Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0330(02)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi 2020/C 102 I/02

    C/2020/2050

    ĠU C 102I, 30.3.2020, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CI 102/3


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    COVID-19

    Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi

    (2020/C 102 I/02)

    Il-coronavirus infirex madwar id-dinja u wassal għal miżuri differenti biex jillimitaw il-pass tal-kontaġju. Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Ministri tas-Saħħa u l-Ministri tal-Intern ġew mistiedna jikkonsultaw kuljum biex jiżguraw koordinazzjoni xierqa u jimmiraw għal gwida Ewropea komuni (1).

    Id-dimensjoni tat-theddida globali li qed niffaċċjaw illum tenfasizza l-ħtieġa imperattiva għall-koordinazzjoni tal-UE, biex l-impatt potenzjali tal-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jiġi mmassimizzat.

    Huwa f’dan il-kuntest li fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill (2), fejn talbet restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE minħabba l-COVID-19 (il-Komunikazzjoni). Hija riedet tiżgura li l-azzjoni meħuda fil-fruntieri esterni tal-UE tkun koerenti u xierqa.

    Il-Komunikazzjoni tikkomplementa l-Linji gwida tal-Kummissjoni għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (3) (il-Linji gwida) li l-objettiv tagħhom hu li tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini, li jiġi żgurat it-trattament xieraq ta’ persuni li l-ivvjaġġar tagħhom huwa essenzjali, u li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali fl-UE.

    Il-Komunikazzjoni ssottolinjat li l-fruntiera esterna tal-UE jenħtieġ li taġixxi bħala perimetru ta’ sigurtà u li l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jenħtieġ li jirrestrinġu kwalunkwe vvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+. Hija għamlitha ċara li għandhom id-dritt jiċħdu d-dħul fil-fruntieri esterni lil “ċittadini mhux residenti minn pajjiżi terzi jekk juru sintomi rilevanti jew kienu partikularment esposti għar-riskju ta’ infezzjoni u jkunu meqjusa ta’ theddida għas-saħħa pubblika” (4).

    Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern approvaw it-talba biex jissaħħu l-fruntieri esterni permezz tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni temporanja kkoordinata fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal perjodu ta’ 30 jum, fuq il-bażi tal-approċċ propost mill-Kummissjoni. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern approvaw ukoll il-Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-fruntieri (5).

    Fuq il-bażi tal-miżuri nazzjonali adottati biex tiġi żgurata tali azzjoni koordinata fil-fruntieri esterni tal-UE, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera — skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — jiċħdu d-dħul lil dawk iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li l-ivvjaġġar tagħhom mhuwiex meqjus essenzjali f’dawn iċ-ċirkostanzi.

    Sabiex tassisti din l-azzjoni fil-fruntiera esterna, il-Kummissjoni ħejjiet din il-gwida (il-Gwida), li hija bbażata fuq il-kontribuzzjonijietmill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) kif ukoll tal-Europol.

    Il-Gwida ssegwi wkoll id-Dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020, li enfasizzat il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex ċittadini tal-UE li nqabdu f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jmorru lura f’darhom.

    Il-Gwida tipprovdi pariri u struzzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri (6) u mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen wara l-Komunikazzjoni.

    B’mod partikolari, tipprovdi gwida fir-rigward ta’:

    L-introduzzjoni ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+;

    L-iffaċilitar tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom maqbuda f’pajjiżi terzi;

    Is-servizz minimu f’konsulati għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża; kif ukoll

    L-immaniġġjar tal-eċċess fil-perjodu tas-soġġorn minħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, inkluż għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża.

    1.   L-introduzzjoni ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+ (7)

    a)   Punti ġenerali

    Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (8) u l-liġi nazzjonali adottata biex tiġi żgurata azzjoni koordinata fil-ġlieda kontra l-COVID-19, huwa possibbli li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex residenti jiġu miċħuda d-dħul jekk ikollhom sintomi rilevanti jew ikunu ġew esposti b’mod partikolari għar-riskju ta’ infezzjoni u jitqiesu bħala theddida għas-saħħa pubblika:

    L-Artikolu 2(21) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddefinixxi bħala “theddida għas-saħħa pubblika” kull marda b’potenzjal ta’ epidemija fis-sens tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u mard infettiv jew mard parassitiku kontaġjuż ieħor jekk dan il-mard ikun is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

    L-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-kundizzjoni li ma jistgħux jippreżentaw theddida għal, fost oħrajn, is-saħħa pubblika (l-Artikolu 6(1)(e)).

    L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul tal-Artikolu 6(1) u li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandhom jiġu miċħuda d-dħul (9).

    Kull deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta’ dħul trid tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja, u implimentata b’tali mod li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dinjità tal-persuni kkonċernati. Miżura titqies proporzjonata bil-kundizzjoni li tkun ittieħdet wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u dawn iqisuha adattata u meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika (10).

    Gwida prattika:

    Fil-formola taċ-ċaħda ta’ dħul fl-Anness V, Parti B tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issir referenza għal theddida għas-saħħa pubblika fir-raġuni “I”. Jenħtieġ li kull Stat Membru jirreferi għal-liġi nazzjonali tiegħu b’rabta maċ-ċaħda ta’ dħul b’referenza għall-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 2(21) tal-Kodiċi tal-Fruntiera ta’ Schengen.

    Jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jkunu qed jivvjaġġaw b’viża ta’ Schengen valida (l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) jiġu miċħuda d-dħul esklussivament minħabba theddida għas-saħħa pubblika (miżuri nazzjonali minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika) jenħtieġ li jittieħdu l-passi li ġejjin:

    L-interpretazzjoni tas-“sintomi rilevanti” hija importanti ħafna peress li għall-COVID-19 jista’ jkun hemm firxa ta’ sintomi respiratorji ħfief fil-bidu tal-marda. Għal persuni “... partikolarment esposti għar-riskju ta’ infezzjoni ...” jenħtieġ li tiġi segwita l-klassifikazzjoni ta’ kuntatti b’riskju għoli fir-rapport tekniku tal-ECDC;

    Jenħtieġ li timtela l-formola standard għaċ-ċaħda ta’ dħul fil-fruntieri (l-Anness V, Parti B tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u tiġi indikata r-raġuni taċ-ċaħda “I” (j/tirrappreżenta theddida għas-saħħa pubblika). Ir-referenza għall-miżura nazzjonali adottata biex tiġi żgurata azzjoni koordinata u li tiddetermina l-ambitu tar-restrizzjonijiet temporanji għal vjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li tkun indikata b’mod ċar;

    Il-gwardja tal-fruntiera għandu jispeċifika r-raġuni għaċ-ċaħda fil-formola taħt is-sezzjoni “Kummenti”;

    Il-gwardja tal-fruntiera li jwettaq il-verifiki fuq il-fruntiera għandu jagħmel timbru tad-dħul fuq il-passaport, ikkanċellat b’salib b’linka sewda li ma titħassarx u fuq il-lemin tiegħu jikteb, għal darba oħra b’linka li ma titħassarx, l-ittra “I”. Viża valida ma għandhiex tiġi ttimbrata “REVOKATA” jew “ANNULLATA” meta r-rifjut ta’ dħul ikun ġie bbażat biss fuq ir-raġuni “I”.

    Sabiex jinżammu rekords aħjar dwar iċ-ċaħdiet relatati mar-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali minħabba r-raġuni ta’ theddida għas-saħħa pubblika, jenħtieġ li dan jiġi rrekordjat fis-sistemi nazzjonali ta’ verifiki fuq il-fruntiera, kull meta jkun hemm il-possibbiltà li tiddaħħal xi informazzjoni addizzjonali fir-rekord tal-passiġġier li jkun ġie kkontrollat;

    Jenħtieġ li l-vjaġġatur jingħata fuljett ta’ informazzjoni dwar il-COVID-19: Infografiċi jew fuljett disponibbli mill-ECDC;

    Fil-każ ta’ vjaġġatur f’saħħtu ma hemmx bżonn ta’ notifika sanitarja addizzjonali lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ġar fejn se jintbagħat lura l-vjaġġatur minn punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-art esterna tal-UE (traffiku bit-triq jew bil-ferrovija) jew minn punt ta’ qsim tal-fruntiera marittima esterna tal-UE (pereżempju portijiet deżinjati għal konnessjonijiet regolari bil-vapur jew portijiet oħrajn b’bastimenti tal-kruċiera jew baħħara individwali jew dgħajjes tas-sajd).

    b)   Vjaġġaturi awtorizzati biex jaqsmu l-fruntieri esterni mad-dħul

    (1)   Ċittadini tal-UE/ċittadini ta’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u l-membri tal-familja tagħhom irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza u d-dipendenti tagħhom

    Il-Komunikazzjoni tipprevedi li r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar iridu jeżentaw liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, għall-finijiet ta’ ritorn lejn djarhom. Din l-eżenzjoni trid tapplika għal:

    iċ-ċittadini kollha tal-UE (11) u ċ-ċittadini tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u l-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

    iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul (12), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew minn liġi nazzjonali oħra jew li jkollhom viżi nazzjonali fit-tul.

    Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ San Marino, Andorra, Monaco u tal-Vatikan/tas-Santa Sede jiġu assimilati għal ċittadini tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali ppreżentata fil-Komunikazzjoni fis-sens li l-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jippermettu d-dħul ta’ ċittadini ta’ dawk l-Istati u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu hemm, biex iħalluhom imorru lura d-dar.

    Il-persuni kollha (jiġifieri ċ-ċittadini tal-UE/tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u ta’ pajjiżi terzi) li jaqsmu l-fruntieri esterni biex jidħlu fiż-żona Schengen huma soġġetti għal verifiki sistematiċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Il-verifiki fuq il-fruntiera jistgħu jinkludu kontrolli tas-saħħa kif stabbilit fit-Taqsima III tal-Linji Gwida (13).

    L-Istati Membri dejjem iridu jaċċettaw id-dħul taċ-ċittadini tagħhom u taċ-ċittadini tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, pereżempju jitolbu l-awtoiżolament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħhom jew miżuri simili malli jirritornaw minn żona affettwata mill-COVID-19, dment li jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom.

    (2)   Ċittadini oħrajn ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jkunu awtorizzati jidħlu fl-UE minkejja l-għeluq tal-fruntiera esterna tal-UE

    Ir-restrizzjoni temporanja ta’ vjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li ma tapplikax għall-persuni b’funzjoni jew bżonn essenzjali, inkluż:

    Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

    ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri;

    ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura;

    persunal tat-trasport;

    diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari, ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

    Passiġġieri fi tranżitu (14);

    Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

    persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħrajn, b’rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    Jenħtieġ li jitwettqu kontrolli tas-saħħa kkoordinati u msaħħa għall-individwi li jitħallew jidħlu fiż-żona UE+.

    Gwida prattika:

    Meta jkunu qed iwettqu verifiki fuq il-fruntieri fir-rigward tal-vjaġġaturi awtorizzati biex jaqsmu l-fruntieri esterni mad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurzaw b’mod strett il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. B’mod partikolari, dawn għandhom jivverifikaw li l-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn ikunu awtentiċi. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurzaw il-verifiki sistematiċi billi jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), peress li din il-miżura tipproteġi ż-żona Schengen kontra l-potenzjal ta’ theddida terroristika jew kriminalità transfruntiera. Il-passaporti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu ttimbrati.

    L-iskrinjar tas-saħħa tal-vjaġġaturi b’rabta mal-COVID-19 isir bl-użu ta’ skener termali u/jew skrinjar tas-sintomi. Iridu jiġu applikati d-deċiżjonijiet nazzjonali rigward il-proċedura ta’ dħul. Pereżempju, bosta pajjiżi ddeċidew li kull min jidħol fil-pajjiż tagħhom (anke ċ-ċittadini tagħhom stess) ikollu jqatta’ 14-il jum fi kwarantina.

    L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li għadhom miftuħin għall-kategoriji ta’ vjaġġaturi li għadhom jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen. Din il-miżura tista’ tgħin biex tiżgura li l-miżuri tas-saħħa pubblika introdotti b’rabta mal-COVID-19 jiġu rrispettati għalkollox u li jkun hemm kontroll imsaħħaħ u ffukat fil-fruntieri esterni. Tista’ tgħin lill-Istati Membri jikkonċentraw il-forza tax-xogħol f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntiera attrezzati b’mod adegwat għall-konformità sħiħa mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mal-miżuri speċjali tas-sanità.

    L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jikkomunikaw il-lista ta’ dawk il-punti ta’ qsim tal-fruntiera lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2020.

    (3)   Kwistjonijiet ta’ sigurtà

    F’każ ta’ bżonn, il-Europol hija lesta titlob għall-istazzjonament ta’ uffiċjali mistiedna addizzjonali mill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli ta’ sigurtà sekondarji fil-bażijiet ta’ data rilevanti (jiġifieri s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-Interpol).

    Fuq talba ta’ Stat Membru speċifiku tista’ tiġi intensifikata wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija fuq bażi bilaterali/reġjonali, jekk din tkun meħtieġa għall-ġlieda jew għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali. L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni ta’ Prüm jipprovdi l-bażi ġuridika għall-kooperazzjoni transfruntiera f’sitwazzjonijiet ta’ folol ta’ nies u avvenimenti kbar simili, diżastri u aċċidenti serji, għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali u biex jinżammu l-ordni pubbliku u s-sigurtà. Din tippermetti li jintbagħtu uffiċjali, speċjalisti u konsulenti u l-forniment ta’ tagħmir, fuq it-talba tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun irriżultat is-sitwazzjoni. Il-Europol tista’ tiffaċilita dan l-appoġġ. Il-Europol tista’ tipprovdi wkoll assistenza msaħħa għall-Istati Membri dwar it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u kriminalità serja oħra li tirrappreżenta riskju għall-ordni u għas-sigurtà pubblika.

    Gwida prattika:

    L-Istati Membri huma mfakkra dwar il-ħtieġa li fil-fruntieri esterni jagħtu aċċess u jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni jew l-oqfsa komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II); is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża; l-Eurodac. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu kkonsultati sistemi oħra mhux tal-UE, bħall-bażi ta’ data tal-Interpol għal Dokumenti tal-Ivvjaġġar Mitlufa u Misruqa.

    Fir-rigward tal-kontrolli tas-sigurtà sekondarji għall-profili ta’ riskju għoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu bil-kooperazzjoni u bl-iskambju ta’ informazzjoni biex jiżguraw l-aħjar użu tad-data tal-Europol, tas-SIS u tal-Interpol. Jenħtieġ li jiġi promoss użu aktar sistematiku ta’ indikaturi tar-riskju pprovduti mill-Europol u mill-Frontex għall-identifikazzjoni ta’ profili ta’ riskju għoli. Jenħtieġ li jiġi implimentat approċċ konsistenti ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq tliet livelli, partikolarment rigward il-ġellieda terroristi barranin peress li l-konsultazzjoni tas-SIS II ma tkoprix l-ambitu sħiħ tas-suspettati magħrufa b’oriġini barra mill-UE. Għaldaqstant hija meħtieġa konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet ta’ data tal-Europol biex il-kontrolli fuq il-fruntiera jestendu lil hinn mill-individwi li jinqabdu fis-SIS II.

    Sabiex jitjiebu l-kontrolli tas-sigurtà, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Europol bil-kapaċitajiet tal-qsim tad-data, tal-akkwist tad-data u tal-analiżi tagħha, inklużi s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol, il-kapaċitajiet tal-ġestjoni tad-data kif ukoll kapaċitajiet u għodod forensiċi oħra.

    c)   Verifiki ta’ ħruġ fuq persuni li jixtiequ jitilqu mill-UE

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-fruntiera japplikaw il-Linji Gwida meta jwettqu l-verifiki ta’ ħruġ, kif ġej:

    Jagħtu informazzjoni lill-passiġġieri dwar ir-restrizzjonijiet temporanji fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’rabta mal-COVID-19. Jenħtieġ li l-każijiet ta’ tħassib b’rabta mal-COVID-19 jintbagħtu immedjatament lis-servizzi tas-saħħa rilevanti.

    Iwettqu miżuri ta’ skrinjar tas-saħħa mal-ħruġ li jimmiraw li jivvalutaw il-preżenza ta’ sintomi u/jew l-esponiment għal COVID-19 ta’ vjaġġaturi li jitilqu minn pajjiżi milquta. Il-vjaġġaturi identifikati li kienu esposti għall-COVID-19 jew li huma infettati biha jenħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw.

    Jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE+ jew iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jitilqu mill-UE jiġu nnotifikati kif ġej:

    Ħruġ ta’ twissija formali lill-persuni dwar il-miżuri possibbli fl-Istati Membri, fil-Pajjiżi Assoċjati ta’ Schengen jew fil-pajjiżi terzi ġirien fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ vjaġġar u saħħa, sa fejn dawn il-miżuri ġew notifikati permezz tal-mezzi xierqa ta’ komunikazzjoni.

    Ħruġ ta’ twissija formali liċ-ċittadini tal-UE u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu fi Stat Membru, li tinformahom li f’każ ta’ dħul mill-ġdid minn pajjiż terz jistgħu jiġu soġġetti għall-miżuri nazzjonali relatati mas-saħħa.

    Ħruġ ta’ twissija formali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tinformahom dwar il-miżuri speċjali introdotti li jiġu infurzati mad-dħul u b’hekk ikunu japplikaw għalihom f’każ ta’ dħul mill-ġdid.

    Jenħtieġ li din it-twissija formali tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u bil-lingwa/i tal-pajjiż jew tal-pajjiżi li jmissu ma’ dak l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll b’lingwa li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jifhmu jew li b’mod raġonevoli jista’ jiġi preżunt li jifhmu.

    Gwida prattika:

    Filwaqt li l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li għadhom miftuħin għall-vjaġġaturi mad-dħul, jenħtieġ li xorta jħallu lill-vjaġġaturi joħorġu minn kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntiera fuq l-art jew marittimu, f’każ li l-vjaġġaturi jitfaċċaw b’mod spontanju u sakemm il-pajjiż terz ġar ta’ destinazzjoni jaċċetta d-dħul ta’ vjaġġaturi fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ wasla.

    L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jiftiehmu mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom liema punti ta’ qsim fuq l-art jew marittimi jibqgħu miftuħa għall-verifiki mad-dħul u/jew mal-ħruġ. Din il-miżura hija intenzjonata biex tnaqqas kemm jista’ jkun in-numru ta’ vjaġġaturi li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz ġar wara li jitlestew il-verifiki tal-ħruġ mill-awtoritajiet tal-fruntiera tal-UE/taż-żona Schengen. L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jikkomunikaw dawn il-ftehimiet lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2020.

    d)   Il-prijoritizzazzjoni tal-verifiki tad-dħul minħabba s-sitwazzjoni sanitarja speċifika

    Fid-dawl tal-limitazzjoni possibbli mill-Istati Membri tal-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera miftuħa għall-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għall-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (illaxkar temporanju tal-verifiki fuq il-fruntiera) li jippermetti li l-verifiki tad-dħul jingħataw prijorità fuq il-verifiki tal-ħruġ fil-fruntieri esterni. Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni jistgħu jiġu llaxkati b’mod temporanju bħala riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti, li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv, u fejn ir-riżorsi kollha f’termini ta’ persunal, faċilitajiet u organizzazzjoni jkunu ġew eżawriti.

    Jenħtieġ li f’tali ċirkostanzi jitqiesu l-punti li ġejjin:

    Jenħtieġ li l-verifiki fuq il-movimenti tad-dħul jingħataw prijorità fuq il-verifiki fuq il-fruntiera mal-ħruġ;

    Anki jekk il-verifiki fuq il-fruntiera jiġu llaxkati, jenħtieġ li l-gwardja tal-fruntiera jittimbra d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, f’konformità mal-Artikolu 9(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

    Jenħtieġ li l-illaxkar tal-verifiki jkun temporanju, ikun adattat għaċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawh u jiġi abbandunat gradwalment.

    Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri sanitarji skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

    Jenħtieġ li l-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (15) jitqiesu kif dovut.

    Gwida prattika:

    L-Istati Membri li għandhom bżonn jillaxkaw b’mod temporanju l-verifiki mal-ħruġ skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma mħeġġa jżommu l-infurzar sħiħ tal-verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul, ikkomplementati bil-miżuri sanitarji adegwati. Din il-miżura se tiġi ffaċilitata bil-limitazzjoni tal-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li jibqgħu miftuħin għall-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni.

    L-informazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-tluq mit-territorju tal-UE fis-sitwazzjoni attwali, kif imsemmija fil-punt c) hawn fuq, tista’ tikkonsisti f’avviż ġenerali preżenti f’postijiet differenti u mill-inqas bil-lingwi tal-Istati Membri kkonċernati u tal-pajjiżi ġirien kif ukoll bl-Ingliż.

    e)   Il-miżuri sanitarji u ta’ sikurezza li jipproteġu lill-gwardji tal-fruntiera u lill-aġenti pubbliċi l-oħra li huma stazzjonati fil-fruntieri esterni

    L-Istati Membri huma mitluba jattrezzaw lill-aġenti pubbliċi kollha li huma involuti fil-verifiki fuq il-fruntiera, doganali, sanitarji jew kwalunkwe verifika oħra fil-fruntieri esterni b’tagħmir ta’ protezzjoni personali bħal maskri, ingwanti u ġells tas-sanitizzazzjoni.

    Gwida prattika:

    L-iġjene tal-idejn tirreferi għall-ħasil frekwenti tal-idejn bis-sapun u l-ilma jew it-tindif tal-idejn b’soluzzjonijiet, ġells, jew tixjus alkoħoliċi. Jenħtieġ li l-idejn jinħaslu b’mod regolari bl-użu tas-sapun u l-ilma għal 20-40 sekonda. Is-sanitizzaturi tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol ftit joffru benefiċċju miżjud meta mqabbla mas-sapun u l-ilma f’kuntesti komunitarji, u jenħtieġ li jkun fihom 60–85 % alkoħol jekk jintużaw. Poster tal-ECDC fuq kif l-idejn jinħaslu b’mod effettiv.

    Ma teżistix evidenza dwar l-utilità tal-użu ta’ maskri tal-wiċċ li jintlibsu minn persuni li mhumiex morda bħala miżura ta’ mitigazzjoni tal-komunità. Madankollu, il-persuni involuti fis-servizz tal-konsumatur, li għandhom għadd kbir ta’ kuntatti wiċċ imb wiċċ, bħall-aġenti tal-fruntieri, huma f’riskju ikbar li jiltaqgħu ma’ individwi infettati. Jekk se jintużaw il-maskri, jenħtieġ li jiġu segwiti l-aħjar prattiki għal kif għandhom jintlibsu, jitneħħew u jintremew. Wara kull darba li titneħħa maskra, jenħtieġ li jiġu segwiti l-miżuri tal-iġjene tal-idejn deskritti hawn fuq.

    RAPPORT TEKNIKU TAL-ECDC - guidelines for the use of non-pharmaceutical measures to delay and mitigate the impact of 2019-nCoV.

    L-ECDC żviluppa kors ta’ mikrotagħlim dwar dan li jista’ jintuża għat-taħriġ tal-persunal.

    Gwida għall-ilbies u t-tneżżigħ tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali fis-settur tal-kura tas-saħħa għall-kura tal-pazjenti li għandhom suspett jew konferma ta’ infezzjoni tal-COVID-19.

    2.   It-tranżitu u l-faċilitazzjoni tat-tranżitu wara r-ripatrijazzjoni

    Skont id-Dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020 huwa meħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex ċittadini tal-UE li nqabdu f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jmorru lura f’darhom.

    L-Istati Membri jridu jiffaċilitaw it-tranżitu ulterjuri taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza u tad-dipendenti tagħhom li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza tagħhom.

    Dan japplika b’mod partikolari għaċ-ċittadini tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom maqbudin barra l-pajjiż u li huma rimpatrijati lejn l-UE, irrispettivament minn jekk jaslux fuq titjiriet kummerċjali, charter jew fuq ajruplani nazzjonali.

    Jenħtieġ li ċ-ċittadini tas-Serbja, tal-Maċedonja ta’ Fuq, tal-Montenegro u tat-Turkija jiġu assimilati ma’ dawk tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali stipulata fil-Komunikazzjoni meta jirritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili, peress li dawn huma Stati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu. Irid ikun żgurat it-tranżitu tal-persuni kollha (16) u tal-familji tagħhom rimpatrijati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili minn Stat Membru fejn ikunu daħlu fil-fruntiera esterna sal-post tal-oriġini.

    Gwida prattika:

    Minħabba d-disponibbiltà mnaqqsa ta’ titjiriet kummerċjali, jenħtieġ li ċ-ċittadini li jaslu f’ajruport ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jkomplu bit-tranżitu tagħhom bi kwalunkwe mezz ta’ trasport disponibbli. Jenħtieġ li t-tranżitu fl-UE stess ma jkunx jiddependi fuq il-forniment ta’ mezz ta’ trasport mill-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza taċ-ċittadin. L-għan irid ikun li jiġi żgurat li t-titjiriet disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE maqbuda barra l-pajjiż jintużaw bl-aħjar mod possibbli, billi jġorru l-passiġġieri li jirritornaw lejn id-destinazzjonijiet kollha possibbli tal-UE.

    L-Istati Membri huma mitluba jinfurmaw lil-linji tal-ajru dwar l-eżenzjonijiet għar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn darhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-linji tal-ajru li jittrasportaw ċittadini tal-UE minn pajjiż terz lejn iż-żona Schengen ma jistgħux jiffaċċjaw responsabbiltà ta’ trasportaturi f’każijiet fejn it-tranżitu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira ma jkunx iggarantit qabel l-imbarkazzjoni tal-ajruplan. Id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi ma japplikawx għaċ-ċittadini tal-UE u għaċ-ċaħda potenzjali ta’ dħul minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

    Jekk Stat Membru jitlob liċ-ċittadini tal-UE jagħtu prova ta’ tranżitu ulterjuri, pereżempju biljett tal-ferrovija bbukkjat, jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli fuq is-siti tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu adegwatament informati. Jenħtieġ li tali rekwiżit ikun ikkomunikat ukoll lill-Istati Membri l-oħra, inkluż lill-ambaxxati u lill-konsulati tagħhom f’pajjiżi terzi fil-kuntest tal-kooperazzjoni konsulari lokali. Sabiex ikun iffaċilitat it-tranżitu ulterjuri minn ġewwa Stat Membru, jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu tali prova fil-fruntiera, pereżempju billi jkunu permessi jixtru biljetti tal-ferrovija jew tal-ajru direttament fl-ajruporti.

    3.   Servizz minimu f’konsulati għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża

    L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen bħalissa japplikaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tagħhom. Sabiex jitwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ Schengen issospendew l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża għal soġġorn qasir għal vjaġġar mhux essenzjali. Madankollu, l-awtoritajiet konsulari tal-pajjiżi ta’ Schengen huma mistiedna jsegwu l-linji gwida dwar “servizz minimu” għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża minn kategoriji speċifiċi ta’ applikanti għal viża waqt il-perjodu ta’ emerġenza tal-COVID-19. Jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża. Dawn il-linji gwida japplikaw ukoll jekk ikun jeżisti arranġament formali ta’ rappreżentanza.

    Jekk ma jkunx jeżisti arranġament formali, jenħtieġ li f’każijiet individwali u f’ċirkostanzi straordinarji (eż. f’każ ta’ persunal li jattendi summits militari/ta’ sigurtà, għal raġunijiet mediċi urġenti eċċ.) tiġi ggarantita rappreżentanza ad hoc għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża. Jenħtieġ li l-Istat Membru li jipproċessa l-każ jikkonsulta mal-Istat Membru ta’ destinazzjoni qabel tinħareġ viża.

    Jenħtieġ li t-titulari ta’ viża jiġu sistematikament imfakkra li se jintalbu jiġġustifikaw l-iskop tal-ivvjaġġar tagħhom u jippreżentaw dokumenti ta’ prova fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Jenħtieġ li jiġu infurmati kif xieraq ukoll dwar il-fatt li jridu jgħaddu mill-iskrinjar tas-saħħa u dwar il-konsegwenzi tal-wasla tagħhom fl-UE (jiġifieri l-possibbiltà li jkunu soġġetti għal awtoiżolament).

    Il-Komunikazzjoni telenka għadd ta’ kategoriji ta’ vjaġġaturi li huma eżentati mir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jew li għalihom ma għandhiex tapplika r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar. Il-vjaġġaturi f’xi wħud minn dawn il-kategoriji jistgħu jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt ir-rekwiżit ta’ viża għal soġġorn qasir.

    Minkejja l-għeluq parzjali temporanju tas-sezzjonijiet tal-viża, il-konsulati tal-Istati Membri (u possibbilment fornituri esterni tas-servizzi li jiġbru l-applikazzjonijiet) jenħtieġ għalhekk li jibqgħu miftuħin u li jaċċettaw u jittrattaw l-applikazzjonijiet għal viża mill-kategoriji ta’ vjaġġaturi li ġejjin:

    Membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE koperti mid-Direttiva 2004/38/KE;

    Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

    ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri;

    persunal tat-trasport;

    diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

    Passiġġieri li jkollhom bżonn jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti bejn titjiriet konnessi barra minn Schengen.

    passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja.

    Jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn qasir u għal viża għal tranżitu fl-ajruport (Kodiċi dwar il-Viżi).

    Validità tal-viża maħruġa: huwa rrakkomandat li viżi għal dħul multiplu u viżi li jippermettu tranżiti fl-ajruport multipli jinħarġu awtomatikament b’validità ta’ mill-inqas sitt xhur, u durata awtorizzata tas-soġġorn ta’ 90 jum (ħlief għall-viżi għal tranżitu fl-ajruport).

    Informazzjoni għall-pubbliku: Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-pubbliku fil-postijiet ikkonċernati dwar il-prassi li se tkun segwita. Jenħtieġ li tiġi ffavorita informazzjoni komuni mill-Istati Membri kollha.

    Informazzjoni lill-pajjiż ospitanti: dawn il-linji gwida qed jinqasmu mal-korrespondenti tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fid-Delegazzjonijiet tal-UE, u huwa rrakkomandat li din l-informazzjoni tinqasam mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi ospitanti.

    Gwida prattika:

    F’tali każijiet, l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-UE/ta’ Schengen fejn vjaġġatur huwa mistenni li jasal b’viża ta’ Schengen li kienet maħruġa minħabba ċirkostanza straordinarja.

    4.   L-immaniġġjar tal-eċċess fil-perjodu tas-soġġornminħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, inkluż għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża.

    Is-soġġorn tat-titulari ta’ viża li jinsabu fiż-żona Schengen u li ma jistgħux jitilqu malli tiskadi l-viża għal soġġorn qasir jista’ jiġi estiż għal soġġorn massimu ta’ 90/180 jum mill-awtoritajiet deżinjati tal-Istati Membri (17). Jekk it-titulari ta’ viża jkollhom bilfors jibqgħu wara l-perjodu estiż ta’ 90/180 jum, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu viża nazzjonali għal żmien twil jew permess tar-residenza temporanju.

    Jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża jkollhom bilfors jibqgħu wara l-perjodu estiż ta’ 90/180 jum, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu viża nazzjonali għal żmien twil jew permess tar-residenza temporanju.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jirrinunzjaw sanzjonijiet amministrattivi jew multi kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux f’sitwazzjoni li jitilqu mit-territorju tagħhom minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. L-eċċess fil-perjodu tas-soġġorn permess dovut għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma għandux jitqies fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet futuri għal viża.


    (1)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/10/statement-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-on-covid-19/

    (2)  COM(2020) 115 tas-16.03.2020.

    (3)  C(2020) 1753 tas-16.3.2020.

    (4)  Ara l-Punt IV.15 tal-Linji Gwida.

    (5)  L-Istati Membri kollha (apparti l-Irlanda) u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen applikaw ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar.

    (6)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/17/conclusions-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-with-members-of-the-european-council-on-covid-19/

    (7)  Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Din tkun tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw.

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

    (9)  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw id-dritt għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn fit-tul (f’konformità mal-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

    (10)  COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, C(2020) 1753 final, Brussell, (ĠU C 86I 16.3.2020. p 1).

    (11)  Dawn jinkludu ċ-ċittadini tal-Irlanda bħala Stat Membru, għalkemm mhux Stat ta’ Schengen. Iċ-ċittadini tar-Renju Unit għadhom iridu jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-UE sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    (12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

    (13)  COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, C(2020) 1753 final, Brussell, (ĠU C 86I 16.3.2020. p 1).

    (14)  Inklużi dawk li ġew rimpatrijati permezz ta’ assistenza konsulari.

    (15)  C(2020) 1897, (ĠU C96I, 24.3.2020, p. 1).

    (16)  Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, ir-Renju Unit u l-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili.

    (17)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/doc_centre/borders/docs/annex_27_authorities_competent_for_extension.pdf


    Top