EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0060

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea

COM/2022/60 final

Strasburgu, 15.2.2022

COM(2022) 60 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea


1.Introduzzjoni

Fid-dinja tal-lum, l-Unjoni Ewropea qiegħda taffaċċja instabbiltà globali u tensjoni ġeopolitika dejjem akbar, kif irrikonoxxut mill-ewwel Analiżi komprensiva tat-Theddid għall-UE li qatt kien hemm, imwettqa f’Novembru 2020 bi tħejjija għall-Boxxla Strateġika tal-UE prevista. Il-kunflitti u l-kriżijiet fil-viċinat tagħna u lil hinn minnu għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà tagħna stess, filwaqt li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jinsabu fil-mira ta’ theddid ibridu sofistikat, inklużi attakki ċibernetiċi u kampanji ta’ diżinformazzjoni li joriġinaw minn barra. Sadanittant il-kriżi klimatika u t-telfien tal-bijodiversità qegħdin joħolqu sfidi għas-sigurtà globali b’mod ġenerali u għall-operazzjonijiet ċivili-militari b’mod partikolari.

Dak kollu li qiegħed iseħħ u ilu jseħħ fil-fruntieri tagħna u madwarhom fuq l-art, l-ajru u fil-baħar, kif ukoll fiċ-ċiberspazju, tul rotot marittimi importanti u fl-ispazju extratmosferiku, jenfasizza l-ħtieġa li nkunu ppreparati aħjar, aktar kapaċi u aktar reżiljenti. Fl-isfond ta’ tellieqa teknoloġika rapida bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea trid tikkonsolida l-vantaġġ teknoloġiku tagħha u tiddefendih. Filwaqt li r-relazzjonijiet ġeopolitiċi jevolvu u l-ambjent tagħna qiegħed jinbidel, l-Unjoni trid tevolvi bl-istess mod, u tintensifika u taċċellera l-kapaċitajiet kollettivi tagħha biex tiddefendi u tiggarantixxi l-valuri fundamentali u liċ-ċittadini tagħha. Qabża kbira ’l quddiem fid-difiża Ewropea hija parti integrali u indispensabbli biex is-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha tiġi ggarantita fis-snin u d-deċennji li ġejjin.

L-avvenimenti attwali u tal-imgħoddi jservu ta’ twissija li l-Ewropej għandhom bżonn jaħdmu aktar mill-qrib flimkien fuq id-difiża biex jiżguraw is-sigurtà tagħhom stess u jsiru fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu għall-oħrajn, billi jsir użu mis-sett wiesa’ liema bħalu ta’ għodod tal-Unjoni. L-UE diġà hija impenjata biex tindirizza l-kunflitti multipli miftuħa u ffriżati fil-viċinati tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar, kif ukoll f’reġjuni differenti fl-Afrika billi hija l-kontinent ġar tagħna. L-intensifikar tal-mobilizzazzjoni militari tar-Russja mal-fruntiera tal-Lvant tal-Ukrajna, fil-Belarussja, u fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li kien hemm dan l-aħħar, flimkien mat-tentattivi ta’ Moska biex tfixkel, tifred u tiddefinixxi mill-ġdid l-arkitettura tas-sigurtà fl-Ewropa, jippreżentaw sfida għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. Dan ifakkarna wkoll li jeħtieġ li nwettqu fil-prattika difiża Ewropea aktar b’saħħitha, fi sħubija sħiħa mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO). It-tmiem ħesrem tal-missjoni militari internazzjonali fl-Afganistan f’Awwissu 2021 għallimna li l-Ewropa jeħtiġilha tkun ippreparata aħjar biex, waħedha, taffronta inkarigi kumplessi ta’ stabbilizzazzjoni u emerġenzi għal għarrieda. Rajna kif l-instabbiltà tista’ tkun ta’ bażi biex jitkattar it-terroriżmu u tista’ tispostja lin-nies, u kif il-poteri globali u reġjonali jistgħu jużaw sitwazzjonijiet bħal dawn biex isiru aktar influwenti u jkollhom aċċess għar-riżorsi. Apparti din il-kumplessità hemm l-effett multiplikatur tat-tibdil fil-klima fuq il-potenzjal għall-kunflitti interni fl-istati u bejn stat u ieħor.

Fl-istess waqt, l-UE jeħtiġilha tintensifika t-tħejjija, il-kapaċità u r-reżiljenza tagħha stess biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini tagħha. It-theddid għas-sigurtà tal-UE qiegħed kulma jmur ikun ta’ natura oħra apparti dik militari. Qegħdin naffaċċjaw attakki ċibernetiċi li jagħmlu aktar ħsara u li għandhom fil-mira tagħhom lill-entitajiet kritiċi tagħna, jipparalizzaw l-impjanti industrijali, il-faċilitajiet tal-provvista tal-enerġija, l-amministrazzjoni tal-ibliet, u l-isptarijiet, filwaqt li l-interferenza u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barra wkoll tolqot il-qalba tad-demokraziji tagħna. L-attakk ibridu ffinanzjat mill-istat li sar mir-reġim ta’ Lukashenko, bi strumentalizzazzjoni tal-migranti għal finijiet politiċi, huwa eżempju ċar tan-natura li qiegħda tevolvi tal-kampanji ibridi li għandhom l-għan li jimminawna, jikkostrinġuna u jimmanipulawna b’tali mod li javviċina iżda li mhuwiex aggressjoni armata. L-UE wieġbet għal din is-sitwazzjoni b’appoġġ umanitarju, kuntatt diplomatiku ma’ pajjiżi terzi, appoġġ lill-Istati Membri tagħna u sanzjonijiet kontra dawk responsabbli. Sadanittant, il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa għal reżiljenza msaħħa wkoll, bil-forzi armati li pprovdew assistenza loġistika, għas-sigurtà u medika lill-awtoritajiet ċivili fl-istadji bikrin fl-2020. F’dan l-ambjent li qiegħed jinbidel malajr, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha ssaħħaħ aktar it-tħejjija, il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tagħha, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ assorbiment tax-xokkijiet u tiżviluppa s-sett ta’ għodod tagħha fis-setturi rilevanti kollha.

L-Istati Membri qegħdin jaħdmu biex jindirizzaw it-theddid u l-isfidi kollha b’mod aktar robust permezz tal-Boxxla Strateġika għas-sigurtà u d-difiża l-ġdida tal-UE (“il-Boxxla Strateġika”), li għandha tiġi adottata mill-Istati Membri f’Marzu 2022. Se tistabbilixxi viżjoni strateġika komuni għad-deċennju li jmiss u tiddeskrivi kif l-UE se ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi u twieġeb għal diversi kriżijiet u sfidi; tiżgura l-interessi tagħha u tipproteġi liċ-ċittadini tagħha; tinvesti u tmexxi fl-innovazzjoni biex tiżviluppa b’mod konġunt il-kapaċitajiet u t-teknoloġiji meħtieġa; u tapprofondixxi s-sħubijiet abbażi tal-valuri u l-interessi tal-UE. B’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tikkontribwixxi ulterjorment għal din il-ħidma.

L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tieħu azzjoni llum qabel għada biex tmexxi ’l quddiem il-kapaċitajiet ta’ difiża tagħha fil-kuntest attwali u tattrezza wkoll lill-UE biex taffaċċja l-kampijiet ta’ battalja tal-futur, bl-involviment ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp teknoloġiku li kapaċi jindirizzaw theddid li jirriżulta minn sistemi ċibernetiċi, ibridi, spazjali kollaborattivi u awtonomi bbażati fuq il-konnettività u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA). Fl-istess waqt, l-ekosistema industrijali ffurmata mid-difiża flimkien mas-settur ajruspazjali u tas-sigurtà tikkostitwixxi ekosistema industrijali b’teknoloġija avvanzata li mhijiex biss xprun essenzjali għall-awtonomija strateġika miftuħa u għas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa, iżda wkoll kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Minbarra li jikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, is-settur tad-difiża Ewropew jista’ jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku sostenibbli wara l-pandemija u għan-natura innovattiva kumplessiva ta’ ekosistema li għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi enormement għat-tranżizzjoni ekoloġika u twassal għal riperkussjonijiet pożittivi għall-użu ċivili.

Nistgħu niksbu l-objettivi tagħna biss billi niżviluppaw, nakkwistaw u noperaw it-tagħmir militari tagħna flimkien. L-UE implimentat għodod u strumenti ġodda 1 biex iġġib fix-xejn il-frammentazzjonijiet li ilhom jeżistu u li jxekklu l-effiċjenza tas-settur tad-difiża tal-Ewropa u jnaqqsu l-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jiżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kapaċitajiet ta’ difiża li se jkunu kritiċi għas-sigurtà tal-ġejjieni tal-Ewropa u għall-kapaċità tagħha li tipprovdi sigurtà fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu.

B’mod partikolari, il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund) 2 , b’baġit qrib EUR 8 biljun għall-2021-2027, diġà huwa żvolta biex tiġi stabbilita ekosistema Ewropea tad-difiża li kapaċi tipprovdi teknoloġiji u tagħmir interoperabbli tad-difiża tal-ogħla livell ta’ żvilupp teknoloġiku li se jtejbu l-libertà ta’ azzjoni tal-Unjoni u s-sovranità teknoloġika tagħha kif ukoll il-kompetittività tagħha.

F’dan il-kuntest diffiċli, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-ħidma sfiqa tagħha mar-Rappreżentant Għoli u mal-Istati Membri sabiex:

oTiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u ffukata tal-istrumenti u l-inizjattivi innovattivi li stabbilejna, bħall-EDF u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, inkluż permezz ta’ għadd ta’ miżuri addizzjonali mressqa f’din il-Komunikazzjoni;

oTiġi appoġġata kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri u bejn l-industriji, msejsa fuq ir-riżorsi finanzjarji neċessarji u nfiq kollaborattiv imtejjeb f’konformità mal-impenji eżistenti, sabiex tittejjeb il-kosteffettività, tissaħħaħ l-interoperabbiltà, titkattar l-innovazzjoni u jittejbu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-qasam industrijali;

oTissaħħaħ il-ħila tagħna li nirreaġixxu meta ffaċċjati bi kriżijiet akuti, inklużi attakki ċibernetiċi u kampanji ibridi, kif ukoll sfidi fuq terminu itwal u kontestazzjonijiet ġeopolitiċi f’oqsma strateġiċi, abbażi ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ u billi jiġu rinfurzati s-sinerġiji b’użu doppju u s-sinerġiji ċivili-militari f’varjetà wiesgħa ta’ politiki, għodod u strumenti mmexxija mill-Kummissjoni;

oTinżamm u tissaħħaħ interazzjoni mill-qrib man-NATO, f’konformità mal-impenji meħuda u l-prinċipji maqbula li jiggwidaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO skont id-Dikjarazzjonijiet Konġunti, kif ukoll ma’ sħab internazzjonali ewlenin oħra bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u sħab bilaterali tal-istess fehma inklużi l-Istati Uniti tal-Amerka, in-Norveġja 3 u l-Kanada.

F’dan il-kuntest ġeopolitiku u teknoloġiku li dejjem qiegħed jevolvi, u fid-dawl tas-Summit informali previst f’Pariġi fl-10 u fil-11 ta’ Marzu 2022, din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi miżuri u inizjattivi ġodda u konkreti f’għadd ta’ oqsma kritiċi u tidentifika fatturi ewlenin ta’ suċċess fid-direzzjoni ta’ suq Ewropew tad-difiża aktar kompetittiv u armonizzat, inkluż billi:

-Jiġu intensifikati l-investimenti għar-riċerka fis-settur tad-difiża u l-kapaċitajiet żviluppati f’oqfsa ta’ kooperazzjoni tal-UE;

-Jiġu ffaċilitati s-sinerġiji bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-setturi ċivili u tad-difiża u jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi;

-Jiġi inċentivat l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet ta’ difiża żviluppati b’mod kollaborattiv fi ħdan l-UE;

-Issir stedina lill-Istati Membri biex ikomplu mexjin fid-direzzjoni ta’ prattiki integrati u aktar konverġenti ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, b’mod partikolari għall-kapaċitajiet ta’ difiża żviluppati f’qafas tal-UE;

-Tissaħħaħ id-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża tal-ispazju fil-livell tal-UE;

-Tissaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea, fost l-oħrajn billi tiġi intensifikata ċ-ċibersigurtà u jiġu miġġielda t-theddidiet ċibernetiċi u kwalunkwe theddida ibrida oħra, tissaħħaħ il-mobbiltà militari u jiġu indirizzati l-isfidi għad-difiża relatati mat-tibdil fil-klima.

Permezz ta’ dawn l-elementi kostitwenti u bis-saħħa tas-sinerġiji bejn il-politiki interni u esterni inklużi dawk imrawma fl-ambitu tal-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-2020, il-Kummissjoni se tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv fis-snin li ġejjin għall-proċess biex tinbena Unjoni Ewropea tad-Difiża b’inizjattivi u proġetti mmirati, billi tintuża l-firxa kompluta ta’ għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex tkompli tiġġieled it-theddid fuq diversi livelli u li jevolvi malajr li qegħdin naffaċċjaw.

2.Jiġu intensifikati l-investimenti għar-riċerka fis-settur tad-difiża u l-kapaċitajiet żviluppati f’oqfsa ta’ kooperazzjoni tal-UE

L-EDF huwa programm ambizzjuż, ibbilanċjat u inklużiv li jiżgura l-involviment qawwi tal-Istati Membri sabiex il-proġetti ffinanzjati jissodisfaw il-ħtiġijiet operazzjonali tal-forzi armati, u jwittu t-triq għall-produzzjoni u l-akkwist. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà tiegħu jħallu s-suq miftuħ filwaqt li jsaħħu l-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea u jipproteġu s-sigurtà u l-interessi strateġiċi tal-UE.

Sa tmiem l-2022, il-Kummissjoni Ewropea se tkun investiet EUR 1,9 biljun fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp tal-kapaċitajiet fil-qasam tad-difiża u b’hekk tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Istati Membri f’termini ta’ kapaċitajiet. Għaldaqstant se tagħti bidu għal proġetti ewlenin ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet kollaborattivi fuq skala kbira li jindirizzaw nuqqasijiet kritiċi filwaqt li jistimulaw ukoll l-innovazzjoni tad-difiża, inklużi, b’mod partikolari, l-oqsma speċjalizzati. Dawn l-investimenti jinkludu proġetti iżgħar u sejħiet miftuħa li jwessgħu l-parteċipazzjoni transfruntiera ta’ negozji ġodda u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), b’massimu ta’ 8 % tal-baġit għall-2021 allokati għall-finanzjament ta’ teknoloġija fixkiela għad-difiża u madwar 6 % ddedikati għal sejħiet miftuħa għall-SMEs. Dawn jirrappreżentaw 48 % tal-1 100 entità li ppreżentaw proposti u 20 % tad-domanda totali għall-finanzjament 4 għas-sejħiet fl-ambitu tal-EDF għall-2021 5 . Il-Kummissjoni se tibqa’ tippromovi s-sehem tal-SMEs fl-UE kollha, inkluż billi tinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta’ dawk l-aktar innovattivi u kompetittivi fil-ktajjen tal-provvista.

L-ewwel sejħiet għal proposti ppubblikati fl-2021 diġà għandhom ippjanat li jallokaw madwar EUR 700 miljun għall-proġetti li jindirizzaw pjattaformi u sistemi tad-difiża kumplessi u fuq skala kbira bħal sistemi tal-ajruplani tal-ġlied tal-ġenerazzjoni li jmiss, flotta ta’ vetturi tal-art, bastimenti tal-għassa lil hinn mill-kosta multirwol u modulari, u difiża kontra l-missili ballistiċi.

Apparti minn hekk, permezz tal-programm prekursur tiegħu għall-iżvilupp 6 , żewġ proġetti maġġuri ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet ta’ importanza strateġika kbira rċevew għotja totali ta’ madwar EUR 140 miljun. MALE RPAS tappoġġa l-iżvilupp ta’ dron b’reżistenza twila f’altitudni medja. Tikkontribwixxi biex tinbena s-sovranità teknoloġika fid-droni, assi kritiku għall-forzi armati tal-Istati Membri. Ir-Radju Sigur Ewropew definit b’Software (ESSOR, European Secure Software-defined Radio) se jagħti spinta lill-interoperabbiltà billi joħloq standardizzazzjoni Ewropea għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni sigura fil-qasam tad-difiża. Proġetti oħra sinifikattivi ffinanzjati jiffukaw, fost l-oħrajn, fuq il-kmand u l-kontroll, it-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-IA, il-ġlied kollaborattiv, iċ-ċiberdifiża jew l-osservazzjoni bbażata fl-ispazju.

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża huwa proċess fuq terminu twil, li jirrikjedi ppjanar ikkoordinat u bil-quddiem. L-orjentazzjoni strateġika għall-EDF tingħata permezz tal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet ta’ difiża li dwarhom jaqblu l-Istati Membri b’mod konġunt fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), u b’mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP, Capability Development Plan) u b’mod koerenti ma’ inizjattivi oħra tal-UE relatati mad-difiża bħar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO).

Minbarra li tipprovdi trasparenza u prevedibbiltà speċjalment fid-dawl tal-ippjanar tal-baġits tad-difiża nazzjonali, il-Kummissjoni ħejjiet perspettiva pluriennali indikattiva u flessibbli għall-erba’ snin li jmiss, li għandha tiġi rieżaminata kull sena fid-dawl tal-iżviluppi. Tiżgura l-konsistenza tal-proġetti ta’ kapaċità ta’ difiża kollaborattiva u l-koerenza tal-programmi ta’ ħidma tul id-durata tal-EDF filwaqt li tipprovdi wkoll kemm it-trasparenza kif ukoll il-prevedibbiltà. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jsaħħu l-perspettiva annwali pluriennali filwaqt li jqisu l-kapaċitajiet ewlenin u l-faċilitaturi kritiċi identifikati bħala prijoritajiet mill-Istati Membri b’segwitu għall-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika.

Bis-saħħa tal-effett katalitiku tiegħu, l-EDF se jkompli għalhekk iwitti t-triq għall-investimenti mmirati fil-qasam tad-difiża b’appoġġ għall-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB, European Defence Technological and Industrial Base) u jadatta ruħu għall-prijoritajiet li dwarhom jaqblu l-Istati Membri b’mod konġunt fl-UE. Sabiex l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ kapaċità ta’ difiża fuq skala kbira jiġu appoġġati aħjar, għandha tiġi vvalutata l-possibbiltà għal programmi ta’ ħidma multiannwali fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-EDF. Bl-istess mod huwa importanti li jiġi żgurat li politiki orizzontali oħra, bħal inizjattivi li jirrigwardaw il-finanzi sostenibbli, jibqgħu konsistenti mal-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tagħmilha faċli li l-industrija tad-difiża Ewropea jkollha biżżejjed aċċess għall-finanzjament u l-investiment.

Sabiex tkompli ttejjeb kemm il-kooperazzjoni fil-qafas tal-EDF kif ukoll l-integrazzjoni tas-suq intern tad-difiża, il-Kummissjoni se tkompli wkoll taħdem mal-Istati Membri biex jisfruttaw il-possibbiltajiet offruti mid-Direttiva 2009/43/KE 7 fir-rigward tat-trasferiment intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati t-trasferimenti relatati ma’ proġetti kollaborattivi ffinanzjati mill-UE. Billi tipprovdi pariri dwar ir-regoli u l-proċeduri skont id-Direttiva 2009/43/KE, u taħdem biex jintlaħaq kunsens fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se jkollha fil-mira tagħha l-issimplifikar tat-trasferiment tal-prodotti relatat mad-difiża fi ħdan is-suq intern, u b’mod partikolari fil-qafas ta’ proġetti kollaborattivi ffinanzjati mill-UE, u l-iffaċilitar ta’ skambji tal-aħjar prattiki.

It-titjib tal-koordinazzjoni, taċ-ċentru tal-attenzjoni u tal-livell tal-investimenti fil-qasam tad-difiża kollaborattiva huwa kritiku biex tittejjeb l-effiċjenza kumplessiva tal-infiq fuq id-difiża fl-UE, filwaqt li jitqiesu wkoll l-impenji eżistenti bħal dawk meħuda fil-kuntest tal-PESCO biex il-baġits tad-difiża jiżdiedu regolarment. It-twettiq kollettiv tal-kapaċitajiet ta’ difiża strateġika jista’ jinkiseb biss permezz ta’ ppjanar ikkoordinat kif ukoll investimenti pubbliċi nazzjonali u tal-UE li fil-mira tagħhom ikollhom prijoritajiet komuni tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll aktar inċentivi biex tistimula l-investimenti kollaborattivi tal-Istati Membri fil-kapaċitajiet tad-difiża strateġika, b’mod partikolari fil-każijiet li fihom dawn jiġu żviluppati u/jew akkwistati f’oqfsa kooperattivi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tinkludi kapitolu b’osservazzjonijiet fuq l-iżviluppi, l-ostakli u l-opportunitajiet relattivi għall-proġetti multinazzjonali dwar il-kapaċitajiet ta’ difiża fir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku, li normalment jiġi ppubblikat flimkien mal-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll kif tintensifika l-isforzi kollettivi biex tiżgura u tikkoordina l-kofinanzjament tal-Istati Membri li jingħadda permezz tal-EDF bl-għan li tiżgura valur akbar għall-flus.

Il-passi li jmiss

ØBis-saħħa tal-EDF, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ b’mod attiv lill-Istati Membri biex jiddefinixxu ulterjorment il-prijoritajiet u l-faċilitaturi fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ difiża strateġika b’segwitu għall-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika permezz tas-CDP rivedut u l-eżiti tal-CARD. Se tikkontribwixxi biex jiġu allinjati l-ippjanar tad-difiża u l-infiq kolletiv sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tagħhom.

ØIl-Kummissjoni se tiżviluppa aktar inċentivi biex tistimula l-investimenti kollaborattivi tal-Istati Membri fil-kapaċitajiet tad-difiża strateġika, b’mod partikolari dawk li jkunu se jiġu żviluppati u/jew akkwistati f’oqfsa kooperattivi tal-Unjoni Ewropea, u se tirrapporta dwar l-iżviluppi, l-ostakli u l-opportunitajiet relattivi għall-proġetti multinazzjonali dwar il-kapaċitajiet ta’ difiża fir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku.

ØFl-2022, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita aktar it-trasferiment tal-prodotti relatati mad-difiża ffinanzjati mill-UE fis-suq intern, b’mod partikolari billi tappoġġa l-isfruttament sħiħ tal-possibbiltajiet offruti mid-Direttiva 2009/43/KE.

3.Jiġu ffaċilitati s-sinerġiji bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-setturi ċivili u tad-difiża u jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi

Il-Kummissjoni, fil-Pjan direzzjonali tagħha dwar teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża li huwa adottat flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 8 , tiddeskrivi perkors biex tingħata spinta lir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni u jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE fit-teknoloġiji kritiċi u ktajjen tal-valur għas-sigurtà u għad-difiża.

Abbażi tal-aġġornament tal-“Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” 9 u l-Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali 10 , tipproponi l-passi li jmiss għall-UE u għall-Istati Membri biex: 

-jidentifikaw it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża tal-UE; 

-jippromovu mill-bidu nett approċċ strateġiku u kkoordinat mifrux mal-UE kollha għal dawk it-teknoloġiji kritiċi billi jiġu ingranati l-programmi ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni;

-inaqqsu d-dipendenzi strateġiċi.

Dan jirrikjedi għarfien akbar tal-kritiċità ta’ ċerti teknoloġiji, bħas-semikondutturi, għas-setturi tas-sigurtà u tad-difiża, identifikazzjoni aħjar tad-dipendenzi strateġiċi relatati, u miżuri possibbli ta’ mitigazzjoni, filwaqt li titqies id-diversità tas-sorsi u l-eventwalità li l-użu operazzjonali tat-teknoloġija jista’ jiġi kompromess jew miċħud 11 . L-Osservatorju tat-teknoloġiji kritiċi 12 (“l-Osservatorju”) se jistabbilixxi mekkaniżmu apposta biex jidentifika tali valutazzjonijiet, abbażi tal-inputs tal-Istati Membri u tal-industrija. Is-sejbiet tal-Osservatorju se jkunu strumentali biex jixprunaw ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ dawk it-teknoloġiji, b’approċċ ikkoordinat mifrux mal-UE kollha. Din il-ħidma tikkomplementa sforzi usa’ biex tiġi indirizzata s-sigurtà tal-provvista ta’ beni ċivili kritiċi, f’oqsma bħas-saħħa u l-enerġija 13 .

Il-Kummissjoni se tħejji wkoll approċċ biex tħeġġeġ l-użu doppju għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE, u se tagħmel użu minn Skema ta’ Innovazzjoni fil-qasam tad-difiża biex tappoġġa l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fir-rigward tat-teknoloġiji kritiċi f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Hub tal-Innovazzjoni fil-qasam tad-Difiża li għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA, European Defence Agency).

Fl-aħħar nett, sabiex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta b’mod sistematiku l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà u d-difiża meta timplimenta u tirrieżamina l-istrumenti tal-UE li diġà jeżistu jew meta tkun qiegħda tfassal strumenti ġodda.

4.Jiġi inċentivat l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet żviluppati b’mod kollaborattiv fi ħdan l-UE

L-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej min-naħa tal-Istati Membri, b’mod sostanzjali, iżid l-interoperabbiltà tal-forzi armati nazzjonali Ewropej u jappoġġa l-kompetittività tal-EDTIB, b’mod partikolari permezz ta’ ekonomiji ta’ skala akbar.

Madankollu, l-Istati Membri għadhom ma laħqux il-parametru referenzjarju kollettiv li ilu jeżisti fir-rigward tal-akkwist kollaborattiv Ewropew tat-tagħmir 14 – 35 % tal-infiq fuq it-tagħmir ta’ difiża, li ġie kkonfermat minnhom fl-ambitu tal-qafas tal-PESCO 15 . Skont l-EDA, fl-2020, l-Istati Membri 16 nefqu madwar EUR 37 biljun fin-nefqa fuq l-akkwist tat-tagħmir ta’ difiża (jiġifieri l-akkwist ta’ tagħmir ġdid ta’ difiża). Minn dan l-ammont, madwar 11 % biss (madwar EUR 4,1 biljun) 17 , intefqu fuq in-Nefqa fuq l-Akkwist Kollaborattiv Ewropew tat-Tagħmir ta’ Difiża (jiġifieri l-akkwist ta’ tagħmir ġdid ta’ difiża b’kollaborazzjoni ma’ Stati Membri oħra). Dan ifisser li l-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-Istati Membri fuq l-akkwist tat-tagħmir ta’ difiża (madwar 89 %) saret fuq bażi nazzjonali u/jew f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

Is-sena 2020 mhijiex eċċezzjoni u tista’ saħansitra titqies bħala parti minn xejra li ggravat f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt, il-perċentwal ta’ akkwist kollaborattiv Ewropew tat-tagħmir ta’ difiża ilu jonqos b’mod kostanti mill-2016, u ċ-ċifra tal-2020 hija l-aktar waħda baxxa minn mindu ilha tinġabar data simili (2005).

Żewġ strumenti tal-UE diġà jwittu t-triq għall-akkwist konġunt. Bħala kundizzjoni għall-appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet ta’ żvilupp, ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b’mod ikkoordinat. Id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża tipprevedi esklużjoni apposta mir-regoli dwar l-akkwist pubbliku għall-proġetti kooperattivi bbażati fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) 18 . Din l-esklużjoni tapplika wkoll għall-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja wara r-Riċerka u l-Iżvilupp jekk il-kuntratti ta’ akkwist jingħataw fil-qafas tal-istess proġett kooperattiv. Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż 19 li jipprovdi gwida dwar diversi possibbiltajiet għal akkwist kooperattiv fl-ambitu tad-Direttiva. Se jkun disponibbli aktar appoġġ għall-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Akkwist fil-Qasam tad-Difiża u tas-Sigurtà.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tinċentiva ulterjorment l-akkwist konġunt tal-Istati Membri tal-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej, inkluż b’rabta mal-operazzjonijiet u l-manutenzjoni. Madankollu, biex dan isir, hemm għadd ta’ ostakli finanzjarji u fiskali prattiċi li jridu jiġu indirizzati.

Il-Kummissjoni se tesplora kif tagħti lok għal possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) biex tappoġġa l-akkwist konġunt u s-sjieda konġunta tal-kapaċitajiet ta’ difiża li jiġu żviluppati b’mod kollaborattiv fi ħdan l-UE. Dawn il-kapaċitajiet se jkunu għad-disponibbiltà tal-Istati Membri biex jużawhom għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet fil-qafas tal-PSDK 20 jew fil-kuntest tal-attivitajiet fil-livell nazzjonali, tan-NU u tan-NATO. Miżura bħal din tista’ b’mod speċjali tkun ta’ benefiċċju għall-kapaċitajiet żviluppati f’oqfsa kooperattivi tal-UE (l-EDF u/jew PESCO u/jew fl-EDA). It-twaqqif ta’ qafas ġuridiku mnebbaħ mill-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka 21 li jibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT fuq tagħmir li jakkwistaw u jippossjedu l-konsorzja tal-Istati Membri, jista’ jiġi kkunsidrat f’dan il-kuntest.

Bl-istess mod, abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni interim tal-EDF, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tirrinforza s-sistema attwali tal-bonusijiet tal-EDF, sabiex tipprovdi inċentiv finanzjarju bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jieħdu impenn li jakkwistaw u/jew jippossjedu b’mod konġunt il-kapaċitajiet ta’ difiża li jkunu qegħdin jiġu żviluppati 22 . Dan jipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-kollaborazzjoni tissokta ladarba jkunu għaddew il-fażijiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp, jiġifieri fil-fażijiet tal-akkwisti, kif ukoll tal-operazzjonijiet u tal-manutenzjoni.

Barra minn hekk, abbażi tal-ħidma tal-Grupp tal-Esperti dwar is-Sett ta’ Għodod Finanzjarji, soluzzjonijiet ġodda ta’ finanzjament jistgħu jwasslu biex l-Istati Membri jużaw aktar l-entitajiet tal-akkwist konġunt li diġà jeżistu bħall-EDA jew l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR, Organisation Conjointe de Coopération en matière d'Armement). B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-EDF, bħal dawk relatati mal-akkwist prekummerċjali 23 jistax ikun previst appoġġ finanzjarju lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet tal-akkwist konġunt biex issir koordinazzjoni ulterjuri tal-proċeduri ta’ akkwist tagħhom, inkluż billi jkopri l-kostijiet amministrattivi/tat-tranżazzjonijiet relatati mal-akkwist konġunt ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża.

Il-passi li jmiss

ØSal-bidu tal-2023, il-Kummissjoni se tkun ressqet proposta li tippermetti eżenzjoni mill-VAT biex tappoġġa l-akkwist u s-sjieda konġunti tal-kapaċitajiet ta’ difiża żviluppati b’mod kollaborattiv fl-UE, filwaqt li tiżgura l-konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

ØSa nofs l-2023, se tibni fuq il-ħidma tal-Grupp tal-Esperti dwar is-Sett ta’ Għodod Finanzjarji bl-għan li tipproponi soluzzjonijiet ġodda ta’ finanzjament biex jiġi ffaċilitat l-akkwist konġunt min-naħa tal-Istati Membri ta’ kapaċitajiet ta’ difiża strateġika tal-UE abbażi tal-għarfien espert disponibbli diġà.

ØWara li ssir l-evalwazzjoni interim tal-EDF 24 , il-Kummissjoni se tistħarreġ il-possibbiltà ta’ emenda tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2021/697 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża biex tirrinforza s-sistema ta’ bonusijiet tal-EDF meta l-Istati Membri jieħdu impenn li jakkwistaw u/jew jippossjedu b’mod konġunt il-kapaċitajiet tad-difiża li jkunu qegħdin jiġu żviluppati.

5.Issir stedina lill-Istati Membri biex ikomplu mexjin fid-direzzjoni ta’ prattiki integrati u aktar konverġenti ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet

Filwaqt li l-Istati Membri huma inkarigati mill-ħruġ tal-liċenzji ta’ esportazzjoni għat-tagħmir militari, huma jivvalutaw id-deċiżjonijiet tagħhom abbażi tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 25 li tiddefinixxi kriterji komuni għall-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir militari. Tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta’ notifika ta’ rifjut u ta’ konsultazzjoni bl-għan li tiżdied il-konverġenza fl-applikazzjoni tal-politika ta’ esportazzjoni tagħhom għall-prodotti relatati mad-difiża.

Madankollu, malli l-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet ta’ difiża jibda jsir ir-regola fl-UE u mhux aktar l-eċċezzjoni, l-Istati Membri se jibbenefikaw minn aktar kondiviżjoni tal-aħjar prattika u gradwalment dan iwassal għal approċċ aktar konverġenti fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet tal-armi. Il-Kummissjoni, filwaqt li tibni fuq il-ħidma li diġà saret, u filwaqt li tagħraf li l-esportazzjonijiet huma fattur ewlieni ta’ suċċess għall-mudell ta’ negozju tal-industrija tad-difiża Ewropea, tappoġġa l-fatt li l-Istati Membri jimxu fid-direzzjoni ta’ integrazzjoni gradwali msaħħa u aktar konverġenza tal-prattiki ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, speċjalment għal dawk il-kapaċitajiet ta’ difiża li jiżviluppaw flimkien, b’mod partikolari taħt l-EDF.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni turi sodisfazzjon għar-riflessjoni li nbdiet fil-Kunsill 26  dwar l-esportazzjoni tal-kapaċitajiet li ġew żviluppati f’qafas tal-UE u tħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu għaddejjin b’dawn id-diskussjonijiet biex jiffaċilitaw il-proċeduri ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet għal tali prodotti. Dan il-proċess jista’ wkoll jirrikorri għall-esperjenza ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri għall-kapaċitajiet żviluppati b’mod konġunt.

Sabiex ma tiġix imfixkla l-kooperazzjoni, din il-ħidma għandha tiffaċilita d-definizzjoni ta’ proċeduri ċari u faċli li wieħed jimplimentahom. Għandhom jiġu definiti miżuri effiċjenti ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet sabiex il-prodotti ffinanzjati mill-EDF ikollhom aċċess adegwat u kompetittiv għas-swieq internazzjonali filwaqt li jiġu ppreservati d-deċiżjonijiet sovrani tal-Istati Membri, billi jitħarsu kompletament l-obbligi ġuridiċi rilevanti tagħhom u jitqiesu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tagħhom. Sabiex tiġi ppreservata l-attrattività tal-proġetti konġunti fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ li skontu, fil-prinċipju, ma jżommux lil xulxin b’mod rispettiv milli jesportaw lejn pajjiż terz kwalunkwe tagħmir u teknoloġija militari żviluppata f’kooperazzjoni. Dan jista’ japplika għal esportazzjonijiet intenzjonati ta’ tagħmir jew teknoloġija li jinkorporaw komponenti minn Stat Membru ieħor li jaqbżu ċertu livell limitu de minimis.

Il-passi li jmiss

ØIl-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jesploraw modi biex jintegraw u jaraw li jkun hemm konverġenza gradwali ulterjuri tal-prattiki tagħhom ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, speċjalment għal dawk il-kapaċitajiet ta’ difiża li jiġu żviluppati b’mod konġunt, b’mod partikolari f’qafas tal-UE, u b’hekk jaċċertaw li l-prodotti ffinanzjati mill-EDF jieħdu vantaġġ minn aċċess adegwat u kompetittiv għas-swieq internazzjonali mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet sovrani tal-Istati Membri.

6.Tissaħħaħ id-dimensjoni tad-difiża tal-ispazju fil-livell tal-UE

L-ispazju huwa qasam strateġiku għal-libertà ta’ azzjoni u għas-sigurtà tal-UE. Fl-istess waqt, huwa qasam li kulma jmur qiegħed isir aktar iffullat u kkontestat, ikkaratterizzat minn kompetizzjoni dejjem akbar għall-poter.

Hemm ħtieġa urġenti li dawn l-isfidi jiġu indirizzati. Strateġija spazjali ġdida tal-UE għas-sigurtà u d-difiża, li bħalissa qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Boxxla Strateġika, għandha tgħin biex ikun hemm komprensjoni komuni tar-riskji u t-theddid relatati mal-ispazju, tiżviluppa risponsi xierqa għal reazzjoni aħjar u aktar rapida għall-kriżijiet, issaħħaħ ir-reżiljenza tagħna u tisfrutta għalkollox il-benefiċċji u l-opportunitajiet marbuta mad-dominju spazjali. Mingħajr preġudizzju għall-kontenut tal-istrateġija konġunta tal-ġejjieni, se jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, l-assi spazjali tal-UE 27 għandhom jiġu protetti ulterjorment biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-UE fl-ispazju u minnu.

Fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju (STM, Space Traffic Management) 28 , il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pprovdew orjentazzjonijiet konkreti dwar kif tiżdied il-protezzjoni tal-assi spazjali tal-UE u jiġi promoss użu aktar sostenibbli tal-ispazju. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tirrinforza l-assi ta’ sorveljanza spazjali tagħha permezz ta’ servizzi mtejba fis-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST, Space Surveillance and Tracking) u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji relatati, bħall-evitar b’mod awtomatiku ta’ kolliżjonijiet jew l-intelliġenza artifiċjali.

Il-Kummissjoni se tappoġġa ulterjorment ukoll l-iżvilupp ta’ proġetti relatati mal-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju (SSA, Space Situational Awareness) u l-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija għad-difiża. Tali proġetti se jikkontribwixxu għal kapaċitajiet avvanzati ta’ kmand u kontrol spazjali (SC2), sensuri SSA mtejba, u sistema ta’ twissija bikrija kontra theddid mill-missili ballistiċi u theddid ipersoniku ġdid 29 .

It-tieni, il-Kummissjoni se ttejjeb id-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża fl-infrastrutturi spazjali eżistenti u tal-futur tal-UE, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli.

Is-servizz pubbliku regolat Galileo (PRS, public regulated service) 30  joffri servizz ta’ navigazzjoni ristrett għall-utenti awtorizzati mill-gvern għal applikazzjonijiet sensittivi. Dawn jeħtieġu livell għoli ta’ kontinwità tas-servizz, bl-użu ta’ sinjali b’saħħithom u kriptati, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-PRS huwa ddisinjat biex joffri servizz bla limitu u mingħajr interruzzjoni madwar id-dinja. Huwa turija ċara tal-fatt li infrastruttura komuni taħt kontroll ċivili tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ difiża u ta’ sigurtà.

Il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-2022-2027 31 , li qiegħda tiġi adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni bħala parti mill-pakkett dwar l-ispazju, se ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE fil-konnettività permezz ta’ komunikazzjoni governattiva sigura. Se tinkludi rekwiżiti tad-difiża f’termini ta’ reżiljenza mill-bidu nett u l-kostellazzjoni ta’ satelliti f’Orbita Dinjija Baxxa (LEO, Low Earth Orbit) se tipprovdi opportunità biex tinġarr tagħbija utli li tikkontribwixxi għal komponenti oħra tal-programmi spazjali tal-UE. Is-sistema se tibni fuq GOVSATCOM u s-sinerġiji mal-Fond Ewropew għad-Difiża.

L-evoluzzjoni ta’ Copernicus għandha tqis ukoll ir-rekwiżiti tad-difiża sa fejn ikun possibbli, b’attenzjoni speċjali mogħtija lil-livelli meħtieġa ta’ sigurtà u prestazzjoni, u trieġi fuq governanza tajba bbażata fuq il-fiduċja. 

Biex tappoġġa l-iżvilupp tad-dimensjoni tad-difiża tal-infrastrutturi spazjali eżistenti u tal-futur tal-UE, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża spazjali permezz tal-EDF. Sa issa, madwar EUR 130 miljun ġew allokati biex jiffinanzjaw azzjonijiet b’rabta mal-ispazju taħt l-EDF u l-programmi prekursuri tiegħu.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaformi kollaborattivi għall-isfidi tal-ġejjieni b’rabta mad-difiża, tfittex ukoll li ttejjeb il-prestazzjoni tagħhom billi tagħmel l-aħjar użu mill-assi spazjali Ewropej eżistenti u tal-futur. Pereżempju, il-proġett Galileo għad-Difiża tal-UE (GEODE, Galileo for EU Defence) huwa kofinanzjat b’EUR 44 miljun 32 u għandu l-għan li jiżviluppa riċevituri tan-navigazzjoni militari standardizzati Ewropej li huma kompatibbli mal-PRS Galileo. Aktar minn EUR 22 miljun se jiġu investiti wkoll biex jittejbu s-sensuri u l-Kmand u l-Kontroll (C2) għal sorveljanza spazjali militarji tal-UE u biex tiġi żviluppata kapaċità ta’ twissija bikrija bbażata fl-ispazju.

Fl-ambitu tal-programm ta’ ħidma tal-EDF għall-2021, l-EDF se jkun qed jalloka EUR 50 miljun kemm għas-sorveljanza tal-gwerra tan-navigazzjoni fl-ispazju u fuq l-art (NAVWAR) kif ukoll għat-teknoloġiji Ewropej tal-komunikazzjonijiet bis-satellita reżiljenti kontra l-iġġammjar.

It-tielet, il-Kummissjoni se taħdem biex tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi relatati tal-UE fuq it-teknoloġiji kritiċi, pereż. fil-qasam taċ-ċipep, il-kwantistika u l-IA. Sabiex dan jinkiseb, il-Kummissjoni se timmassimizza s-sinerġiji ma’ inizjattivi relatati mal-ispazju implimentati fl-ambitu tal-istrumenti eżistenti mmexxija mill-Kummissjoni (inklużi l-EDF, Orizzont Ewropa 33 , il-Programm Spazjali, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, u InvestEU) u se tieħu vantaġġ mill-Osservatorju tat-teknoloġiji kritiċi. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tal-ktajjen ta’ provvista Ewropej relatati biex tiżgura l-integrità, is-sigurtà u t-tħaddim tal-infrastrutturi tal-ispazju.

Ir-raba’, il-Kummissjoni se timplimenta, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, f’konformità mal-mandati rispettivi, l-estensjoni tal-mekkaniżmu attwali ta’ rispons għat-theddid fil-qafas ta’ Galileo 34 għas-sistemi u s-servizzi taħt il-komponenti l-oħra tal-Programm Spazjali tal-UE. Dan se jkompli jsaħħaħ il-governanza tas-sigurtà tal-infrastrutturi spazjali tal-UE biex ikun hemm reazzjoni aħjar għat-theddid u se jippromovi governanza adegwata li għandha tiġi stabbilita mill-atturi rilevanti. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jtejbu wkoll l-għarfien tas-sitwazzjoni fil-livell tal-UE permezz ta’ użu aħjar tad-data spazjali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u permezz ta’ kooperazzjoni sistematika bejn l-aġenziji/korpi rilevanti li joperaw infrastrutturi tal-UE.

Se jikkontribwixxu wkoll għall-isforzi tal-Istati Membri biex ikomplu jżidu l-assistenza reċiproka u l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet, inkluż permezz ta’ eżerċizzji u billi jistimulaw il-kapaċità ta’ reazzjoni kontra t-theddid, jiffavorixxu l-interoperabbiltà u jappoġġaw kultura strateġika komuni.

Il-passi li jmiss

ØB’segwitu għall-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jipproponu Strateġija Spazjali Konġunta tal-UE għas-sigurtà u d-difiża.

ØSa tmiem l-2022, il-Kummissjoni se tesplora kif tista’ tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-assi spazjali tal-UE, b’mod partikolari permezz ta’ servizzi addizzjonali ta’ SST, prestazzjoni mtejba tal-EU SST u billi tagħmel użu massimu mill-potenzjal tal-industrija tal-UE.

ØMill-2022, il-Kummissjoni se tippromovi approċċ ta’ “użu doppju mit-tfassil” għall-infrastrutturi spazjali tal-UE, bl-għan li toffri servizzi reżiljenti ġodda li jindirizzaw il-ħtiġijiet governattivi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jadottaw f’qasir żmien il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività għall-2022-2027.

ØIl-Kummissjoni se tintensifika l-ħidma biex jitnaqqsu d-dipendenzi teknoloġiċi strateġiċi u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali relatata mal-ktajjen tal-provvista, b’mod partikolari permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE kif ukoll l-Osservatorju tat-teknoloġiji kritiċi.

ØIl-Kummissjoni se tistabbilixxi governanza adegwata għall-infrastrutturi spazjali tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, billi tibni fuq il-mudell tal-PRS Galileo. Se tivvaluta l-fattibbiltà li jiġi żviluppat u mħaddem fil-prattika, servizz ta’ Copernicus aktar reżiljenti u li jkun sar aktar sigur għall-finijiet governattivi, 35 filwaqt li jitqiesu kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti b’rabta mad-difiża.

ØSa tmiem l-2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jesploraw il-possibbiltà li jattivaw mekkaniżmi ta’ solidarjetà, ta’ assistenza reċiproka u ta’ rispons għall-kriżijiet fil-każ ta’ attakki li joriġinaw mill-ispazju jew theddid għall-assi bbażati fl-ispazju.

7.Tissaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea 

L-Ewropa jeħtiġilha ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha biex tipprevjeni u tirreżisti x-xokkijiet tal-ġejjieni u tipproteġi ruħha minnhom. Minħabba r-rabtiet intrinsiċi mal-politiki nazzjonali tas-sigurtà u tad-difiża, ir-responsabbiltà għall-indirizzar ta’ dan it-theddid hija primarjament f’idejn l-Istati Membri. Fil-frattemp, ċerti vulnerabbiltajiet huma komuni għall-Istati Membri kollha, u xi theddid imur lil hinn mill-fruntieri, bħal dak li fil-mira tiegħu jkollu n-networks jew l-infrastrutturi transfruntiera kif ukoll it-tibdil fil-klima.

L-approċċ tal-UE għandu l-għan li tinkiseb integrazzjoni tad-dimensjoni esterna u interna b’tali mod li jimxi ħarir. Jiġbor flimkien il-kunsiderazzjonijiet ċivili u militari nazzjonali u tal-UE biex jippromovi soluzzjonijiet konkreti, filwaqt li jiffaċilita reżiljenza akbar u effiċjenza operazzjonali kontinwa.

7.1.Nirreaġixxu għat-theddid ibridu

Fl-2020, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 36 ddeskriviet it-theddid ibridu bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità li għandhom jiġu indirizzati sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-UE. L-Istrateġija tistabbilixxi l-pedament għal approċċ imġedded għal dan it-theddid li dejjem jevolvi, li jkopri l-firxa kompluta għall-azzjoni – mid-detezzjoni minn kmieni, l-analiżi, is-sensibilizzazzjoni, il-bini tar-reżiljenza u l-prevenzjoni, sar-rispons għall-kriżijiet u l-ġestjoni tal-konsegwenzi.

L-immappjar tal-miżuri 37  b’rabta mat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, jinkludi aktar minn mitejn għodda u miżura fil-livell tal-UE li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mmexxija jew appoġġati mill-Kummissjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni f’oqsma differenti, inkluż l-Att dwar is-Servizzi Diġitali 38 , il-proposta għal Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi 39 u l-Mekkaniżmu rivedut tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili 40 , se jikkontribwixxu ulterjorment għal dan l-għadd dejjem jiżdied ta’ għodod tal-UE disponibbli biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu.

Ir-reżiljenza hija waħda mill-pilastri ewlenin għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal ta’ Jannar 2022 41 identifika 53 xenarju ta’ referenza għar-reżiljenza 42 fil-livell tal-UE. Din l-identifikazzjoni, imħabbra fl-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, kienet l-ewwel pass kruċjali biex il-progress f’dan il-qasam jiġi segwit u mkejjel b’mod oġġettiv.

F’dan il-kuntest, is-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, f’Novembru 2022, se jwettqu l-eżerċizzju EU Integrated Resolve PACE, fost l-oħrajn, biex jindirizzaw it-theddid ibridu, inkluża d-dimensjoni ċibernetika ttiegħu. Dan l-eżerċizzju se jsir taħt ir-responsabbiltà kumplessiva tar-Rappreżentant Għoli, bis-sehem tal-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE, u f’format ikoordinat u parallel (PACE, parallel and coordinated) man-NATO.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adattat għan-natura li tinbidel rapidament tat-theddid. B’segwitu għall-kriżi fil-fruntiera tal-UE mal-Belarussja, il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex tiġi indirizzata l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, inkluż it-tniżżil fuq il-lista s-sewda tal-operaturi tat-trasport involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jew fit-traffikar tal-bnedmin fl-UE. 43

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li tissaħħaħ l-azzjoni kkoordinata fil-livell tal-UE bħala reazzjoni għall-emerġenzi tas-saħħa. Fi żmien li fih it-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari jista’ jipperikola s-saħħa pubblika, l-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) hija element ċentrali għat-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons tal-UE għal theddid transfruntiera serju għas-saħħa, billi tippermetti d-disponibbiltà f’qasir żmien, l-aċċess u d-distribuzzjoni tal-kontromiżuri meħtieġa. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-istadji bikrin tal-pandemija, se tissokta l-ħidma biex tissaħħaħ l-assistenza militari lill-awtoritajiet ċivili f’dan ir-rigward.

Il-passi li jmiss

ØSal-2023, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, se tivvaluta x-xenarji ta’ referenza settorjali għar-reżiljenza sabiex tidentifika lakuni u ħtiġijiet kif ukoll il-passi biex tindirizzahom.

ØWara l-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għas-sett ta’ għodod ibridi tal-UE għall-ġejjieni billi tiżgura li l-Istati Membri jkollhom ħarsa kumplessiva sħiħa tal-istrumenti u l-miżuri interni eżistenti biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu li jolqot lill-UE u lill-Istati Membri tagħha. Dan se jqis il-miżuri inklużi fl-immappjar tal-2020 dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-proposti reċenti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli f’oqsma bħall-infrastruttura kritika u d-diżinformazzjoni.

ØWara l-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tidentifika esperti f’oqsma ta’ politika rilevanti, li jistgħu eventwalment jiffurmaw parti mit-Tim ta’ Rispons Rapidu għat-Theddid Ibridu, jekk dan ikun mitlub u f’sinerġija mat-timijiet ta’ rispons rapidu proposti tal-Unità Ċibernetika Konġunta.

ØB’mod parallel, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jwettqu rieżami konġunt tal-Playbook tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

ØSa tmiem l-2022, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se tiddefinixxi viżjoni komprensiva rigward il-mekkaniżmi ta’ twissija rapida tagħha, u b’mod partikolari l-possibbiltà li tinħoloq stampa aħjar tal-għarfien tas-sitwazzjoni, f’koordinazzjoni u komplementarjetà ma’ mekkaniżmi eżistenti oħra tal-UE. Dan se jsaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni f’dawk li huma monitoraġġ u detezzjoni minn kmieni, prevenzjoni u tħejjija, inkluża r-reżiljenza, u rispons għat-theddid ibridu.

ØIl-Kummissjoni, billi tirrikorri għall-għarfien espert u l-istrumenti tagħha, se tikkontribwixxi għall-isforz tal-UE biex trawwem ir-reżiljenza f’pajjiżi sħab.

7.2.Tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża 

Il-ġlieda kontra t-theddid għaċ-ċibersigurtà hija waħda mill-aktar sfidi kumplessi għas-sigurtà u d-difiża li għandna quddiemna llum, speċjalment meta wieħed iqis l-għadd u l-impatt dejjem jikber tiegħu, u dan mentri l-atturi statali żviluppaw kapaċitajiet sofistikati speċifiċi.

L-UE jeħtiġilha tipproteġi s-sistemi kritiċi tan-networks u tal-informazzjoni u jkollha rwol fit-tmun biex tiggarantixxi s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza kif ukoll il-libertà tal-internet globali. Għandna bżonn nagħtu spinta liċ-ċibersigurtà u liċ-ċiberdifiża fl-Ewropa billi nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna, ninvestu b’mod aktar effettiv f’kapaċitajiet avvanzati, u nistabbilixxu regoli xierqa li jippermettu kollegament aħjar bejn id-dimensjonijiet kollha taċ-ċibernetika. Dawn l-isforzi għandhom jikkonċentraw fuq il-protezzjoni taċ-ċittadini, in-negozji u l-interessi tal-UE, id-detezzjoni u t-tnaffir tal-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u li niddefendu ruħna minn attakki ċibernetiċi, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u jikkonsolidaw il-potenzjal ta’ deterrenza ċibernetika tal-UE.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli diġà stabbilew azzjonijiet ambizzjużi li jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi fl-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà ta’ Diċembru 2020 44 . Fis-seħħ hemm għadd ta’ strumenti importanti biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (NIS) 45 , l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà 46 , id- Direttiva dwar l-attakki fuq is-sistemi tal-informazzjoni 47 , u l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà tal-5G 48 , ir-Rakkomandazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal rispons koordinat għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira 49 u l-qafas ta’ politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża [l-aġġornamenti tal-2018] 50 . Il-Kummissjoni adottat ukoll att delegat 51 fl-ambitu tad-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju 52 li jistabbilixxi rekwiżiti legali għas-salvagwardji taċ-ċibersigurtà, li jridu jitqiesu mill-manifatturi meta jiddisinjaw u jipproduċu t-tagħmir tar-radju. Fl-aħħar nett ħarġet rakkomandazzjoni għal Unità Ċibernetika Konġunta (JCU, Joint Cyber Unit) 53 u ppreżentat proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva NIS f’Diċembru 2020 54 , li bħalissa qiegħda tiġi kkunsidrata mill-koleġiżlaturi. B’mod konformi ma’ dan il-livell ta’ ambizzjoni, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposti biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Il-programm ta’ ħidma multiannwali għall-2021-2025 tal-Ewropa Diġitali u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE - il-Qasam diġitali) se jappoġġa t-twettiq fil-prattika ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni kwantistika sigura (Euro QCI). Il-FNE se tappoġġa wkoll infrastruttura ta’ komunikazzjoni kritika oħra, inklużi ċerti linji ċentrali bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi, bl-ogħla standards tas-sigurtà.

Sabiex dawk l-istrumenti jiġu kkomplementati u tkompli titnaqqas is-superfiċje tal-attakk u l-esponiment għar-riskju, is-sigurtà u l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi relatati mat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għandhom jissaħħu. Dan japplika b’mod partikolari għas-sigurtà tal-komponenti kritiċi tal-hardware u s-software. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tħejji proposti ġodda li jistabbilixxu rekwiżiti tas-sigurtà orizzontali li se jkunu l-qofol tal-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika mħabbar fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 55 . F’dan il-kuntest, tista’ tiġi kkunsidrata dimensjoni tad-difiża, fir-rigward tal-iżvilupp potenzjali ta’ standards taċ-ċibersigurtà komuni jew ibridi.

Biex jissaħħu ulterjorment il-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-UE u l-atturi taċ-ċiberdifiża tagħha (partikolarment il-forzi tad-difiża tal-Istati Membri), fl-ippjanar ta’ investimenti ċivili u dawk b’rabta mad-difiża għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji rilevanti kif ukoll għall-użu tagħhom, l-enfasi se titqiegħed fuq aktar kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti. Fl-2022, se tiġi adottata Aġenda strateġika dwar l-investimenti ċibernetiċi miċ-Ċentru ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri ta’ Koordinazzjoni (CCCN) 56 . L-aġenda tista’ tkopri sinerġiji possibbli bejn it-teknoloġiji ċivili u tad-difiża u l-applikazzjonijiet potenzjali b’użu doppju, u b’hekk tara li jkollha sinerġiji ma’ programmi oħra tal-UE, inkluż Orizzont Ewropa, il-programm Ewropa Diġitali, u l-EDF, b’mod ikkoordinat u filwaqt li tirrispetta r-regoli ta’ governanza rilevanti.

Il-Kummissjoni diġà ddedikat EUR 38,6 miljun 57 għal sitt proġetti taċ-ċiberdifiża. Fost l-oħrajn, dan il-baġit qiegħed jappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaforma Ewropea li tiġġenera għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika u proġett dwar teknoloġiji għal komunikazzjoni sigura u reżiljenti. L-EDF se jkompli jappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċibernetiċi għad-difiża. Fl-2021, saru żewġ sejħiet speċifiċi taħt l-EDF għal pakkett finanzjarju ta’ EUR 33,5 miljun. Filwaqt li l-proġetti kollha b’rabta mal-kapaċità ta’ difiża jinkludu dimensjoni ċibernetika, iċ-ċiberdifiża se tibqa’ tkun prijorità għall-EDF fis-snin li ġejjin.

Għal tħejjija aħjar għal inċidenti u kriżijiet potenzjali fuq skala kbira fl-Unjoni, il-koordinazzjoni msaħħa hija essenzjali biex jiġi żgurat l-għarfien tas-sitwazzjoni, jiġu identifikati malajr il-ħtiġijiet u r-riżorsi għal rispons potenzjali u tiġi allinjata l-komunikazzjoni effettiva fost l-atturi rilevanti fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, sabiex jiġu mmitigati l-impatti potenzjali fl-Unjoni.

Biex tintensifika d-detezzjoni ta’ attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u ssaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri biex jiġu stabbiliti pjattaformi transfruntiera għall-kondiviżjoni tal-intelligence dwar it-theddid għaċ-ċibersigurtà (SOCs tal-UE) filwaqt li jiġu wkoll rinforzati l-kapaċitajiet taċ-Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà (SOCs, Security Operation Centres) fil-livell nazzjonali fl-UE kollha. L-objettiv ta’ dawn il-pjattaformi transfruntiera (“EU SOCs”) huwa li jingħata lok għall-iskambju tad-data dwar it-theddid għaċ-ċibersigurtà minn diversi sorsi, kif ukoll ta’ għodod u kapaċitajiet fuq skala kbira, f’ambjent affidabbli. Dawn se jkunu attrezzati b’għodod u infrastrutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u ultrasiguri. Dan għandu jwassal biex jittejbu l-kapaċitajiet kollettivi ta’ detezzjoni u t-twissijiet fil-pront lill-awtoritajiet u lill-entitajiet rilevanti. Dawn l-azzjonijiet se jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-programm Ewropa Diġitali, b’mod partikolari permezz ta’ akkwist konġunt għall-iżvilupp u t-tħaddim tal-SOCs tal-UE, inklużi għodod u infrastrutturi avvanzati, kif ukoll sejħa għal għotjiet biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet tal-SOCs fl-Istati Membri. Bħala l-pass li jkun imiss wara, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll, flimkien mal-Istati Membri, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni ċivili u militari fil-livell nazzjonali f’dan il-qasam.

Il-portata tal-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rispons għall-inċidenti għandha tikber, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni possibbli fost it-timijiet ta’ rispons ċivili u tad-difiża. L-Unità Ċibernetika Konġunta għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien il-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti kollha (jiġifieri dawk diplomatiċi, ċivili, tal-infurzar tal-liġi u tad-difiża) biex tiżgura rispons ikkoordinat tal-UE għal inċidenti u kriżijiet ċibernetiċi fuq skala kbira, kif ukoll toffri assistenza fl-irkupru minn dawn l-attakki. Għaldaqstant, il-militar jista’ jikkoopera u jikkoordina strutturalment ma’ komunitajiet oħra taċ-ċibersigurtà permezz tal-JCU.

L-iżvilupp ta’ ħiliet ċibernetiċi permezz ta’ taħriġ u eżerċizzju konġunti wkoll huwa kruċjali għal reżiljenza effettiva għall-attakki ċibernetiċi, għat-titjib tal-kapaċitajiet ċibernetiċi, għall-iżvilupp ta’ komprensjoni kondiviża, u biex tinħoloq kapaċità ta’ rispons komuni. Fuq deċiżjoni tagħhom stess, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kooperazzjoni ċivili-militari msaħħa fit-taħriġ ċibernetiku u l-eżerċizzji konġunti, abbażi tal-programmi tal-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża u tal-EDA fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji ċibernetiċi.

Il-passi li jmiss

ØSat-tielet trimestru tal-2022, il-Kummissjoni se tipproponi l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li se jkollu l-għan li jżid iċ-ċibersigurtà tal-prodotti u tas-servizzi assoċjati fis-suq intern.

ØSabiex tistabbilixxi l-pjattaformi l-ġodda tal-“SOCs tal-UE” għall-kondiviżjoni tal-intelligence u l-għodod b’rabta mat-theddid ċibernetiku, sat-tieni trimestru tal-2022, il-Kummissjoni se tippubblika Sejħa għal espressjoni ta’ interess biex jintgħażlu entitajiet ospitanti għall-SOCs tal-UE, akkumpanjata minn Pjan Direzzjonali apposta. Dan għandu jwitti t-triq biex tiġi żviluppata kapaċità strateġika tal-UE għad-detezzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku.

ØIl-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex jintensifikaw it-tħejjija għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa, inkluż l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u r-riżorsi potenzjali għall-ġestjoni tar-rispons.

ØFl-2022, se tiġi proposta Aġenda strateġika għaċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà, inkluż dwar it-teknoloġija b’użu doppju u s-sinerġiji ċivili-militari, li għandha tiġi stabbilita b’mod ikkoordinat mal-atturi rilevanti.

ØIl-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fit-twaqqif tal-JCU, b’mod partikolari l-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka tagħha, u se tħeġġeġ il-kooperazzjoni ċivili-militari biex tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-esperti tad-difiża u komunitajiet oħra (jiġifieri dawk ċivili, tal-infurzar tal-liġi u tad-diplomazija).

ØIl-Kummissjoni se titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jiżviluppaw standards armonizzati b’appoġġ għall-att delegat adottat dan l-aħħar tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju fir-rigward taċ-ċibersigurtà u l-privatezza.

ØIl-Kummissjoni se taħdem id f’id mar-Rappreżentant Għoli biex tkompli tiżviluppa l-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża li għandha tiġi ppreżentata lill-Istati Membri sa tmiem l-2022.

ØIl-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw iwettqu taħriġ u eżerċizzji konġunti fil-qasam taċ-ċiberdifiża, f’kooperazzjoni ma’ oqfsa eżistenti ta’ taħriġ u ta’ eżerċizzji ċivili u ta’ difiża.

7.3.Tissaħħaħ il-mobbiltà militari

Permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, l-UE diġà qiegħda tagħmel passi sinifikanti biex ittejjeb il-mobbiltà tal-persunal, il-materjal u t-tagħmir militari fl-UE u lil hinn minnha, u b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità tagħna li nwieġbu f’qasir żmien għal xi kriżi, jew fl-eventwalità ta’ attivitajiet ta’ rutina bħall-eżerċizzji. Il-mobbiltà militari hija wkoll proġett ewlieni fl-ambitu tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.

B’baġit tal-UE għall-2021-2027 ta’ EUR 1,69 biljun bħala appoġġ għall-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju, il-mobbiltà militari hija komponent ewlieni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) 58 . Il-Programm ta’ Ħidma 2021-2023 jinvolvi baġit annwali apposta ta’ EUR 330 miljun, u l-ewwel sejħiet għal proposti tnedew f’Settembru 2021.

Il-mobbiltà militari wkoll huwa suġġett tal-Programm ta’ Ħidma tal-EDF għall-2021. L-iżvilupp ta’ sistema diġitali għal skambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni b’rabta mal-mobbiltà militari huwa wieħed miż-żewġ suġġetti tas-sejħa għal proposti li tirrigwarda s-suldati u s-sistemi loġistiċi, b’baġit indikattiv ta’ EUR 50 miljun għas-sejħa kollha.

Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi r-Regolament dwar in-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Fost miżuri oħra, il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ l-istandards għall-mobbiltà ċivili u militari u li tespandi l-mapep tat-TEN-T biex jinkludu rotot ġodda importanti għall-mobbiltà militari.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkontribwixxi għall-mobbiltà militari fl-UE u lil hinn minnha, inkluż billi tikkunsidraha fi proposti u inizjattivi leġiżlattivi rilevanti, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u l-proċeduri transfruntiera.

Il-passi li jmiss

ØSa tmiem l-2022, il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, se tipproponi aġġornament tal-Pjan ta’ Azzjoni konġunt dwar il-Mobbiltà Militari, li jista’ jkopri ħtiġijiet identifikabbli fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, ir-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura tat-trasport u l-intelliġenza artifiċjali.

7.4.Jiġu indirizzati l-isfidi għad-difiża relatati mat-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità jirrappreżentaw theddid ġdid għas-sigurtà. Filwaqt li ż-żamma tal-effettività operazzjonali tibqa’ prijorità, is-settur tad-difiża jeħtieġ li jindirizza l-isfida tal-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà, inkluż it-tħaddim taħt kundizzjonijiet klimatiċi aktar estremi, kif ukoll jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni fl-ambitu tal-politiki tal-UE fir-rigward tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-titjib tal-effiċjenza enerġetika, iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fejn ikun possibbli, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dan is-settur, għandhom isiru parti integrali mill-isforzi kollettivi tagħna għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, il-protezzjoni tal-bijodiversità u ekonomija ċirkolari msaħħa.

Is-sistemi ċirkolari jista’ jkollhom benefiċċji kbar għall-industriji tad-difiża u għall-akkwisti fis-settur, inkwantu jżidu l-effiċjenza fir-riżorsi kif ukoll l-awtonomija strateġika miftuħa għal ċerti materjali kritiċi, u jestendu u jottimizzaw l-utilità tat-tagħmir tad-difiża 59 . Se jiġu identifikati u appoġġati opportunitajiet biex jittejjeb id-disinn għaż-żarmar, l-estrazzjoni tal-komponenti, it-tiswija, ir-rikondizzjonar u l-manifattura mill-ġdid tat-tagħmir tad-difiża. Dan japplika wkoll għall-opportunitajiet biex jiġi aġġornat it-tagħmir ta’ difiża sabiex ikun jista’ jkompli jitħaddem f’kundizzjonijiet ambjentali dejjem aktar ħorox fil-postijiet tal-operazzjonijiet.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija impenjata li timplimenta l-Pjan Direzzjonali Konġunt tal-UE għall-2020 dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża 60 , li dwaru s-servizzi tal-Kummissjoni se jippreżentaw l-ewwel rapport annwali ta’ progress flimkien mas-SEAE u mal-EDA fl-ewwel nofs tal-2022. Il-Programm ta’ Ħidma tal-EDF 61 għall-2021 diġà jidentifika suġġetti relatati mal-ġestjoni tal-enerġija u mal-effiċjenza enerġetika. Ġew allokati EUR 133 miljun għal sejħa speċifika għall-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prodotti tad-difiża li jindirizzaw dawn is-suġġetti. Billi qiegħed jitħaffef il-pass ta’ ħidma simili fi ħdan in-NATO, in-NU u mill-Istati Uniti u sħab oħra, l-UE se tintensifika d-djalogi interservizz tagħha fir-rigward tar-rabta bejn il-klima, is-sigurtà u d-difiża.

Il-passi li jmiss

ØFl-ewwel nofs tal-2022, is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA se jippreżentaw l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża.

ØMatul l-2022, il-Kummissjoni se tivvaluta l-inizjattivi relatati mal-klima/mad-difiża implimentati taħt strumenti eżistenti mmexxija mill-Kummissjoni (inklużi l-EDF, Orizzont Ewropa, Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u LIFE) sabiex issaħħaħ is-sinerġiji potenzjali.

ØSa tmiem l-2022, il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas ta’ politika, abbażi tal-aspetti tal-klima/tad-difiża tal-istrumenti mmexxija mill-Kummissjoni biex jikkontribwixxi għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija u żieda enerġetika tat-teknoloġiji kritiċi użati mill-atturi tas-sigurtà ċivili u mill-forzi armati, u se tiżviluppa soluzzjonijiet konkreti reżiljenti f’dan il-kuntest.

ØMatul l-2022, il-Kummissjoni se tesplora l-potenzjal li ttejjeb l-impatt tad-direttivi relatati mal-enerġija fuq l-infrastruttura militari (bħall-uffiċċji, il-kwartieri ġenerali, il-kwartieri militari, l-isptarijiet, l-akkademji), inklużi l-opzjonijiet tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (jiġifieri l-azzjoni l-ġdida dwar l-effiċjenza enerġetika intitolata “l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni”), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija.

ØMatul l-2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jżidu u se jintensifikaw il-ħidma interservizz fir-rigward tar-rabta bejn il-klima, is-sigurtà u d-difiża man-NATO, in-NU u sħab bilaterali rilevanti bħall-Istati Uniti u l-Kanada.

8.Konklużjonijiet

F’dinja kumplessa, kontestata, kompetittiva u konnessa aktar minn qatt qabel, l-UE trid tintensifika aktar l-isforzi tagħha biex tiddefendi l-valuri u l-interessi strateġiċi tagħha. Il-Boxxla Strateġika prevista tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża se tistabbilixxi objettivi ambizzjużi għas-sigurtà u d-difiża fuq terminu twil għall-Ewropa, li din il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi b’mod attiv għalihom.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni identifikat l-oqsma ġodda prinċipali li ġejjin biex issaħħaħ ulterjorment il-kompetittività tas-suq Ewropew tad-difiża:

-tesplora kif jistgħu jiġu stimulati aktar l-investimenti tal-Istati Membri f’kapaċitajiet strateġiċi u faċilitaturi kritiċi ewlenin li jiġu żviluppati u/jew akkwistati f’oqfsa kooperattivi tal-Unjoni Ewropea;

-tinċentiva ulterjorment l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet ta’ difiża żviluppati b’mod kollaborattiv fl-UE, inkluż permezz ta’ eżenzjoni mill-VAT u possibbiltà ta’ rinfurzar tal-bonusijiet tal-EDF;

-tistieden lill-Istati Membri jkomplu mexjin fid-direzzjoni ta’ prattiki integrati u aktar konverġenti ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, b’mod partikolari għall-kapaċitajiet ta’ difiża żviluppati f’qafas kooperattiv tal-UE.

Il-Kummissjoni se timplimenta wkoll l-inizjattivi li diġà tnedew li jaġixxu bħala faċilitaturi ewlenin għad-difiża Ewropea, bħall-EDF u l-mobbiltà militari, kif ukoll dawk li huma essenzjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza Ewropea, b’mod partikolari fl-ispazju, biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà, u jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima relatati mad-difiża.

Il-Kummissjoni tibqa’ lesta li tikkunsidra passi addizzjonali ’l quddiem fid-dawl tal-progress li jsir u tal-evoluzzjoni tat-theddid u tal-isfidi ffaċċjati mill-Unjoni fil-ġejjieni.

(1)

Inklużi l-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO, Permanent Structured Cooperation) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD, Coordinated Annual Review on Defence).

(2)

PE/11/2021/INIT

(3)

Bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(4)

Is-sottokuntratturi inklużi.

(5)

Skont il-programm prekursur tiegħu, il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP, European Defence Industrial Development Programme), fl-2020, sena li għaliha hemm ir-riżultati disponibbli, l-SMEs irrappreżentaw 35 % tal-entitajiet u bbenefikaw minn 30 % tal-finanzjament totali tas-26 proġett (qabel ma tqieset il-parteċipazzjoni tas-sottokuntratturi li spiss ikunu SMEs).

(6)

Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP)

(7)

Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità.

(8)

COM (2022) 61 final

(9)

COM (2021) 350 final

(10)

COM (2021) 70 final

(11)

Fir-rigward tas-semikondutturi, ara l-Pjan Direzzjonali mehmuż dwar teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża, it-taqsima 2.2, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa, COM (2022) 45 final.

(12)

F’assoċjazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

(13)

F’konformità mal-proposti tal-Kummissjoni COM (2021) 577 tas-16.9.2021 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni, COM(2021) 660 tat-13.10.2021 dwar l-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u COM (2021) 350 dwar l-aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida.

(14)

F’Novembru 2007, il-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA approva erba’ parametri referenzjarji kollettivi għall-investiment inkluż il-35 % tal-infiq totali fuq it-tagħmir għall-akkwist kollaborattiv Ewropew tat-tagħmir.

(15)

  EUR-Lex - 32021H1117(01) - MT - EUR-Lex (europa.eu)

(16)

Ħlief għad-Danimarka

(17)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta minn 11-il Stat Membru

(18)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/81/KE

(19)

2019/C 157/01

(20)

F’konformità mal-forzi multinazzjonali previsti mill-Artikolu 42.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(21)

Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) huwa forma ġuridika speċjali li tiffaċilita t-twaqqif u t-tħaddim ta’ Infrastruttura ta’ Riċerka b’interess Ewropew.

(22)

Lil hinn mir-rekwiżit ta’ eliġibbiltà speċifikat skont l-Artikolu 21(3) (a) tar-Regolament dwar l-EDF li jirrikjedi intenzjoni ta’ akkwist tal-prodott finali jew ta’ użu tat-teknoloġija b’mod ikkoordinat.

(23)

L-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-EDF

(24)

L-evalwazzjoni interim għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ snin (2025) wara l-bidu tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond skont l-Artikolu 29 tar-Regolament li jistabbilixxi l-EDF.

(25)

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(26)

Fi ħdan is-Sottogrupp dwar l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali (COARM) tal-Grupp ta’ Ħidma dwar in-Nonproliferazzjoni u l-Esportazzjonijiet tal-Armi 

(27)

Il-Programm Spazjali tal-UE għandu erba’ komponenti: Galileo/EGNOS għall-pożizzjonament, in-navigazzjoni u s-sinkronizzazzjoni, Copernicus għall-osservazzjoni tad-Dinja, GOVSATCOM għall-komunikazzjonijiet governattivi bis-satellita siguri, u l-SSA għall-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju.

(28)

JOIN (2022) 4 final

(29)

Dawn il-proġetti huma appoġġati mill-EDF u mill-programmi prekursuri tiegħu.

(30)

Id-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta’ aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo, ĠU L 287, 4.11.2011.

(31)

COM (2022) 57 final

(32)

Taħt il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP)

(33)

It-terminu “Orizzont Ewropa” f’dan id-dokument jirreferi għall-Programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; l-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tagħhom jikkonċentraw esklussivament fuq applikazzjonijiet ċivili.

(34)

Kif previst fir-Regolament 2021/696 dwar il-Programm Spazjali tal-UE u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni.

(35)

Servizz simili għall-PRS Copernicus

(36)

COM (2020) 605

(37)

SWD (2020) 152 final

(38)

COM (2020) 825 final

(39)

COM (2020) 829 final

(40)

Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021

(41)

SWD (2022) 21 final

(42)

Parametri referenzjarji, li jkopru sitwazzjonijiet fejn dan huwa punt ta’ tluq kif ukoll previżjoni ta’ mira jew parir dwar ir-rekwiżiti f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell minimu

(43)

COM (2021) 753 final

(44)

JOIN (2020) 18 final

(45)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS)

(46)

Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013

(47)

Id-Direttiva 2013/40/UE (12/08/2013)

(48)

COM (2020) 50 final

(49)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira, C/2017/6100

(50)

14413/18 (19/11/2018)

(51)

C (2021) 7672

(52)

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju

(53)

C (2021) 4520 final

(54)

COM(2020) 823 final

(55)

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2021 - Insaħħu r-ruħ tal-Unjoni tagħna – il-15 ta’ Settembru 2021

(56)

PE/28/2021/INIT

(57)

Taħt l-EDIDP

(58)

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014

(59)

  IF CEED (europa.eu)   Circular defence - News & insight - Cambridge Judge Business School

(60)

12741/20

(61)

Ir-Regolament dwar l-EDF jiddikjara li l-“Fond jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi fil-politiki tal-Unjoni u għal kisba ta’ mira ġenerali li 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni tappoġġa l-objettivi tal-klima”.

Top