Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AR2633

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021

    COR 2020/02633

    ĠU C 440, 18.12.2020, p. 183–190 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/183


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021

    (2020/C 440/25)

    Relatur:

    Jarosław STAWIARSKI (PL/KRE). President tar-Reġjun ta’ Lubelskie

    Dokument ta’ referenza:

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

    COM(2020) 78 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Punt 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Billi jgħaqqad ir-rotot ewlenin tat-trasport tal-Unjoni mar-reġjuni u t-territorji periferiċi tiegħu, is-settur ferrovjarju jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali.

    Billi jgħaqqad ir-rotot ewlenin tat-trasport tal-Unjoni mar-reġjuni u t-territorji periferiċi tiegħu, is-settur ferrovjarju jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, kemm bħala servizz pubbliku lokali u reġjonali, kif ukoll bħala servizz ta’ kapaċità u fuq distanza twila għall-passiġġieri u l-merkanzija .

    Raġuni

    Il-kontribut għall-koeżjoni għandu jidentifika l-mudelli ferrovjarji differenti provduti, sabiex tiġi enfasizzata l-importanza u l-ħtieġa ta’ kull wieħed minnhom, mingħajr eċċezzjoni, għall-objettiv segwit.

    Emenda 2

    Artikolu 3(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (a)

    inizjattivi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu, iqajmu kuxjenza u jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi biex jattiraw aktar nies u merkanzija lejn il-ferroviji bħala mezz biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, permezz ta’ kanali u mezzi multipli, inklużi avvenimenti fl-Istati Membri;

    (a)

    inizjattivi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu, iqajmu kuxjenza u jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi biex jattiraw aktar nies u merkanzija lejn il-ferroviji bħala mezz biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, permezz ta’ kanali u mezzi multipli, inklużi avvenimenti fl-Istati Membri, kif ukoll politiki kummerċjali ġodda li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ferroviji permezz ta’ offerti, skontijiet u promozzjonijiet, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi speċjali ;

    Raġuni

    Sabiex jiġu attirati utenti ġodda lejn it-trasport ferrovjarju huwa kruċjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dan il-mezz ta’ trasport permezz ta’ politiki tariffarji ġodda, offerti u skontijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-vjaġġi soġġetti għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

    Emenda 3

    Artikolu 4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali hija responsabilità tal-Istati Membri. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru koordinaturi nazzjonali. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali.

    L-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali hija responsabilità tal-Istati Membri. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru koordinaturi nazzjonali. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali , filwaqt li jqisu wkoll li l-awtoritajiet reġjonali differenti ta’ kull Stat Membru tal-UE jistgħu jippromovu t-trasport ferrovjarju .

    Raġuni

    Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji fl-Istati Membri, l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali f’dan il-proġett u l-miżuri tar-reklamar għall-linji ferrovjarji huma kruċjali mhux biss fil-livell ċentrali iżda wkoll f’dak reġjonali.

    Emenda 4

    Artikolu 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.   Il-Kummissjoni għandha regolarment torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex tikkoordina t-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunitajiet biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jipparteċipaw f’dawk il-laqgħat bħala osservaturi.

    1.   Il-Kummissjoni għandha regolarment torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex tikkoordina t-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunitajiet biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistgħu jipparteċipaw f’dawk il-laqgħat bħala osservaturi.

    2.   Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-għan li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tat-trasport ferrovjarju jew li għandhom dimensjoni ferrovjarja.

    2.   Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-għan li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tat-trasport ferrovjarju jew li għandhom dimensjoni ferrovjarja.

    3.   Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat regolari tal-partijiet interessati u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi attivi fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, inkluż netwerks kulturali transnazzjonali eżistenti u l-NGOs rilevanti, kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet u komunitajiet taż-żgħażagħ, biex jassistuha fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat regolari tal-partijiet interessati u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi attivi fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, inkluż netwerks kulturali transnazzjonali eżistenti u l-NGOs rilevanti, kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet u komunitajiet taż-żgħażagħ, biex jassistuha fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni tista’, sakemm jippermetti l-baġit, torganizza sejħiet għal proposti u proġetti li jistgħu jirċievu appoġġ għall-kontribuzzjoni pendenti tagħhom għall-għanijiet tas-sena.

    Il-Kummissjoni tista’, sakemm jippermetti l-baġit, torganizza sejħiet għal proposti u proġetti li jistgħu jirċievu appoġġ għall-kontribuzzjoni pendenti tagħhom għall-għanijiet tas-sena. Meta jintgħażlu l-proġetti appoġġjati mill-UE jrid jiġi żgurat bilanċ ġeografiku.

    Raġuni

    Il-parteċipazzjoni tal-KtR fil-laqgħat tal-koordinaturi hija essenzjali fid-dawl tar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju fil-livell reġjonali u lokali. L-appoġġ finanzjarju għall-proġetti taħt is-Sena Ewropea tal-Ferroviji għandu jkun ibbilanċjat. Din hija r-raġuni għall-proposta biex il-kriterju ġeografiku jkun inkluż.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    A.   IR-RWOL U L-KONTRIBUT TAL-FERROVIJI GĦALL-IŻVILUPP SOĊJOEKONOMIKU TAR-REĠJUNI EWROPEJ, GĦALL-MOBILITÀ SOSTENIBBLI U GĦALL-KISBA TAL-OBJETTIVI STABBILITI FIL-PATT EKOLOĠIKU EWROPEW U FIL-POLITIKA TAT-TRASPORT TAL-UE

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ bi pjaċir l-proposta għas-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021), li għandha l-għan li tippromovi t-trasport ferrovjarju permezz ta’ proġetti, dibattiti, avvenimenti, wirjiet u inizjattivi fl-Ewropa kollha fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi bħala mezzi ta’ trasport attraenti u ambjentalment sostenibbli madwar l-Ewropa;

    2.

    jinnota li l-objettivi tad-deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji u l-promozzjoni tat-trasport ferrovjarju kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew huma allinjati, b’mod partikolari bil-għan li tinkiseb mobilità sostenibbli u intelliġenti u tinkiseb in-newtralità klimatika tal-UE sal-2050;

    3.

    jirrimarka li t-trasport ferrovjarju huwa wieħed mill-aktar mezzi ta’ trasport sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sikur u, bħala tali, se jkollu rwol importanti fis-sistema ta’ mobilità Ewropea futura;

    4.

    jirrimarka li l-ferroviji huma sitt darbiet aktar effiċjenti mit-trasport bit-triq f’termini ta’ użu tal-enerġija, u jiġġeneraw ukoll disa’ darbiet inqas emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport bit-triq tal-merkanzija u mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri;

    5.

    jinnota li għall-ferroviji, bħala l-aktar forma ta’ mobilità newtrali għall-klima fl-UE, ġiet żviluppata strateġija speċifika ta’ mobilità sostenibbli sabiex tintlaħaq il-mira ta’ emissjonijiet żero sal-2050;

    6.

    jirrimarka li l-modi kollha tat-trasport għandhom jikkontribwixxu biex ikopru l-ispejjeż esterni li huma jikkawżaw, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Presidenza Ġermaniża futura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tħaffef id-diskussjonijiet dwar id-dossier dwar l-Eurovignette sabiex ikun jista’ jiġi adottat approċċ ġenerali fix-xhur li ġejjin, u b’hekk ikunu jistgħu jsiru negozjati ta’ trilogi mal-Parlament Ewropew biex tiġi promossa l-bidla modali mit-triq għall-ferrovija;

    7.

    jenfasizza li s-settur ferrovjarju jagħti wkoll kontribut sinifikanti għall-ekonomija Ewropea u għall-ikkompletar tas-suq intern Ewropew;

    8.

    barra minn hekk, jirrimarka li l-objettivi tal-bidla modali għall-ferroviji ma jistgħux jintlaħqu biss permezz ta’ miżuri PULL fis-settur ferrovjarju. Se jkunu meħtieġa wkoll miżuri PUSH b’rabta mat-trasport li jaħdem bil-fjuwils fossili sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-Patt Ekoloġiku;

    9.

    jinnota li s-sodisfazzjon tal-passiġġieri qed jiżdied b’mod kostanti bis-saħħa tal-isforzi tal-industrija ferrovjarja biex ittejjeb is-servizzi (1);

    10.

    jirrimarka li ż-żieda fl-urbanizzazzjoni se tkun waħda mill-akbar sfidi fid-dinja. Għalhekk jeħtieġ li jinħolqu mudelli ġodda ta’ mobilità. It-tranżizzjoni sħiħa lejn l-użu ta’ vetturi elettriċi u awtomatizzati se tieħu ħafna snin biex isseħħ, iżda minħabba l-problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima, is-settur ferrovjarju jrid jiġi appoġġjat minn issa;

    11.

    jenfasizza li l-investiment fil-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija u fit-terminals tat-trażbord jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali fl-UE, jiżviluppa l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u jtejjeb l-iżvilupp ekonomiku u l-livell tal-għajxien;

    12.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tar-reviżjoni ppjanata tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (TEN-T), ikomplu jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ dan in-network u jinvestu f’kurituri ġodda, kull fejn ikun meħtieġ fi ħdan l-Unjoni Ewropea, partikolarment fir-reġjuni li għandhom infrastruttura ferrovjarja inqas żviluppata. Il-kuritur amber u Rail Baltica huma eżempji ta’ kurituri b’valur miżjud Ewropew;

    13.

    jirrimarka li l-investimenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) 2014-2016 fil-settur ferrovjarju ġġeneraw PDG ta’ EUR 264 biljun. Jistgħu jiġu mistennija aktar benefiċċji mill-istrumenti għall-investimenti fil-kurituri tan-network ewlieni tal-UE bħala żieda ta’ 1,8 % fil-PDG sal-2030, kif ukoll bidla modali li tippermetti tnaqqis tal-ispejjeż esterni;

    14.

    jinnota s-suċċess ta’ servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja fl-Ewropa u l-potenzjal tagħhom li jissostitwixxu n-network ta’ konnettività tal-ajru għal distanzi ta’ bejn 800 u 1 000 km; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri ta’ infrastruttura ferrovjarja b’veloċità għolja, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kif ukoll fil-pajjiżi Nordiċi, għax din ser ittejjeb il-konnettività tan-network Ewropew tat-trasport u b’hekk jiġu promossi l-kompetittività, l-aċċessibbilità u l-kisba tal-objettivi klimatiċi fl-UE;

    15.

    jinnota li l-kriżi tal-COVID 19 ikkonfermat li s-sistema ferrovjarja Ewropea hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ reżiljenza u ta’ stabbiltà li ppermetta li tinżamm koeżjoni territorjali kontinwa, b’mod partikolari bejn it-territorji, permezz tat-trasport ta’ pazjenti u ta’ oġġetti bżonnjużi urġenti;

    16.

    jinnota d-differenzi fl-iżvilupp u l-kwalità tal-infrastruttura bejn id-diversi pajjiżi Ewropej, u jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) diġà allokat perċentwal sinifikanti tal-baġit tagħha għal strateġija koerenti fl-UE kollha sabiex jitnaqqsu d-differenzi fil-funzjonament tas-sistemi ferrovjarji bejn l-Istati Membri individwali tal-UE;

    17.

    jemmen li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE għandhom jużaw iż-żmien ta’ rikostruzzjoni ekonomika ta’ wara l-pandemija biex jiffukaw aktar fuq mezzi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħall-ferroviji. Din id-direzzjoni l-ġdida trid tiġi riflessa fl-istrateġiji tat-trasport u fil-pjani ta’ investiment futuri tal-UE.

    B.   L-ISFIDI FIS-SETTUR TAT-TRASPORT FERROVJARJU U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI GĦALL-PROMOZZJONI U L-IŻVILUPP TIEGĦU

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    18.

    jinnota li l-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport timmira lejn bidla modali sinifikanti favur it-trasport ferrovjarju; jinnota b’dispjaċir li dawn il-miri ma ntlaħqux u li s-settur tat-trasport b’mod ġenerali qed jesperjenza żieda kostanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

    19.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu azzjoni urġenti biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-mezzi differenti ta’ trasport, b’mod partikolari billi jqisu fatturi esterni negattivi għall-ambjent kif ukoll allinjament fiskali, u jippromovu b’mod konsistenti t-trasport ferrovjarju; Ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni esprima l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Fairosene li talbet għat-tassazzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni;

    L-ilħuq tal-miri tal-UE dwar il-klima

    20.

    itenni t-talba tiegħu (3) għal tneħħija tal-eżenzjonijiet tal-VAT attwali previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4) skont liema l-Istati Membri kollha japplikaw l-eżenzjonijiet tal-VAT għall-avjazzjoni transfruntiera iżda mhux għat-trasport ferrovjarju transfruntier;

    21.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni strateġika fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, għal dan il-għan, jappoġġjaw azzjonijiet urġenti, fost l-oħrajn, f’oqsma bħal:

    L-introduzzjoni tal-prinċipju tal-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni fit-trasport; jiġu żgurati standards ugwali u ta’ sikurezza rilevanti bejn il-forom kollha ta’ trasport;

    L-inklużjoni tat-trasport ferrovjarju bħala punt importanti għall-mobilità sostenibbli fl-UE fit-trasport tal-passiġġieri kif ukoll fit-trasport tal-merkanzija (f’konformità mal-impenn li ħadu l-Ministri tal-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni ta’ Graz);

    L-appoġġ ulterjuri għall-elettrifikazzjoni u l-immodernizzar tan-network ferrovjarju;

    L-appoġġ għall-bidla modali lejn it-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fit-traffiku lokali u għat-trasport reġjonali kif ukoll għal vjaġġi sa 1 000 km, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ u ta’ finanzjament għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, li jippermettu żieda fis-sehem tiegħu mit-trasport kollu fl-UE minn 17 % għal minimu ta’ 30 % fl-2030;

    Il-ħolqien ta’ inventarju tal-ħidma mwettqa taħt Shift2Rail u żieda fl-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju, inkluż permezz ta’ azzjonijiet ulterjuri taħt il-programm “Orizzont Ewropa”;

    L-ilħuq tal-miri tal-politika tat-trasport tal-UE

    22.

    iqis li l-politika tal-UE dwar it-TEN-T hija għodda importanti għall-koordinazzjoni ta’ proġetti tat-trasport multimodali fl-Unjoni (u f’pajjiżi terzi) u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura transkonfinali u reġjonali;

    23.

    jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għan-nuqqas ta’ komplementarjetà bejn l-investiment fin-network ewlieni u n-network komprensiv tat-TEN-T, u jqis li huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti wkoll għan-network komprensiv;

    24.

    jenfasizza li l-politika tat-trasport m’għandhiex tiffoka biss fuq proġetti li jiżviluppaw networks ta’ linji ferrovjarji ġodda, iżda wkoll fuq l-immodernizzar u t-titjib tal-prestazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja eżistenti; matul dan il-proċess, id-dritt ta’ passaġġ fuq il-binarji għandu jingħata prijorità skont l-effiċjenza klimatika u l-evitar tal-effetti tal-miżuri fuq il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq;

    25.

    jitlob li l-investiment pubbliku essenzjali fl-infrastruttura ferrovjarja jkun appoġġat bis-sħiħ, u li jiġu sfruttati l-potenzjal u r-rwol tal-ferrovija fl-irkupru tal-ekonomija Ewropea mill-kriżi tal-COVID 19;

    26.

    jirrimarka li n-nodi ferrovjarji urbani mhumiex integrati biżżejjed fin-network tat-TEN-T. Is-settur ferrovjarju għandu wkoll nuqqasijiet fir-rigward tal-infrastruttura ferrovjarja fil-punti periferiċi tagħha (“l-aħħar mil”); jirrakkomanda li, permezz tal-istabbiliment ta’ pjani u strateġiji għat-trasport ferrovjarju, din il-kwistjoni titqiegħed fiċ-ċentru ta’ sistema li tintegra forom differenti ta’ trasport reġjonali u urban;

    27.

    huwa favur it-tisħiħ tar-rwol tal-istazzjonijiet ferrovjarji bħala interkonnessjonijiet multimodali effiċjenti fil-mobilità urbana u suburbana permezz tal-konnessjoni u l-integrazzjoni ta’ sistemi ferrovjarji ma’ modi oħra ta’ trasport u trasport urban kondiviż, bħar-roti;

    28.

    jirrimarka li l-passiġġieri, inklużi l-persuni b’mobilità mnaqqsa, għandhom jiġu protetti b’mod adegwat. F’dan il-kuntest, is-soluzzjonijiet leġislattivi futuri jeħtieġ li jinkludu numru ta’ drittijiet u obbligi li jippermettu li s-settur jaqdi l-obbligi tiegħu.

    29.

    barra minn hekk, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħżlu approċċ usa’ biex jappoġġjaw u jiżviluppaw networks ferrovjarji sekondarji u l-infrastruttura intermodali addizzjonali meħtieġa (eż. terminals) meta jtejbu jew jespandu l-infrastruttura ferrovjarja, u jadattaw jew ikabbru l-istrumenti ta’ appoġġ kif xieraq;

    Ħtiġijiet u rekwiżiti ta’ investiment għall-finanzjament u t-tisħiħ tal-kompetittività tat-trasport ferrovjarju

    30.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ investiment kbir fil-ferroviji, speċjalment fil-livell reġjonali. Sabiex tinżamm il-kompetittività, is-settur ferrovjarju għandu jkollu aċċess għall-finanzjament tal-UE biex jiġu kkofinanzjati proġetti ta’ infrastruttura, investimenti fil-vetturi ferrovjarji, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-miżuri relatati mat-theddid terroristiku, b’mod partikolari fil-pajjiżi li għandhom settur tas-servizz ferrovjarju inqas żviluppat;

    31.

    jitlob li jkun hemm finanzjament suffiċjenti li għandu jkun disponibbli għall-ħtiġijiet ta’ investiment ferrovjarju fil-baġit tal-UE 2021-2027 kif ukoll fil-baġits tal-Istati Membri; jinnota li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qed jiffaċċjaw problemi minħabba l-istokk qadim ta’ vetturi ferrovjarji, jew saħansitra minħabba n-nuqqas tagħhom. L-investiment huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ferroviji;

    32.

    jappella, fid-dawl tal-isfidi finanzjarji u l-miri ta’ żvilupp ambizzjużi għas-settur ferrovjarju, li jeħtieġ li r-regolamenti ta’ koeżjoni ma jibqgħux daqshekk stretti b’mod li jippermettu żieda neċessarja fil-finanzjament biex jiġi appoġġjat l-investiment fis-settur ferrovjarju taħt il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni. Jitlob ukoll żieda fil-baġit għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa sabiex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika tas-sistema Ewropea tat-trasport;

    33.

    jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ strument fit-tul tal-UE biex jiffinanzja t-trasport sostenibbli, abbażi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u ffinanzjat ukoll minn mezzi ta’ trasport li huma anqas ekoloġiċi;

    34.

    huwa tal-fehma li l-għotjiet għandhom jinżammu bħala l-forma ewlenija ta’ finanzjament tal-UE għall-investiment ferrovjarju. Il-parti l-kbira tal-proġetti ta’ infrastruttura ma jiġġenerawx biżżejjed dħul, għall-kuntrarju, dawn ġeneralment ikopru biss minn 10 sa 20 % tal-ispejjeż totali tal-investiment. Fl-istess ħin, madankollu, dawn il-proġetti għandhom benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti;

    35.

    jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jsir investiment fl-iżvilupp tal-kapaċità ta’ nodi ferrovjarji urbani, kif ukoll fit-trasport ferrovjarju reġjonali, li huwa l-mezz prinċipali tal-mobilità f’xi reġjuni. Il-linja ferrovjarja ssaħħaħ il-koeżjoni territorjali tal-UE filwaqt li tipprevjeni l-esklużjoni relatata mat-trasport;

    36.

    jenfasizza l-importanza ta’ proġetti li jippromovu l-mobilità mingħajr fruntieri, li tkun aċċessibbli għall-utenti kollha, inklużi l-anzjani, il-persuni b’mobilità mnaqqsa u l-persuni b’diżabilità;

    37.

    jirrimarka li l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u fl-awtomatizzazzjoni tal-ferroviji huwa meħtieġ sabiex it-trasport ferrovjarju jsir saħansitra aktar effiċjenti u kompetittiv;

    38.

    jinnota l-ħtieġa li tiġi kofinanzjata l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi eżistenti biex jittejbu l-konnessjonijiet ma’ pajjiżi bi strumenti ta’ kejl tal-binarji differenti, bħall-faċilità ta’ traċċar awtomatiku SUW 2000, sabiex jittejbu l-konnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi;

    C.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR IL-PROMOZZJONI EFFETTIVA TAT-TRASPORT FERROVJARJU FIL-KUNTEST TAS-SENA EWROPEA TAL-FERROVIJI 2021

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    39.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jieħdu miżuri biex jippromovu t-trasport ferrovjarju bħala mezz ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li jkun innovattiv u sikur, f’konformità mal-miri tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji. Flimkien mas-settur ferrovjarju u l-organizzazzjonijiet tiegħu, huma jistgħu jorganizzaw u jippubbliċizzaw il-miżuri li ġejjin:

    inizjattivi, wirjiet u avvenimenti biex jistimolaw dibattitu politiku, ekonomiku u socjali sabiex tigi enfasizzata l-importanza tat-trasport ferrovjarju fis-sistema tat-trasport u ekonomika tal-UE (fost l-ohrajn il-Fiera Internazzjonali tal-Ferroviji, TRAKO 2021, fi Gdansk);

    kampanji ta’ informazzjoni u edukattivi dwar ir-rwol u l-valur miżjud tat-trasport ferrovjarju bħalma huma inizjattivi li jħeġġu lis-soċjetà biex tikkontribwixxi għall-kisba tal-mira tat-trasport sostenibbli;

    skambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-impriżi ferrovjarji u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġi promoss it-trasport ferrovjarju;

    40.

    il-KtR jinsab impenjat biex isaħħaħ il-kontribut u r-rwol tat-trasport ferrovjarju fit-trasport pubbliku u biex jagħmlu aktar attraenti mil-lat ekonomiku u soċjali. Minbarra l-promozzjoni tan-newtralità klimatika tal-ferroviji, fid-dawl tad-distakk ġenerazzjonali emerġenti u l-bidliet fil-professjonijiet ferrovjarji, għandha tiġi enfasizzata u msaħħa wkoll l-attraenza tal-impjieg f’dan is-settur. Għalhekk il-KtR jixtieq b’mod partikolari:

    jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jippromovu t-taħriġ fl-impjieg fis-settur ferrovjarju u jistabbilixxu dixxiplini jew korsijiet ta’ studju fl-universitajiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, b’mod partikolari fl-oqsma tal-inġinerija, l-awtomatizzazzjoni, is-sinjalar u d-dixxiplini l-oħra;

    jinkoraġġixxi l-impriżi ferrovjarji jipprovdu taħriġ addizzjonali sabiex ix-xogħol ferrovjarju jsir aktar attraenti;

    jirrakkomanda li l-impriżi ferrovjarji u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ, bl-appoġġ tal-awtoritajiet reġjonali u tal-Istati Membri, jistabbilixxu kompetizzjonijiet għall-istudenti dwar l-għarfien tagħhom dwar il-ferroviji;

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm u tespandi l-programm #DiscoverEU. Il-KtR jipproponi wkoll li titnieda inizjattiva konġunta li toħloq konnessjoni bejn dan il-programm u s-settur ferrovjarju. L-għan tal-inizjattiva għandu jkun li tgħaqqad il-vjaġġi Interrail miż-żgħażagħ ma’ programm ta’ avvenimenti fil-bliet u r-reġjuni, b’enfasi fuq l-istazzjonijiet ferrovjarji lokali bħala promoturi kulturali jew żjarat ta’ studju fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu aktar dwar il-ferroviji;

    jilqa’ bi pjaċir il-parteċipazzjoni tas-settur ferrovjarju fil-Festival Europalia 2021 tal-arti internazzjonali, li t-tema tiegħu se tkun l-influwenza tal-ferrovija fuq l-arti u l-importanza tal-ferrovija bħala katalist għall-bidla;

    41.

    iqis li huwa neċessarju li t-trasport ferrovjarju jiġi appoġġjat fil-livell Ewropew u nazzjonali, anke fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċja s-settur. Għaldaqstant il-KtR:

    jistieden lis-settur ferrovjarju jagħti kontribut akbar għat-turiżmu sostenibbli permezz tal-ħolqien ta’ konnessjonijiet ferrovjarji ġodda u r-restawr ta’ dawk li diġà ġew dekummissjonati;

    jistieden lis-settur ferrovjarju u lill-Istati Membri jżidu l-offerta tagħhom għall-ferroviji ta’ billejl u l-ferroviji li jġorru l-karozzi;

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja koerenti bħala alternattiva jew komplementari għat-trasport bl-ajru u dak privat mingħajr ma tiġi kompromessa l-espansjoni tal-infrastruttura ferrovjarja reġjonali u tal-merkanzija;

    iħeġġeġ lis-settur ferrovjarju jħaddan kontinwament id-diġitalizzazzjoni u jtejjeb l-aċċessibilità tas-servizzi tiegħu permezz tal-iżvilupp ta’ apps u pjattaformi għall-bejgħ tal-biljetti, pereżempju bl-istabbiliment ta’ sistema Ewropea komuni għall-bejgħ ta’ biljetti tal-ferrovija;

    jappoġġja s-settur ferrovjarju u l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromovu l-interoperabbiltà fit-trasport internazzjonali;

    jistieden lill-Istati Membri jippromovu u jiffinanzjaw programmi li jċaqilqu l-merkanzija mit-triq għall-ferrovija billi joħolqu proġetti ġodda, bħal “tiry na tory” (5) (Vetturi tqal fuq il-ferroviji) u li jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom għal bidla modali;

    jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lill-Istati Membri biex ifasslu pjani fit-tul tat-trasport, li fihom it-trasport ferrovjarju jkollu rwol ewlieni, fejn huwa xieraq, u jinnota li l-ferroviji jridu jiġu promossi bħala fattur prinċipali fis-soluzzjoni tal-problemi tal-esklużjoni relatata mat-trasport ta’ reġjuni anqas żviluppati u/jew inqas żviluppati; fil-każ tar-reġjuni li ma għandhomx trasport ferrovjarju, bħall-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-Kumitat jirrakkomanda li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi ta’ mobbiltà, adattati għas-sitwazzjoni f’dawn ir-reġjuni;

    jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jipprovdu appoġġ għall-monumenti eżistenti tal-istorja tal-ferroviji, il-mużewijiet u l-binjiet storiċi fejn kien isir ix-xogħol ta’ manifattura tal-ferroviji bħala wirt kulturali fir-reġjuni tagħhom;

    jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali, f’kooperazzjoni mal-impriżi ferrovjarji, jippromovu u jimplimentaw soluzzjonijiet ta’ trasport “minn bieb għal bieb” koerenti, filwaqt li jitqiesu l-proġetti tal-ekonomija kollaborattiva bħall-bike-sharing;

    jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ kampanji ta’ promozzjoni konġunti komprensivi mir-reġjuni u l-impriżi ferroviji permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ midja u ta’ kanali ta’ informazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta’ stazzjonijiet ferrovjarji u vetturi ferrovjarji bħala trasportaturi kulturali, li se jgħinu biex tiġi stabbilita u żviluppata relazzjoni mal-passiġġieri u biex ikun hemm sensibilizzazzjoni soċjali dwar il-kontribut deċiżiv li l-ferroviji jistgħu joffru għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jappoġġjaw l-investiment fil-kostruzzjoni ta’ terminals intermodali fuq ir-rotot u l-fruntieri ma’ pajjiżi terzi, u biex jimmodernizzaw u jżommu l-istazzjonijiet u l-waqfiet tal-ferroviji fi stat tajjeb, inkluż it-toroq ta’ aċċess, u biex jidentifikaw jew jinstallaw żoni ta’ parkeġġ għan-nies li jivvjaġġaw bil-karozza lejn l-istazzjon;

    42.

    ifakkar fil-ħtieġa li jiġu promossi inizjattivi ta’ trasport multimodali bħala parti mill-integrazzjoni tal-ferroviji ma’ mezzi oħra tat-trasport komuni (car-sharing, bike-sharing);

    43.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment reġjonali u nazzjonali għall-immodernizzar ta’ stazzjonijiet ferrovjarji storiċi, li t-trasformazzjoni tagħhom għandha tnaqqas ukoll l-impatti ambjentali negattivi, kif ukoll fi stazzjonijiet ferrovjarji innovattivi ġodda li jqisu r-rekwiżiti ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    44.

    jirrakkomanda li l-baġit jiżdied minn EUR 8 miljun kif propost mill-Kummissjoni (COM(2020) 78) għal EUR 12-il miljun.

    Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  Stħarriġ 463 tal-Ewrobarometru-Flash ta’ Jannar/Frar 2018 dwar is-sodisfazzjon tal-Ewropej bis-servizzi ferrovjarji.

    (2)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

    (3)  2015/2347(INI).

    (4)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (5)  https://tirynatory.pl/


    Top