Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0370

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera

    COM/2019/370 final

    Brussell, 24.7.2019

    COM(2019) 370 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera



    {SWD(2019) 650 final}


    1.INTRODUZZJONI

    L-Artikolu 6 tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 1 jagħti mandat lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ attivitajiet transfruntiera, u biex kull sentejn taġġornah (jew aktar ta’ spiss jekk ikun il-każ). Dan ir-rapport jaġġorna l-ewwel valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-Kummissjoni ppubblikata fl-2017 2 . Jivvaluta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jevalwa r-riskji li jifdal, inkluż fi prodotti u setturi ġodda.

    Ir-rapport jipprovdi analiżi sistematika 3 tar-riskji tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu ta’ prodotti u servizzi speċifiċi. Jiffoka fuq il-vulnerabbiltajiet identifikati fil-livell tal-UE, kemm f’termini ta’ qafas legali kif ukoll f’termini ta’ applikazzjoni effettiva, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex dawn jiġu indirizzati.

    Din il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tqis ir-rekwiżiti tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 4 , li kellha tiġi trasposta sa Lulju 2017. Il-bidliet addizzjonali li saru permezz tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 5 , li mistennija tiġi trasposta sa Jannar 2020, ġew antiċipati meta ġew definiti l-miżuri ta’ mitigazzjoni l-ġodda.

    2.EŻITI TAL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU SOVRANAZZJONALI

    F’din it-tieni valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali, il-Kummissjoni identifikat 47 prodott u servizz li huma potenzjalment vulnerabbli għar-riskji ta’ ħasil il-flus/ta’ finanzjament tat-terroriżmu, żieda mill-40 li kien hemm fl-2017. Dawn il-prodotti u servizzi jaqgħu taħt 11-il settur, inkluż 10 setturi u prodotti identifikati fir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 6 flimkien ma’ kategorija oħra ta’ prodotti u servizzi relevanti għall-valutazzjoni tar-riskju 7 .

    2.1.Ir-riskji ewlenin fis-setturi koperti mill-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali

    2.1.1.Flus kontanti u assi simili għal flus kontanti

    Is-sejbiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi juru li filwaqt li l-konsumaturi mhumiex jippreferu l-użu tal-flus kontanti, dawn jibqgħu l-istrument ippreferut magħżul mill-kriminali peress li jistgħu jużaw il-flus kontanti biex jittrasferixxu malajr fondi minn post għall-ieħor, inkluż bl-ajru. L-użu tal-flus kontanti huwa prinċipalment dak li jiskatta l-preżentazzjoni ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi.

    Il-kriminali li jakkumulaw ir-rikavati fi flus ifittxu li jmexxuhom lejn postijiet fejn ikun aktar faċli biex jintegrawhom fl-ekonomija legali, jiġifieri dawk li huma kkaratterizzati minn użu predominanti ta’ flus kontanti, minn superviżjoni laxka tas-sistema finanzjarja u minn regolamenti b’saħħithom dwar is-segretezza tal-banek.

    Sa mill-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017, il-qafas legali rilevanti ssaħħaħ. Ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tkopri lill-kummerċjanti ta’ oġġetti li jagħmlu jew jirċievu pagamenti fi flus kontanti ta’ EUR 10,000 jew aktar. L-Istati Membri jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi, restrizzjonijiet ġenerali addizzjonali fuq l-użu ta’ flus kontanti u dispożizzjonijiet aktar stretti.

    Ir-Regolament rivedut dwar il-Kontrolli fuq Flus Kontanti 8 applikabbli mill-3 ta’ Ġunju 2021 jestendi l-obbligu ta’ kull vjaġġatur li jidħol jew li joħroġ mill-UE, u li jkollu fuqu flus kontanti li jammontaw għal EUR 10 000 jew aktar, biex jiddikjarhom lill-awtoritajiet doganali. Jestendi wkoll id-definizzjoni ta’ flus kontanti, biex tkopri mhux biss karti tal-flus iżda wkoll strumenti oħra jew komoditajiet likwidi ħafna, bħal ċekkijiet, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, kards bi ħlas antiċipat u deheb.

    L-assi bi proprjetajiet simili għall-flus kontanti (eż. deheb, djamanti) jew oġġetti b’valur għoli ta’ ċertu “stil ta’ ħajja” (eż. artifatti kulturali, karozzi, ġojjellerija, arloġġi) huma wkoll ta’ riskju għoli, minħabba kontrolli dgħajfa. Ġie espress tħassib speċifiku dwar is-sakkeġġ u t-traffikar ta’ antikitajiet u ta’ artifatti oħra. F’dan ir-rigward, ir-Regolament dwar l-importazzjoni tal-beni kulturali, li ġie adottat dan l-aħħar, jikkumplimenta l-qafas legali eżistenti tal-UE dwar il-kummerċ tagħhom, li sa issa kien jinkludi biss leġiżlazzjoni li tkopri l-esportazzjoni ta’ beni kulturali u r-ritorn ta’ oġġetti kulturali li tneħħew illegalment mit-territorju ta’ pajjiż tal-UE 9 .

    2.1.2.Is-settur finanzjarju

    Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE jidentifika l-fatturi li kkontribwew għall-każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus f’banek tal-UE kif ukoll jidentifika t-tagħlimiet meħuda minnhom, bl-għan li jservu ta’ bażi għal azzjonijiet ta’ politika ulterjuri. Jivvaluta l-fallimenti relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u d-difiża tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u jenfasizza l-isfidi assoċjati ma’ approċċi superviżorji differenti kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell nazzjonali (ara l-punt 2.2.3).

    Barra minn hekk, xi sottosetturi jew prodotti finanzjarji oħrajn li jittrattaw il-flus kontanti (eż. l-uffiċċji tal-kambju tal-munita, it-trasferimenti ta’ fondi, u xi prodotti tal-flus elettroniċi) għadhom joħolqu riskji sinifikanti tal-ħasil tal-flus, speċjalment f’każ ta’ mġiba bla skruplu min-naħa ta’ partijiet terzi li fil-mezzi ta’ twassil tagħhom jaġixxu bħala aġenti jew distributuri 10 .

    L-użu ta’ teknoloġiji ġodda (FinTech) 11 li jippermettu tranżazzjonijiet rapidi u anonimi f’relazzjonijiet kummerċjali li kulma jmur ma jsirux wiċċ imb wiċċ, filwaqt li għandhom benefiċċji konsiderevoli, jistgħu jkunu ta’ riskju ogħla jekk id-diliġenza dovuta tal-klijenti u l-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet ma jsirux b’mod effiċjenti fil-mezz ta’ twassil 12 . Filwaqt li d-dipożizzjonijiet tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus dwar fornituri ta’ muniti virtwali u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja huma l-ewwel pass regolatorju, l-użu li qed jiżdied ta’ tali strumenti qed joħloq riskji akbar, u jista’ jkun hemm bżonn ta’aktar passi regolatorji.

    2.1.3.Is-settur u l-prodotti mhux finanzjarji — Negozji u Professjonijiet Speċifiċi mhux Finanzjarji 

    Il-manifatturi, id-distributuri, il-professjonisti legali u istituzzjonijiet mhux finanzjarji oħra qegħdin dejjem aktar jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li beħsiebhom jaħslu l-flus. Studju minnhom jindika li 20-30 % tar-rikavat kollu mill-kriminalità jinħasel fis-settur mhux finanzjarju 13 . L-esponiment tas-settur għar-riskji huwa għalhekk meqjus b’mod ġenerali bħala sinifikanti, sa sinifikanti sew.

    L-akbar żvantaġġ ta ’dan is-settur jidher li huwa l-inkapaċità li jiġi identifikat is-sid tal-benefiċċji tal-klijent. Meta jidħlu f’relazzjoni ta’ negozju, xi partijiet mhux dejjem jifhmu sew il-kunċett ta’ “sid benefiċjarju”, jew jonqsu milli jiċċekkjaw l-identità tagħhom.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jinnominaw korpi awtoregolatorji biex jissorveljaw konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra kif ukoll aġenti tal-proprjetà immobbli 14 . L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lil dawn il-korpi biex jirċievu Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi minn entitajiet marbutin b’obbligu u jibagħtuhom lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Madankollu, xi entitajiet marbutin b’obbligu u korpi awtoregolatorji ma jirrappurtawx bosta tranżazzjonijiet suspettużi lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, speċjalment f’ċerti Stati Membri. Dan jista’ jindika li tranżazzjonijiet suspettużi ma jiġux identifikati u rrappurtati b’mod korrett. Barra minn hekk, bl-inklużjoni tas-settur mhux finanzjarju u ta’ prodotti bħala entitajiet marbutin b’ obbligu skont ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, hemm bżonn li jiġi ċċarat li l-prinċipju tal-privileġġ legali ma jintlaqatx mill-applikazzjoni xierqa tal-miżuri rilevanti 15 .

    Wara konsultazzjonijiet ma’ esperti, jidher li s-settur tal-proprjetà immobbli huwa wkoll dejjem aktar espost għal riskji sinifikanti marbutin mal-ħasil tal-flus. Mezzi komuni oħra biex jinħaslu l-flus huma l-ħruġ ta’ fatturi żejda f’negozju kummerċjali u s-self fittizju. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jqisu tali riskji sinifikanti.

    2.1.4.Is-settur tal-logħob tal-azzard

    Skont ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, il-fornituri kollha tas-servizzi tal-logħob tal-azzard huma entitajiet marbuta b’obbligu; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu eżenzjonijiet sħaħ jew parzjali lil fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard, minbarra lill-każinos, abbażi tar-riskju baxx li ġie ppruvat. Ċerti prodotti tal-logħob tal-azzard jitqiesu bħala esposti b’mod sinifikanti għar-riskju tal-ħasil tal-flus. Fil-każ tal-imħatri tradizzjonali u tal-poker 16 , dan jidher li huwa dovut għal kontrolli ineffettivi. Għal-logħob tal-azzard online, hemm esponiment ta’ riskju għoli minħabba l-għadd kbir ħafna ta’ flussi ta’ tranżazzjonijiet u n-nuqqas ta’ interazzjoni wiċċ imb wiċċ. Għalkemm il-każinos b’mod intrinsiku jippreżentaw esponiment ta’ riskju għoli, l-inklużjoni tagħhom sa mill-2005 fil-qafas kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu kellha effett ta’ mitigazzjoni.

    Il-lotteriji u l-magni tal-logħob tal-azzard (fuq barra tal-każinos) jippreżentaw livell moderat ta’ riskju ta’ ħasil il-flus/ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għal tal-ewwel, hemm fis-seħħ ċerti kontrolli, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati r-riskji assoċjati ma’ rebħ kbir. It-tombla tradizzjonali hija meqjusa li tippreżenta livell baxx ta’ riskju ta’ ħasil il-flus/ta’ finanzjament tat-terroriżmu minħabba l-ammonti u r-rebħ relattivament baxxi involuti.

    2.1.5.Ġbir u trasferimenti ta’ fondi minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ

    Dan ir-rapport ikopri l-kategoriji tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ definiti fir-Rakkomandazzjoni tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja 17 . Ix-xenarju ta’ riskju huwa marbut mal-ġbir u mat-trasferimenti ta’ fondi, tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, lil sħab/benefiċjarji kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha.

    L-analiżi tar-riskju minn perspettiva ta’ theddida hija kkomplikata minħabba d-diversità fis-settur. L-“Organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jwettqu attivitajiet espressivi” 18 huma kemxejn vulnerabbli minħabba li dawn jistgħu jiġu infiltrati minn organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi li jistgħu jaħbu s-sjieda benefiċjarja, u b’hekk il-ġbir tal-fondi ma jkunx faċilment traċċabbli.

    Xi tipi ta’ “organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jagħtu servizz” 19 huma aktar vulnerabbli b’mod dirett minħabba n-natura intrinsika tal-attività tagħhom. Dan huwa dovut għall-fatt li jistgħu jinvolvu finanzjament lejn u minn żoni ta’ kunflitt jew pajjiżi terzi identifikati mill-Kummissjoni bħala li jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom ta’ kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu 20 . L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma importanti ħafna biex tingħata għajnuna umanitarja madwar id-dinja 21 . Sabiex jiġu salvagwardjati l-objettivi leġittimi ta’ tali assistenza, hija meħtieġa aktar informazzjoni dwar ir-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ biex titjieb is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji. Fl-2019 il-Kummissjoni se tniedi sejħa għal proposti għal proġett preparatorju dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp programmatiku u l-komunikazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji regolati jistgħu joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom ma’ ċerti organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ sabiex jitneħħa r-riskju. Dan jista’ jwassal għall-esklużjoni finanzjarja, jew biex minflok, il-klijenti li ġew irrifjutati jirrikorru għal sistemi bankarji sotteranji jew inkella għal servizzi ta’ trasferiment.

    2.1.6.Prodotti/setturi ġodda

    Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn diversi prodotti jew setturi ġodda li ġew esposti f’inċidenti u operazzjonijiet reċenti li ġew irrappurtati pubblikament mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Minbarra FinTech, il-pjattaformi ta’ skambju u l-fornituri ta’ kartieri (ara t-taqsima 2.1.2), il-futbol professjonali, il-portijiet ħielsa, u l-skemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment (“il-passaporti/il-viżi tad-deheb”) kollha ġew identifikati bħala setturi ġodda li jippreżentaw riskji.

    2.1.6.1.Ħarsa ġenerali lejn is-setturi l-ġodda

    2.1.6.1.1.Il-futbol professjonali;

    Ir-riskji assoċjati mal-isport ilhom li ġew rikonoxxuti fil-livell tal-UE 22 . Il-futbol professjonali ġie vvalutat peress li filwaqt li għadu sport popolari, huwa wkoll industrija globali li tħalli impatt ekonomiku sinifikanti. L-organizzazzjoni kumplessa tal-futbol professjonali u n-nuqqas ta’ trasparenza ħolqu art fertili għall-użu tar-riżorsi illegali. Somom dubjużi ta’ flus mingħajr l-ebda redditu jew gwadann finanzjarju evidenti spjegabbli qed jiġu investiti fl-isport.

    2.1.6.1.2.Il-portijiet ħielsa;

    Port ħieles huwa parti mit-territorju doganali tal-Unjoni speċifikat bħala tali minn Stat Membru. Il-portijiet ħielsa huma legali, iżda jridu jirrispettaw ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi 23 . Iż-żoni ta’ kummerċ ħieles jistgħu jkunu ta’ riskju fir-rigward tal-iffalsifikar, peress li jippermettu lill-falsifikaturi li jħottu kunsinni, jadattaw jew ibagħbsu b’xi mod it-tagħbijiet jew id-dokumenti amministrattivi assoċjati, u mbagħad jesportaw mill-ġdid il-prodotti mingħajr intervent doganali, u b’hekk jaħbu n-natura u l-fornitur oriġinali tal-merkanzija.

    L-użu ħażin ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles jista’ jkun relatat mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mal-involviment fi frodi tal-VAT, f’korruzzjoni u fil-ħasil tal-flus. Fil-parti l-kbira tal-portijiet ħielsa jew tal-imħażen tad-dwana tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Freeport tal-Lussemburgu), ma teżisti l-ebda informazzjoni preċiża dwar is-sidien benefiċjarji. Skont il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, l-operaturi tal-portijiet ħielsa u atturi oħra fis-suq tal-arti jsiru entitajiet marbutin b’obbligu u għalhekk ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijent.

    2.1.6.1.3.L-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment.

    Dawn l-aħħar snin żdiedet it-tendenza ta’ skemi li bihom il-pajjiżi jattiraw l-investiment billi jagħtu lill-investituri ċ-ċittadinanza jew id-drittijiet ta’ residenza. Tqajjem tħassib dwar ir-riskji intrinsiċi fir-rigward tas-sigurtà, tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-korruzzjoni. 

    F’Jannar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar skemi nazzjonali li jagħtu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni lill-investituri 24 . Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti mill-Istati Membri bil-kompitu li jikkunsidraw ir-riskji li jirriżultaw minn skemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment, u biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ trasparenza u governanza.

    Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tesiġi d-diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal residenza jew għal ċittadinanza fi Stati Membri bi skambju għal kapital jew investiment fi proprjetà, bonds tal-gvern jew entitajiet korporattivi.

    2.2.Dgħufijiet orizzontali li huma komuni għas-setturi kollha

    2.2.1.L-anonimità fit-tranżazzjonijiet finanzjarji

    Il-kriminali jippruvaw jevitaw li jħallu traċċi ta’ informazzjoni u jippruvaw jibqgħu mistura. Is-setturi b’livell għoli ta’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti huma meqjusa partikolarment f’riskju, pereżempju negozjanti ta’ prodotti u servizzi li jaċċettaw pagamenti fi flus kontanti u operaturi ekonomiċi li jaċċettaw pagamenti f’denominazzjonijiet ta’ valur kbir, bħal karti tal-flus ta’ EUR 500 25 u ta’ EUR 200.

    Il-prodotti finanzjarji li joffru anonimità simili f’ċerti ċirkostanzi (eż. xi prodotti tal-flus elettroniċi, muniti virtwali u pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv mhux regolati) huma wkoll vulnerabbli għall-ħasil tal-flus/għall-finanzjament tat-terroriżmu. L-istess japplika għal assi bħad-deheb u d-djamanti li huma faċilment negozjabbli jew li jistgħu jinħażnu b’mod sikur kif ukoll jistgħu faċilment jiġu ttrasferiti.

    2.2.2.Identifikazzjoni u aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja

    Il-kriminali jużaw is-sistema finanzjarja biex ir-rikavati illeċiti tagħhom jpoġġuhom fis-swieq finanzjarji, fil-proprjetà immobbli jew fl-ekonomija leġittima b’mod aktar strutturat milli permezz ta’ flus kontanti jew tranżazzjonijiet finanzjarji anonimi. Is-setturi kollha huma vulnerabbli għall-infiltrazzjoni, l-integrazzjoni jew is-sjieda minn organizzazzjonijiet tal-kriminalità organizzata u gruppi terroristiċi. Teknika komuni għall-kriminali hija li jinħolqu kumpaniji fittizji, trusts jew strutturi korporattivi kumplessi biex jaħbu l-identità tagħhom. Dan mhuwiex limitat għal ċerti ġurisdizzjonijiet jew tipi ta’ entitajiet legali jew arranġamenti legali. Dawk li jagħmlu r-reat jużaw l-aktar metodu konvenjenti, faċli u sikur skont il-kompetenzi tagħhom, il-post, u prattiki tas-suq fil-ġurisdizzjoni inkwistjoni.

    F’dawn l-aħħar snin kien hemm aktar enfasi fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-identifikazzjoni effettiva tas-sid benefiċjarju kemm fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali permezz tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u l-Forum Dinji dwar it-trasparenza fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi 26 . Id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-Taxxi Diretti 27 tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri stabbilixxew reġistru ċentrali jew bażi ta’ data biex jiġbru informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, minkejja li l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tipposponi l-iskadenza biex jiġu stabbiliti r-reġistri sa Jannar 2020. Id-Direttiva tal-aħħar tipprevedi wkoll trasparenza addizzjonali u aċċess usa’ għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja.

    Madankollu, għad hemm vulnerabbiltajiet kbar:

    -Il-kriminali jistgħu jużaw strutturi korporattivi kumplessi rreġistrati f’pajjiżi terzi minħabba li r-reġistri previsti fid-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus ikopru biss l-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti legali fl-Istati Membri.

    -Il-kriminali jistgħu intenzjonalment jużaw informazzjoni jew dokumentazzjoni falza sabiex jaħbu l-identità tagħhom.

    -Ir-reġistri nazzjonali dwar is-sjieda benefiċjarja jista’ jkollhom punti dgħajfa fir-rigward tal-implimentazzjoni jew il-ġestjoni teknika tagħhom. Il-kriminali jistgħu jittrasferixxu n-negozji tagħhom lejn Stati Membri b’qafas inqas effettiv.

    2.2.3.Superviżjoni fis-suq intern

    Is-superviżuri huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-obbligi mis-settur privat fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, tali superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu titwettaq mill-awtoritajiet responsabbli li huma inkarigati wkoll mis-superviżjoni prudenzjali. F’xi Stati Membri oħra, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja huma responsabbli minn dan il-kompitu.

    Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE jeżamina l-azzjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u jippreżenta l-konklużjonijiet fir-rigward tal-azzjonijiet li ttieħdu minnhom minn perspettiva li tiġġieled il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll minn perspettiva prudenzjali. Ir-rapport jiffoka fuq is-setgħat, l-organizzazzjoni u r-riżorsi tal-awtoritajiet, is-superviżjoni tal-entitajiet lokali, is-superviżjoni ta’ entitajiet transfruntiera u l-effettività tal-miżuri superviżorji.

    Fis-setturi mhux finanzjarji, l-Istati Membri jistgħu jinnominaw korpi awtoregolatorji biex jissorveljaw konsulenti tat-taxxa, awdituri, kontabilisti esterni, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra kif ukoll aġenti tal-proprjetà immobbli. L-analiżi tindika li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-superviżjoni f’dawn is-setturi għadha qed tbati minn dgħufijiet f’termini ta’ kontrolli, ta’ gwida u tal-livell ta’ rappurtar minn professjonisti legali, b’mod partikolari lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja.

    2.2.4.Kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    Ir-rapport ta’ mmappjar tal-Pjattaforma tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja 28 ta’ Diċembru 2016 29 identifika ostakli għall-aċċess, l-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni operattiva bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni pproponiet miżuri ta’ mitigazzjoni fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali 30 tagħha tal-2017 u ddeskriviet aktar modi kif tista’ titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 31 . Il-miżuri proposti huma parzjalment riflessi fil-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus. Ġie mtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni li tkun għand entitajiet marbutin b’obbligu jew l-awtoritajiet kompetenti, u ġew iċċarati ċerti aspetti relatati mal-kompiti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u mal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    Ir-rapport dwar il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 32 jidentifika l-lakuni eżistenti u jivvaluta l-opportunitajiet biex ikompli jittejjeb il-qafas għall-kooperazzjoni.

    2.2.5.Dgħufijiet oħra li huma komuni għas-setturi kollha

    Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali turi li s-setturi identifikati kollha huma esposti għal xi vulnerabbiltajiet addizzjonali:

    -infiltrazzjoni minn kriminali – kriminali jistgħu jsiru sidien ta’ entità marbuta b’obbligu jew isibu entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu lesti jgħinuhom fl-attivitajiet tal-ħasil tal-flus tagħhom. Dan jitlob testijiet “adattati u xierqa” fis-setturi finanzjarji koperti mid-Direttiva;

    -falsifikazzjoni – it-teknoloġija moderna qed tagħmilha eħfef biex jinħolqu dokumenti foloz u s-setturi kollha qegħdin jiffaċċjaw diffikultà biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi robusti biex dawn jiġu skoperti;

    -skambju ta’ informazzjoni insuffiċjenti bejn is-settur pubbliku u dak privat – għadhom meħtieġa mekkaniżmi mtejba għal feedback mingħand l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja lil entitajiet marbutin b’obbligu;

    -nuqqas ta’ riżorsi, għarfien tar-riskju u għarfien espert biex jiġu implimentati r-regoli kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu – għalkemm xi entitajiet marbutin b’obbligu jinvestu f’għodod sofistikati għall-konformità, ħafna minnhom f’dan il-qasam għandhom għarfien, għodod u kapaċitajiet aktar limitati; kif ukoll

    -riskji li jirriżultaw minn FinTech – l-użu ta’ servizzi online huwa mistenni li jkompli jiżdied fl-ekonomija diġitali, u b’hekk tiżdied id-domanda għall-identifikazzjoni onlajn. L-użu u l-affidabbiltà tal-identifikazzjoni elettronika huwa kruċjali f’dan ir-rigward.

    3.MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI

    3.1.Miżuri ta’ mitigazzjoni skont il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus

    Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li għandha tiġi trasposta sa Jannar 2020, se tarma lill-UE b’għodod li jippermettulha biex b’mod aktar effettiv tipprevjeni li s-sistema finanzjarja tagħha tintuża għall-ħasil tal-flus/għall-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari permezz ta’:

    Øtitjib fit-trasparenza permezz ta’ reġistri pubbliċi dwar is-sjieda benefiċjarja għall-kumpaniji, u reġistri disponibbli pubblikament għal trusts u arranġamenti legali oħra;

    Ølimitazzjoni fl-anonimità offruta mill-muniti virtwali, il-fornituri tal-kartieri u l-kards imħallsa minn qabel;

    Øtwessigħ tal-kriterji għall-valutazzjoni ta’ pajjiżi b’riskju għoli u t-titjib tas-salvagwardji għal transazzjonijiet finanzjarji minn u lejn pajjiżi bħal dawn;

    Ørekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jew sistemi ta’ rkupru;

    Øtitjib fil-kooperazzjoni u fl-iskambju ta’ informazzjoni tas-superviżuri ma’ xulxin, ma’ superviżuri prudenzjali u mal-Bank Ċentrali Ewropew, kontra l-ħasil tal-flus.

    Dawn il-miżuri huma mistennija jkomplu jikkontribwixxu fit-tnaqqis tal-livelli ta’ riskju fis-setturi u l-prodotti kkonċernati. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-konformità mad-dispożizzjonijiet il-ġodda u se tippubblika rapport ta’ implimentazzjoni għal nofs l-2021.

    3.2.Miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE li jinsabu fis-seħħ jew ippjanati li jseħħu

    3.2.1.Miżura leġiżlattiva

    L-aktar miżuri leġiżlattivvi msemmija fil-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 ġew adottati, b’mod partikolari l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kontrolli fuq il-Flus Kontanti 33 , id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus permezz tal-Liġi Kriminali 34 , u r-Regolament dwar l-Importazzjoni ta’ Beni Kulturali 35 . Id-Direttiva dwar l-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u għal informazzjoni oħra 36 tipprevedi aċċess dirett għar-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jew għas-sistemi għall-irkupru tad-data mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-awtoritajiet tat-taxxa, mill-awtoritajiet ta’ kontra l-korruzzjoni u l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi.

    Ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej 37 saħħet il-mandat tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ulterjuri ta’ informazzjoni biex tiżgura li l-awtoritajiet rilevanti kollha jissorveljaw b’mod effettiv u konsistenti r-riskji ta’ ħasil il-flus. Is-setgħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea li taġixxi meta tinkiser il-liġi tal-Unjoni wkoll ġiet iċċarata u msaħħa. L-adozzjoni tal-Ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital 38 tneħħi l-ostakli għall-kooperazzjoni ta’ bejn is-superviżuri prudenzjali u dawk fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu.

    3.2.2.Inizjattivi ta’ politika

    F’Diċembru 2017 il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ esperti dwar l-identifikazzjoni elettronika u l-proċessi mill-bogħod biex wieħed ikun jaf lill-klijent tiegħu 39 . Il-grupp ta’ esperti se jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni huwa u jesplora kwistjonijiet relatati mal-użu minn fornituri tas-servizzi finanzjarji ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika (e-ID) u proċessi diġitali innovattivi oħra, biex dawn jikkonformaw mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus.

    F’Ġunju 2018 il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti 40 . Ir-rapport ikkonkluda li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti ma kinux se jindirizzaw b’mod sinifikanti l-problema tal-finanzjament tat-terroriżmu, għalkemm is-sejbiet preliminari indikaw ukoll li l-projbizzjoni ta’ pagamenti fi flus kontanti ta’ valur għoli setgħet tħalli impatt pożittiv fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

    3.2.3.Miżuri ta’ appoġġ oħra

    ØIt-titjib fil-ġbir ta’ data statistika;

    ØTaħriġ għal professjonisti li jwettqu attivitajiet koperti minn “privileġġ legali”, li jipprovdi gwida u għarfien prattiku biex dawn jiġu megħjuna jagħrfu l-operazzjonijiet possibbli ta’ ħasil il-flus/finanzjament tat-terroriżmu, u kif jipproċedu f’każijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-opzjonijiet biex titjieb il-konformità f’dan is-settur, skont il-ġurisprudenza rilevanti. Proġett ta’ taħriġ għall-avukati ffinanzjat mill-UE huwa previst li jibda kmieni fl-2020. Fl-2018, in-nutara rċevew għotja ffinanzjata mill-UE li tkopri l-ħtiġijiet ta’ taħriġ kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu;

    ØTitqajjem kuxjenza pubblika dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/ir-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu;

    ØAnaliżi ulterjuri tar-riskji ppreżentati minn Hawala u minn servizzi informali ta’ trasferiment ta’ valur – l-iskala tal-problema u soluzzjonijiet possibbli ta’ infurzar tal-liġi;

    ØMonitoraġġ ulterjuri fuq l-iffalsifikar tal-munita u r-rabtiet possibbli tagħha mal-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament 41 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”) u l-estensjoni 42 tiegħu għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, li mistenni jiġi adottat fl-2020;

    ØAktar ħidma biex titjieb is-superviżjoni fl-UE. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE jindika azzjonijiet addizzjonali possibbli biex jissaħħaħ aktar il-qafas leġiżlattiv tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u b’hekk tissaħħaħ l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

    4.Rakkomandazzjonijiet

    Wara li vvalutat ir-riskji fid-dawl tal-qafas legali aġġornat, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu sensiela ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu:

    -il-livelli ta’ riskju tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu;

    -il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE jew li jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni (sussidjarjetà);

    -il-ħtieġa ta’ miżuri regolatorji jew mhux regolatorji (proporzjonalità); kif ukoll

    -l-impatt fuq il-privatezza u d-drittijiet fundamentali.

    Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati kwalunkwe abbuż jew miżinterpretazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha li jirriżultaw fl-esklużjoni tal-klassijiet kollha ta’ klijenti u fit-terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti, mingħajr ma jittieħed kont sħiħ u xieraq tal-livell ta’ riskju fi ħdan xi settur partikolari.

    4.1.Rakkomandazzjonijiet għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej

    4.1.1.Is-segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali tal-2017

    Fir-rapport tal-2017, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jenħtieġ li:

    (1)iqajmu kuxjenza dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu u jidentifikaw l-azzjonijiet xierqa biex itejbu aktar il-kapaċità tas-superviżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu;

    L-awtoritajiet Superviżorji Ewropej irreaġixxew kif ġej billi:

    Øħarġu tmien abbozzi ta’ standards tekniċi, 43  linji gwida 44 u opinjonijiet 45 biex jappoġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu minn istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u s-superviżuri tagħhom. Bħalissa qed ssir konsultazzjoni dwar id-disa’ strument biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu;

    Øtaw taħriġ u organizzaw sessjonijiet ta’ ħidma dwar aspetti tal-approċċ u tas-superviżjoni bbażati fuq ir-riskju fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu; riskji tal-flus elettroniċi; u r-riskji tas-servizz ta’ trasferiment ta’ valur jew ta’ flus. Għas-sessjonijiet ta’ ħidma attendew aktar minn 300 superviżur mill-Istati Membri kollha; kif ukoll

    Øippromovew l-iskambju tal-informazzjoni u l-prattiki tajbin permezz tal-kumitati interni u tal-bordijiet superviżorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u billi stabbilew l-aspettattivi ċari ta’ prattiki superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi, pereżempju tal-Panama Papers.

    Fl-2018, l-Awtorità Bankarja Ewropea nediet rieżami pluriennali mexxi mill-persunal dwar l-approċċi tal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-banek fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jistgħu jittejbu biex jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki u jiġu rimedjati d-dgħufijiet, kif ukoll biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan il-qafas stabbilit mid-dritt tal-Unjoni u l-linji gwida tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Is-sejbiet se jagħmlu parti mill-kontenut tat-taħriġ li l-Awtorità Bankarja Ewropea impenjat ruħha li tagħti fl-2019 u jaġġornaw il-linji gwida dwar is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju skont l-Artikolu 48(10) tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus.

    (2)jieħdu aktar inizjattivi biex titjieb il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri.

    F’Novembru 2018, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej organizzaw konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-linji gwida biex titjieb il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu. L-abbozz tal-linji gwida jiċċara l-aspetti prattiċi tal-kooperazzjoni superviżorja u tal-iskambju tal-informazzjoni u jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kulleġġi l-ġodda ta’ superviżuri fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa mistenni li jiġu ffinalizzati fl-2019.

    Fl-10 ta’ Jannar 2019, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej approvaw il-kontenut ta’ ftehim multilaterali dwar l-aspetti prattiċi tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew li jaġixxi fil-kapaċità superviżorja tiegħu u l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-UE responsabbli mis-superviżjoni għall-konformità tal-obbligi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu.

    (3)jaslu għal aktar soluzzjonijiet għall-operaturi ta’ sorveljanza li jaġixxu permezz tar-reġim ta’ “passaportar”;

    L-awtorità Bankarja Ewropea stabbiliet task force biex tiċċara meta l-aġenti u d-distributuri li joperaw fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih l-istituzzjoni li taħtar għandha l-awtorità, jkunu “stabbilimenti” għall-finijiet tad-Direttiva (UE) 2015/2366 46 , id-Direttiva 2009/110/KE 47 , u r-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus. Ix-xogħol jinsab għaddej u mistenni li jiġi konkluż fl-2019.

    (4)jipprovdu linji gwida aġġornati dwar il-governanza interna sabiex ikomplu jiċċaraw l-aspettattivi madwar il-funzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ konformità f’istituzzjonijiet finanzjarji;

    F’Settembru 2017, is-Sottokumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu ddeċieda, fid-dawl tar-riżorsi limitati tagħhom u tar-riżorsi limitati tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li jipposponi l-abbozzar ta’ linji gwida dwar il-funzjonijiet tal-uffiċjali ta’ konformità u li jiffoka fuq il-kooperazzjoni superviżorja, li tqieset bħala prijorità peress li r-riskji f’dan il-qasam kienu diġà seħħew;

    (5)jipprovdu aktar gwida dwar l-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja għal fondi ta’ investiment, speċjalment f’sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil il-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

    F’Ġunju 2017, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ippubblikaw “linji gwida dwar il-fattur ta’ riskju” 48 dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent issimplifikata u msaħħa u l-fatturi li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw meta jivvalutaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma’ relazzjonijiet individwali ta’ negozju u ma’ tranżazzjonijiet okkażjonali.

    Il-linji gwida fihom gwida settorjali għall-fornituri ta’ fondi ta’ investiment u jistabbilixxu, għall-ewwel darba fil-livell tal-UE, miżuri li l-maniġers ta’ fond(i) jenħtieġ li jieħdu biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta mal-klijent (inkluż fir-rigward tas-sidien benefiċjarji) u kif l-iskala tal-miżuri tiġi aġġustata abbażi tas-sensittiva għar-riskju;

    (6)janalizzaw ir-riskji operazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu marbutin man-negozju/mal-mudell ta’ negozju fis-settur bankarju korporattiv, is-settur bankarju privat u dak ta’ investiment istituzzjonali minn naħa, u servizzi ta’ trasferiment ta’ valur jew ta’ flus kif ukoll flus elettroniċi min-naħa l-oħra.

    L-awtorità Bankarja Ewropea ħadet kont tas-sejbiet fl-analiżi tematika tal-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment. Is-sejbiet huma riflessi fl-opinjoni konġunta dwar ir-riskji ta’ ħasil il-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-sistema finanzjarja tal-Unjoni li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huma obbligati jagħtuha għal kull eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali 49 .

    4.1.2.Is-Sitwazzjoni attwali

    Ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 ġew indirizzati, ħlief ir-rakkomandazzjoni (4) dwar id-dispożizzjoni ta’ linji gwida aġġornati rigward il-governanza interna bl-għan li jiġu ċċarati aktar l-aspettattivi għall-funzjonijiet tal-uffiċjali ta’ konformità fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni ttenni li għad trid titlesta r-rakkomandazzjoni (4).

    Barra minn hekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea hija mistiedna tlesti l-azzjonijiet rilevanti skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018. 50 .

    4.2.Rakkomandazzjonijiet għas-superviżuri mhux finanzjarji

    Għas-settur mhux finanzjarju, ma hemm l-ebda korp fil-livell tal-UE li jikkorrispondi għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Skont il-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi awtoregolatorji biex iwettqu funzjonijiet superviżorji għall-konsulenti tat-taxxa, għall-awdituri, għall-kontabilisti esterni, għan-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra kif ukoll l-aġenti tal-proprjetà.

    Il-Kummissjoni ttenni r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 għall-korpi awtoregolatorji, b’mod partikolari biex iwettqu aktar spezzjonijiet tematiċi u jgħollu l-livell ta’ rappurtar; u jkomplu jorganizzaw skemi ta’ taħriġ li jwasslu għall-fehim tar-riskji u biex jiġu żviluppati obbligi ta’ konformità fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu.

    4.3.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri 51

    4.3.1.Is-segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali tal-2017

    Skont l-Artikolu 6(4) tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet, huma jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom u jipprovdu ġustifikazzjoni għaliha (“ikkonforma jew spjega”). Sal-lum, l-ebda Stat Membru ma għamel notifika bħal din lill-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-rakkomandazzjonijiet tal-2017.

    Il-Kummissjoni kompliet tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2017 għall-Istati Membri permezz ta’ kontrolli dwar it-traspożizzjoni tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, kwestjonarji lill-Istati Membri dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-2017 u permezz tal-aġġornament tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali.

    Għal xi Rakkomandazzjonijiet il-kontribut li wasal lura jew ma kienx sinifikanti, jew l-awtoritajiet nazzjonali enfasizzaw li ż-żmien disponibbli biex jimplimentawhom kien limitat. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jinżammu jew jiġu intensifikati l-isforzi attwali. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed jinnota li l-obbligi legali tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jissostitwixxu, totalment jew parzjalment, uħud mir-Rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-2017, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aktar trasparenza fis-sjieda benefiċjarja, il-limiti mnaqqsa għal xi setturi marbutin mad-diliġenza dovuta tal-klijenti jew inkella l-estensjoni tal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu.

    (1)Il-kamp t’applikazzjoni tal-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju

    Ir-rapport tal-2017 identifika n-negozji b’użu intensiv ta’ flus kontanti u l-pagament fi flus kontanti, is-settur tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-prodotti ta’ flus elettroniċi bħala oqsma li għalihom l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa fil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom u jiddefinixxu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

    Il-biċċa l-kbira tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jieħdu inkonsiderazzjoni r-riskji maħluqa minn operazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ flus kontanti u dawk li jirriżultaw mill-kummerċ ta’ artifatti kulturali u antikitajiet, u daħħlu lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fl-ambitu tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom kif ukoll indirizzaw ir-riskji tal-prodotti tal-flus elettroniċi, f’konformità mar-Raba’ u mal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus.

    Madankollu, diversi Stati Membri għadhom ma adottaw l-ebda valutazzjoni tar-riskju nazzjonali 52 , filwaqt li oħrajn ma indirizzawx ir-riskju ppreżentat mill-prodotti kkonċernati. Dawn l-Istati Membri huma mħeġġa jaġixxu b’urġenza dwar din ir-Rakkomandazzjoni.

    Dan ir-rapport iżomm ir-Rakkomandazzjoni tal-2017 u jistieden lill-Istati Membri kollha biex fil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom ikopru r-riskji assoċjati mal-prodotti msemmija u biex jipprovdu l-miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.

    (2)Sjieda benefiċjarja

    Ir-rapport tal-2017 irrakkomanda lill-Istati Membri li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ arranġamenti legali jenħtieġ li tkun adegwata, preċiża u aġġornata. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu żviluppati għodod biex jiġi żgurat li l-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja ssir meta jiġu applikati l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fuq il-klijenti u li s-setturi l-aktar esposti għal riskji minn skemi ta’ sjieda benefiċjarja mhux ċari jiġu mmonitorjati u ssorveljati b’mod effettiv.

    Ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus kienet diġà pprevediet obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu reġistri tas-sjieda benefiċjarja għall-kumpaniji, għat-trusts u għal arranġamenti legali simili, iżda l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus biddlet il-kuntest u l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ dawn ir-reġistri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma stabbilew dawn ir-reġistri.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni tal-2017 u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fir-rigward tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja 53 .

    (3)Riżorsi xierqa għas-superviżuri u għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 appellat lill-Istati Membri biex jallokaw riżorsi “adegwati” għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw li huma allokaw riżorsi adegwati għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom, kif obbligat skont l-Artikolu 48(2) tad-Direttiva. Madankollu, ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE juri li b’mod kritiku ma kienx hemm biżżejjed superviżuri.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jkomplu jintensifikaw aktar l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam u juru li s-superviżuri fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jwettqu b’mod sħiħ il-kompiti tagħhom.

    (4)Żieda fl-ispezzjonijiet fil-post mis-superviżuri

    Is-settur finanzjarju

    Ir-rapport tal-2017 irrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mudell ta’ superviżjoni bbażat fuq ir-riskju skont il-linji gwida konġunti tal-2016 dwar is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej 54 .

    Diversi Stati Membri indikaw li huma jwettqu spezzjonijiet superviżorji tematiċi regolari fuq id-ditti tal-investiment. Oħrajn irrappurtaw li huma jwettqu valutazzjoni tar-riskju ġenerali.

    Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE juri li ta’ spiss is-superviżuri ma wettqux spezzjonijiet xierqa fuq il-post.

    Is-superviżuri jenħtieġ li jkomplu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post li huma proporzjonati, f’termini ta’ frekwenza u ta’ intensità, għar-riskji tal-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu identifikati. Dawn iridu jiffukaw fuq ir-riskji speċifiċi tal-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, skont il-vulnerabbiltajiet speċifiċi intrinsiċi għal xi prodott jew servizz, b’mod partikolari: l-investimenti istituzzjonali (speċjalment permezz ta’ sensara); is-servizzi bankarji privati, fejn is-superviżuri jenħtieġ li jivvalutaw b’mod partikolari l-konformità mar-regoli dwar is-sjieda benefiċjarja; u l-uffiċċji tal-kambju u s-servizzi ta’ trasferiment ta’ flus jew ta’ valur, fejn l-ispezzjonijiet jenħtieġ li jinkludu evalwazzjoni tat-taħriġ tal-aġenti.

    Is-settur mhux finanzjarju

    Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 titlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iwettqu biżżejjed verifiki għal għarrieda fuq negozjanti li jaħdmu b’valuri għoljin, professjonisti tal-proprjetà immobbli u negozjanti tal-antikitajiet.

    L-Istati Membri jsegwu approċċi differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispezzjonijiet fis-setturi mhux finanzjarji u l-kwalità ta’ dawn is-superviżjonijiet għandha t-tendenza li tvarja aktar.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni li jitwettqu għadd suffiċjenti ta’ spezzjonijiet fuq il-post.

    (5)Spezzjonijiet tematiċi minn awtoritajiet superviżorji

    Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 irrakkomandat li s-superviżuri jiżviluppaw fehim aħjar tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom huwa espost segment speċifiku tan-negozju. 

    Skont it-tweġibiet mill-Istati Membri, meta jiġu spezzjonati setturi tal-entitajiet marbutin b’obbligu, ħafna superviżuri jallokaw ir-riżorsi superviżorji abbażi tar-riskju. L-ispezzjonijiet tas-superviżuri s-soltu jkopru il-konformità mar-rekwiżiti tas-sid benefiċjarju u tat-taħriġ fost l-oħrajn. Fil-biċċa l-kbira tat-tweġibiet, f’dawn l-aħħar sentejn, ma jissemmewx l-ispezzjonijiet tematiċi fis-settur tas-servizzi ta’ trasferiment tal-flus kontanti jew ta’ valur. Is-superviżuri jenħtieġ li jkomplu jtejbu l-fehim tagħhom tar-riskji tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom ikun espost qasam speċifiku tan-negozju. Huma jenħtieġ li jivvalutaw b’mod speċifiku l-konformità mar-regoli dwar is-sjieda benefiċjarja fis-setturi identifikati fl-2017.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jkomplu jiżguraw li s-superviżuri jwettqu spezzjonijiet tematiċi. Barra minn hekk, is-superviżuri jenħtieġ li jiffukaw aħjar ir-riżorsi tagħhom fl-ispezzjonijiet tematiċi.

    (6)Il-kunsiderazzjonijiet għall-estensjoni tal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu

    Ir-rapport tal-2017 indika xi servizzi/prodotti li ma kinux koperti mill-qafas tal-UE li jiġġieled il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu u stieden lill-Istati Membri biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim li jiġġieled il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu għall-professjonisti li qegħdin partikolarment f’riskju.

    Ir-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim li jiġġieled il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu għal dawn il-professjonisti. Il-biċċa l-kbira tat-tweġibiet tal-Istati Membri u l-verifiki tat-traspożizzjonijiet juru li ġeneralment din ir-rakkomandazzjoni ġiet segwita. Barra minn hekk, xi Stati Membri diġà japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fir-rigward ta’ entitajiet ġodda marbutin b’obbligu.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni li trid tingħata attenzjoni mill-qrib lil professjonisti partikolarment f’riskju, inklużi entitajiet ġodda marbutin b’obbligu, li ddaħħlet bil-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (l-aġenti tal-proprjetà immobbli, in-negozjanti tal-arti u tal-antikitajiet u negozjanti speċifiċi li jaħdmu b’oġġetti ta’ valur għoli jekk jaċċettaw pagamenti fi flus kontanti ta’ ’l fuq minn ċertu limitu; il-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali u l-fornituri tal-kartieri).

    (7)Livell xieraq ta’ diliġenza dovuta mal-klijenti għal tranżazzjonijiet okkażjonali

    Ir-rapport tal-2017 ġibed l-attenzjoni għal eżenzjoni mid-diliġenza dovuta tal-klijenti għal tranżazzjonijiet okkażjonali ta’ inqas minn EUR 15 000, u talab lill-Istati Membri biex jiddefinixxu limitu aktar baxx adegwat minħabba r-riskji tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell nazzjonali.

    Il-limitu għat-transazzjonijiet okkażjonali jvarja bejn l-Istati Membri. Xi wħud japplikaw limiti għas-servizzi ta’ trasferiment ta’ flus kontanti jew ta’ valur jew għall-uffiċċji tal-kambju, li xorta jistgħu jitqiesu bħala għoljin. B’riżultat ta’ dan, huwa aktar diffiċli l-monitoraġġ effiċjenti tat-tranżazzjonijiet.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni tal-2017 u jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu gwida dwar id-definizzjoni ta’ “tranżazzjonijiet okkażjonali”, u li jistabbilixxu kriterji li jiżguraw li r-regoli dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ negozju ma jiġux evitati mill-uffiċċji ta’ kambju u mis-servizzi ta’ trasferiment ta’ valur jew ta’ flus;

    (8)Livell xieraq ta’ diliġenza dovuta tal-klijent għal kustodja sigura u għal servizzi simili

    Ir-rapport tal-2017 irrakkomanda li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa biex jiġu mmonitorjati sew is-servizzi ta’ kustodja sikura, b’mod partikolari dawk ipprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji u servizzi simili ta’ kustodja pprovduti minn fornituri mhux finanzjarji.

    Tweġibiet mill-Istati Membri juru li dawn l-attivitajiet huma soġġetti għal regolamentazzjoni kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, irrispettivament minn jekk ikunux imwettqa minn istituzzjoni ta’ kreditu jew le. F’xi Stati Membri l-istituzzjonijiet finanzjarji biss qed jipprovdu dawn is-servizzi.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ diliġenza dovuta tal-klijent għas-servizzi ta’ kustodja sigura u oħrajn simili.

    (9)Kooperazzjoni regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet marbutin b’obbligu

    Ir-rapport tal-2017 irrakkomanda kooperazzjoni msaħħa sabiex tiġi ssimplifikata l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, biex jiżdied l-għadd u l-kwalità tar-Rapporti dwar it-Tranżazzjonijiet Suspettużi, biex tiġi pprovduta gwida dwar ir-riskji, id-diliġenza dovuta tal-klijenti, u r-rekwiżiti ta’ rappurtar. Dan jista’ jinkiseb prinċipalment permezz ta’ feedback mingħand l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja lill-entitajiet marbutin b’obbligu dwar il-kwalità tar-rappurtar iżda wkoll dwar it-tipoloġiji tiegħu. Diversi setturi enfasizzaw in-nuqqas ta’ feedback bħala problema, b’mod partikolari: dawk tal-logħob tal-azzard, il-konsulenti tat-taxxa, l-awdituri, il-kontabilisti esterni, in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, kif ukoll dawk tas-servizzi ta’ trasferiment ta’ flus jew ta’ valur.

    L-analiżi u l-valutazzjoni għall-finijiet tar-rapport li jivvaluta l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja wrew li f’ħafna Stati Membri, il-feedback mingħand l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja mogħti lill-entitajiet marbutin b’obbligu għadu insuffiċjenti, minkejja l-eżistenza ta’ regolamenti interni u ta’ linji gwida settorjali fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit.

    Dan ir-rapport iżomm parzjalment ir-rakkomandazzjoni u jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet marbutin b’obbligu.

    (10)Taħriġ speċjali u kontinwu għal entitajiet marbutin b’obbligu

    Ir-rapport tal-2017 irrakkomanda li t-taħriġ mill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jindirizza r-riskju ta’ infiltrazzjoni jew ta’ sjieda minn gruppi ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari fis-setturi tal-logħob tal-azzard, tal-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts u ta’ kumpaniji, tal-konsulenti tat-taxxa, tal-awdituri, tal-kontabilisti esterni, tan-nutara u ta’ professjonisti legali indipendenti oħra, ta’ xi fornituri tas-servizzi (marbutin mal-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali, il-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi), tal-proprjetà immobbli u tas-servizzi ta’ trasferiment ta’ flus jew ta’ valur.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw li ġie pprovdut taħriġ kif rakkomandat, kif ukoll gwida dwar l-obbligi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu għal setturi differenti.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni li jiġi pprovdut aktar taħriġ, speċjalment fir-rigward ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu partikolarment f’riskju, kif identifikat fil-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017, jew ta’ entitajiet speċifiċi ġodda marbutin b’obbligu.

    (11)Rappurtar annwali mill-awtoritajiet kompetenti/mill-korpi awtoregolatorji dwar attivitajiet kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu tal-entitajiet marbutin b’obbligu taħt ir-responsabbiltà tagħhom

    Il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 uriet li dan l-obbligu ta’ rappurtar għen lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu Valutazzjonijiet tar-Riskju Nazzjonali u ppermetta li tittieħed azzjoni aktar proattiva biex jiġu indirizzati dgħufijiet jew nuqqasijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu b’mod partikolari fis-settur tal-proprjetà immobbli u għall-konsulenti tat-taxxa, għall-awdituri, għall-kontabilisti esterni, għan-nutara u għal professjonisti legali indipendenti oħra.

    F’xi Stati Membri, il-korpi awtoregolatorji kien biss dan l-aħħar li bdew l-attività superviżorja tagħhom peress li ċerti setturi, prinċipalment ċerti negozji u professjonijiet mhux finanzjarji, żdiedu biss permezz tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus. Għaldaqstant s’issa għad hemm statistiki dettaljati kif mitlub fir-rakkomandazzjoni għal ċerti negozji u professjonijiet mhux finanzjarji. Xi Stati Membri ma jaqblux dwar l-utilità ta’ rappurtar annwali dwar l-attivitajiet superviżorji.

    Dan ir-rapport iżomm ir-rakkomandazzjoni u jinkoraġġixxi l-korpi awtoregolatorji biex iwettqu rwol aktar proattiv fis-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus.

    4.3.2.Analiżi tar-riskju skont il-prodott/is-servizz — rakkomandazzjonijiet speċifiċi

    Minbarra r-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm bżonn ta’ azzjoni rigward il-prodott/is-settur speċifiku li ġej 55 :

    (1)Flus kontanti u assi simili għal flus kontanti

    ØFil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-riskji li jirriżultaw minn pagamenti bi flus kontanti, u jieħdu l-miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.

    ØL-awtoritajiet, meta jissuspettaw li hemm attività kriminal, jenħtieġ li jaġixxu fuq l-ammonti ddikjarati li jkunu taħt il-limitu massimu ta’ EUR 10 000.

    (2)Is-settur finanzjarju

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jtejbu s-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ detezzjoni li japplikaw għall-prodotti li huma esposti aktar għar-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu. L-istituzzjonijiet finanzjarji s-soltu ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni relevanti (li bosta drabi tkun għand l-awtoritajiet ta’ infurzar) li tgħinhom biex jidentifikaw ir-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu qabel ma jseħħ. L-istess, l-isforzi tal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi biex jisfrattaw l-attivitajiet u n-networks tat-terroristi jistgħu jkunu mxekkla min-nuqqas ta’ kapaċità biex jiksbu informazzjoni dwar il-flussi finanzjarji li istituzzjonijiet finanzjarji oħra biss jistgħu jipprovdu;

    ØFir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus, huwa essenzjali li l-Istati Membri jiżviluppaw u jtejbu r-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tagħhom biex jgħinu fit-twettiq ta’ proċessi sodi tad-diliġenza dovuta tal-klijenti;

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jwettqu spezzjonijiet tematiċi, filwaqt li jiffukaw fuq oqsma differenti skont is-settur/il-prodott. Għall-ispezzjonijiet fuq il-post f’kumpaniji relevanti f’settur partikolari, huwa iktar effiċjenti f’termini ta’ ħin li jiġu magħżula oqsma ta’ riskju milli li ssir spezzjoni ġenerali; dan jagħti lis-superviżuri stampa ċara tal-aħjar prattiki u tan-nuqqasijiet l-aktar sinifikattivi;

    ØL-għoti ta’ taħriġ u gwida dwar il-fatturi ta’ riskju bħalma huma l-interazzjoni mhux wiċċ imb wiċċ, l-intermedjarji/l-klijenti professjonali offshore u strutturi kumplessi/fittizji, kif ukoll

    ØSegwitu fuq il-konklużjonijiet tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-allegati każijiet reċenti ta’ ħasil il-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE.

    (3)Is-settur u l-prodotti mhux finanzjarji — Negozji u professjonijiet speċifiċi mhux finanzjarji

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet/il-korpi awtoregolatorji kompetenti jipprovdu taħriġ u gwida dwar il-fatturi ta’ riskju, b’enfasi speċifika fuq ir-relazzjonjiet kummerċjali li ma jsirux wiċċ imb wiċċ, l-intermedjarji/il-klijenti jew il-ġurisdizzjonijiet professjonali offshore u strutturi kumplessi/fittizji;

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet/il-korpi awtoregolatorji kompetenti jwettqu spezzjonijiet tematiċi dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju;

    ØL-awtoritajiet/il-korpi awtoregolatorji kompetenti jenħtieġ li jipprovdu lill-Istati Membri b’rapporti annwali dwar il-miżuri li twettqu biex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi tal-entitajiet marbutin b’obbligu lejn id-diliġenza dovuta tal-klijenti tagħhom, inklużi r-rekwiżiti tas-sid benefiċjarju, ir-Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi u l-kontrolli interni, kif ukoll

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi li joffru pariri lil impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istruttura industrijali u kwistjonijiet relatati, kif ukoll pariri u servizzi relatati ma’ fużjonijiet u max-xiri ta’ impriżi, jkunu konformi mal-obbligi tagħhom ta’ sid benefiċjaru.

    (4)Is-settur tal-logħob tal-azzard

    ØL-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jistabbilixxu programmi biex jissensibilizzaw lill-operaturi tal-logħob tal-azzard (online) dwar il-fatturi ta’ riskju emerġenti li jistgħu jaffettwaw il-vulnerabbiltà tas-settur, inkluż l-użu tal-flus elettroniċi anonimi u tal-muniti virtwali kif ukoll it-tfaċċar ta’ operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn mhux awtorizzati. Feedback mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja dwar il-kwalità tar-Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi jtejjeb ir-rappurtar u l-użu li jsir mill-informazzjoni mogħtija. L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jenħtieġ li jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-loghob tal-azzard meta jkunu qed jiżviluppaw mudelli standard għar-Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi fil-livell ta’ UE;

    ØMinbarra s-sessjonijiet ta’ taħriġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jingħata taħriġ adegwat li jiffoka fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju xierqa għall-mudell ta’ prodott/negozju relevanti, għall-persunal, għall-uffiċjali ta’ konformità u għall-bejjiegħa bl-imnut kif ukoll

    ØJenħtieġ li tingħata aktar gwida lill-entitajiet mabutin b’obbligu dwar il-kunċett ta’ “bosta operazzjonijiet li jidher li hemm rabta bejniethom”.

    (5)Ġbir u trasferimenti ta’ fondi permezz ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ ikunu aktar involuti fil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali;

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw programmi ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jintużaw ħażin, u jipprovdu materjal biex ikollhom għarfien dwar dan, kif ukoll

    ØL-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu janalizzaw ir-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

    (6)Prodotti/setturi ġodda — il-futbol professjonali, il-portijiet ħielsa, l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment

    ØIl-futbol professjonali — l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw liema atturi għandhom ikunu koperti mill-obbligu li jirrappurtaw tranżazzjonijiet suspettużi, u liema rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw għall-kontroll u għar-reġistrazzjoni tal-oriġini tad-detenturi tal-kontijiet u tal-benefiċjarji tal-flus.

    ØIl-portijiet ħielsa – l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw awditi indipendenti u regolari kontra l-ħasil tal-flus, fuq il-funzjonijiet miftiehma ta’ konformità tal-operaturi ta’ żoni ħielsa, u jiżguraw infurzar adegwat u konsistenti tal-proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u tas-sorveljanza li diġà huma stabbiliti fil-liġi.

    ØL-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment – l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ir-riskji tal-ħasil tal-flus tal-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment.

    5.KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali u tagħmel rapport ieħor sal-2021. Ir-rieżami se jivvaluta wkoll kif il-miżuri tal-UE u dawk nazzjonali jaffettwaw il-livelli ta’ riskju, u se jeżamina l-impatt tal-bidliet l-aktar reċenti fil-qafas regolatorju. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll studju dwar l-implimentazzjoni effettiva tar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus mill-Istati Membri.

    (1)      Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 0849, 09.07.2018, p.1.
    (2)      Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera, COM (2017) 340 final.
    (3)      Għal deskrizzjoni aktar dettaljata dwar il-metodoloġija, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport SWD(2019) 650.
    (4)      Minkejja li ġiet adottata l-Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha għadha ma għaddietx. Bl-istess mod, il-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 ġiet abbozzata meta ġiet adottata r-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, iżda l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha kienet għadha ma għaddietx.
    (5)      Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) PE/72/2017/REV/1; ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43–74.
    (6)      Istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu, entitajiet li jittrasferixxu valur jew flus, uffiċċji tal-kambju, negozjanti ta’oġġetti u ta’assi b’valur għoli, aġenti tal-proprjetà immobbli, fornituri ta’ servizzi ta’ trusts u ta’ kumpaniji, awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa, nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, kif ukoll fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard.
    (7)      Din il-kategorija tinkludi n-negozji b’użu intensiv ta’ flus kontanti, il-muniti virtwali, il-finanzjament kollettiv u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Tkopri wkoll ċerti mezzi informali, bħal dawk użati minn Hawala u fornituri oħra ta’ servizzi informali ta’ trasferiment ta’ valur; u erba’ prodotti/setturi ġodda li ma ġewx ivvalutati fir-rapport tal-2017: il-magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus li huma privati; il-futbol professjonali; il-portijiet ħielsa; u l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment.
    (8)      Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005, ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6–21.
    (9)

         Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali; PE/82/2018/REV/1; ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1–14.

    (10)      F’April 2019 l-Awtorità Bankarja Ewropea ppubblikat Opinjoni dwar in-natura tan-notifiki tal-passaporti ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament u ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu qed jużaw aġenti u distributuri li jinsabu fi Stat Membru ieħor:    https://eba.europa.eu/-/eba-publishes-opinion-on-the-nature-of-passport-notifications-for-agents-and-distributors-of-e-money
    (11)      “FinTech” tirreferi għal servizzi finanzjarji bbażati fuq it-teknoloġija u appoġġati mit-teknoloġija. “Reg Tech” hija dwar l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda biex jiġi ffaċilitat it-twassil ta’ rekwiżiti regolatorji.
    (12)      Dawn ir-riskji jistgħu jiġu mitigati b’mod effettiv u l-identifikazzjoni u l-verifika tad-data mill-bogħod b’mod preċiż ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jkunu possibbli billi wieħed jistrieħ fuq il-mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fuq livell xieraq ta’ aċċertament.
    (13)      Fil-Ġermanja, kif ivvalutata minn Bussmann, K.-D. u M. Vockrodt, “Geldwäsche-Compliance im Nicht-Finanzsektor: Ergebnisse aus einer Dunkelfeldstudie’, 2016, Compliance-Berater 5: p.138-143).
    (14)      Ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tiddefinixxi l-“korpi ta’ awtoregolamentazzjoni” bħala korpi li jirrappreżentaw membri ta’ professjoni jew li għandhom rwol fir-regolamentazzjoni tagħhom, li jwettqu ċerti funzjonijiet ta’ superviżorju jew ta’ monitoraġġ, u li jiżguraw l-infurzar tar-regoli li jirrigwardawhom.
    (15)      Il-privileġġ legali huwa prinċipju rikonoxxut fil-livell tal-UE li jirrifletti bilanċ delikat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (QĠUE) dwar id-dritt għal proċess ġust (C-305/05), li jirrifletti wkoll il-prinċipji tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll tal-Karta (bħall-Artikolu 47). Fl-istess waqt, jeżistu każijiet fejn dawn il-professjonisti kultant iwettqu attivitajiet li huma koperti mill-privileġġ legali (jiġifieri l-aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom jew id-difiża jew ir-rappreżentazzjoni tal-klijent tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji) u fl-istess waqt attivitajiet li mhumiex koperti minnu, bħall-għoti ta’ pariri legali fil-kuntest tal-ħolqien, tal-operat jew tal-ġestjoni ta’ kumpaniji. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunfidenzjalità, tal-privileġġ professjonali legali u tas-segretezza professjonali jvarja minn pajjiż għal ieħor, u l-bażi prattika li fuqha din il-protezzjoni tista’ tiġi sostitwita jenħtieġ li tiġi ċċarata. F’dan ir-rigward, it-tħassib li ġie indikat mill-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali tal-2017 għadu validu.
    (16)      Jiġifieri mħatri u poker f’postijiet apposta, għall-kuntrarju tal-logħob tal-azzard online.
    (17)      “Persuna ġuridika jew arranġament jew organizzazzjoni li primarjament li huma involuti fil-ġbir jew fl-iżburżar ta’ fondi għal skopijiet ta’ karità, reliġjużi, kulturali, edukattivi, soċjali jew fraterni, jew għat-twettiq ta’ tipi oħra ta’ “xogħlijiet tajbin”,    
    http://www.fatf-gafi.org/media/fatf/documents/reports/BPP-combating-abuse-non-profit-organisations.pdf  
    (18)      L-“NPOs li jwettqu attivitajiet espressivi” huma NPOs involuti l-aktar f’attivitajiet espressivi, li jinkludu programmi ffukati fuq l-isport u r-rikreazzjoni, l-arti u l-kultura, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni ta’ interessi u attivitajiet ta’ promozzjoni.
    (19)      L-“NPOs li jagħtu servizz” huma NPOs involuti f’diversi attivitajiet, bħal programmi ffokati fuq il-forniment ta’ akkomodazzjoni, servizzi soċjali, edukazzjoni u kura tas-saħħa.
    (20)      Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi.
    (21)      F’konformità mal-impenji tal-politika internazzjonali meħuda mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu promossi aktar l-effikaċja u l-effiċjenza, l-assistenza umanitarja tal-UE qed tingħata dejjem aktar permezz tat-trasferiment ta’ flus. Bħal kull assistenza umanitarja tal-UE, il-fondi huma dejjem mgħoddija permezz ta’ sħab umanitarji bħan-NU u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali mhux governattivi. Tali trasferimenti ta’ flus f’operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja ma jintlaqtux minn din il-valutazzjoni.
    (22)      Il-White Paper ta’ Lulju 2007 dwar l-isport tistipula li “l-isport qed iħabbat wiċċu ma’ theddidiet u sfidi ġodda, bħal pressjonijiet kummerċjali, l-isfruttament tal-plejers żgħażagħ, id-doping, il-korruzzjoni, ir-razziżmu, il-logħob tal-azzard illegali, il-vjolenza, il-ħasil tal-flus, u attivitajiet oħra li huma ta’ detriment għall-isport” (il-Kummissjoni Ewropea, White Paper dwar l-Isport, COM(2007) 391 final, 11.07.2007.)
    (23)      Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) twaqqaf mill-ECOFIN fil-9 ta’ Marzu 1998. Huwa prinċipalment jivvaluta l-miżuri tat-taxxa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta (adottati f’Diċembru 1997) għat-tassazzjoni tal-Intrapriżi u jissorvelja l-forniment ta’ informazzjoni dwar dawn il-miżuri.
    (24)      Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment COM(2019) 12 final, 23.01.2019.
    (25)      Il-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li jwaqqaf il-produzzjoni u l-ħruġ tal-karta tal-flus ta’ EUR 500 https://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2016/html/pr160504.en.html
    (26)       http://www.oecd.org/tax/transparency/beneficial-ownership-toolkit.pdf  
    (27)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE; ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1–12.
    (28)

         Grupp informali, li twaqqaf mill-Kummissjoni fl-2006 u li jlaqqa’ flimkien l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istati Membri. http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/

    (29)

         L-eżerċizzju ta’ mmappjar twettaq minn Tim apposta mexxi mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja Taljani (Unità di Informazione Finanziaria per l’Italia - UIF) u minn membri mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Franza (Traitement du Renseignement et Action Contre les Circuits Financiers Clandestins /TRACFIN), tal-Polonja (Generalny Inspektor Informacji Finansowej / GIIF) u tar-Rumanija (Oficiul Nacional de Prevenire si Combatere a Spalarii Banilor / ONPCSB)). L-unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tar-Renju Unit (National Criminal Agency) ikkontribwew għall-Proġett fil-fażi inizjali tiegħu.

    (30)      Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera, SWD(2017) 241 final, pp. 196-198.
    (31)

         Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE, SWD(2017) 275, 26/06/2017.

    (32)      COM(2019) 371.
    (33)      Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005, ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6–2.
    (34)      Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 284, 12.11.2018, 22–30.
    (35)      Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali; PE/82/2018/REV/1; ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1–14.
    (36)      Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI PE/64/2019/REV/1, ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122–137.
    (37)      Intlaħaq ftehim politiku f’Marzu 2019 Ir-Regolamenti riveduti kienu għadhom mhux ippubblikati meta sar dan ir-rapport.
    (38)      Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1–200 u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, OJ L 176, 27.6.2013, p. 338–436.
    (39)      Il-grupp ta’ Esperti huwa ppresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn 21 rappreżentant mill-Istati Membri, inklużi regolaturi, superviżuri u esperti tal-identità, kif ukoll 15-il rappreżentant minn istituzzjonijiet finanzjarji u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2017, C(2017) 8405 final. Il-grupp jenħtieġ li jippreżenta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti lill-Kummissjoni sa Diċembru 2019.
    (40)      COM(2018) 483 final.
    (41)      COM(2018) 369 final
    (42)      COM(2018) 371 final.
    (43)      Dawn huma l-abbozz ta’ Standards Tekniċi Regolatorji Konġunti dwar Punt ta’ Kuntatt Ċentrali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1108 tat-7 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bi standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali għall-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u b’regoli dwar il-funzjonijiet tagħhom, C/2018/2716, OJ L 203, 10.08.2018, p. 2–6; id-Dokument ta’ Diskussjoni dwar l-Istandards Tekniċi Regolatorji dwar is-CCP biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja (JC-2017-08); u r-rispons konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-emenda tal-abbozz tal-Istandards Tekniċi Regolatorji skont l-Artikoli 8(5), 10(2) u 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni, ĠU L 352, 09.12.2014, p. 1–23.
    (44)      Il-linji Gwida Konġunti dwar il-Karatteristiċi ta’ Approċċ għal Superviżjoni bbażata fuq ir-riskju kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (ASE 2016 72); il-Linji Gwida Konġunti dwar il-Konsultazzjoni tal-Kumitat Konġunt dwar il-PRIIPs b’objettivi ambjentali jew soċjali (JC 2017 05); u l-Linji Gwida Konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwiżizzjonijiet u ż-żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-setturi tal-banek, tal-assigurazzjoni u tat-titoli (JC/GL/2016/01).
    (45)      L-opinjoni Konġunta tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (JC-2017-07); u l-Opinjoni dwar l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi minn istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu (JC-2017-81).
    (46)      Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE, OJ L 337, 23.12.2015, p. 35.
    (47)      Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE, ĠU L 267, 10.10.2009, p.7.
    (48)      Linji gwida konġunti skont l-Artikoli 17 u 18(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar id-Diliġenza Dovuta mal-Klijent ssimplifikata u mtejba kif ukoll il-fatturi li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw meta jivvalutaw ir-riskju ta’ ħasil il-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma’ relazzjonijiet individwali ta’ negozju u ma’ tranżazzjonijiet okkażjonali;     https://eba.europa.eu/documents/10180/1890686/Final+Guidelines+on+Risk+Factors+%28JC+2017+37 %29.pdf
    (49)

         Ara t-Taqsima 2.2.3.

    (50)      Irid jiġi enfasizzat li t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej se jaraw ir-rwol u s-setgħat tagħhom jissaħħu b’mod sinifikanti fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi ġodda li dwarhom intlaħaq qbil politiku f’Marzu 2019 (ir-rieżami tar-regolamenti ta’ twaqqif tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u d-dimensjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) u kwalunkwe segwitu ulterjuri dwar ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija jenħtieġ li jitwettaq strettament bir-riżorsi li diġà hemm qbil dwarhom.
    (51)

         Għal aktar dettalji dwar ir-rakkomandazzjonijiet skont il-prodott/is-servizz, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2019) 650 li jakkumpanjah.

    (52)      Waqt il-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport, it-13-il Stat Membru nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom. Mal-15-il Stat Membru jipprevedu li fl-2019 jkunu tlestew. Din il-kwistjoni hija indirizzata wkoll f’każijiet ta’ ksur kontra Stati Membri minħabba t-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva.
    (53)      Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tipposponi l-iskadenza għat-twaqqif tar-reġistri u tiżgura drittijiet ġodda ta’ aċċess għalihom. L-Istati Membri għandhom sal-10 ta’ Jannar 2020 biex jistabbilixxu r-reġistri għall-kumpaniji u sal-10 ta’ Marzu 2020 biex jistabilixxu r-reġistri għat-trusts.
    (54)      Ara l-Linji Gwida Konġunti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Linji Gwida dwar is-Superviżjoni bbażata fuq ir-Riskju; 07/04/2017:     https://esas-joint-committee.europa.eu/Publications/Guidelines/Joint%20Guidelines%20on%20risk-based%20supervision_EN%20%28ESAs%202016%2072%29.pdf
    (55)      Għal aktar dettalji dwar ir-rakkomandazzjonijiet skont il-prodott/is-settur, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2019) 650 li jakkumpanjah.
    Top