Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Latvja tal-2022 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Qieset kif xieraq l-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lil-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata fil-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġiet adottata mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass, pereżempju, permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jissokta l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għall-kisba tal-prioritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha jew subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. L-inċertezza akbar u r-riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, iż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u d-disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali kumplessiva, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u lill-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Abbażi tal-prospetti makroekonomiċi tat-tbassir tax-xitwa 2022, il-Kummissjoni tinnota li jkun xieraq li t-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata xi ftit jew wisq newtrali sseħħ fl-2023, filwaqt li tkun lesta tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiġu differenzjati bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli minn pajjiż għall-ieħor. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti indiretti permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fit-30 ta’ April 2021, il-Latvja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Latvja. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq id-deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Latvja wettqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fit-22 ta’ April 2022, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u, fis-26 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Latvja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż għal-Latvja tal-2022 fit-23 ta’ Mejju 2022. Dan ivvaluta l-progress tal-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u qies l-implimentazzjoni tal-Latvja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Latvja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Latvja, billi fl-2021 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li jinfetħu proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2022 u se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza tal-proposta li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa 2022.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lil-Latvja biex fl-2020 u l-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda lil-Latvja wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja żdied minn 4,5 % tal-PDG fl-2020 għal 7,3 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali tal-Latvja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza żdiedu minn 2,8 % tal-PDG fl-2020 għal 5,2 % fl-2021. Il-miżuri meħuda mil-Latvja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-Gvern fl-2020 u l-2021 huma fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-Gvern matul il-perjodu 2020–2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, li jikkonsistu prinċipalment fi tnaqqis fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, żieda fil-livell limitu għall-allowance tat-taxxa fuq l-introjtu personali, żieda fil-pagi għall-persunal mediku u l-għalliema kif ukoll żieda fil-benefiċċji soċjali minimi. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 44,8 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa realistiku fl-2022 u kawt minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,1 % fl-2022 u bi 2,5 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali simili ta’ 2,0 % fl-2022 u tkabbir kemxejn ogħla ta’ 2,9 % fl-2023, prinċipalment minħabba prospettiva aktar pożittiva għall-konsum u l-esportazzjonijiet privati. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali jonqos għal 6,5 % tal-PDG fl-2022 u għal 2,8 % fl-2023. Id-defiċit kbir fl-2022 jirrifletti prinċipalment il-miżuri inklużi fil-baġit tal-2022, jiġifieri żieda fl-allowance tat-taxxa fuq l-introjtu, pakkett imdaqqas ta’ investiment u żieda fil-pagi għall-impjegati fis-settur tal-kura tas-saħħa, tal-intern u tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, l-appoġġ wiesa’ tal-Gvern lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji biex itaffi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll it-tkabbir ipproġettat aktar bil-mod tad-dħul mit-taxxa minħabba l-impatt negattiv fuq l-ekonomija mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, se jżommu d-defiċit għoli, minkejja li l-appoġġ tal-COVID-19 għall-ekonomija kien ferm aktar baxx fl-2022 milli fl-2021. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 45,7 % fl-2022 u jonqos għal 45,2 % fl-2023. Abbażi ta’ miżuri politiċi magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 7,2 % tal-PDG u 3,0 % rispettivament. Dan huwa ogħla mill-proġezzjoni tad-defiċit fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, prinċipalment minħabba miżuri politiċi addizzjonali inklużi fit-tbassir tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ riżervi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija nazzjonali skont emendi reċenti għal-Liġi dwar l-Enerġija (impatt fiskali stmat ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2022). Il-ħolqien tar-riżervi tħabbar b’mod kredibbli, iżda ma kienx magħruf fiż-żmien tat-tħejjija tal-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG ta’ 47,0 % fl-2022 u 46,5 % fl-2023, ogħla mill-proġezzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà. Id-differenza hija minħabba proġezzjoni ta’ defiċit ogħla u tbassir aktar baxx tal-PDG nominali.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 2,3 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Latvja.
(15)Fl-2022, il-Gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 5,2 % tal-PDG fl-2021 għal 0,8 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,9 % tal-PDG fl-2022 u huma mistennija li jitneħħew gradwalment fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment f’limiti massimi tal-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u l-intraprendituri, kopertura sħiħa ta’ ċerti subkomponenti tat-tariffa tal-elettriku mill-Istat, kif ukoll appoġġ għal gruppi soċjali partikolari u unitajiet domestiċi ifqar. Dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari l-limiti ġenerali massimi tal-prezzijiet tal-enerġija. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,3 % tal-PDG fl-2022 u 0,5 % tal-PDG fl-2023, kif ukoll miż-żieda fl-ispiża tan-nefqa fid-difiża b’0,1 % tal-PDG fl-2022 u b’0,3 % tal-PDG fl-2023.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Latvja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lil-Latvja biex iżżomm f’kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali. Irrakkomanda wkoll lil-Latvja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali li jkollha l-għan li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju u fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex jingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(17)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja tal-2022, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ bi -3,3 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-Latvja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,8 % tal-PDG meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali fl-2022. Għalhekk, il-Latvja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,5 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,8 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,3 % tal-PDG). Il-Latvja ġeneralment iżżomm f’kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2022, peress li l-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2022 hija prinċipalment minħabba l-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna.
(18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal +3,2 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-Latvja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,9 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,8 punt perċentwali tal-PDG fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 2,7 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,9 % tal-PDG) u spejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).
(19)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2,3 % tal-PDG fl-2024 u għal 1,7 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG fl-orizzont tal-programm. Dawn il-proġezzjonijiet jassumu t-tneħħija gradwali tal-programmi ta’ appoġġ u t-tkabbir sod tad-dħul mit-taxxa. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, speċifikament bi tnaqqis għal 44,5 % fl-2024 u 43,4 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi fuq terminu medju.
(20)Id-dħul mit-taxxa tal-Latvja bħala sehem mill-PDG huwa ferm inqas mill-medja tal-UE, u jillimita l-finanzjament għas-servizzi pubbliċi. Il-Latvja tiġbor l-aktar dħul baxx mit-taxxi korporattivi fuq l-introjtu fl-UE (0,7 % tal-PDG fl-2020), filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà huwa ta’ 1,0 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 2,3 % tal-PDG. Barra minn hekk, filwaqt li l-porzjon ta’ taxxa fuq persuna b’paga medja huwa madwar il-medja tal-UE, ir-rata impliċita tat-taxxa fuq ix-xogħol hija fost l-aktar rati baxxi fl-UE, li tindika lok konsiderevoli għal żieda fid-dħul mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol permezz ta’ ġbir aħjar u progressività ogħla. In-nefqa pubblika tal-Latvja fuq il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali hija partikolarment baxxa meta mqabbla mal-medja tal-UE, u dan ifixkel l-aċċess f’waqtu u ugwali għall-kura tas-saħħa u assistenza soċjali adegwata. B’riżultat ta’ dan, il-Latvja għandha parti mill-ogħla inugwaljanza fl-introjtu, l-impatt l-aktar baxx fuq it-tnaqqis tal-faqar mit-trasferimenti soċjali u l-agħar eżiti tas-saħħa fl-UE. Minkejja ż-żidiet reċenti, l-introjtu minimu, il-pensjonijiet minimi u l-benefiċċji tad-diżabilità jaqgħu taħt il-linja tal-faqar. L-aċċess limitat għall-assistenza u s-servizzi soċjali u l-kwalità tagħhom għal gruppi vulnerabbli jkomplu jfixklu l-inklużjoni soċjali. Is-sistema tal-kura fit-tul hija sottożviluppata, bi provvista limitata ta’ kura fid-djar u servizzi bbażati fil-komunità. L-akkomodazzjoni soċjali hija skarsa u ħafna drabi ma tipprovdix kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati. Barra minn hekk, l-assistenza soċjali tvarja bejn il-muniċipalitajiet u spiss ma tkunx immirata biżżejjed. Tassazzjoni ogħla fuq il-proprjetà u l-kapital u aktar progressività tat-tassazzjoni fuq l-introjtu joffru l-aħjar potenzjal għal żieda fid-dħul mit-taxxa peress li dawn is-sorsi jibqgħu mhux utilizzati biżżejjed meta mqabbla mal-medja tal-UE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-isforzi biex titnaqqas l-ekonomija sotterranja jkomplu lil hinn mill-miżuri ppjanati fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b) tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil-Latvja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, il-pjan tal-Latvja jinkludi miżuri li jindirizzaw, sa ċertu punt, is-sitt sfidi ġenerali kollha — fiskali, kapital uman, amministrazzjoni pubblika, produttività u t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Il-pjan jinkludi riformi relatati mal-governanza u l-finanzjament tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-implimentazzjoni ta’ strateġija komprensiva dwar ir-riżorsi umani fil-kura tas-saħħa u l-introduzzjoni tal-indiċjar tal-benefiċċji tal-introjtu minimu. L-investimenti mdaqqsa jinkludu l-ekoloġizzazzjoni tal-erja tat-trasport ta’ Riga permezz tal-akkwist ta’ vetturi pubbliċi nodfa u r-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini u tan-negozji kemm privati kif ukoll pubbliċi. Huwa ppjanat ukoll investiment sinifikanti għall-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali: il-bini ta’ skejjel, parks industrijali u akkomodazzjoni affordabbli u l-immodernizzar tal-isptarijiet. Dawn il-miżuri huma mistennija li jagħtu spinta lill-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija b’mod sostenibbli.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fil-Latvja jammontaw għal 37,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 21 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lil-Latvja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)Il-Latvja għadha ma ppreżentatx formalment il-Ftehim ta’ Sħubija u d-dokumenti l-oħra ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, il-Latvja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Latvja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali inkluż l-aċċess għall-kreditu bankarju. Il-fluss tal-kreditu għas-settur privat kien negattiv għall-biċċa l-kbira tal-aħħar deċennju. Dan sar pożittiv fl-2016 iżda r-rata ta’ tkabbir tal-kreditu baqgħet taħt ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG. Fl-2020, id-dejn tas-settur privat kien ta’ 66,5 % tal-PDG meta mqabbel ma’ 78,3 % tal-PDG ħames snin qabel. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabuha partikolarment diffiċli biex jiksbu l-kreditu, parzjalment minħabba r-riskju ogħla ta’ kreditu tagħhom, iżda jiffaċċjaw ukoll spiża relattivament għolja ta’ kreditu u xogħol amministrattiv ta’ piż. Barra minn hekk, il-likwidità fqira tal-assi offruti għall-kollateral tagħmilha partikolarment diffiċli li wieħed jikseb kreditu barra mir-reġjun ta’ Riga. Dan jippreżenta ostaklu sinifikanti kemm għas-self ipotekarju kif ukoll għas-self lin-negozji. Barra minn hekk, il-finanzjament għat-teknoloġiji ekoloġiċi għall-konsumatur jista’ jsir aktar affordabbli permezz ta’ prodotti ta’ kreditu orħos u aktar fit-tul. L-isforzi ta’ politika ffukaw prinċipalment fuq l-appoġġ tas-self billi kkombinawh ma’ għotjiet pubbliċi. Madankollu, dan iġib miegħu spiża sinifikanti għall-baġit tal-gvern u għalhekk mhuwiex mod sostenibbli biex is-self jingħata spinta. It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-provvista tal-kreditu jeħtieġ titjib ġenerali fit-trasparenza u l-fiduċja tal-ambjent tan-negozju, inkluż tnaqqis tal-ekonomija sotterranja. Barra minn hekk, hemm lok għal żieda fir-rati ta’ rkupru tas-self, li jnaqqsu l-ispejjeż tal-banek assoċjati ma’ self li ma jrendix u li jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ sistema legali aktar effiċjenti. Skemi mmirati ta’ self u garanzija jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji ta’ likwidità ffaċċjati mill-banek meta jaċċettaw kollateral fi swieq relattivament illikwidi. Skemi ta’ self pubbliku għal investimenti strateġikament importanti, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp reġjonali, jistgħu jżidu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq bankarju jew jimlew lakuna fis-suq fejn il-finanzjament bankarju jkun għali wisq jew mhux disponibbli. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ garanzija u self pubbliċi joffru mod ferm aktar kosteffiċjenti ta’ appoġġ għat-teħid b’self privat minn skemi ta’ għotjiet. Minbarra l-ostakli għall-finanzjament bankarju, is-suq Latvjan għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament huwa sottożviluppat u għandu potenzjal li jtejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għal finanzjament.
(25)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet tal-Istati tal-UE jew tal-Gvern, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(26)Skont id-data tal-2020, il-prodotti taż-żejt (33,8 %) u l-gass naturali (21,6 %) jikkostitwixxu madwar nofs it-taħlita tal-enerġija tal-Latvja, il-bqija tikkonsisti prinċipalment f’enerġija rinnovabbli (44,1 %). Ir-Russja forniet kważi l-importazzjonijiet kollha tal-gass naturali tal-Latvja (ogħla mill-medja tal-UE ta’ 44 % tad-dipendenza Russa fuq l-importazzjoni tal-gass) u kienet sors ewlieni (20 %) tal-importazzjonijiet tal-prodotti taż-żejt tal-Latvja (fil-biċċa l-kbira konformi mal-medja tal-UE ta’ 26 % tad-dipendenza Russa fuq l-importazzjoni taż-żejt). Id-dipendenza tal-Latvja fuq il-provvisti tal-gass tar-Russja tnaqqset b’mod sinifikanti bil-konnessjoni tal-gass tagħha mal-Litwanja, li tagħti lil-Latvja aċċess għat-terminal tal-gass naturali likwifikat ta’ Klaipeda. Il-Latvja hija konnessa wkoll mal-Estonja u l-Finlandja, u b’hekk l-erba’ pajjiżi huma parti mill-istess suq tal-gass naturali. Faċilità ta’ ħżin tal-gass li tinsab fil-Latvja tippermetti li jittaffew id-diskrepanzi staġjonali fil-provvista u d-domanda u taħżen riżerva ta’ sigurtà għas-suq Baltiku. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass jibqgħu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Madankollu, jenħtieġ li t-tlestija tas-sinkronizzazzjoni kontinwa mal-grilja elettrika kontinentali tal-UE, l-iżgurar ta’ kapaċità suffiċjenti għall-interkonnessjonijiet mal-Istati Membri ġirien u t-twettiq ta’ proġetti konġunti tal-enerġija rinnovabbli jibqgħu prijorità politika. Minbarra t-titjib fl-infrastruttura tal-gass bil-għan li jiġu żgurati sorsi alternattivi ta’ provvista, it-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija fuq ir-Russja se jirrikjedi li l-Latvja taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u żżid l-effiċjenza fl-enerġija, speċjalment fis-setturi tal-bini u tat-trasport. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-investimenti privati fl-enerġija mir-riħ fuq l-art. L-implimentazzjoni aktar bikrija milli ppjanat tagħhom, kif imħabbar dan l-aħħar mill-Gvern, tista’ tgħin biex jitħaffu l-investimenti fl-enerġija mir-riħ fuq l-art. Madankollu, iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli tirrikjedi wkoll li l-Latvja tesplora opportunitajiet fl-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija inkluża r-rinnovazzjoni profonda jistgħu jissaħħu, b’mod partikolari fil-bini, it-trasport u l-industrija. Biex tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija, il-Latvja qed tikkunsidra investimenti fl-enerġija nukleari f’kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien. Biex il-Latvja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %” se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija.
(27)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, il-Latvja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, il-Latvja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet tal-impjiegi u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(28)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(29)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Latvja, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2022 u fl-2023 il-Latvja tieħu azzjoni biex:
1.Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali ikun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, mill-RePowerEU u minn fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Iżżid it-tassazzjoni, inkluż fuq il-proprjetà u l-kapital, u ssaħħaħ l-adegwatezza tal-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali biex titnaqqas l-inugwaljanza.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Tippreżenta d-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tiffinalizza n-negozjati tagħhom mal-Kummissjoni u sussegwentement tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Ittejjeb l-aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ skemi ta’ self u garanzija pubbliċi bl-għan li tiffaċilita l-investimenti ta’ importanza strateġika, b’mod partikolari t-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp reġjonali.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tiżgura kapaċità ta’ interkonnessjoni suffiċjenti, tiddiversifika l-provvisti u r-rotot tal-enerġija u tnaqqas il-konsum ġenerali tal-enerġija permezz ta’ miżuri ambizzjużi tal-effiċjenza fl-enerġija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President