EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017JC0041

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea

JOIN/2017/41 final

Brussell, 10.11.2017

JOIN(2017) 41 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea


KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea

1.    Introduzzjoni

Is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej hi prijorità għall-Unjoni; hi kwistjoni li ċ-ċittadini jistennew li l-UE tindirizza. L-UE ħadet bosta inizjattivi varji biex l-Ewropej jerfgħu aktar responsabbiltà għas-sigurtà tagħhom stess. Fl-2016, l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u tas-Sigurtà appellat biex l-Unjoni ssir aktar effettiva, reattiva u magħquda, biex tkun tista’ tissodisfa l-interessi u l-prijoritajiet komuni tal-UE li sseddaq il-paċi u tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini u t-territorju tagħha. Bil-ħsieb li lill-Ewropa jgħinha tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ żmienna u futuri, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża impenja lill-Kummissjoni biex taħdem ma’ atturi rilevanti oħra tal-UE ħalli żżid il-koerenza u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet tad-difiża u politiki oħrajn tal-Unjoni li jagħtu valur miżjud lill-UE 1 . Il-Kunsill Ewropew għaraf li sar progress ġmielu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. F’Ġunju 2017, id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea ta spinta lill-azzjoni tal-UE dwar id-difiża 2 . Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta’ Settembru 2017, il-President Juncker saħaq fuq l-importanza li sal-2025 tissawwar Unjoni Ewropea tad-Difiża kompluta. Kull waħda minn dawn l-inizjattivi taqdi għan wieħed: li tinbena Unjoni protettiva.

Bil-ħsieb li tħares l-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha fl-ambjent tas-sigurtà tant imprevedibbli tal-lum, l-UE se tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tkun kapaċi tirreaġixxi b’mod effettiv u fil-ħin waqt il-kriżijiet interni u esterni, fosthom billi ssaħħaħ l-istat ta’ tħejjija u r-reżiljenza tagħha 3 . F’dan il-kuntest, anki l-Istati Membri qed jaħdmu biex ifanndu l-koperazzjoni bejniethom fil-qasam tad-difiża, fosthom permezz tal-Koperazzjoni Strutturata Permanenti li hemm minquxa fit-Trattati. Teżisti l-opportunità daqskemm il-ħtieġa strateġika li s-sinerġiji ċivili/militari jiġu sfruttati għalkollox ħalli titħaffef il-mobbiltà militari, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħna u anki bil-ħsieb li jinfirxu malajr ċertu operazzjonijiet militari barra mill-pajjiż.

Sta għall-Istati Membri biex jiddeċiedu bis-sovranità sħiħa tagħhom jekk humiex lesti jilqgħu t-truppi ta’ pajjiż ieħor fit-territorju tagħhom. Iżda biex inkunu mħejjija għall-kriżijiet, anki permezz ta’ eżerċizzji militari, u biex nirreaġixxu għalihom, jeħtieġ niżguraw li dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu malajr u li meta jittieħdu, it-truppi u t-tagħmir ikunu jistgħu jinfirxu mingħajr dewmien u intoppi. Minbarra dan, il-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ ċertu Stati Membri għandha natura partikolari li jeħtieġ tiġi rispettata.

F’dan il-kuntest, bħalissa l-moviment mingħajr dewmien tal-persunal u t-tagħmir militari madwar l-UE qed jixxekkel minħabba bosta ostakli fiżiċi, legali u regolatorji, fosthom ċertu infrastruttura li ma tiflaħx għall-piż tal-vetturi militari jew l-ineffiċjenza tal-proċeduri doganali u proċeduri oħrajn. Kif ġara matul l-aħħar eżerċizzji militari kbar, dawn l-ostakli jistgħu jwasslu għal dewmien, interruzzjonijiet, aktar spejjeż u aktar vulnerabbiltà. Il-forzi armati u t-tagħmir militari għandhom status speċifiku u għalhekk il-mobbiltà militari hi marbuta legalment b’firxa wiesgħa ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u regoli tal-UE li jiddeterminaw jekk jistgħux isiru movimenti nazzjonali u internazzjonali. Dawn jolqtu firxa usa’ ta’ oqsma ta’ politika, bħall-intern, il-ġustizzja, l-ekonomija u l-finanzi, ix-xogħol, it-trasport, id-difiża, id-dwana, l-ambjent, u s-saħħa. Anki n-NATO tipprovdi standards u proċeduri f’dan il-qasam għall-membri tagħha. Il-kwistjonijiet ivarjaw mid-dwana, għall-ħtiġijiet biex isir trasport sigur u mingħajr perikli tal-persuni u t-tagħmir militari fosthom it-trasport tal-oġġetti perikolużi, għal aspetti ta’ responsabbiltà fosthom il-leġiżlazzjoni ambjentali, għall-protezzjoni fiżika u legali tal-persunal, sad-disponibbiltà u l-adegwatezza tal-infrastruttura tat-trasport rilevanti. Meta wieħed iqis il-qafas leġiżlattiv u fiżiku, ħafna drabi jkun diffiċli għall-militar biex iwieġeb malajr daqskemm meħtieġ. Għaldaqstant hu importanti li jiġu eżaminati l-miżuri li jenħtieġ jittieħdu biex jitjiebu l-proċessi, b’rispett sħiħ lejn is-sovranità tal-Istati Membri u b’konformità mat-Trattati u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri huma u jibqgħu f’idejn l-Istati Membri, jeżistu modi kif l-UE tista’ tgħin. Għalhekk din il-Komunikazzjoni Konġunta għandha l-għan li tistabbilixxi kif l-UE, inkluż bil-politiki eżistenti tagħha, se taħdem biex tiffaċilita u tgħin ħalli titħaffef il-mobbiltà militari, li tvarja mill-ħtiġijiet ta’ kuljum għall-istazzjonament strateġiku minn qabel ta’ forzi u riżorsi militari, f’sinerġija ma’ attivitajiet mhux militari u mingħajr ma jitfixkel l-użu ċivili tal-infrastruttura, filwaqt li jkunu evitati l-inkonvenjenzi bla bżonn.

2.    Il-proġetti, l-attivitajiet u l-inizjattivi li għaddejjin b’rabta mal-mobbiltà militari

Diġà qed jittieħdu diversi inizjattivi biex titjieb il-mobbiltà militari fil-kuntest tal-UE. Tradizzjonalment, l-infrastruttura tat-trasport kienet element essenzjali ta’ kull sistema tad-difiża, li tipprovdi b’mod partikolari rotot għall-moviment tal-provvisti militari u t-truppi. Matul is-snin, l-UE żviluppat politika ambizzjuża għall-infrastruttura tat-trasport 4 . Dan il-qasam joffri opportunità ċara biex jiżdiedu l-koerenza u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet tad-difiża u politiki eżistenti tal-Unjoni, u b’hekk jisfrutta l-valur miżjud tal-UE, inaqqas id-duplikazzjonijiet żejda u jippromwovi użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi u jevita li fuq medda twila taż-żmien isiru investimenti subottimali.

Għaddejjin inizjattivi wkoll li jippromwovu s-sinerġiji ċivili/militari abbażi tal-politiki tal-UE f’oqsma bħalma huma r-riċerka, iċ-ċibersigurtà, l-avjazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u s-sorveljanza marittima kif ukoll l-ispazju. Eżempju tajjeb ta’ inizjattivi aktar orizzontali hu l-mekkaniżmu li ġie miftiehem bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-Istati Membri biex jibda l-iżvilupp ta’ standards tad-difiża u ibridi għall-prodotti b’użu doppju. Dawn l-attivitajiet jistgħu jħallu effetti pożittivi wkoll li jiffaċilitaw il-mobbiltà militari.

Minbarra dan, l-Istati Membri qed iwettqu għadd ta’ proġetti fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża:

-Fl-2014, erbatax-il Stat Membru ddeċidew li jniedu proġett speċifiku fi ħdan l-Aġenżija Ewropea għad-Difiża maħsub apposta għal Ċentru tal-UE għat-Trasport Multimodali. Dawn l-Istati Membri għarfu l-ħtieġa li jikkoordinaw aħjar il-moviment militari bejniethom. Qed jinħoloq netwerk ta’ Ċentri għat-Trasport Multimodali (M2TH) biex jiffaċilita l-moviment malajr tat-truppi, permezz ta’ regolamenti, proċeduri u proċessi armonizzati u billi jinġabru u jiġu kondiviżi l-assi u l-infrastruttura fl-Ewropa. Fil-qalba nett ta’ dan il-proġett hemm il-koordinazzjoni ċentrali tal-moviment u l-identifikazzjoni ta’ netwerk fiżiku tal-postijiet u tas-servizzi li jridu jingħataw. Kollox jitwettaq permezz ta’ proċeduri simplifikati u armonizzati skont il-limiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-liġijiet nazzjonali. Xi Stati Membri oħra wrew l-interess tagħhom biex jingħaqdu f’dan il-proġett.

-L-inizjattiva għal Ftehim dwar l-Awtorizzazzjonijiet Diplomatiċi tippreżenta programm ieħor taħt il-kappa tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u fl-2012 wasslet għal Ftehim Tekniku dwar l-Awtorizzazzjonijiet Diplomatiċi. L-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti żdied għal sittax. Il-Ftehim Tekniku jarmonizza l-proċeduri amministrattivi (il-formoli u l-iskedi taż-żmien) u jagħti l-possibbiltà li jingħataw awtorizzazzjonijiet preventivi. Kull Stat Membru involut għażel li jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu, u b’hekk il-Ftehim Tekniku sar faċilitatur sħiħ għall-moviment malajr tat-trasport militari bl-ajru ta’ kuljum f’ħafna mill-każijiet ta’ rutina.

In-NATO qed tiżviluppa wkoll bosta attivitajiet biex tiffaċilita l-mobbiltà militari, bħall-ħidma fuq strumenti legali li jiffaċilitaw il-libertà tal-moviment, l-għarfien sitwazzjonali tal-infrastruttura, it-titjib tal-mobbiltà malajr bl-ajru, u l-istat ta’ tħejjija u r-reżiljenza ċivili.

Għaddejjin ukoll għadd ta’ inizjattivi multinazzjonali bit-tentattiv li jegħlbu l-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-mobbiltà militari u jippruvaw isibu modi ġodda biex ixejnu l-ostakli eżistenti. Xi atturi huma magħrufa u diġà qed jappoġġaw l-attivitajiet varji b’livell għoli ta’ professjonalità, fosthom iċ-Ċentru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Moviment (l-MCCE), organizzazzjoni multinazzjonali li ssib soluzzjonijiet għal trasport multimodali, il-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru li fost l-oħrajn jippjana u jiddefinixxi l-kompiti tat-trasport bl-ajru, u ċ-Ċentru ta’ Ateni għall-Koordinazzjoni tat-Trasport bil-Baħar li jagħraf l-assi xierqa tat-trasportazzjoni skont it-talbiet għal missjonijiet. Jeżistu wkoll xi inizjattivi multinazzjonali oħrajn li huma attivi f’dan il-qasam.

Kull azzjoni oħra tal-UE jenħtieġ tikkunsidra dawn il-proġetti li għaddejjin u tipprova tibni sinerġiji u żżomm konsistenza, ħalli tevita d-duplikazzjonijiet żejda jew il-kontradizzjonijiet.

3.    Il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti għall-mobbiltà militari

Dan l-aħħar qamu kwistjonijiet dwar l-ostakli regolatorji u infrastrutturali li għad fadal, għax dawn ixekklu l-moviment militari u b’hekk jolqtu ħażin il-ħtiġijiet tad-difiża tal-Istati Membri. Hemm bżonn isir sforz aktar b’saħħtu ħalli jiġi żviluppat approċċ aktar ikkoordinat li jżid kemm jista’ jkun il-valur miżjud tal-UE u s-sinerġiji ċivili/militari.

Il-punt tat-tluq għal approċċ effettiv fl-UE kollha li jgħin biex titjieb il-mobbiltà militari għax ikun jindirizza kull dimensjoni involuta hu li lkoll nifhmu x’inhuma l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti.

Bħala bażi għal aktar azzjoni tal-UE hemm bżonn li dawn ir-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet militari jiġu mistħarrġa bir-reqqa u miftiehma mill-Istati Membri. Mill-anqas, dawn jeħtiġilhom ikopru dawn l-oqsma li ġejjin:

 

-Id-disponibbiltà ta’ infrastruttura fiżika li tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi meħtieġa għal kull mod tat-trasport u għal kull konnessjoni multimodali;

-Il-parametri legali tal-aċċess għall-infrastruttura tat-trasport fl-UE, inkluż għall-importazzjoni/esportazzjoni tal-forzi u t-tagħmir militari barra mill-Ewropa, fosthom l-oġġetti perikolużi;

-Il-protezzjoni tal-persunal u t-tagħmir militari, u tad-dejta ristretta;

-Ir-responsabbiltà tal-forzi militari u l-istatus tal-forzi;

-Kunsiderazzjonijiet marbuta maż-żmien fosthom ir-rekwiżiti ta’ prijorità b’rabta mat-traffiku taċ-ċivili, in-notifiki u l-ħin tat-talbiet;

-Ir-rekwiżiti ta’ appoġġ għall-Istati Membri ospitanti (il-fjuwil, l-akkomodazzjoni, l-appoġġ loġistiku, il-manutenzjoni u l-irkupru, l-akkwist pubbliku, is-saħħa u l-mediċina u l-bqija);

-Ir-rekwiżiti, il-kapaċitajiet u l-proċess ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet militari u ċivili nazzjonali u l-awtoritajiet militari u ċivili internazzjonali;

-L-iskambju tal-informazzjoni (id-dejta elettronika/il-bażijiet tad-dejta/il-pjattaformi) bejn il-bażijiet tad-dejta ċivili u dawk militari.

4.    Nidentifikaw il-linji ta’ azzjoni

Skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti li jridu jiġu eżaminati aktar mill-Istati Membri, u filwaqt li titqies il-ħidma li għaddejja, hemm bosta linji ta’ azzjoni differenti li jistgħu jiġu identifikati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet.

Dan l-aħħar twaqqaf Grupp ta’ Ħidma Espert ad hoc fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex jindirizza n-nuqqasijiet persistenti u jippromwovi koordinazzjoni aħjar u sinerġiji msaħħa fost il-partijiet konċernati kollha. Dan il-grupp ta’ ħidma twaqqaf bil-għan li jagħraf l-ostakli u x-xkiel tal-moviment transfruntier u ta’ tranżitu tal-persunal u l-assi militari, jimmeppja l-inizjattivi eżistenti u n-nuqqasijiet, jidentifika l-atturi rilevanti fil-livell tal-UE u nazzjonali, u joħloq pjan ta’ azzjoni b’kompiti u responsabbiltajiet maħsubin apposta li jkun jinkludi pjan direzzjonali bi skedi taż-żmien. Fost il-prinċipji li għandhom jitħaddmu hemm l-evitar tad-duplikazzjoni u l-inklussività ħalli jintlaħqu l-partijiet konċernati rilevanti kollha.

Filwaqt li din il-ħidma tista’ titwettaq jekk isiru sforzi minn atturi differenti fil-livelli differenti, f’ċertu oqsma l-UE tista’ toffri xi soluzzjonijiet possibbli li huma konformi mat-Trattati u toħloq sinerġiji msejsa fuq il-politiki u l-proġetti li ġew żviluppati matul is-snin primarjament għal skopijiet ċivili. Dawn l-oqsma huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni, il-proċeduri u l-istrumenti tal-investiment li jeħtieġ jiġu adattati, inkluż fil-livell tal-UE, biex ikunu adattati għall-użi militari.

·L-infrastruttura: Bħalissa, il-moviment jeħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri tal-UE. Dan jeħtieġ qbil dwar liema infrastruttura għandha tintuża. Is-sottomissjoni tat-talbiet għal moviment tieħu ħafna ħin minħabba l-kwalità tal-infrastruttura nnifisha u d-differenzi fl-istandards. Dan jista’ jwassal għal tfixkil bla mistenni waqt li jkun qed isir il-moviment.

Għalhekk hemm bżonn tiġi evalwata l-infrastruttura attwali u jiġu definiti standards infrastrutturali li jqisu wkoll il-ħtiġijiet militari. B’din l-analiżi, l-UE tkun tista’ tiżviluppa standard infrastrutturali li jintegra l-profil militari għal trasport multimodali. Din tista’ tkopri kemm l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida kif ukoll it-titjib tal-infrastruttura eżistenti. Hemm bżonn tinħoloq rabta mill-qrib u fit-tul mal-investiment tal-infrastruttura fl-Unjoni għax l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ dan ix-xogħol għadhom ma ġewx kwantifikati.

L-eżempju tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE

In-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jinkludi netwerk komprensiv li jiżgura l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha tal-UE li għandu jitlesta fl-2050, u jinkludi wkoll netwerk ewlieni tal-aktar inħawi strateġikament importanti li għandu jitlesta fl-2030. In-netwerk TEN-T jidentifika portijiet, ajruporti, linji ferrovjarji, toroq u passaġġi fuq l-ilma interni. Ġew stabbiliti disa’ kurituri multimodali tan-netwerk ewlieni li jiffaċilitaw it-tlestija tal-partijiet prinċipali tan-netwerk ewlieni.

Qabelxejn hu importanti li bħala l-ewwel pass issir analiżi tal-użu doppju possibbli tan-netwerk u li jiġu identifikati d-duplikazzjonijiet u l-lakuni li fih. Il-politika tat-TEN-T tiddefinixxi standards ambizzjużi u uniformi fl-għamla ta’ rekwiżiti tekniċi għal kull komponent tal-infrastruttura, l-aktar għan-netwerk ewlieni. Dawn jirriflettu l-użu ċivili predominanti tal-infrastruttura. Uħud minn dawn il-kurituri jistgħu jiġu identifikati bħala każijiet possibbli għal proġett pilota ta’ analiżi.

Il-politika tat-TEN-T hi mirfuda wkoll b’sistema interattiva ta’ informazzjoni ġeografika u teknika msejħa TENtec, li fiha mapep u informazzjoni oħra dwar l-istandards uniformi tat-TEN-T. Anki l-koperazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti għad-difiża li hemm f’din il-bażi tad-dejta tista’ titjieb ħalli jiġu sfruttati s-sinerġiji possibbli.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 5 hi l-istrument tal-investiment strateġiku tal-UE biex ikun jista’ jitwettaq it-TEN-T. Il-Faċilità kienet effettiva ħafna biex timmobilizza malajr l-investimenti li jtejbu l-infrastruttura tat-trasport tal-UE u biex tiffoka fuq il-proġetti li jiġġeneraw il-valur miżjud għoli tal-UE. Hu ċar li l-Faċilità tiffoka fuq proġetti ċivili transfruntieri u l-konnessjonijiet neqsin, inkluż is-sistemi meħtieġa tal-interoperabbiltà –bħal fil-każ tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru u bil-ferrovija – u l-innovazzjoni, kif ukoll investimenti f’portijiet, ajruporti u l-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni għal funzjonament multimodali tan-netwerk. Dan hu kruċjali għal preżenza avvanzata tal-militar.

Għal infrastruttura ta’ kwalità tajba hemm bżonn biżżejjed investiment u manutenzjoni, l-aktar biex jiżguraw konnessjonijiet multimodali adattati u mingħajr intoppi li jagħtu benefiċċji ċivili u militari reċiproċi. Filwaqt li l-Faċilità tikkonċentra biss fuq il-prijoritajiet ċivili tat-trasport, jeżistu bosta eżempji ċari fejn l-investiment addizzjonali jista’ joħloq benefiċċji sinifikanti għall-għanijiet militari, bħalma huma l-proġetti ta’ natura transfruntiera, l-infrastruttura kritika u l-komponenti ewlenin tal-infrastruttura. Għaldaqstant, l-infrastruttura ċivili u militari għandha bżonn assolut li jiġu identifikati s-sinerġiji possibbli u li jiġi kkunsidrat dan l-użu doppju u jissaħħu l-baġits fejn meħtieġ. Din tista’ ssir aktar b’saħħitha biex jiġi implimentat in-netwerk ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u titwettaq l-Unjoni Ewropea tad-Difiża sal-2025.

·Nindirizzaw il-kwistjonijiet regolatorji u proċedurali rilevanti:

-Id-Dwana: Il-leġiżlazzjoni doganali l-ġdida tal-UE li bdiet tapplika f’Mejju 2016, teżiġi li kull formalità doganali tkun fil-prinċipju elettronika kollha kemm hi. Sabiex jiġu simplifikati u armonizzati l-formalitajiet doganali meħtieġa għall-movimenti militari fl-Unjoni, qed jiġu analizzati l-kwistjonijiet tad-dwana identifikati ħalli jinħolqu proċeduri doganali li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-movimenti. Kull emenda proposta għall-qafas regolatorju doganali għandha se tqis b’mod partikolari il-prattiki eżistenti rilevanti, bħal pereżempju l-format 302 tan-NATO.

-L-oġġetti perikolużi: Bħalissa, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport tal-oġġetti perikolużi ma tapplikax għat-trasport militari. Jekk il-vetturi militari jikkonformaw ma’ din il-leġiżlazzjoni, dawn ikollhom l-istess vantaġġi bħall-vetturi ċivili. Dan jiffaċilita l-moviment tat-truppi u t-tagħmir militari.

-Il-proċeduri nazzjonali: Il-mobbiltà militari tiddependi ħafna fuq ir-rekwiżiti, il-proċeduri u l-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri, u għalhekk jenħtieġ jiġi eżaminat l-iskambju tal-informazzjoni ħalli jingħarfu aħjar dawn il-każijiet li jkunu jippermettu regoli komuni u ħalli tinkiseb aktar koerenza. Ngħidu aħna, jista’ jiġi kkunsidrat li tinħoloq proċedura unika li tiżgura l-mobbiltà militari għall-Istati Membri kollha tal-UE. Il-ħidma estensiva li saret fil-proġetti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tipprovdi bażi. L-azzjonijiet tal-UE jistgħu jiffaċilitaw jew iwieżnu lill-Istati Membri f’dan il-proċess, jekk l-Istati Membri jitolbu dan.

·It-theddid ibridu: Wara l-qafas konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu, ġew identifikati bosta azzjonijiet fuq ir-reżiljenza għat-theddid ibridu tal-infrastrutturi kritiċi fl-Ewropa, bħalma huma l-infrastrutturi tat-trasport. Din il-ħidma se tissokta u tissaħħaħ, anki fil-qafas tal-koperazzjoni kontinwa bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, ħalli tiżgura r-reżiljenza ta’ dawk l-infrastrutturi li huma strateġiċi fid-dawl tal-ħidma biex titjieb il-mobbiltà militari tal-UE.

Tista’ titqies ukoll il-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma oħra għax jaf tinstab rilevanti għall-mobbiltà militari.

5.    Il-koordinazzjoni ma’ partijiet konċernati oħrajn

L-istess xkiel għall-moviment malajr u bla intoppi tal-forzi u l-assi militari bejn il-fruntieri nazzjonali fl-Ewropa qed jolqot ukoll lill-Istati Membri f’kuntesti oħrajn, fosthom fi ħdan in-NATO. Anki f’dan ir-rigward jenħtieġ ikun hemm koordinazzjoni u djalogu man-NATO. Dan se jsir b’mod mill-aktar miftuħ u trasparenti, u b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, l-inklussività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ xi Stat Membru. Hu importanti wkoll li ssir interazzjoni ma’ partijiet konċernati u sħab rilevanti oħrajn biex tiġi ottimizzata l-effikaċja, jitħeġġu s-sinerġiji meta possibbli u tkun evitata d-duplikazzjoni bla bżonn ħalli jingħarfu l-passi li jmiss li jiffaċilitaw u jħaffu l-mobbiltà militari fl-Ewropa.

6.    It-triq ’il quddiem

Sa Marzu 2018, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jressqu Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari għall-approvazzjoni tal-Istati Membri. Dan il-pjan hu msejjes fuq ir-riżultati tal-Grupp ta’ Ħidma Espert dwar il-Mobbiltà Militari li waqqfet l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u se jipproponi xi azzjonijiet rakkomandati, atturi biex jimplimentawhom u skedi taż-żmien ambizzjużi biex jingħelbu l-ostakli identifikati li jxekklu l-mobbiltà militari fl-Unjoni Ewropea.

(1)

COM(2016) 950, 30.11.2016

(2)

COM(2017) 315, 7.6.2017 “Is-sisien ta’ Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u tad-Difiża bil-mod il-mod qed jinbnew. Huwa biss billi jsir progress sod f’din id-direzzjoni li ċ-ċittadini tagħna se jħossuhom sikuri u mingħajr periklu.”

(3)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu – rispons Ewropew” (2016) u l-Komunikazzjoni Konġunta “Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE” (2017).

(4)

Il-politika tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010, ĠU L348, 20.12.2013, p. 129

Top