IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2018
COM(2018) 370 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
RAPPORT DWAR IL-KONVERĠENZA
(imħejji f'konformità mal-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
{SWD(2018) 350 final}
1.L-ISKOP TAR-RAPPORT
L-euro huwa maħsub biex ikun il-munita unika tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Huwa issa jintuża ta’ kuljum minn madwar 342 miljun ruħ f’19-il Stat Membru (“iż-żona tal-euro”). L-euro huwa t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja. Sittin pajjiż u territorju ieħor madwar id-dinja, li fihom jgħixu 175 miljun persuna, iddeċidew li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom jew li jorbtu l-munita tagħhom miegħu.
L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-TFUE) jitlob li l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jirrapportaw lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sentejn, jew wara talba ta' xi wieħed mill-Istati Membri b'deroga, dwar il-progress miksub mill-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom rigward il-kisba ta' unjoni ekonomika u monetarja. Ir-Rapporti dwar il-Konverġenza l-aktar riċenti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Ġunju 2016.
Ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-2018 jkopri s-seba' Stati Membri li ġejjin b'deroga: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, u l-Iżvezja. Valutazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f'dawn l-Istati Membri hija pprovduta f'Anness Tekniku ta' dan ir-Rapport.
Il-kontenut tar-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa rregolat mill-Artikolu 140(1) TFUE. Dan l-Artikolu jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE). Ir-rapporti jridu jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza għall-issodisfar tal-kriterji ta' konverġenza (l-istabilità tal-prezzijiet, il-finanzi pubbliċi, l-istabilità tar-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax għal terminu twil), u billi jitqiesu fatturi oħrajn imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 140(1) TFUE. L-erba' kriterji ta' konverġenza huma żviluppati fi Protokoll anness mat-Trattati (il-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza).
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien mal-kriżi fiż-żona tal-euro tad-dejn sovran, kixfu distakki fis-sistema ta' governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u wrew li l-istrumenti tagħha jenħtieġ li jintużaw b'mod aktar komprensiv. Bil-għan li jiġi garantit il-funzjonament sostenibbli tal-UEM, beda jsir tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-Unjoni. Il-valutazzjoni ta’ konverġenza għaldaqstant hija allinjata mal-approċċ usa' tas-Semestru Ewropew li jikkunsidra b'mod integrat l-isfidi tal-politika ekonomika li qed taffaċċa l-UEM biex tiżgura sostenibilità fiskali, kompetittività, stabilità tas-suq finanzjarju u tkabbir ekonomiku. L-innovazzjonijiet ewlenin fil-qasam tar-riforma ta’ governanza, it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-proċess ta' konverġenza ta’ kull Stat Membru u s-sostenibilità tiegħu, jinkludu, fost oħrajn it-tisħiħ tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv kif imsaħħaħ mir-riforma tal-2011 tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, u strumenti ġodda fil-qasam tas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dan ir-rapport iqis ir-riżultati tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku.
Dawn il-kriżijiet urew ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet mhux mixtieqa bejn is-setturi bankarji nazzjonali u s-sovrani tagħhom u tat lok għal forzi ta’ frammentazzjoni qawwija fis-swieq finanzjarji. L-Unjoni Bankarja nħolqot biex tkisser dawn ir-rabtiet u treġġa’ lura l-frammentazzjoni, kif ukoll biex tiżgura diversifikazzjoni tar-riskju aħjar madwar l-Istati Membri u finanzjament adegwat għall-ekonomija. Diversi elementi ewlenin tal-Unjoni Bankarja diġà huma stabbiliti, jiġifieri l-Ġabra Unika tar-Regoli, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF). L-Istati Membri li jadottaw l-euro se jipparteċipaw ukoll fl-Unjoni Bankarja. Tali parteċipazzjoni hija irrispettivament mill-valutazzjoni tal-kriterji ta’ konverġenza li ssir f’dan ir-rapport.
Bħala parti mill-pakkett dwar l-approfondiment tal-UEM tal-Ewropa, ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li twaqqaf fluss ta’ ħidma dedikat (fil-qafas tal-attivitajiet ta’ għajnuna teknika tagħha) biex joffri appoġġ immirat lill-Istati Membri fi triqithom biex jissieħbu fl-euro. Din il-proposta kienet riflessa fl-emenda tar-Regolament dwar il-Programm ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li għall-perjodu ta’ wara l-2020, hija se tipproponi faċilità ta’ konverġenza ddedikata sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fit-tħejjija konkreta tagħhom għal parteċipazzjoni bla xkiel fiż-żona tal-euro. Dan huwa madankollu irrispettivament mill-proċess formali lejn l-adozzjoni tal-euro, li jitwettaq permezz ta’ Rapporti dwar il-Konverġenza.
Kriterji ta' konverġenza
L-eżami tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, mal-Artikolu 130 TFUE u mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE jinkludi valutazzjoni tal-osservanza tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (l-Artikolu 123) u l-projbizzjoni tal-aċċess privileġġat (l-Artikolu 124); konsistenza mal-objettivi tas-SEBĊ (l-Artikolu 127(1)) u mal-kompiti (l-Artikolu 127(2)) u ma’ aspetti oħra relatati mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fis-SEBĊ.
Il-kriterju dwar l-istabilità fil-prezzijiet huwa definit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabilità fil-prezzijiet [...] jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik tat-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabilità fil-prezzijiet”.
L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jipprevedi wkoll li “il-kriterju tal-istabilità tal-prezzijiet […] ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 %,dik tal-aħjar tliet Stati Membri, f’dik li hi stabilità fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”. Ir-rekwiżit ta’ sostenibilità jimplika li l-prestazzjoni tal-inflazzjoni sodisfaċenti għandha tkun attribwita għall-andament tal-kostijiet tad-dħul u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-prezzijiet b’mod strutturali, aktar milli l-influwenza ta’ fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi valutazzjoni tal-fatturi li għandhom impatt fuq il-prospettiva tal-inflazzjoni u huwa kkomplementat b'referenza għall-aktar tbassir riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni rigward l-inflazzjoni. Relatat ma’ dan, ir-rapport jivvaluta wkoll jekk hux probabbli li l-pajjiż jissodisfa l-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin.
Il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkolat li kien 1.9 % f'Marzu 2018, b’Ċipru, l-Irlanda u l-Finlandja bħala t-tliet “Stati Membri bl-aħjar riżultati”.
Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta l-finanzi pubbliċi huwa definit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE bħala “sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; din tirriżulta minn sitwazzjoni baġitarja li tkun mingħajr defiċit eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 126(6)”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji tal-konverġenza jiddikjara li dan il-kriterju jfisser li “filwaqt tal-eżami l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm defiċit eċċessiv". Bħala parti mit-tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-UEM, il-leġiżlazzjoni sekondarja relatata mal-finanzi pubbliċi ġiet imsaħħa fl-2011, inklużi r-regolamenti l-ġodda li jemendaw il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir.
It-TFUE jirreferi għall-kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) bħala “l-osservanza tal-marġini ta' fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-euro”.
L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jipprevedi li: “Il-kriterju fuq il-parteċipazzjoni f'Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea (…) ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro għall-istess perjodu”.
Il-perjodu rilevanti ta' sentejn għall-evalwazzjoni tal-istabilità tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport huwa bejn l-24 ta' April 2016 u t-23 ta' April 2018. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterju tal-istabilità tar-rati tal-kambju, il-Kummissjoni tikkunsidra l-iżviluppi fl-indikaturi awżiljari bħall-iżviluppi f’riżervi barranin, ir-rati tal-imgħax għal perjodu ta’ żmien qasir, kif ukoll ir-rwol tal-miżuri tal-politika, inklużi interventi fis-swieq tal-kambju, kif ukoll l-assistenza finanzjarja internazzjonali, fejn ikun rilevanti, biex tinżamm l-istabilità tar-rata tal-kambju. Bħalissa, l-ebda wieħed mill-Istati Membri vvalutati f'dan ir-Rapport dwar il-Konverġenza ma jipparteċipa fl-ERM II. Id-dħul fl-ERM II jiġi deċiż b'talba ta' Stat Membru bil-kunsens tal-parteċipanti kollha tal-ERM II.
Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jitlob li “d-durabilità tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru b'deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju" tkun tidher fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul”. L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta’ mgħax (…) ifisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' mgħax nominali medja għal terminu twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rati ta' mgħax jitqiesu abbażi ta’ titoli tal-gvern għal terminu twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.
Il-valur referenzjarju għar-rata tal-imgħax ġie kkalkolat li kien 3.2 % f'Marzu 2018.
L-Artikolu 140(1) TFUE jitlob ukoll l-eżami ta’ fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomika. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-swieq, l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fil-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kostijiet tal-unità lavorattiva u indiċi oħra ta' prezzijiet. Dawn tal-aħħar huma koperti fil-valutazzjoni tal-istabilità tal-prezzijiet. Il-fatturi addizzjonali huma indikaturi importanti li juru li l-integrazzjoni ta' Stat Membru fiż-żona tal-euro se tipproċedi mingħajr diffikultajiet u twessa' l-opinjonijiet fuq is-sostenibilità tal-konverġenza.
2.Il-BULGARIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Bulgarija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta' konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. Jeżistu inkompatibbiltajiet u imperfezzjonijiet fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Bulgarija matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 1.4 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Huwa pproġettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fil-Bulgarija kienet negattiva bejn nofs l-2013 u kmieni fl-2017, minħabba taħlita ta’ diversi fatturi, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi importati, domanda interna baxxa u tnaqqis fil-prezzijiet amministrati. Fl-2016, din naqset minn -0.4 % f’Jannar għal madwar -2.5 % f’nofs l-2016, meta bdiet tiżdied. F’Diċembru 2016, laħqet -0.5 %, u kompliet tiżdied sa April 2017, meta kienet 1.7 %. Bejn Mejju u Lulju 2017, l-inflazzjoni naqset temporanjament għal darb’oħra, iżda malajr reġgħet marret lura biex tiżdied sakemm laħqet madwar 1.9 % f’Novembru 2017. It-titjib annwali tal-inflazzjoni fl-2017 jirrifletti kontribuzzjonijiet minn inflazzjoni akbar fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. L-inflazzjoni niżlet għal darb’oħra fil-bidu tal-2018 u reġgħet lura għal 1.9 % f’Marzu 2018.
L-inflazzjoni mistennija tkompli tiżdied bħala riżultat ta’ fatturi interni, jiġifieri żieda fid-domanda privata alimentata minn żieda mistennija tal-introjtu nett tal-unitajiet domestiċi, u b’riżultat ta’ forza esterna, jiġifieri żieda mistennija fil-prezzijiet globali taż-żejt u r-riperkussjoni ta’ dan fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Għaldaqstant, it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta inflazzjoni HICP medja ta' 1.8 % fl-2018 u 3.4% fl-2019. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Bulgarija (madwar 47% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fuq perjodu twil.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, il-Bulgarija hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Il-Bulgarija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 0.2 % u 0.9 % tal-PDG fl-2016 u fl-2017, rispettivament. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa proġettat li jibqa’ pożittiv b’0.6 % tal-PDG kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019, meta wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda tibdil fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross baqa’ baxx fil-livell ta' 25.4 % tal-PDG fl-2017 u huwa proġettat li jonqos ulterjorment għal 23.3 % tal-PDG fl-2018 u għal 21.4 % tal-PDG fl-2019. Il-qafas fiskali Bulgaru dan l-aħħar issaħħaħ permezz ta’ passi leġiżlattivi suċċessivi, li issa jeħtieġ li jkunu implimentati.
Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-lev Bulgaru mhix qed jipparteċipa fl-ERM II. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB) jkompli jsegwi l-objettiv primarju tiegħu ta’ stabilità fil-prezzijiet permezz ta’ rata tal-kambju ċentrali fil-kuntest ta’ Ftehim dwar Bord tal-Valuta (Currency Board Arrangement - CBA). Il-Bulgarija introduċiet is-CBA tagħha fl-1 ta' Lulju 1997, u rabtet il-lev Bulgaru mal-mark Ġermaniż u aktar tard mal-euro. Indikaturi addizzjonali, bħal żviluppi fir-riżervi ta' munita barranija, u rati tal-imgħax għal żmien qasir jindikaw li l-perċezzjoni tar-riskju tal-investituri fir-rigward tal-Bulgarija baqgħet favorevoli. Bafer imdaqqas ta’ riżerva uffiċjali għadu jservi ta' sostenn għar-reżiljenza tas-CBA. Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ sentejn, il-lev Bulgaru baqa’ stabbli fil-konfront tal-euro, skont it-tħaddim tas-CBA.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 1.4 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rati tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija naqsu minn madwar 2.4 % f'Jannar tal-2016 għal madwar 0.9 % f'Jannar tal-2018. Id-differenza fir-rendiment fil-konfront tal-bonds ta’ referenza Ġermaniżi żdiedet b’madwar 50 punt bażi fl-ewwel nofs tal-2016 u laħqet madwar 250 punt bażi f’Lulju 2016, iżda qabdet tonqos minn dak iż-żmien. Fi tmiem l-2017 il-firxa laħqet it-72 punt bażi, filwaqt li kompliet tonqos għal inqas minn 40 punt bażi kmieni fl-2018.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tal-Bulgarija rreġistra surplus sinifikanti, billi laħaq l-4.5 % u l-5.5 % tal-PDG fl-2016 u fl-2017, rispettivament. L-ekonomija Bulgara hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Bulgarija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-isfidi ewlenin huma relatati wkoll mal-qafas istituzzjonali inkluż il-korruzzjoni u l-effiċjenza governattiva. Is-settur finanzjarju tal-Bulgarija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' livell għoli ta' sjieda barranija tas-sistema bankarja tagħha. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, il-Bulgarija kienet soġġetta għal rieżami profond fl-2018, li kkonkluda li l-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi (u b’hekk irreveda l-konklużjoni preċedenti ta’ żbilanċi eċċessivi), marbuta ma’ vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju flimkien ma’ pożizzjoni ta’ dejn għolja u self improduttiv fis-settur korporattiv. Dgħufijiet strutturali persistenti ma jippermettux li s-suq tax-xogħol jagħmel progress aktar malajr.
3.IR-REPUBBLIKA ĊEKA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika Ċeka – b’mod partikolari l-Att Nru 6/1993 tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar iċ-Česká národní banka (il-Liġi ČNB) – mhijiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-objettivi taċ-ČNB u l-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi ČNB fiha wkoll xi imperfezzjonijiet rigward il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju u l-kompiti tas-SEBĊ.
Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Repubblika Ċeka matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 2.2 %, ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 1.9 %. Huwa proġettat li fix-xhur li ġejjin, ir-rata ta’ inflazzjoni se tinżel taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP niżlet minn 0.5 % kmieni fl-2016 għal -0.1 % f’Ġunju 2016 qabel ma żdiedet għal aktar minn 2 % sa tmiem l-2016. Imbagħad varjat bejn it-2 u t-3 % matul l-2017. L-inflazzjoni annwali tal-HICP għalhekk laħqet medja ta’ 0.6 % fl-2016 u 2.4 % fl-2017. It-titjib annwali tal-inflazzjoni fl-2017 jirrifletti kontribuzzjonijiet minn inflazzjoni akbar fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. Kmieni fl-2018, l-inflazzjoni annwali kompliet tonqos u f’Marzu 2018 kienet 1.6 %.
L-inflazzjoni annwali HICP hija mistennija li tonqos fl-2018, primarjament minħabba li l-kontribuzzjoni tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel (kemm ikel ipproċessat u wkoll dak mhux ipproċessat) għandha tonqos. Fl-istess waqt, il-prezzijiet tal-enerġija u tas-servizzi huma mistennija li jagħmlu kontribuzzjoni tal-inflazzjoni aktar qawwija milli fis-snin ta’ qabel. B'hekk it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta li l-inflazzjoni annwali tal-HICP tilħaq medja ta' 2.1 % fl-2018 u 1.8 % fl-2019. Il-livell tal-prezzijiet fir-Repubblika Ċeka (madwar 64 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar konverġenza tal-livell tal-prezz għat-tul.
Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, ir-Repubblika Ċeka hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Ir-Repubblika Ċeka mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tjieb b'mod sostanzjali minn -2.1 % tal-PDG fl-2014 għal 1.6 % tal-PDG fl-2017. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa projjettat li jilħaq 1.4 % tal-PDG fl-2018, u 0.8 % tal-PDG fl-2019 meta wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross naqas mill-ogħla punt tiegħu ta' 44.9 % tal-PDG fl-2013 għal taħt il-35 % tal-PDG fl-2017. Huwa proġettat li l-proporzjon tad-dejn pubbliku gross jaqa’ taħt it-32 % tal-PDG fl-2019. Il-qafas fiskali tar-Repubblika Ċeka ssaħħaħ bl-adozzjoni tal-Liġi dwar ir-Responsabilità Fiskali kmieni fl-2017, iżda l-effikaċja tiegħu se tiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.
Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-koruna Ċeka mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. Ir-Repubblika Ċeka topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Bejn Novembru 2013 u April 2017, iċ-ČNB uża r-rata tal-kambju bħala strument addizzjonali biex jiffaċilita l-kundizzjonijiet monetarji billi ppremetta li r-rata tal-kambju tal-koruna fil-konfront tal-euro tiċċaqqlaq liberament biss fuq in-naħa l-aktar dgħajfa tal-livell 27 CZK/EUR. Il-koruna kienet innegozjata marġinalment ogħla minn 27 CZR/EUR matul l-2016 u kmieni fl-2017 minħabba li l-interventi fis-suq tal-muniti barranin miċ-ČNB kienu jipprekludu tisħiħ ulterjuri tar-rata tal-kambju. Wara l-iskadenza tal-impenn taċ-ČNB fuq ir-rata tal-kambju tal-koruna f’April 2017, il-koruna segwiet xejra ta’ tisħiħ gradwali f’konfront tal-euro, billi marret minn aktar minn 27 CZR/EUR kmieni f’April 2017 għal inqas minn 25.5 CZR/EUR kmieni fl-2018. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-koruna ssaħħet fil-konfront tal-euro b’aktar minn 6 %.
Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fir-Repubblika Ċeka fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 1.3 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rata tal-imgħax fit-tul tar-Repubblika Ċeka oxxillat madwar l-0.4 % fl-2016. Imbagħad bil-mod żdiedet għal madwar 1.5 % sal-aħħar tal-2017 hekk kif iċ-ČNB gradwalment issikka l-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Il-firxa fil-konfront tal-bonds ta’ valur referenzjarju Ġermaniżi kibret għal madwar 120 punt bażi kmieni fl-2018.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tar-Repubblika Ċeka rreġistra surplus ta’ 2.7 % tal-PDG fl-2016 u 2 % tal-PDG fl-2017. L-ekonomija Ċeka hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro permezz ta’ rabtiet kummerċjali u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-punteġġi rċevuti mir-Repubblika Ċeka fil-klassifiki internazzjonali jidher li tjiebu f’dawn l-aħħar snin, b'konverġenza qrib il-medja taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju Ċek huwa integrat tajjeb ħafna fis-settur finanzjarju tal-UE, l-aktar permezz ta’ grad għoli ta' sjieda barranija ta' intermedjarji finanzjarji.
4.IL-KROAZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Kroazja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Kroazja hija għalkollox kompatibbli mad-dmir ta' konformità skont l-Artikolu 131 TFUE.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Kroazja matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 1.3 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin ir-rata ta’ inflazzjoni se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP baqgħet negattiva matul il-biċċa l-kbira tal-2016 minħabba prezzijiet dejjem nieżla tal-enerġija u l-ikel mhux ipproċessat. B’hekk kellha medja ta’ -0.6 % għas-sena sħiħa. Ir-rati ta’ inflazzjoni annwali qalbu għall-pożittiv lejn l-aħħar tal-2016 u mbagħad żdiedu għal aktar minn 1 % kmieni fl-2017 minħabba kontribuzzjonijiet akbar tal-inflazzjoni mill-komponenti ewlenin kollha tagħha. Minn hemm ‘l hemm ir-rata ta’ inflazzjoni annwali oxxillat madwar 1.3 % sal-bidu tal-2018. L-inflazzjoni annwali kienet ta’ 1.2 % f’Marzu 2018.
Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni annwali tal-HICP hija mistennija tibqa’ ġeneralment stabbli hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija li qed jirkupraw x’aktarx li jikkumpensaw għall-kontribuzzjoni tal-inflazzjoni aktar baxxa fl-ikel mhux ipproċessat. L-inflazzjoni bażi hija mistennija li żżid ftit ir-ritmu fl-2019, f’konformità mat-tkabbir ekonomiku li qed ikompli. L-inflazzjoni annwali tal-HICP hija mbassra li tilħaq medja ta’ 1.4 % fl-2018 u 1.5 % fl-2019. Il-livell tal-prezzijiet fil-Kroazja (madwar 65% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, il-Kroazja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Il-Kroazja mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika kellu defiċit ta' 0.8 % tal-PDG fl-2017. It-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa’ ftit jew wisq stabbli 0.7 % tal-PDG fl-2018 u 0.8 % tal-PDG fl-2019. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jonqos għal madwar 70 % tal-PDG sal-2019. Wara dewmien ripetut fl-adozzjoni tal-atti ta’ riforma ppjanati, il-qafas fiskali Kroat baqa’ relattivament dgħajjef, b’mod partikolari l-aspetti prinċipali kollha tat-tfassil ta’ regoli numeriċi, is-setgħa vinkolanti ta’ pjanijiet fuq terminu medju, u t-twaqqif tal-kunsill fiskali nazzjonali tagħha.
Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-kuna Kroata mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. L-HNB (il-Bank Nazzjonali Kroat) jopera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli amministrat b'mod l-aktar strett, li juża r-rata tal-kambju bħala l-ankra nominali ewlenija biex jikseb l-objettiv primarju tiegħu ta' stabilità fil-prezzijiet. Bejn il-bidu tal-2016 u l-bidu tal-2018 il-kuna esperjenzat xi pressjonijiet ta’ tisħiħ li kienu jeħtieġu xiri b’munita barranija mill-banek mill-HNB bil-għan li tkun stabilizzata r-rata tal-kambju fil-konfront tal-euro. L-iskambju tal-kuna fil-konfront tal-euro kompla juri xejra staġjonali temporanja ta’ tisħiħ fir-rebbiegħa minħabba dħul ta’ kambju barrani ġġenerat fis-settur tat-turiżmu. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-kuna waqgħet fil-konfront tal-euro bi kważi 2 %.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax għal terminu twil fil-Kroazja fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 2.6 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rata tal-imgħax fit-tul tal-Kroazja baqgħet stabbli sew minn Awwissu 2015 sa Awwissu 2016, waqt li varjat bejn it-3.5 % u l-4 %. Hija niżlet għal 3 % fl-2016 u mbagħad fil-biċċa l-kbira kienet taħt it-3 % tul l-2017. Fil-bidu tal-2018, ir-rata tal-imgħax fit-tul naqset għal inqas minn 2.4 % u l-firxa fil-konfront tal-bonds ta’ referenza Ġermaniżi għal inqas minn 200 punt bażi hekk kif il-Kroazja rċeviet l-ewwel klassifikazzjoni aġġornata mill-2004.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Is-surplus estern tal-Kroazja żdied minn 3.6 % tal-PDG fl-2016 għal 4.2 % tal-PDG fl-2017, billi bbenifika minn titjib fil-bilanċ tal-introjtu. L-ekonomija Kroata hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Kroazja hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-isfidi ewlenin huma relatati wkoll mal-qafas istituzzjonali inkluż il-kwalità regolatorja. Is-settur finanzjarju huwa integrat ħafna fis-sistema finanzjarja tal-UE permezz ta' sjieda barranija ta' banek domestiċi. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, il-Kroazja kienet soġġetta għal rieżami profond fl-2018, li minnu rriżulta li hija kompliet tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi marbuta ma’ livelli għoljin ta’ dejn estern, pubbliku u privat, l-aktar denominat f’munita barranija, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx.
5.L-UNGERIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Ungerija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank (MNB) - mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta' konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet notevolment jikkonċernaw l-indipendenza tal-MNB , il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi dwar l-MNB fiha wkoll imperfezzjonijiet ulterjuri rigward l-integrazzjoni tal-MNB fis-SEBĊ.
L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Ungerija matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 2.2 %, ogħla mill-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Huwa pproġettat li fix-xhur li ġejjin, ir-rata ta’ inflazzjoni se tibqa' fuq il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fl-Ungerija matul l-aħħar sentejn ħarġet minn livelli baxxi ħafna, inklużi valuri negattivi f’nofs l-2016. L-inflazzjoni mbagħad bdiet tiżdied b’rata mgħaġġla, u laħqet it-2.9 % sa Frar 2017 qabel ma mmoderat minn hemm ’il quddiem, l-iżjed minħabba fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Mir-rebbiegħa tal-2017, il-prezzijiet tal-ikel ipproċessat dejjem tefgħu aktar pressjoni fuq l-inflazzjoni tal-HICP, biex b’hekk żammu ċ-ċifra nominali ogħla minn 2 % fl-2017. Kmieni fl-2018 l-inflazzjoni marret lura għal darb’oħra, prinċipalment bis-saħħa ta’ prezzijiet tal-enerġija u ta’ oġġetti li jservu fit-tul. F’Marzu 2018, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 2.0 %.
L-inflazzjoni hija pproġettata li tonqos kemxejn għal 2.3 % fl-2018 u li tiżdied għal 3.0 % fl-2019 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni tas-servizzi hija mistennija li tiżdied minħabba tkabbir qawwi fil-pagi. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fl-Ungerija (madwar 58 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda li tinbeda Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti għall-Ungerija fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti osservata mir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti anki fl-2018 u fl-2019. Għalhekk, mill-2018 se jkunu meħtieġa aktar miżuri biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika naqas għal 1.7 % tal-PDG fl-2016, meta mqabbel ma’ 1.9 % fl-2015, u mbagħad reġa’ tela’ għal 2.0 % fl-2017. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit huwa pproġettat li jiżdied għal 2.4 % tal-PDG fl-2018 u mbagħad jimmodera għal 2.1 % tal-PDG fl-2019, jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda tibdil fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross baqa’ baxx fil-livell ta' 73.6 % tal-PDG fl-2017 u huwa pproġettat li jonqos aktar għal 73.3 % tal-PDG fl-2018 u għal 71.0 % tal-PDG fl-2019. Il-qafas fiskali Ungeriż huwa żviluppat tajjeb madwar regoli stretti u proċeduri ta’ kontroll tad-dejn mis-saffi kollha tal-amministarzzjoni pubblika; madankollu, baqa’ xi dgħufijiet notevoli (b’mod partikolari, ir-rwol dgħajjef tal-ippjanar fiskali fuq terminu medju).
L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-forint Ungeriż mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. Ir-Repubblika Ċeka topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-forint iddgħajfet minn madwar 311 HUF/EUR f’Marzu 2016 għal 314 HUF/EUR f’nofs l-2016, qabel ma ssaħħet għal 307 HUF/EUR sa Ottubru 2016, meta l-MNB introduċa limiti massimi tal-volum fuq il-faċilità tad-depożitu għal tliet xhur. Il-forint imbagħad kienet innegozjata għal madwar 310 HUF/EUR sa nofs l-2017, meta mewġa ġdida ta’ apprezzament wasslitha qrib it-304 HUF/EUR f’Awwissu 2017. Wara l-intervent verbali tal-MNB, li indika l-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda u t-tnaqqis tar-rata ta’ depożitu mil-lum għal għada għal minus 15-il punt bażi, il-forint marret lura għal xi ftit anqas minn 310 HUF/EUR wara Settembru 2017. F’Marzu tal-2018, il-forint kienet ġeneralment fl-istess livell fil-konfront tal-euro, bħal ma kienet sentejn qabel.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 2.7 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rata tal-imgħax medja mensili fit-tul naqset għal madwar 2.8 % minn Awwissu 2016, qabel din telgħet għal 3.5 % minn Frar 2017. Hija mbagħad bdiet tonqos mill-ġdid u laħqet it-2.1 % f’Diċembru 2017, biex b’hekk tirrifletti l-isforzi tal-MNB biex jestendi l-istimolu monetarju saħansitra aktar għar-rati fit-tul. Ir-rata ta’ mgħax fit-tul fl-Ungerija żdiedet għal madwar 2.6 % fi Frar tal-2018, f’ambjent internazzjonali ta’ żieda fir-rendiment. Iż-żieda fil-firxa fit-tul fil-konfront tal-bonds ta' referenza Ġermaniżi kienet ta' madwar 200 punti bażi kmieni fl-2018.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern irreġistra surplus kbir matul dawn l-aħħar sentejn, għalkemm dan iddeterjora fl-2017, l-aktar minħabba l-bilanċ tal-kummerċ. L-ekonomija Ungeriża hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Ungerija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Ungerija huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE.
6.IL-POLONJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Polonja - b’mod partikolari l-Att dwar in-Narodowy Bank Polski (NBP) u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja - mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, l-Att dwar l-NBP fih ukoll xi imperfezzjonijiet li jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-NBP fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabilità fil-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Polonja matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 1.4 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin ir-rata ta’ inflazzjoni se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP saret pożittiva f’Ottubru 2016 u żdiedet b’rata mgħaġġla għal massimu lokali ta’ 1.9 % fi Frar 2017, qabel ma naqset għal 1.3 % f’Ġunju tal-2017. It-tieni nofs tal-2017 kien ikkaratterizzat minn żieda gradwali fl-inflazzjoni qabel ma qabżet għal 2 % f’Novembru u naqset lura għal 1.7 % f’Diċembru 2017. Hija naqset b’mod drastiku ulterjorment għal 0.7 % fi Frar tal-2018. Din ix-xejra b’xi mod volatili hija spjegata minn varjazzjonijiet qawwija fid-dinamika tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat. F’Marzu 2018, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 0.7 %.
L-inflazzjoni mistennija li tonqos għal 1.3 % fl-2018 u li tiżdied għal 2.5 % fl-2019 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, dovuta prinċipalment għal pressjoni li qed tissaħħaħ minn aċċellerazzjoni tal-pagi minħabba l-issikkar ulterjuri tas-suq tax-xogħol. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Polonja (madwar 52 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Polonja mhix is-soġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018, tant li, mill-2018 ‘il quddiem, se jkunu meħtieġa aktar miżuri biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika naqas b'mod sostanzjali minn 2.6 % tal-PDG fl-2015 għal 2.3 % tal-PDG fl-2016. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG tjieb għal 1.7 % fl-2017, u skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa pproġettat li jibqa' f'dan il-livell kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019, jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa previst li jonqos minn 50.6 % fl-2017 għal 49.1 % fl-2019. Il-qafas fiskali domestiku tal-Polonja huwa kumplessivament b’saħħtu, b’nuqqasijiet, prinċipalment, fl-oqsma tal-ippjanar u l-proċeduri baġitarji, u l-monitoraġġ indipendenti.
Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Iz-zloty Pollakk mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. Il-Polonja topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Iz-zloty kien innegozjat għal madwar 4.4 fil-konfront tal-euro bejn April 2016 u tmiem l-2016. Huwa ssaħħaħ bejn Diċembru tal-2016 u Mejju tal-2017, b’mod kumulattiv b’madwar 6 %. Iz-zloty mbagħad iddgħajjef kemxejn sal-bidu ta’ Ottubru 2017 (għal madwar 4.3 PLN/EUR) biex sussegwentement issaħħaħ matul il-bqija tal-2017. Il-Polonja bil-mod il-mod ħarġet mill-arranġament ta’ Linja ta’ Kreditu Flessibbli li kellha mal-FMI mill-2009, u tterminat l-aċċess għalih f’Novembru tal-2017. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, iz-zloty ssaħħaħ fil-konfront tal-euro bi kważi 2 %.
Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 3.3 %, ogħla mill-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rata tal-imgħax medja mensili gfit-tul żdiedet minn inqas minn 3 % f’April 2016 għal madwar 3.8 % fil-bidu tal-2017. Ir-rati tal-imgħax fit-tul naqsu għal madwar 3.2 % sa Ġunju 2017, qabel ma reġgħu żdiedu kemxejn minn hemm ’il quddiem. Il-firxa tar-rata tal-imgħax fit-tul fil-konfront tal-bonds ta’ referenza Ġermaniżi kienet ta’ madwar 270 punt bażi fil-bidu tal-2018.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tal-Polonja ilu f’surplus mill-2013, appoġġat minn titjib kontinwu fil-bilanċ kummerċjali. L-ekonomija Pollakka hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Polonja hija madwar il-medja tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Polonja huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE.
7.IR-RUMANIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fir-Rumanija - b'mod partikolari l-Liġi Nru 312 dwar l-Istatut tal-Bank tar-Rumanija (il-Liġi tal-BNR) – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta' konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, il-Liġi tal-BNR fiha imprefezzjonijiet marbuta mal-indipendenza tal-bank ċentrali u mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-objettivi tal-BNR u l-kompiti tas-SEBĊ kif stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tas-SEBĊ/BĊE.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabilità fil-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Rumanija matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 1.9 %, l-istess bħall-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Madankollu, huwa proġettat li fix-xhur li ġejjin hija se tiżdied ħafna aktar mill-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet nieżla fl-2016, prinċipalment minħabba t-tnaqqis suċċessiv tal-VAT u prezzijiet globali baxxi taż-żejt. Wara li laħqet punt baxx ta’ kważi -3 % f’Mejju 2016, hija baqgħet negattiva matul il-biċċa l-kbira tal-2016. Fl-2017, l-inflazzjoni żdiedet b’mod progressiv, iżda baqgħet baxxa minħabba tnaqqis ulterjuri ta’ punt perċentwali fir-rata standard tal-VAT u tnaqqis fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil f’Jannar tal-2017. L-inflazzjoni bdiet taċċellera fit-tieni nofs tal-2017 l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u t-t-treġġigħ lura f'Ottubru tat-tnaqqis fid-dazji tas-sisa li sar f'Jannar, u marret minn 0.6 % f’Awwissu għal 2.6 % f’Diċembru tal-2017. L-inflazzjoni baqgħet tiżdied kmieni fl-2018 hekk kif l-effett tat-tnaqqis fit-taxxa ta’ Jannar 2017 beda jisfuma, biex b’hekk laħqet l-4.0 % f’Marzu tal-2018.
Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni annwali tal-HICP hija pproġettata li tiżdied għal 4.2 % fl-2018, u mbagħad tonqos għal 3.4 % fl-2019 hekk kif l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija timmodera. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Rumanija (madwar 51 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016) huwa indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Ir-Rumanija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, ir-Rumanija hija soġġetta għal proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti (SDP - significant deviation procedure) minħabba devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2016. Fil-ħarifa tal-2017, instab li ma ħaditx azzjoni effettiva skont l-SDP u nħarġet rakkomandazzjoni riveduta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-ftuħ mill-ġdid tal-Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti għar-Rumanija fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti osservata mir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir anki fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti anki fl-2018 u fl-2019. Għalhekk, se jkunu meħtieġa aktar miżuri mill-2018 biex tinkiseb konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl ta’ prospettiva fiskali li qed tiddeterjora b’mod qawwi. Id-defiċit nominali żdied minn 0.8 % tal-PDG fl-2015 għal 3.0 % u 2.9 % tal-PDG fl-2016 u l-2017, rispettivament, peress li l-awtoritajiet kienu qed ifittxu li jiksbu politika fiskali espansjonarja, proċiklika, xprunata minn tnaqqis fit-taxxi indiretti u żidiet fil-pagi u fil-pensjonijiet tax-xjuħija pubbliċi. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa pproġettat li se jilħaq l-3.4 % tal-PDG fl-2018, u t-3.8 % fl-2019 meta wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa previst li jiżdied għal 35.3 % fl-2018 u għal 36.4 % fl-2019. Id-dispożizzjonijiet tal-qafas fiskali tar-Rumanija huma b’saħħithom. Madankollu, il-qafas fiskali kellu reputazzjoni fqira għall-implimentazzjoni effettiva f’dawn l-aħħar snin kif muri mill-bilanċ strutturali li qed imur għall-agħar u miċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tal-infiq permezz ta’ emendi baġitarji intrannwali.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-leu Rumena mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. Ir-Rumanija topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Ir-rata tal-kambju tal-leu fil-konfront tal-euro kienet tidher stabbli sa Settembru 2016, meta bdiet turi deprezzament moderat. Il-muturi ewlenin ta’ deprezzament kienu politika fiskali proċiklika biex tagħti spinta lill-kummerċ u defiċits fil-kontijiet kurrenti u aspettattivi dwar inflazzjoni ogħla. Ir-rata tal-kambju laħqet 4.63 RON/EUR fi tmiem l-2017 u kompliet turi deprezzament fil-bidu tal-2018 sa 4.66 RON/EUR f’Marzu tal-2018. Meta mqabbla ma' pari reġjonali oħra li joperaw b’rati tal-kambju varjabbli, ir-rata tal-kambju tal-leu fil-konfront tal-euro kienet relattivament inqas volatili. Matul is-sentejn ta’ qabel din il-valutazzjoni, il-leu iddepprezzat fil-konfront tal-euro b’madwar 4 %.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fir-Rumanija fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 4.1 %, ogħla mill-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rati tal-imgħax fit-tul tbaxxew gradwalment għal madwar 3 % f’Ottubru tal-2016, meta bdew jiżdiedu għal darb’oħra. Sal-lum huma kienu fuq triq ‘il fuq, u laħqu l-4.5 % kmieni fl-2018. Il-firxa fit-tul fil-konfront tal-bonds ta’ referenza Ġermaniżi tbaxxiet minn madwar 340 punt bażi f’April tal-2016 għal inqas minn 300 punt bażi f’Ottubru tal-2016, meta bdiet tiżdied għal darb’oħra. F’Marzu tal-2018, hija kienet ta’ 400 punt bażi.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern tar-Rumanija ilu sejjer dejjem aktar lura mill-2015 u fl-2017 qaleb negattiv għall-ewwel darba f’ħames snin. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tar-Rumanija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-isfidi ewlenin huma relatati wkoll mal-qafas istituzzjonali inkluż il-korruzzjoni u l-effiċjenza governattiva. Is-settur finanzjarju tar-Rumanija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' livell għoli ta' sjieda barranija tas-sistema bankarja tagħha.
8.L-IŻVEZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Iżvezja - partikolarment l-Att dwar is-Sveriges Riksbank, l-Istrument tal-Gvern u l-Liġi dwar il-Politika tar-Rata tal-Kambju - mhijiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta' konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. Inkompatibbiltajiet u imperfezzjonijiet jeżistu fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Iżvezja matul it-12-il xahar sa Marzu 2018 kienet ta' 1.9 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 1.9 %. Huwa proġettat li fix-xhur li ġejjin se tinżel taħt il-valur referenzjarju.
Ir-rata tal-inflazzjoni medja fl-Iżvezja laħqet il-1.9 % fl-2017, minn 1.1 % fl-2016, b’żidiet ewlenin fil-prezzijiet tas-servizzi u tal-enerġija l-aktar minħabba d-deprezzament tal-krona u tal-espansjoni kontinwa tad-domanda domestika sostnuta mill-politika moneterja akkomodanti tar-Riksbank. F’Marzu 2018, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 2.0 %.
L-inflazzjoni tal-HICP hija mistennija li tibqa’ ġeneralment stabbli matul l-2018. Il-prezzijiet taż-żejt huma mistennija li jeżerċitaw pressjoni ‘l fuq fuq l-HICP fl-2018. Madankollu, żieda mrażżna fil-pagi, li hija pproġettata li tibqa’ moderata u li nżammet baxxa minħabba pressjonijiet kompetittivi globali, l-aspettattivi baxxi tal-paga u forza tax-xogħol li mhux qed tintuża , hija mistenni li tillimita l-effett minn prezzijiet ogħla taż-żejt. Għaldaqstant, it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta inflazzjoni medja annwali ta’ 1.9 % fl-2018 u 1.7 % fl-2019. Il-livell tal-prezz fl-Iżvezja huwa relattivament għoli (madwar 122 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2016).
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Iżvezja mhijiex soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza 2018, l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Is-surplus tal-amministrazzjoni pubblika żdied bi ftit minn 1.2 % tal-PDG fl-2016 għal 1.3 % tal-PDG fl-2017, li għadu sostnut mill-prestazzjoni tad-dħul, li, mirfuda minn tkabbir ekonomiku sod, issorprendiet b’mod pożittiv. B’kuntrast ma’ dan, in-nefqa biex jintlaqgħu u jkunu integrati dawk li qed ifittxu l-asil, kienet anqas milli mistenni fl-2017-2016. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2018 tas-servizzi tal-Kummissjoni, is-surplus tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni jilħaq 0.8 % tal-PDG fl-2018 u 0.9 % fl-2019. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG naqas għal 40.6 % fl-2017 u huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 38.0 % tal-PDG fl-2018 u 35.5 % tal-PDG fl-2019. L-Iżvezja għandha qafas fiskali b’saħħtu, li kien soġġett għal riformi lejn tmiem l-2017, inkluż it-tnaqqis tal-mira għas-surplus għal 0.33 % tal-PDG (minn 1 % preċedentement), l-introduzzjoni ta’ ankra għad-dejn u t-tisħiħ tal-mandat tal-Kunsill tal-Politika Fiskali.
L-Iżvezja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-Krona Żvediża mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. L-Iżvezja topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-krona kompliet ix-xejra ta’ deprezzament tagħha li bdiet kmieni fl-2013. Id-deprezzament seħħ fl-isfond tal-illaxkar monetarju kontinwu u ta’ twessigħ tal-firxa STIBOR-EURIBOR tat-tliet xhur tul il-perjodu 2016-2017, b’varjazzjonijiet bejn -30 punt bażi u -10 punti bażi bejn wieħed u ieħor. Kmieni fl-2018, il-firxa kienet ta’ madwar -10 punti bażi. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-krona kellha medja ta’ rata ta’ 9.6 SEK/EUR u naqset meta mqabbla mal-euro b’madwar 10 %.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħaxfit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fl-Iżvezja fis-sena sa Marzu 2018 kienet ta' 0.7 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta' 3.2 %. Ir-rati tal-imgħax fit-tul mensili fl-Iżvezja bdew jirkupraw mill-anqas livell fl-istorja tagħhom ta’ 0.1 % f’Awwissu tal-2016, u laħqu 0.9 % kmieni fl-2018, li xorta għadhom baxxi ħafna skont standards storiċi. Il-firxa fil-konfront tal-bonds ta’ referenza Ġermaniżi baqgħet baxxa ħafna, anki jekk żdiedet mill-valuri negattivi tas-sajf tal-2016. Huma baqgħu fil-medda ta’ 20 sa 40 punt bażi sa mill-aħħar kwart tal-2017 meta huma ċċaqalqu kemxejn ‘il fuq minn din il-firxa. F’Marzu 2018 huma laħqu t-53 punti bażi
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern Żvediż baqa’ b’surplus, biex kien 4.2 % tal-PDG fl-2016 u 3.2 % fl-2017. L-ekonomija Żvediża hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta’ kummerċ u ta’ investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Iżvezja hija aħjar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Iżvezja huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, l-iżvezja kienet identifikata li teħtieġ rieżami fil-fond ulterjuri. Dan tal-aħħar sab li l-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi minħabba livelli sopravalutati tal-prezzijiet tad-djar flimkien ma’ tkomplija taż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi li toħloq riskji ta’ korrezzjoni diżordnata. Is-sensibilizzazzjoni għar-riskji li qed jikbru fost l-awtoritajiet politiċi hija għolja, u ttieħdu passi politiki biex jikkontrollaw it-tkabbir tad-dejn ipotekarju u jżidu x-xogħol ta' kostruzzjoni fis-settur tal-abitazzjoni. Madankollu, dawn tal-aħħar ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw l-iżbilanċi s’issa.