diġà ntqal ( 28 ), l-enfasi hawnhekk ma hijiex fuq li jiġi stabbilit jew li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern Ewropew.

– L-allegati effetti tal-Konvenzjoni fuq is-suq intern

57.

Irrispettivament mill-Artikoli 6 u 18 tal-Konvenzjoni, jista’ jkun li l-istabbiliment, bis-saħħa tal-Konvenzjoni, ta’ liġi uniformi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew għandu wkoll effetti pożittivi fuq il-provvista ta’ tali servizzi fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri fuq is-suq intern Ewropew. Jekk attivitajiet illegali fir-rigward ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali ma jitħallewx isiru madwar l-Ewropa, il-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi għall-provvista ta’ tali servizzi wkoll tista’ tittejjeb fi ħdan l-Unjoni.

58.

Madankollu dawn l-effetti ġenerali pożittivi tal-Konvenzjoni fuq is-suq intern huma biss indiretti. Dawn huma sempliċement effetti inċidentali tal-Konvenzjoni. Tali effetti ma humiex biżżejjed biex jikklassifikaw l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni bħala miżura biex jiġi stabbilit jew żgurat il-funzjonament tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE (moqri flimkien mal-Artikolu 216(1) TFUE). L-għan ta’ tali miżuri għandu jkun ġenwinament it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern ( 29 ), u dawn għandhom ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern ( 30 ). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

– L-allegat ħolqien ta’ kundizzjonijiet legali uniformi (“level playing field”)

59.

L-argument tal-Kunsill li l-Konvenzjoni tikkontribwixxi għall-istabbiliment tas-suq intern għaliex, billi tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, din tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet legali uniformi (“level playing field”) għandu wkoll jiġi miċħud.

60.

Skont l-Artikolu 114 TFUE, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ armonizzazzjoni bil-għan li jitnaqqsu disparitajiet legali bejn l-Istati Membri jekk dawn id-disparitajiet huma tali li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u għalhekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern ( 31 ). Madankollu, l-għan għandu dejjem ikun it-tnaqqis ta’ disparitajiet legali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u mhux li jitnaqqsu disparitajiet legali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Fil-każ preżenti, kif diġà ntqal, il-Konvenzjoni l-ewwel u qabel kollox, ma tikkontribwixxix għall-armonizzazzjoni interna imma primarjament għall-armonizzazzjoni esterna ( 32 ).

– Konklużjoni provviżorja

61.

Meta jitqies kollox, l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern Ewropew ma humiex għalhekk l-enfasi prinċipali fl-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni. Għalhekk, fl-Artikolu 114 TFUE il-Kunsill ma għażilx il-bażi legali korretta għad-deċiżjoni kkontestata.

2. L-adegwatezza tal-Artikolu 207 TFUE bħala l-bażi legali sostantiva

62.

Kif inhu ċar, abbażi tad-dikjarazzjonijiet li saru iktar ’il fuq ( 33 ), li l-Artikolu 114 TFUE ma kienx jikkostitwixxi il-bażi legali adegwata għad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi eżaminat, ukoll, jekk din id-deċiżjoni, bħala parti mill-politika kummerċjali komuni, kellhiex tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207 TFUE, kif isostnu l-Kummissjoni u l-Parlament.

63.

L-Artikolu 207(1) TFUE jindika b’mod ċar li l-politika kummerċjali komuni ma hijiex ristretta għal kummerċ ta’ oġġetti, imma tinkludi wkoll kummerċ ta’ servizzi. L-Artikolu 207(4) TFUE jawtorizza lill-Kunsill biex jikkonkludi ftehim kummerċjali, li jistgħu jikkonċernaw mhux l-inqas kummerċ ta’ servizzi awdjoviżwali.

– L-Artikolu 207 TFUE ma jipprekludix b’mod ġenerali miżuri ta’ armonizzazzjoni

64.

Bħala argument kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE, il-Kunsill u l-intervenjenti insostenn tiegħu jsostnu l-ewwel u qabel kollox, li s-suġġett u l-għan tal-Konvenzjoni ma huwiex li jirregola r-relazzjonijiet kummerċjali esterni tal-Unjoni, imma kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni – sempliċement li japprossima leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi bbażata fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali.

65.

Din l‑oġġezzjoni ma hijiex konvinċenti.

66.

Ċertament miżuri biex tiġi approssimata leġiżlazzjoni nazzjonali ma humiex preklużi fi ħdan il-qafas tal-politika kummerċjali komuni. L-Artikolu 207(6) TFUE jipprojbixxi, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, l-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Istati Membri “safejn it-Trattati jeskludu tali approssimazzjoni”. Madankollu jsegwi, bil-kontra, li fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni tabilħaqq jista’ jwassal għall-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Dan ukoll kellu jiġi rrikonoxxut mill-Kunsill fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

67.

L-Artikolu 207 TFUE jista’ jservi a fortiori bħala l-bażi legali għal miżuri li ma jwasslux għall-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni (armonizzazzjoni interna) imma, bħal f’dan il-każ, jikkontribwixxu, fir-rigward ta’ relazzjonijiet esterni, għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi (armonizzazzjoni esterna). L-objettiv ta’ ħafna ftehim kummerċjali huwa preċiżament dan it-tip ta’ armonizzazzjoni: dawn il-ftehim jipprovdu għall-ħolqien ta’ standards legali uniformi – jekk xieraq fil-forma ta’ standards minimi – għal ċerti prodotti, attivitajiet jew setturi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali ( 34 ).

– Kundizzjonijiet uniformi li jiffaċilitaw il-kummerċ ta’ servizzi

68.

Madankollu, il-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu jikkontestaw li l-approssimazzjoni tal-liġi nazzjonali mfittxija bl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni għandha n-natura ta’ politika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 207 TFUE.

69.

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li att Komunitarju jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 207 TFUE biss meta jkun jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti jew ta’ servizzi “fis-sens li jkun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati” ( 35 ).

70.

Il-Kunsill u l-intervenjenti favur tiegħu huma korretti fil-fehma tagħhom li l-Konvenzjoni tinkludi biss dispożizzjoni waħda li tirrigwarda espressament il-kummerċ, ċjoè l-Artikolu 4(b) li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ apparat illeċitu għal skopijiet kummerċjali.

71.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu, dan ma jfissirx li altrimenti l-Konvenzjoni ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. Kif sostniet korrettement il-Kummissjoni, il-Konvenzjoni fit-totalità tagħha għandha l-għan li tiffaċilita l-provvista ta’ servizzi, ibbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali, inkluż u speċifikatament fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

72.

Il-Konvenzjoni tidher li hija parti minn politika komuni tal-partijiet firmatarji kollha tagħha li hija mmirata lejn il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali ( 36 ). Kif diġà ntqal, il-Konvenzjoni hija maħsuba biex testendi, għal pajjiżi terzi, l-istandards għall-protezzjoni legali ta’ dawn is-servizzi li diġà japplikaw fi kwalunkwe każ fi ħdan l-Unjoni, biex b’hekk tkun tista’ tiġi stabbilita liġi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu ( 37 ).

73.

B’dan il-mod jinħolqu fil-kontinent Ewropew kollu l-kundizzjonijiet legali uniformi (“level playing field”) għall-provvista ta’ dawn is-servizzi kemm ġewwa kif ukoll barra s-suq intern Ewropew.

74.

L-ewwel nett, b’hekk isir iktar faċli għal impriża stabbilita fl-Unjoni Ewropea biex tipprovdi s-servizzi tagħha fil-qasam ta’ servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali barra mis-suq intern Ewropew, fi Stati Membri oħra tal-Kunsill tal-Ewropa. It-tieni nett, isir iktar diffiċli għal impriżi u persuni stabbiliti fi Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa biex ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-provvista ta’ tali servizzi barra l-Unjoni Ewropea permezz ta’ aċċess mhux awtorizzat. Jekk tittieħed azzjoni kontra reati skont standards legali uniformi fil-kontinent Ewropew, ikun iktar diffiċli minn qabel għall-awturi ta’ tali attivitajiet li xorta jsibu rifuġji fl-Ewropa, li jidher li kienu jeżistu sa issa f’xi Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa barra l-Unjoni Ewropea ( 38 ).

75.

Għalhekk il-Konvenzjoni mhux biss tagħmilha iktar faċli għal impriżi ddomiċiljati fis-suq intern Ewropew li jipprovdu b’mod legali servizzi f’pajjiżi terzi, imma anki jfisser li l-prattiki illegali diretti kontra dawn is-servizzi (“hacking”) li joriġinaw f’pajjiżi terzi jistgħu jiġu miġġielda b’mod iktar effettiv minn qabel.

76.

Din il-konvenzjoni se tneħħi l-ostakli għall-kummerċ fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi bbażati fuq diskrepanzi fl-ordinamenti ġuridiċi tal-partijiet firmatarji. Il-fatt li dan jikkonċerna ostakli għall-kummerċ li ma għandhomx x’jaqsmu mal-provvista tas-servizzi kkonċernati bħala tali, imma huma konnessi mal-protezzjoni legali ta’ dawk is-servizzi (li qabel kienet inadegwata) f’ħafna mill-pajjiżi terzi – kuntrarjament għal dak li ssostni l-Isveżja – ma jimmilitax kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE. Ostakli għall-kummerċ li jirriżulta minn protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’pajjiżi terzi wkoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ politika moderna ta’ kummerċ u jistgħu għaldaqstant ikunu s-suġġett ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 207 TFUE ( 39 ).

77.

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-intervenjenti insostenn tiegħu, titjib fil-protezzjoni legali ta’ dawn is-servizzi ċertament ma huwiex sempliċement sekondarju u indirett għall-kummerċ internazzjonali. Pjuttost, kundizzjonijiet li huma uniformi u attendibbli kemm jista’ jkun issa huma ta’ importanza kunsiderevoli għall-kummerċ estern f’ħafna oqsma, speċjalment, fejn huma konċernati oġġetti jew servizzi kumplessi jew li jiswew ħafna, li l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tagħhom tiddependi l-iktar fuq proprjetà intellettwali jew sforzi intellettwali.

78.

Dan huwa preċiżament il-każ fir-rigward ta’ servizzi awdjoviżwali u servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni inkwistjoni hawnhekk. Kif ġie espressament rikonoxxut fil-Preambolu għall-Konvenzjoni, l-aċċess illegali jhedded il-vijabbiltà ekonomika tal-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ xandir u ta’ soċjetà tal-informazzjoni u jistgħu jaffettwaw id-diversità ta’ programmi u servizzi offruti lill-pubbliku ( 40 ).

79.

Għaldaqstant, ma jistax jinċaħad li l-esportazzjoni, implementata permezz tal-Konvenzjoni, lejn pajjiżi terzi Ewropej ta’ standards legali li japplikaw ġewwa s-suq intern Ewropew ġenwinament tidher li hija miżura ta’ politika kummerċjali mill-perspettiva tal-Unjoni.

– L-Artikolu 207 TFUE jista’ jintuża wkoll meta l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali tiġi affettwata biss marġinalment

80.

Il-Kunsill u wħud mill-intervenjenti insosenn tiegħu – jiġifieri l-Isvezja u l-Polonja – jargumentaw li d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni dwar miżuri ta’ konfiska u l-kooperazzjoni internazzjonali relatata ma għandhomx ikunu kklassifikati, tematikament, taħt il-politika kummerċjali komuni, imma taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja u għalhekk il-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, raġuni għall-iffirmar tal-Konvenzjoni ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 207 TFUE.

81.

Din l‑oġġezzjoni ma hijiex konvinċenti.

82.

Ikkunsidrati waħedhom, il-miżuri ta’ konfiska u l-kooperazzjoni internazzjonali relatata jistgħu tabilħaqq ikunu kklassifikati taħt il-qasam tal-politika tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali. Madankollu, kif diġà ntqal ( 41 ), il-miżuri ta’ konfiska u l-kooperazzjoni internazzjonali relatata hawnhekk ma humiex l-għan prinċipali tal-Konvenzjoni. Peress li l-enfasi tal-Konvenzjoni huwa fuq il-qasam tal-politika kummerċjali, l-iffirmar tal-Konvenzjoni fit-totalità tagħha għandu jkun ibbażat biss fuq l-Artikolu 207 TFUE. ( 42 ) L-użu ta’ bażi legali oħrajn, bħal pereżempju l-Artikolu 83(2) TFUE, ma huwiex permess.

83.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imqegħda fid-dubju bil-Protokolli Nru 21 ( 43 ) u Nru 22 ( 44 ) għat-Trattat UE u għat-Trattat FUE. Dawn iż-żewġ Protokolli jinkludu regoli dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka fir-rigward tal-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jikkonferixxu ċerti drittijiet speċjali fuq dawn it-tliet Stati Membri.

84.

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dawn ir-regoli speċjali huwa espressament limitat għall-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u l-ġustizzja. Barra minn hekk, bħala eċċezzjonijiet, dawn għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta. Ma huwiex l-ispirtu u l-għan tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 li tingħata diskrezzjoni libera lir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka fir-rigward ta’ parteċipazzjoni f’miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-effett vinkolanti fuqhom f’oqsma oħra tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fil-politika kummerċjali komuni (jew fis-suq intern) ( 45 ).

85.

L-effett tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ma jistax ikun li jippermetti li jiġu evitati r-regoli ġeneralment rikonoxxuti dwar l-għażla tal-bażi legali korretta għal miżura tal-Unjoni. Dawn ir-regoli, li fl-aħħar mill-aħħar huma bbażati fuq is-sistema tat-Trattati fit-totalità tagħhom, jinkludu b’mod partikolari l-prinċipju li l-għażla tal-bazi legali għal miżura tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq l-enfasi prinċipali tal-kontenut regolatorju tagħha, anki jekk din tista’ tinkludi, marġinalment, dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-oqsma tal-libertà, sigurtà u ġustizzja ( 46 ).

86.

Lanqas jistgħu l-pekularitajiet proċedurali skont il-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ( 47 ) ikunu applikati għal oqsma oħra tad-dritt tal-UE għajr għall-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja. Ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ miżura imma hija l-bażi legali ta’ miżura li tistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura ( 48 ).

87.

Konsegwentement, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma jistgħux, fir-rigward ta’ miżura li l-enfasi tagħha huwa fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, jibbażaw fuq id-drittijiet speċjali tagħhom skont il-Protokolli Nru 21 u Nru 22, u l-Kunsill ma huwiex meħtieġ, fl-adozzjoni ta’ tali miżura, iqis dawn id-drittijiet speċjali, inkluż fir-rigward ta’ aspetti jew elementi individwali ta’ din il-miżura.

3. Konklużjoni provviżorja

88.

Meta jitqies kollox, il-bażi legali korretta għad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma kinitx tkun l-Artikolu 114 TFUE, imma l-Artikolu 207 TFUE. L-iffirmar tal-Konvenzjoni fit-totalità tagħha mill-Unjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207 TFUE. Konsegwentement, l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

B – Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni (it-tieni motiv)

89.

Bit-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni toġġezzjona għall-opinjoni legali tal-Kunsill li ssostni li l-Konvenzjoni “għandha […] tiġi ffirmata mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha” ( 49 ), jiġifieri bħala ftehim imħallat. Fil-fehma tal-Kummissjoni u tal-Parlament, tali approċċ jikser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni biex tikkonkludi l-Konvenzjoni. Il-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu jsostnu l-kuntrarju.

1. Domanda preliminari: It-tieni motiv huwa ineffettiv (“inopérant”)?

90.

Waqt is-smigħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill sostna li it-tieni motiv tal-Kummissjoni huwa ineffettiv (bil-Franċiż: “inopérant”). Fil-fehma tal-Kunsill, id-deċiżjoni kkontestata tirregola biss l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni u ma tistipula ebda dispożizzjoni vinkolanti dwar jekk, minbarra l-Unjoni, l-Istati Membri għandhomx jew jistgħux jkunu wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-Kunsill jiddeduċi li t-tieni motiv tal-Kummissjoni, anki kieku kellu jkun fondat, ma jistax jirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

91.

Din l-oġġezzjoni hija infondata.

92.

Huwa veru li l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata fil-fatt ma tillimitax ruħha biex tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni). Il-kamp ta’ applikazzjoni legali u prattiku ta’ tali awtorizzazzjoni huwa kompletament differenti, li madankollu, jiddependi fuq jekk il-Konvenzjoni għandhiex tiġi ffirmata biss mill-Unjoni jew, bħala ftehim imħallat, kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri tagħha.

93.

Fil-każ preżenti, il-Kunsill esprima b’mod ċar, fil-preambolu għad-deċiżjoni kkontestata, l-opinjoni legali tiegħu li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u parti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ma humiex koperti bil-kompetenza esterna tal-Unjoni, u li konsegwentement, il-Konvenzjoni għandha tiġi konkluża bħala ftehim imħallat ( 50 ). Dan ifisser li l-awtorizzazzjoni interna tal-Unjoni biex tiffirma il-Konvenzjoni, kif stipulat mill-Kunsill fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ma testendix għall-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni bir-riżultat li, minbarra li tiffirma l-Konvenzjoni fl-isem l-Unjoni, din trid tiġi ffirmata wkoll mill-Istati Membri kollha tagħha ( 51 ).

94.

It-tieni motiv għalhekk iqajjem essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex illegali peress li f’din id-deċiżjoni, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill ma hijiex ta’ portata suffiċjenti. Din hija kwistjoni legali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt li teżamina fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Jekk jirriżulta li l-Konvenzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex l-portata u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill kienet inqas minn dak meħtieġ mil-liġi.

2. Evalwazzjoni sostantiva tat-tieni motiv

95.

It-tieni motiv huwa fondat jekk l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

96.

Tali kompetenza esklużiva tista’ tirriżulta, l-ewwel nett, mill-Artikolu 3(2) TFUE (ara iktar ’l isfel, sezzjoni b), u t-tieni nett, mill-Artikolu 3(2) TFUE (ara iktar’l isfel, sezzjoni b). L-eżistenza ta’ tali kompetenza teskludi kwalunkwe kompetenza konkorrenti min-naħa tal-Istati Membri ( 52 ). Pjuttost, il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni timplika projbizzjoni ġenerali ta’ azzjoni mill-Istati Membri (it-tieni parti tal-Artikolu 2(1) TFUE). Konsegwentement, kwalunkwe parteċipazzjoni volontarja flimkien mal-Unjoni bħala partijiet kontraenti għal ftehim internazzjonali hija wkoll prekluża ( 53 ). Fil-livell internazzjonali, il-preżenza ta’ Stati Membri f’isimhom flimkien mal-Unjoni tista’ tinfluwenza l-eżitu tan-negozjati u tqiegħed ukoll fid-dubju l-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni biex tikkonkludi il-konvenzjoni inkwistjoni.

a) Il-kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE

97.

Kif intwera iktar ’il fuq ( 54 ), il-Konvenzjoni fl-intier tagħha għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207 TFUE u għalhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Konsegwentement, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni (l-Artikolu 3(1)(e) TFUE).

98.

Għal din ir-raġuni t-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

b) Sussidjarjament: il-kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE

99.

Fl-eventwalità li, kuntrarju għas-suġġeriment tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikklassifikax il-Konvenzjoni bħala li taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni (l-Artikolu 207 TFUE), imma tqisha bħala miżura ta’ armonizzazzjoni għall-istabbiliment tas-suq intern Ewropew (l-Artikolu 114 TFUE), irid jiġi eżaminat, sussidjarjament, jekk l-Unjoni għandhiex madankollu kompetenza esterna esklużiva li tikkonkludi l-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni u l-Parlament isostnu li tali kompetenza esklużiva tirriżulta mill-Artikolu 3(2) TFUE, filwaqt li l-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu jiċħdu bil-qawwa li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġew sodisfatti.

i) Rimarka preliminari

100.

Hawnhekk jeħtieġ li jitqies biss it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE, li jsostni li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”. Il-kelma “tista’” fl-Artikolu 3(2) TFUE tenfasizza l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni ma għandux għalfejn attwalment ikun affettwat jew mibdul, imma huwa biżżejjed li ftehim internazzjonali jkun kapaċi jipproduċi tali effetti, jiġifieri l-ftehim irid jinvolvi r-riskju speċifiku li l-kamp tal-applikazzjoni tar-regoli komuni jiġi affettwat jew mibdul.

101.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel u qabel kollox, li r-riskju li jiġu affettwati regoli komuni ma jistax jiġi eskluż biss minħabba – kif inhu l-każ hawnhekk ( 55 ) – is-sustanza tar-regoli ta’ ftehim internazzjonali hija simili ħafna għal dik tad-dispożizzjonijiet eżistenti fi ħdan l-Unjoni ( 56 ). Anki fejn huma sostanzjalment simili, id-diskrezzjoni li għandha l-leġiżlatura tal-Unjoni titnaqqas fejn isiru impenji fir-rigward ta’ pajjiżi terzi skont id-dritt internazzjonali. Inċidentalment, din is-sitwazzjoni ma tiġix affettwata minn klawżola ta’ skonnessjoni bħall-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni, imma tali klawżola tista’ titqies ukoll bħala indikatur tar-riskju li regoli komuni jiġu affettwati ( 57 ).

102.

Għalhekk, fil-każ preżenti l-Kunsill jikkonċedi wkoll li jeżisti riskju li r-regoli komuni jiġu affettwati fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE – u għalhekk il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni – teżisti kull fejn il-Konvenzjoni u d-Direttiva 98/84 huma essenzjalment simili. Dan huwa l-każ l-ewwel nett bid-definizzjonijiet tat-tifsiriet ta’ “servizz protett”, “aċċess kondizzjonali”, “apparat ta’ aċċess kondizzjonali” u “apparat illegali” ( 58 ). L-istess igħodd għad-definizzjoni tal-attivitajiet li huma pprojbiti bħala “reati” ( 59 ).

103.

Madankollu huwa kkontestat bl-aħrax bejn il-partijiet, jekk l-Unjoni għandhiex ukoll tali kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE fir-rigward ta’ miżuri ta’ konfiska skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, u fir-rigward ta’ kooperazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni sa fejn dan jikkonċerna miżuri ta’ konfiska fis-sens tal-Artikolu 6. Fil-fehma tal-Kunsill, dawn iż-żewġ punti b’mod partikolari jagħmlu neċessarju li l-Konvenzjoni titqies bħala ftehim imħallat ( 60 ).

104.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, jekk l-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni jinvolvux riskju speċifiku li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 jiġi affettwat (ara immedjatament iktar ’l isfel, sezzjoni ii), u t-tieni nett, jekk il-Konvenzjoni fit-totalità tagħha tikkonċernax qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira b’regoli Komunitarji (ara iktar ’l isfel, sezzjoni iii).

ii) Ebda riskju li l-Artikolu 5(1) tad-direttiva jiġi affettwat bl-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni

105.

Il-Kummissjoni u l-Parlament iqisu li l-miżuri ta’ konfiska msemmija fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni huma diġà rregolati bħala sanzjonijiet fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84. L-Unjoni għalhekk għandha wkoll kompetenza esklużiva fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE għal din il-parti tal-Konvenzjoni.

106.

Dan l-argument huwa infondat.

107.

Kif argumentaw b’mod konvinċenti l-Kunsill u l-Istati Membri insostenn tiegħu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 jinkludi biss obbligu ġenerali ħafna u rudimentali biex l-Istati Membri jipprovdu għal sanzjonijiet li jridu jkunu “effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali tal-attività ta’ ksur”. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom. Dawn jistgħu jinkludu s-sekwestru u l-konfiska ta’ oġġetti ( 61 ), imma dan ma huwiex mandatorju taħt id-direttiva ( 62 ).

108.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jieħdu miżura konġunta biex iwettqu l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 li jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati fejn dawn – waħedhom jew bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi – jikkonkludu ftehim internazzjonali li jistipula miżuri ta’ konfiska mandatorji, bħalma huwa l-każ bl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri mbagħad sempliċement jeżerċitaw id-diskrezzjoni li għandhom kif inhu d-dritt tal-UE fil-preżent u barra minn hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 98/84.

109.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ċar sa liema punt l-Artikolu 6 u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni jistgħu speċifikament ikunu kapaċi jaffettwaw id-dispożizzjoni dwar is-sanzjonijiet fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 jew li jbiddlu l-kamp tal-applikazzjoni tagħha.

iii) Qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji

110.

Madankollu, anki jekk l-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni ma jinvolvux minnhom infushom riskju li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 jiġi affettwat, il-Konvenzjoni fit-totalità tagħha xorta tista’ taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-Unjoni trid tiġi kkunsidrata li għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi ftehim, skont il-ġurisprudenza stabbilita ( 63 ), kull meta jkun jikkonċerna qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji.

– Relevanza tal-ġurisprudenza preċedenti fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) TFUE

111.

Il-Kunsill u wħud mill-intervenjenti insostenn tiegħu jqajjmu l-oġġezzjoni ġenerali li din il-ġurisprudenza ma għadhiex iktar rilevanti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għaliex fl-Artikolu 3(2) TFUE jistabbilixxi kunċett iktar strett tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna. Madankollu tali oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Ma hemm assolutament xejn li jissuġġerixxi li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona xtaqu jagħmlu tali restrizzjoni. Barra minn hekk, b’risposta għad-domanda tiegħi waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill naqas li jipprovdi kwalunkwe prova speċifika insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, pereżempju mix-xogħol preparatorju għall-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trattat li tistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jew mix-xogħol preparatorju għat-Trattat ta’ Lisbona.

112.

Fil-fehma tiegħi, it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE jikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim skont “id-duttrina ERTA” ( 64 ). Dan kien ukoll espressament irrikonoxxut minn Franza waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

113.

Għalhekk, it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti. Għalhekk xorta għadu suffiċjenti, sabiex jiġi aċċettat li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fis-sens tat-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE, li dan jikkonċerna qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji.

– Il-Protokoll Nru 25 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza preċedenti

114.

L-ebda konklużjoni differenti ma tista’ tinsilet mill-Protokoll Nru 25 għat-Trattat UE u għat-Trattat FUE ( 65 ), li jistipula li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża mill-Unjoni “ikopri biss dawk l-elementi rregolati bl-att tal-Unjoni inkwistjoni u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”.

115.

Skont il-kliem tiegħu, il-Protokoll Nru 25 jirrigwardja biss l-eżerċizzju tal-kompetenza kondiviża tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE u mhux l-iskop tal-kompetenza esklużiva tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(1) TFUE. Iktar u iktar ma hemm ebda prova li tissuġġerixxi li b’dak il-Protokoll l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona riedu speċifikament jillimitaw, kemm direttament jew indirettament, l-iskop tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim skont it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE. Argument kontra tali limitazzjoni mhux l-inqas huwa l-fatt li ma hemm ebda riferiment għall-Artikolu 3(2) TFUE fil-Protokoll Nru 25.

116.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-kompetenza esklużiva skont it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE ma hijiex marbuta prinċipalment mas-sempliċi eżistenza jew nuqqas ta’ eżistenza ta’ regoli komuni dwar ċertu suġġett, imma mar-riskju li dawn ir-regoli komuni jiġu affettwati jew li l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom jinbidel. Tali riskju jista’ jirriżulta meta ftehim internazzjonali jinkludi dispożizzjonijiet li s-sustanza tagħhom hija konnessa mill-qrib ma’ regoli Komunitarji li diġà fil-parti l-kbira jirregolaw is-suġġett inkwistjoni fid-dritt tal-UE. Tali regoli Komunitarji jistgħu jiġu affettwati negattivament minn ftehim internazzjonali anki jekk r-regoli Komunitarji u l-ftehim internazzjonali ma jirregolawx preċiżament l-istess “elementi” (fis-sens tal-Protokoll Nru 25).

117.

Għalhekk, il-kriterju, li ġie żviluppat fil-ġurisprudenza, ta’ qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji ma tilef xejn mill-importanza tiegħu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, biex tiġi stabbilita l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE.

– L-eżistenza ta’ qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji

118.

Xorta għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk fil-każ preżenti l-qasam kopert bil-Konvenzjoni huwiex qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira b’regoli Komunitarji. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata mhux biss fuq l-kamp tal-applikazzjoni tar-regoli inkwistjoni imma wkoll fuq in-natura u l-kontenut tagħhom. Huwa neċessarju wkoll li jitqies mhux biss tal-istat attwali tad-dritt tal-UE fil-qasam inkwistjoni imma anki l-iżvilupp futur tiegħu, sa fejn huwa prevedibbli meta ssir din l-analiżi ( 66 ).

119.

Il-qasam li jikkonċerna l-Konvenzjoni huwa l-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu fi, aċċess kundizzjonali.

120.

Il-leġiżlatura tal-Unjoni diġà armonizzat fil-parti l-kbira tiegħu dak il-qasam fi ħdan l-Unjoni billi adottat id-Direttiva 98/84. Din ċertament ma llimitatx ruħha li tadotta ċerti standards minimi, imma għamlet ċerti aspetti ta’ dak il-qasam suġġetti għall-approssimazzjoni. B’mod partikolari, hija introduċiet tifsiriet uniformi madwar l-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 2 tad-direttiva) u stabbiliet regoli uniformi madwar l-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-attivitajiet li huma pprojbiti fi ħdan is-suq intern (l-Artikolu 4 tad-direttiva). Hemm ukoll regola Komunitarja – ċertament ġenerali ħafna – dwar sanzjonijiet u rimedji (l-Artikolu 5 tad-direttiva).

121.

Il-fatt li fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/84 il-leġiżlatura tal-Unjoni ppermettiet lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla ta’ sanzjonijiet ma jimmilitax kontra s-suppożizzjoni li l-qasam tal-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażat fuq, jew li jikkonsisti minn, aċċess kundizzjonali, meta jitqies fit-totalità tiegħu, huwa diġà rregolat fil-parti l-kbira bid-dritt tal-UE.

122.

Minn din il-perspettiva, il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE, kif ikkjarifikat fil-ġurisprudenza ( 67 ), huma għalhekk sodisfatti.

123.

Konsegwentement, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni skont it-tielet varjant tal-Artikolu 3(2) TFUE għaliex il-Konvenzjoni tikkonċerna qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli Komunitarji. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv tal-Kummissjoni huwa fondat.

C – Sommarju

124.

Iż-żewġ motivi mqajjma mill-Kummissjoni għalhekk huma fondati u t-tnejn li huma fihom innifishom jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (l-Artikolu 263(1) u (2) TFUE moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE).

D – Iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

125.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, hija għandha żżomm l-effetti tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida skont il-bażi legali korretta. B’dan il-mod kwalunkwe dubju fil-livell internazzjonali dwar il-mandat tar-rappreżentanti awtorizzati tal-Unjoni biex jiffirmaw il-Konvenzjoni jiġi evitat, l-effetti legali ta’ kwalunkwe ffirmar preċedenti ma jkunux jistgħu jitqiegħdu f’dubju, u ma jkun hemm ebda dewmien fil-proċess ta’ ratifikazzjoni.

126.

Barra minn hekk, abbażi tad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni sinċiera mal-Unjoni (l-Artikolu 4(3) TUE), l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ timmina l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni ( 68 ). Dan ifisser li l-Istati Membri li sa issa għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni jridu jkomplu jastjenu milli jagħmlu dan u l-Istati Membri li diġà ffirmaw il-Konvenzjoni ma għandhomx jirratifikawha.

VII – Spejjeż

127.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża gћandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba fis-sottomissjonijiet tal-parti rebbieħa. Peress li, skont is-soluzzjoni proposta tiegħi, il-Kunsill tilef u l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż, il-Kunsill għandu jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż. Mill-banda l-oħra Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Parlament Ewropew, bħala intervenjenti, kull wieħed minnhom irid iħallas l-ispejjeż tiegħu konformi mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

VIII – Konklużjoni

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

1)

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE tal-29 ta’ Novembru 2011;

2)

Tordna li l-effetti tad-deċiżjoni annullata jinżammu sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida skont il-bażi legali korretta;

3)

Tordna li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea;

4)

Tordna li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara l-konklużjonijiet 2/00 tas-6 ta’ Diċembru 2001 (Ġabra 2001 p. I‑9713, punt 5); il-konklużjonijiet 1/08 tat-30 ta’ Novembru 2009 (Ġabra 2009, I‑11129, punt 110) u s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru, 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-370/07, Ġabra I-8917, punt 47).

( 3 ) ĠU 2011, L 336, p. 2 (ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa fl-ETS Nru 178).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU 2011 L 336, p. 1).

( 5 ) Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Artikolu 218(5) TFUE kien il-bażi legali proċedurali xierqa, kif kien għamel il-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata.

( 6 ) Il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 7 ) Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147).

( 8 ) Id-duttrina ERTA ġiet iddefinita fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“ERTA”, 22/70, Ġabra 1971, p. 263, punti 15 sa 19); sunt l-iktar reċenti ta’ din id-duttrina jinsab, pereżempju, fil-konklużjonijiet 1/03 tas-7 ta’ Frar 2006, Ġabra 2006, p. I‑1145, punti 114 sa 133).

( 9 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tieni Rapport dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE, KUM(2008) 593 finali, ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2008 (ara l-punt 4.2.4 ta’ dan ir-rapport).

( 10 ) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali, KUM(2010) 753 finali.

( 11 ) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali, KUM(2010) 755 finali.

( 12 ) Premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 13 ) Minuti tat-3128 laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2011 (punt 11 tal-aġenda b’annessi).

( 14 ) Il-Polonja u l-Isvezja ma għamlu l-ebda talba għall-ispejjeż.

( 15 ) Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja ma pparteċipawx waqt is-seduta.

( 16 ) Ara l-ewwel ċitazzjoni tal-preambolu għad-deċiżjoni kkontestata.

( 17 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10); Kawżi maqgħuda tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 182); u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-130/10, punt 42).

( 18 ) Premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 19 ) Ara wkoll il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 20 ) Ara, fl-istess sens, fir-rigward tal-Artikolu 48 TFUE, il-konklużjonijiet tiegħi tal-21 ta’ Marzu 2013 fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-431/11; b’mod partikolari l-punti 47 u 48).

( 21 ) Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet 1/76 tas-26 ta’ April 1977 (Ġabra 1977, p. 741, b’mod partikolari l-punti 3 sa 7); il-konklużjonijiet 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra 1994, p. I‑5267, punti 85, 88 u 89); is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-467/98, Ġabra 2002, p. I-9519, punt 57), u l-konklużjonijiet 1/03 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 115).

( 22 ) Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (165/87, Ġabra 1988, p. 5545, punti 18 sa 21); kawżi maqgħuda tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-184/02 u C-223/02, Ġabra p. I-7789, punti 42 sa 44); tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 44); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tas-26 ta’ Mejju 2005 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-94/03, Ġabra 2006, p. I-1, punt 53); u tal-21 ta’ Marzu 2013 fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-431/11, punti 79 sa 81).

( 23 ) Rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni (disponibbli bil-Franċiż u l-Ingliż fuq is-sit tal-internet tal-Uffiċċju tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa f’http://www.conventions.coe.int, taħt it-titlu ETS Nru. 178), punti 9 sa 11.

( 24 ) Premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 25 ) Konklużjonijiet 1/03 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 130); ara wkoll f’dan l-istess sens, sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 101).

( 26 ) Fir-rigward tas-similarità bejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u dawk tad-Direttiva, ara l-premessi 3 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 27 ) Jekk l-eżami ta’ miżura juri li din issegwi żewġ għanijiet jew li din għandha żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti huwa identifikabbli bħala dak prinċipali, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali, il-miżura trid tkun ibbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew komponenti prinċipali jew predominanti, sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-155/07, punt 2008, Ġabra p. I‑8103, punt 35), u L-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10 diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 43); ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-155/91, Ġabra p. I-939, punti 19 u 21)

( 28 ) Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.

( 29 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 32); ara, f’dan l-istess sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60), u tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-217/04, Ġabra p. I-3771, punt 42).

( 30 ) Vodafone et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 in fine); ara wkoll s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 28), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 37).

( 31 ) Ara, f’dan il-punt, għal darb’oħra, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.

( 32 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punti 40 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, bil-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, li tapplika fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (“Il-Ftehim Trips”, ĠU 1994, L 336, p. 214); ara, b’mod partikolari, il-Parti II ta’ dan il-Ftehim.

( 35 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-281/01, Ġabra p. I-12049, punt 40 in fine u tal-punt 41 in fine); tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C-347/03, Ġabra p. I-3785, punt 75), u tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-411/06, Ġabra p. I-7585, punt 71).

( 36 ) Premessa 7 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.

( 37 ) Premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 38 ) Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-paragrafu 9 ta’ kull waħda miż-żewġ Proposti tagħha għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill (iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 11 iktar ’il fuq), ħafna stati Ewropej li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipprovdu rifuġji għall-iżvilupp jew distribuzzjoni ta’ apparat għall-hacking ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali, peress li s-sistema legali tagħhom ma tipprovdix għal sanzjonijiet kontra din l-attività vera speċifika ta’ hacking.

( 39 ) Ara dwar dan is-suġġett, għal darb’oħra, l-Ftehim TRIPS, b’mod partikolari l-Parti II tiegħu.

( 40 ) Premessa 6 tal-Konvenzjoni; ara wkoll il-paragrafi 2 u 3 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni.

( 41 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara, dwar dan is-suġġett, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.

( 43 ) Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

( 44 ) Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka.

( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-431/11, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 73, 74).

( 46 ) Ara, dwar dan is-suġġett, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.

( 47 ) Protokoll Nru 21 jikkonċerna l-ħtieġa ta’ “opt-in” espressa għar-Renju Unit u l-Irlanda, filwaqt li l-Protokoll Nru 22 jirrigwarda l-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni mid-Danimarka li hija tixtieq timplementa miżura fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

( 48 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (Kawża C-130/10, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 80).

( 49 ) Premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 50 ) Premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 51 ) Madankollu, jista’ jsegwi, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma kull wieħed minnhom vinkolati bil-Konvenzjoni fl-intier tagħha, inkluż dawk l-elementi li ma jaqgħux taħt il-kompetenza interna tal-Unjoni rispettiva tagħhom.

( 52 ) Konklużjonijiet 1/75 tal-11 ta’ Novembru 1975 (Ġabra 1975, p. 1355, b’mod partikolari p. 1363 et seq.,) u l-konklużjonijiet 2/91 tad-19 ta’ Marzu 1993 (Ġabra 1993, p. I‑1061, punt 8).

( 53 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tas-26 ta’ Marzu 2009 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-13/07, “Vietnam”, punt 53).

( 54 ) Ara d-dikjarazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel motiv fil-punt 35 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Fil-preambolu għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u tad-direttiva huma “kważi identiċi” (il-premessa 3) jew għall-inqas “simili” (il-premessa 5).

( 56 ) Konklużjonijiet 2/91, (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 26), u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 82).

( 57 ) Konklużjonijiet 1/03 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 130).

( 58 ) Ara, minn naħa, l-Artikolu 2 tad-direttiva u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni.

( 59 ) Ara, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-direttiva u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 61 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019, punt 31); ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation (C-177/95, Ġabra p. I-1111, punti 32, 33).

( 62 ) Ara wkoll il-premessa 23 tad-Direttiva 98/84, fejn is-sekwestru ta’ apparat illegali huwa kklassifikat ukoll taħt “sanzjonijiet oħra” li għalihom id-direttiva hija “mingħajr preġudizzju”.

( 63 ) Konklużjonijiet 2/91 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 25 u 26), is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 81 u 82) u l-konklużjonijiet 1/03 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 126).

( 64 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 65 ) Protokoll dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi kondiviżi.

( 66 ) Konklużjonijiet 1/03 (diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 126).

( 67 ) Ara r-referenzi li jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 iktar ’il fuq.

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-266/03, Ġabra p. I-4805, punti 57 sa 67, kif ukoll il-punti 41 sa 43), u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-433/03, Ġabra p. I-6985, punti 60 sa 73, kif ukoll il-punti 43 sa 45).

Top