Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0767

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-ATTIVITÀ ESTERNA TAL-BEI FL-2016 BIL-GARANZIJA ESTERNA TAL-UE

    COM/2017/0767 final

    Brussell, 15.12.2017

    COM(2017) 767 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    DWAR L-ATTIVITÀ ESTERNA TAL-BEI FL-2016 BIL-GARANZIJA ESTERNA TAL-UE

    {SWD(2017) 460 final}


    1.INTRODUZZJONI

    Il-Mandat ta’ Self Estern (ELM) huwa element stabbilit u ta’ suċċess fis-sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Taħt l-ELM, l-UE tipprovdi garanzija mill-baġit tal-UE biex tippermetti lill-BEI iżid is-self tiegħu lil hinn mill-UE b’appoġġ għall-politiki tal-UE. L-ELM jappoġġa l-attività tal-BEI fil-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni, fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fl-Asja, fl-Amerika Latina u fl-Afrika t’Isfel. Fil-perjodu ELM attwali (2014-2020), il-baġit tal-UE jiggarantixxi sa EUR 27 biljun ta’ operazzjonijiet tal-BEI 1 .

     

    Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE fl-2016 u r-riżultati u l-impatti ewlenin miksuba, inkluża informazzjoni dwar l-impatti futuri mistennija ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament sottoskritti fl-2016 abbażi tal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati tal-BEI 2 . Ir-rapport jagħti wkoll sommarju tal-operazzjonijiet imwettqa mill-BEI mingħajr il-garanzija tal-UE (jiġifieri għar-“riskju proprju” tiegħu) sabiex jagħti stampa sħiħa tal-attività tiegħu f’dawn ir-reġjuni.

    Aktar informazzjoni dettaljata u tabelli statistiċi dwar l-attivitajiet imsemmija hawn fuq, anki fil-livell ta’ proġetti, setturi, pajjiżi u reġjuni huma mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

    2.RIŻULTATI EWLENIN

    Fl-2016, il-BEI ffirma kuntratti b’valur totali ta’ EUR 6.8 biljun fir-reġjuni koperti mill-Mandat ta’ Self Estern, li jirrappreżenta żieda żgħira fuq is-sena preċedenti (EUR 6.7 biljun). Minn dan it-total, aktar min-nofs (58 %, EUR 4 biljun) twettqu taħt il-garanzija tal-UE. Kien hemm 54 operazzjoni ġdida u li l-ewwel kuntratt tagħhom ġie ffirmat is-sena li għaddiet 3 .

    L-operazzjonijiet il-ġodda kollha f’dawn ir-reġjuni huma mistennija li jagħtu kontribut “eċċellenti” jew “tajjeb” għall-prijoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi msieħba taħt il-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati tal-BEI (ReM), li issa daħal fil-ħames sena tiegħu.

    Il-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (ReM) tal-BEI

    Il-BEI juża l-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (ReM) fl-operazzjonijiet tiegħu barra l-UE biex isaħħaħ il-proċess tal-evalwazzjoni tal-proġetti u biex itejjeb il-kapaċità tiegħu fil-monitoraġġ u fir-rapportar tar-riżultati attwali miksuba. Dan juri kif l-operazzjonijiet tal-BEI jiġġeneraw ir-riżultati, l-eżiti u l-impatti tul iż-żmien b’mod konformi mal-objettivi tal-ELM. Pereżempju, il-qafas jista’ jsegwi kif self għal utilità pubblika tal-ilma (input) iżid il-provvista tal-ilma tax-xorb sikur (output), li jippermetti li aktar familji jkollhom aċċess għal ilma sikur (riżultat), li jwassal għal saħħa pubblika aħjar fil-komunità (impatt). L-intenzjoni hija li ssir valutazzjoni aħjar u li jkun jista’ jsir rapport dwar il-kontribut tal-BEI għall-objettivi tal-mandat billi tinxteħet l-attenzjoni fuq riżultati konkreti. Il-Qafas ReM ilu jopera mill-2012.

    Madwar 90 % tal-proġetti ġodda mistennija jiksbu riżultati “tajbin” f’termini ta’ kwalità u solidità tal-operazzjoni, u kull proġett ġdid mistenni jilħaq livell minimu “aċċettabbli”.

    Iktar minn 80 % tal-proġetti l-ġodda mistennija jkunu assoċjati ma’ addizzjonalità “għolja” jew “sinifikanti” tal-BEI, u kull proġett ġdid mistenni jkun assoċjat mal-livell minimu ta’ addizzjonalità tal-BEI.

    Uħud mir-riżultati ewlenin mistennija minn proġetti ġodda tal-2016 huma:

    ·Kważi 10 000 self lil mikrointrapriżi, SMEs u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, li jgħinu s-sostenn ta’ madwar 544 700 impjieg

    ·1.2 miljun passiġġier li jibbenefikaw kuljum minn titjib fit-trasport urban u ferrovjarju

    ·1.5 miljun ruħ li jibbenefikaw minn titjib fis-servizzi tas-sanità

    ·Biżżejjed enerġija ġġenerata biex tforni 338 000 unità domestika

    ·743 200 unità domestika konnessa mal-gradilja

    ·469 000 persuna li jibbenefikaw minn titjib fl-immaniġġjar tal-iskart

    ·150 000 pazjent mogħtija trattament kull sena fi sptarijiet ġodda jew rijabilitati

    ·37 000 student addizzjonali rreġistrat f’faċilitajiet ta’ edukazzjoni għolja

    ·4 miljun persuna li jibbenefikaw minn proġetti multisettorjali ta’ infrastruttura urbana.

    Il-BEI kompla wkoll juri l-impenn tiegħu li jappoġġa l-aġenda tal-UE tal-azzjoni dwar il-klima. L-operazzjonijiet tal-BEI sottoskritti fir-reġjuni koperti mill-ELM għadhom ’il fuq ħafna mil-livell limitu ta’ 25 % stabbilit fid-Deċiżjoni tal-ELM. Fl-2016, il-BEI iffirma EUR 1.9 biljun ta’ self fir-reġjuni ELM b’appoġġ favur l-azzjoni klimatika li jirrappreżentaw 28 % tat-total. Sa tmiem l-2016, il-proporzjon ta’ azzjoni klimatika kumulattiva fil-perjodu tal-mandat ta’ 2014-2020 laħaq l-34 %. Is-self fl-Asja jagħti kontribut konsiderevoli għal dan l-objettiv, peress li l-azzjoni klimatika hija prijorità ewlenija għal dan ir-reġjun.

    Barra dan, fl-2016, 27 % tal-volum totali sottoskritt fir-reġjuni ELM (EUR 1.8 biljun) se jappoġġaw l-objettiv trasversali tal-integrazzjoni reġjonali permezz ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija, konnessjonijiet tat-trasport, fondi ta’ ekwità reġjonali u appoġġ għall-konverġenza permezz tal-iżvilupp tas-settur privat lokali.

    3.OPERAZZJONIJIET TA’ FINANZJAMENT

    3.1.ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OPERAZZJONIJIET TA’ FINANZJAMENT SKONT L-OBJETTIV

     

    Il-leġiżlazzjoni li ssejjes l-ELM tistipula tliet għanijiet ewlenin għall-operazzjonijiet kollha tal-BEI koperti mill-garanzija baġitarja tal-UE:

     

    (i)    L-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”)

    (ii)    L-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika

    (iii)    Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih

    L-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi, b’mod partikolari fost il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi tal-Viċinat u l-UE, hija għan sottostanti addizzjonali għal operazzjonijiet li jittrattaw wieħed jew aktar mill-għanijiet ewlenin.

    Il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2016 biex issir reviżjoni tad-Deċiżjoni ELM 4 wara reviżjoni ta’ nofs it-terminu 5 tintroduċi objettiv ġdid marbut mal-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni. Ir-rappurtar dwar dan l-objettiv il-ġdid għandu jsir fir-rapport annwali tas-sena d-dieħla ladarba tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni riveduta.

     

    Mill-ammont totali sottoskritt fir-reġjuni ELM fl-2016, 49 % (EUR 3 383 biljun) se jappoġġa l-iżvilupp tas-settur privat lokali, prinċipalment permezz ta’ titjib fl-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs, tal-mikrointrapriżi u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Ftit iktar minn nofs (51 %, EUR 3 457 biljun) se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali u ekonomika. L-operazzjonijiet kollha tal-BEI barra mill-UE jappoġġaw wieħed minn dawn l-objettivi jew it-tnejn li huma.

     

    Kważi terz tal-volum totali se jikkontribwixxi għall-objettiv tal-azzjoni klimatika (28 %, EUR 1 921 biljun). Dan l-appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima huwa mifrux fuq 50 proġett individwali sottoskritt fl-2016, u jqis il-kontribut li jingħata għal dan l-objettiv minn bosta operazzjonijiet li huma ffukati fuq bosta setturi (pereżempju linji ta’ kreditu fejn jiġi stmat proporzjon żgħir ta’ self biex jappoġġa investimenti f’enerġija rinnovabbli jew f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika mill-SMEs).

    Bl-istess mod, 27 % (EUR 1 824 biljun) se jappoġġa l-objettiv trasversali tal-integrazzjoni reġjonali, kemm permezz tal-iżvilupp infrastrutturali kif ukoll permezz tal-appoġġ għall-aċċess għall-finanzjament mis-settur privat lokali.

    Il-kontribut tal-attività tal-BEI favur l-objettivi tal-ELM hija riflessa fiċ-Ċart 1 li tqis kemm l-operazzjonijiet taħt il-garanzija ELM kif ukoll il-faċilitajiet tar-riskju tal-BEI stess:

    Ċart 1: Kontribut għall-għanijiet tal-ELM (f’miljuni ta’ EUR) 

    Informazzjoni dettaljata fuq il-proġetti ffinanzjati tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport.

    L-iżvilupp tas-settur privat lokali, b’mod partikolari l-appoġġ għall-SMEs

    L-appoġġ tal-BEI għall-iżvilupp tas-settur privat lokali jirrigwarda l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettu li n-nies fi swieq li qed jiżviluppaw jew dawk emerġenti jiżviluppaw u jespandu n-negozji u b’hekk joħolqu l-impjiegi, jissodisfaw il-bżonnijiet għal oġġetti u servizzi, jegħlbu l-faqar u l-insigurtà tal-ikel u jżidu l-istandards tal-għajxien. Fl-aħħar mill-aħħar, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli ma jistax iseħħ mingħajr tali żvilupp tas-settur privat.

    Dan l-appoġġ jieħu forom differenti:

    ·l-estensjoni tal-linji ta’ kreditu għal intermedjarji finanzjarji lokali (prinċipalment banek) għall-għoti ta’ self għall-SMEs

    ·il-parteċipazzjoni f’fondi tal-ekwità privata u kapital ta’ riskju f’kumpaniji b’potenzjal kbir ta’ tkabbir

    ·il-finanzjament b’ekwità għal fornituri tal-mikrofinanzi

    ·u self dirett għal kumpaniji akbar

    Sitta u għoxrin proġett ġdid li ġew sottoskritti fl-2016 se jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat lokali. It-total tal-finanzjament tal-BEI approvat għal dawk il-proġetti huwa ta’ EUR 3.7 biljun. Tnejn u għoxrin huma linji ta’ kreditu li jappoġġaw l-SMEs, u erba’ huma self għal infrastruttura implimentata mis-settur privat u

    għall-proġetti ta’ R&Ż li jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tas-settur privat lokali.

    Appoġġ għall-SMEs rurali fl-Armenja

    L-ekonomija tal-Armenja f’dawn l-aħħar snin rat tkabbir qawwi u tnaqqis fil-faqar, iżda jenħtieġ li tiġi ddiversifikata l-ekonomija u li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs, b’mod partikolari f’żoni rurali relattivament sottożviluppati. Madankollu, l-SMEs ibatu minn aċċess limitat għall-finanzi, u dan jirrifletti l-fatt li l-banek lokali stess m’għandhomx aċċess dirett għas-swieq finanzjarji u jiddependu ħafna minn sorsi ta’ finanzjament ta’ żmien qasir.

     

    L-Armenia Apex Loan, sottoskritt fl-2014, għen biex tiġi ttrattata din is-sitwazzjoni billi pprovda finanzi fit-tul għall-banek lokali permezz tal-Bank Ċentrali tal-Armenja. Dan is-self huwa kopert mill-garanzija tal-UE skont il-Mandat ta’ Self Estern. Dan il-finanzjament ġie allokat kompletament sal-aħħar tal-2016, u laħaq 113-il kumpanija li kienu jimpjegaw 6 357 persuna (medja ta’ 56 impjegat). Il-kumpaniji huma kważi kollha tas-setturi tal-agrikoltura, tal-ipproċessar tal-ikel u tal-akkomodazzjoni u l-catering. B’maturità medja ta’ aktar minn ħames snin, is-self ipprovdut huwa ferm aktar vantaġġuż għall-finanzjament ta’ investimenti produttivi mit-termini tipikament disponibbli għall-SMEs. Huwa stmat li dan is-self jista’ jgħin biex jinħolqu ftit aktar minn 2 000 impjieg addizzjonali.

    Il-kooperattiva Araks-2 timpjega madwar 24 persuna, billi tuża l-produzzjoni lokali tal-ħalib biex timmanifattura firxa ta’ ġobnijiet. Dawn użaw self iffinanzjat mill-BEI għal ħames snin li jammonta għal EUR 95 000 biex kisbu pastorizzatur ġdid, forom ta’ kkastjar u inputs, li ppermettulhom iżidu l-produzzjoni. B’ħarsthom ’l quddiem, dawn qed jippjanaw li jinvestu biex jittripplikaw il-kapaċità tal-produzzjoni u biex jespandu l-ishma tal-esportazzjoni tal-bejgħ sa mill-inqas 35 %.

    L-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika

    L-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika – li jinkludi kull ħaġa minn toroq u sistemi tal-enerġija għal faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u servizzi tal-internet broadband – huwa wieħed mill-pilastri tal-proċess tal-iżvilupp. Huwa wkoll pilastru li għalih il-finanzjament pubbliku spiss ikun vitali, fejn il-beni tal-infrastruttura huma spiss beni pubbliċi li għandhom riperkussjonijiet pożittivi kbar għall-ekonomija, għall-ambjent u għall-benessri uman. Il-BEI jappoġġa proġetti infrastrutturali f’firxa wiesgħa ta’ setturi bis-saħħa tal-garanzija tal-UE taħt l-ELM.

    Fl-2016 kien hemm 33 proġett ġdid li taw kontribut għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika f’reġjuni ELM fl-2016. It-total tal-finanzjament tal-BEI approvat għal dawk il-proġetti huwa ta’ EUR 3.6 biljun.

    L-BEI iffirma 12-il proġett ġdid fis-settur tat-trasport, b’żieda meta mqabbla mas-sena preċedenti f’termini ta’ volum ta’ self (EUR 2.1 biljun fl-2016). It-trasport pubbliku urban u ferroviju ammonta għal madwar nofs dan il-volum ta’ self.

     

    Il-BEI iffirma kuntratti għal sitt proġetti ġodda fis-settur tal-enerġija fl-2016 (EUR 493 miljun), b’inqas attenzjoni fuq dan il-qasam meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Hemm inqas proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala kbira u enfasi akbar fuq skemi iżgħar li jinvolvu l-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. L-akbar proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija jinsabu fit-Turkija, bil-proġett tal-enerġija mir-riħ Fina Enerji u linja ta’ kreditu ma’ Isbank li se timmira b’mod speċifiku fuq skemi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza enerġetika li mistennija jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex jaqdu madwar 105 000 unità domestika. B’kollox, proġetti ġodda fl-2016 se jirriżultaw f’enerġija ġġenerata għall-għadd ekwivalenti ta’ madwar 338 000.

    Appoġġ għall-infrastruttura muniċipali u għall-ilma/sanità

    Il-BEI iffirma żewġ proġetti fis-settur tal-ilma u s-sanità s-sena li għaddiet li jinvolvu EUR 129 miljun ta’ self u EUR 15-il miljun ieħor mmirati lejn l-immaniġġjar tal-iskart solidu. Kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet hija koperta mill-garanzija tal-UE skont il-Mandat ta’ Self Estern. Żewġ proġetti ta’ trattament tal-ilma mormi fil-Panama u fit-Tuneżija se jaqdu popolazzjoni totali ta’ madwar 1.5 miljun u se jagħtu kontribut favur ilma nadif f’Panama Bay u fil-Mediterran. Proġett ġdid fis-settur se jappoġġa għadd ta’ skemi tal-provvista tal-ilma, tat-trattament tal-ilma mormi u tal-iskart solidu fir-Repubblika Kirgiża.

    Tliet proġetti ġodda se jappoġġaw skemi ta’ rikostruzzjoni jew ta’ żvilupp urban li se jkopru firxa ta’ setturi infrastrutturali differenti. B’reazzjoni għat-terremot terribbli li laqat partijiet tal-punent tal-Ekwador f’April tal-2016, proġett wieħed (EUR 159 miljun) se jiffinanzja t-tiswija u r-ristabbiliment ta’ infrastruttura milquta bħat-toroq, is-sistemi tal-ilma u tal-elettriku, it-telekomunikazzjonijiet u l-bini muniċipali. Bl-istess mod, EUR 100 miljun se jappoġġaw it-tiswija ta’ infrastruttura milquta minn għargħar riċenti fi Tbilisi. It-tielet proġett se jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet lokali fil-Ġeorġja kollha biex itejjeb l-infrastruttura lokali u jtejjeb il-provvista tas-servizzi għar-residenti lokali.

    Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih

    Peress li kemm il-kawża kif ukoll l-effetti tat-tibdil fil-klima huma globali, l-estensjoni u l-espansjoni tal-finanzjament għall-klima lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri huma parti vitali mill-politika esterna u tal-iżvilupp tal-UE. Il-BEI għandu rwol ċentrali f’dawk l-isforzi, b’mod partikolari wara l-konklużjoni tal-ftehim globali straordinarju li ntlaħaq f’Pariġi fl-2015 u li daħal fis-seħħ fil-konferenza tal-UNFCCC f’Novembru 2016. Il-BEI diġà għandu rekord b’saħħtu fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, li huwa joffri bħala appoġġ kemm għall-pajjiżi fl-UE kif ukoll barra minnha, billi jappoġġa l-Kontributi Determinati fil-livell Lokali, il-pjanijiet u l-istrateġiji nazzjonali ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament u politiki favur enerġija u trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

    Mis-self il-ġdid sottoskritt għar-reġjuni ELM fl-2016, EUR 1.9 biljun se jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Dan se jinkiseb permezz ta’ għadd kbir ta’ proġetti kważi fis-setturi kollha. Dawn il-proġetti kollha jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tas-settur privat lokali jew għall-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali u ekonomika.

    F’ħafna każijiet, parti biss minn proġett tikkontribwixxi għall-objettiv tat-tibdil fil-klima u għalhekk proporzjon biss mit-total tas-self għal dak il-proġett jiġi rrappurtat bħala self li jikkontribwixxi għal dan il-għan. L-analiżi tar-riżultati li kisbu l-proġetti tal-BEI tal-imgħoddi wriet li ħafna proġetti xorta jagħtu kontribut żgħir għall-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima anke jekk din ma tkunx l-għan ewlieni tal-proġett. Eżempju tipiku huwa linja ta’ kreditu għall-SMEs li fiha xi proġetti ta’ investiment minn negozji benefiċjarji jkunu jinvolvu l-kisba ta’ iktar effiċjenza enerġetika fil-bini jew l-installazzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, bħall-pannelli solari. Għaldaqstant, fl-2016 madwar 50 proġett ġdid taw kontribut għall-objettiv tal-azzjoni klimatika, u 21 minnhom huma linji ta’ kreditu.

     

    B’mod ġenerali, l-akbar kontribut ingħata mit-trasport b’emissjonijiet iktar baxxi tal-karbonju, li ammonta għal 64 % tal-volum totali, filwaqt li fl-2016 l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika kkontribwew 21 % oħra f’self ġdid għall-azzjoni klimatika li mhix tal-UE. Mitigazzjoni bħal ma hija l-evitar tal-metan fis-settur tal-iskart u tal-ilma mormi għandha wkoll rwol importanti, filwaqt li l-adattament ikkontribwixxa 3.5 %.

    Tnaqqis tad-dipendenza mid-diżil fil-Maldivi

    Il-ġenerazzjoni tal-enerġija tirrappreżenta sfida għall-Maldivi, bħala arċipelagu ta’ 26 atoll. Il-pajjiż ibbaża ruħu b’mod sostanzjali fuq ġeneraturi tad-diżil qodma u ineffiċjenti. Saħansitra riċentement fl-2012, l-importazzjonijiet taż-żejt ammontaw għal 35 % tal-PDG. Is-self tal-BEI ta’ EUR 45 miljun kopert mill-garanzija tal-UE taħt il-Mandat ta’ Self Estern qed jappoġġa proġett biex jgħin fil-bidla ta’ din is-sitwazzjoni bl-installazzjoni ta’ mill-inqas 50 MW ta’ sistemi ta’ enerġija ibridi li jużaw id-diżil u x-xemx, b’madwar 25 MW ta’ pannelli PV solari immuntati fuq il-bjut u mal-art u madwar 27 MW ta’ kapaċità aktar effiċjenti tal-ġenerazzjoni tad-diżil, kif ukoll ir-rijabilitazzjoni ta’ madwar 430 kilometru ta’ linji ta’ distribuzzjoni u l-installazzjoni ta’ batteriji tal-jone tal-litju u ta’ tagħmir tas-sistema ta’ kontroll. Dan se jippermetti li tiġi rtirata 37 MW tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni antikwata tad-diżil.

     

    Il-proġett se jipprovdi biżżejjed enerġija biex jilħaq il-ħtiġijiet ta’ madwar 110 000 unità domestika u se jippermetti madwar 14 500 konnessjoni ġdida man-netwerk. Se jiffranka lill-pajjiż stima ta’ EUR 13.6 miljuni fis-sena f’importazzjonijiet mnaqqsa tal-karburanti u se jkollu wkoll impatt f’termini ta’ emissjonijiet aktar baxxi ta’ CO2 u ta’ sustanzi niġġiesa. Matul l-operazzjoni, il-proġett se jirriżulta fi stima ta’ emissjonijiet ta’ GHG ta’ 76 kt Co2-eq/sena. Madankollu, b’mod relattiv għall-emissjonijiet previsti mingħajr il-proġett, dan mistenni li jirriżulta fi tnaqqis ta’ 34 kt CO2-eq/sena.

    Integrazzjoni reġjonali

    Il-BEI iffirma 15-il proġett ġdid fl-2016 li jagħtu kontribut għall-integrazzjoni reġjonali. It-total tal-finanzjament tal-BEI approvat għal dawn il-proġetti huwa ta’ EUR 1.6 biljun. Dawn il-proġetti jkopru l-konnessjonijiet tat-trasport, l-appoġġ għall-konverġenza permezz tal-iżvilupp tas-settur privat lokali u interkonnessjoni tal-enerġija. Ġew iffirmati seba’ proġetti (EUR 1 biljun) għal linji ta’ kreditu li jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament fit-tul għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, u b’hekk ingħata appoġġ għall-konverġenza ekonomika mal-UE. Sitta minn dawn jinsabu fit-Turkija u waħda tinsab fil-Bożnja-Ħerzegovina. Linja ta’ kreditu oħra timmira b’mod speċifiku lejn l-SMEs fis-settur tal-ikel u l-agrikoltura fil-Ġeorġja. L-BEI iffirma erba’ proġetti ta’ trasport, li jinkludu l-modernizzazzjoni tal-ferroviji fl-Ukraina u fil-Moldova li se jespandu l-kapaċità tas-servizzi tal-passiġġieri u tal-merkanzija u li se jgħinu biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ mar-reġjun kollu u mal-UE.

    3.2.ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-FINANZJAMENT TAL-BEI SKONT IR-REĠJUN U S-SETTUR

    It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-volum tal-finanzjament tal-BEI fl-2016 fir-reġjuni koperti mill-ELM, inklużi dawk b’garanzija ELM (riskju komprensiv jew politiku) u dawk iffinanzjati taħt il-faċilitajiet tar-riskju proprju tal-BEI.

    Tabella 1: Operazzjonijiet ta’ Finanzjament mill-BEI sottoskritti fl-2016

    Il-BEI ffirma EUR 6.8 biljun ta’ self fir-reġjuni koperti mill-ELM fl-2016 minn total globali ta’ EUR 7.9 biljun (inklużi l-pajjiżi tal-AKP u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej). Madwar EUR 5.9 biljun saru fir-reġjuni ta’ Qabel l-Adeżjoni (l-espożizzjoni totali tal-BEI fit-Turkija koperta mill-garanzija tal-UE attwalment tirrappreżenta EUR 9.6 biljun) u fir-reġjuni tal-Viċinat (kemm tan-Nofsinhar kif ukoll tal-Lvant). Il-bqija (26 %) ġie ffirmat fl-Asja, fl-Asja Ċentrali u fl-Amerika Latina.

    Meta mqabbel mal-2015, il-volum totali tal-finanzjament tal-BEI fir-reġjuni ELM żdied bi 2 % (EUR 6.7 biljun iffirmat fl-2015) li rriżulta minn żieda ta’ 54 % f’finanzjament taħt il-faċilitajiet ta’ riskju proprju (EUR 1.9 biljun fl-2015) u tnaqqis ta’ 18 % tal-użu tal-garanzija tal-UE (EUR 4.8 biljun fl-2015).

    Tabella 2: Sottoskrizzjonijiet netti kull sena u sottoskrizzjonijiet netti kumulattivi meta mqabbla mal-limiti massimi tal-Mandat attwali tal-UE għall-2014-2020

    Kif ippreżentat hawn fuq, is-sottoskrizzjonijiet kumulattivi taħt l-ELM laħqu EUR 10.7 biljun u r-rata kumulattiva tal-użu tal-ELM f’termini ta’ sottoskrizzjonijiet bħalissa hija ta’ 40 % (xi 38 % taż-żmien ta’ implimentazzjoni diġà għadda). Fir-rigward tal-mandat ELM attwali b’limitu ta’ EUR 27 biljun, ir-rata tal-użu fl-Asja Ċentrali laħqet 88 % tal-limitu tal-mandat, segwita mill-Ġirien tal-Lvant b’85 %, mill-Asja b’56 % u mill-Amerika Latina b’44 %. Innota li dawn il-perċentwali ma jqisux iż-żieda proposta fil-limitu ELM li bħalissa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u mill-Parlament.


    Ċart 2: L-evoluzzjoni annwali tal-volumi tas-self fuq ir-riżorsi proprji tal-BEI

    Iċ-Ċart 2 turi l-evoluzzjoni tas-self taħt l-ELM u l-faċilitajiet għar-riskju proprju bejn l-2014 u l-2016. Matul dan il-perjodu, medja ta' 64 % tal-finanzjament tal-BEI f’dawn ir-reġjuni bbenefika mill-garanzija tal-UE, bi fluttwazzjonijiet annwali li varjaw bejn t-58 % u t-72 %.

    L-għadd ta’ proġetti ta’ finanzjament b’kuntratti ffirmati mill-BEI fir-reġjuni koperti mill-ELM żdied minn 55 fl-2015 għal 71 fl-2016. Minn dawn l-71 operazzjoni, 54 proġett kienu “ġodda” u l-ewwel kuntratt ta’ finanzjament tal-BEI ġie ffirmat fl-2016; għal 17-il proġett, parti mill-finanzjament totali tal-BEI kienet ipprovduta permezz ta’ kuntratti ffirmati fis-snin preċedenti.

    Tabella 3: L-għadd ta’ operazzjonijiet sottoskritti skont ir-reġjun (ir-riżorsi kollha), fl-2016

    Fl-2016, il-BEI żied b’mod sinifikanti s-self tiegħu fil-Balkani tal-Punent meta mqabbla mal-2015 (+92 %), fejn l-ammont laħaq EUR 427 miljun u fil-pajjiżi Mediterranji (+12%), fejn l-ammont sottoskritt laħaq EUR 1.6 biljun, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva dwar ir-Reżiljenza Ekonomika tal-Banek b’appoġġ għal dawk ir-reġjuni. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ammont kien għal proġetti ffokati fuq l-għoti ta’ appoġġ biex jinbena l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b’mod speċjali linji ta’ kreditu li jappoġġaw l-SMEs (54 % fil-Mediterran u 64 % fil-Balkani tal-Punent).

     

    Fl-2016, il-linji ta’ kreditu kienu jirrappreżentaw 46 % tas-self totali (37.5 % fl-2015), filwaqt li 54 % kienu ddedikati għall-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali u ta’ oħrajn (62.5 % fl-2015), fejn proġetti tat-trasport jirrappreżentaw nofs il-volum.

    Is-self fil-pajjiżi ta’ Qabel l-Adeżjoni kien l-aktar li kkontribwixxa għall-għan tal-iżvilupp tas-settur privat lokali b’EUR 1.8 biljun (52 %) segwit mill-pajjiżi Mediterranji b’960 miljun (28 %).

    Il-Viċinat tal-Lvant huwa r-reġjun li l-aktar li jikkontribwixxi għall-objettiv tal-infrastruttura ekonomika u soċjali b’1.2 biljun (34 %) tas-self totali għal dan il-għan.

    Fl-aħħar nett, ir-reġjun ta’ Qabel l-Adeżjoni għandu punteġġi ogħla fl-objettiv tal-integrazzjoni reġjonali b’1.3 biljun (69 %) tar-riżorsi kollha mislufa.

    Tabella 4: Distribuzzjoni settorjali tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI sottoskritti fl-2016 fir-reġjuni koperti mid-Deċiżjoni (ir-riżorsi kollha)

    3.3.IMPATT U VALUR MIŻJUD TAL-OPERAZZJONIJIET TAL-BEI

    Il-Qafas tal-ReM jipprovdi valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Dan jgħin sabiex jintgħażlu proġetti tajbin li jkunu konformi mal-prijoritajiet tal-UE abbażi ta’ riżultati konkreti, u fejn l-involviment tal-BEI jżid il-valur. Fl-istadju ta’ valutazzjoni, jiġu identifikati l-indikaturi tar-riżultati b’xenarji ta’ referenza u miri li jirriflettu r-riżultati ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija tal-operazzjoni. Ir-riżultati, mqabblin ma’ dawn il-valuri referenzjarji speċifiċi ta’ prestazzjoni, jiġu mmonitorjati matul ħajjet il-proġett kollu u rappurtati f’żewġ stadji importanti: meta jitlesta l-proġett, u tliet (3) snin wara li jitlesta l-proġett (“wara t-tlestija”) fil-każ ta’ operazzjonijiet diretti; lejn l-aħħar tal-perjodu ta’ investiment u fi tmiem il-ħajja tal-fondi ta’ ekwità privata, u fl-aħħar tal-perjodu ta’ allokazzjoni fil-każ tal-għoti ta’ self b’intermedjarji.

    Il-proġetti jiġu kklasifikati skont tliet “Pilastri”:

    (i)    Il-Pilastru 1 jikklassifika l-kontribuzzjoni mistennija għall-prijoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi msieħba kif ukoll l-eliġibbiltà skont l-objettivi tal-mandat tal-BEI.

    (ii)    Il-Pilastru 2 jikklassifika l-kwalità u s-solidità tal-operazzjoni, abbażi tar-riżultati mistennija.

    (iii)    Il-Pilastru 3 jikklassifika l-addizzjonalità finanzjarja u nonfinanzjarja mistennija tal-BEI.

    Din it-taqsima tirrapporta r-riżultati mistennija mill-objettivi tal-politiki tal-UE kif irreġistrati fil-qafas tal-ReM. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta' din it-taqsima fir-rigward tar-riżultati mistennija mhuwiex il-kuntratti kollha fl-2016, iżda l-proġetti kollha li għalihom ġie ffirmat l-ewwel kuntratt ta’ finanzjament fl-2016 (dawn jissejħu “proġetti ġodda”). Fi ħdan dan il-kamp, fl-2016 ġew iffirmati 54 proġett ġdid fir-reġjuni ELM. It-total tal-finanzjament tal-BEI approvat għal dawk il-proġetti huwa EUR 7.3 biljun.

    Fl-2016, 11-il proġett fir-reġjuni ELM li kienu oriġinarjament ivvalutati taħt il-Qafas ReM laħqu t-tlestija tagħhom, u dan ippermetta monitoraġġ aktar komprensiv tar-riżultati miksuba. Dawn inkludew sitt linji ta’ kreditu għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, tliet proġetti infrastrutturali u żewġ proġetti industrijali/R&Ż.

    Ċart 3: Klassifikazzjonijiet ReM skont il-pilastri għall-operazzjonijiet ġodda sottoskritti fl-2016

    Fl-2016, il-proġetti ġodda kollha ġew ikklassifikati mill-inqas bħala “tajbin” taħt il-Pilastru 1, li jfisser li huma konformi mal-objettivi tal-ELM u li jagħtu kontribut qawwi għall-objettivi tal-iżvilupp nazzjonali u għall-objettivi tal-UE u kontribut moderat għall-oħrajn. Disa’ proġetti ġew meqjusa “eċċellenti” biex jagħtu kontribut qawwi kemm għall-prijoritajiet tal-UE kif ukoll għall-objettivi tal-iżvilupp nazzjonali.

    Il-klassifikazzjoni tal-Pilastru 2 hija bbażata fuq is-sodezza, is-sostenibbiltà finanzjarja u ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-każ tal-proġetti ffinanzjati direttament. Għal operazzjonijiet intermedjati, il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq ir-riżultati mistennija, ippeżati b’kunsiderazzjonijiet tar-riskju kif imkejla skont is-solidità tal-intermedjarju u l-kwalità tal-ambjent operatorju. Ħamsin proġett ġew ikklassifikati bħala “tajbin” taħt il-Pilastru 2, b’rata medja ta’ ritorn ekonomiku ta’ 10 % sa 15 % fil-każ ta’ proġetti infrastrutturali. Erba’ proġetti ġew ikklassifikati bħala “aċċettabbli”, spiss minħabba l-ambjent ta’ riskju għoli li jnaqqas il-probabbiltà li jinkisbu r-riżultati ppjanati. Dawn jinkludu proġetti fl-Ukraina u fir-Repubblika Kirgiża.

    Taħt il-Pilastru 3, 7 proġetti ġew ikklassifikati bħala “għolja” u 39 proġett bħala “sinifikanti”.

    4.KOOPERAZZJONI TAL-BEI MA’ OĦRAJN

    4.1 KOOPERAZZJONI MAL-KUMMISSJONI

    Il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-Mandat ta’ Self Estern qed issir fil-kuntest ta’ sħubija usa’ bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fuq firxa sħiħa ta’ oqsma li jvarjaw minn stimulazzjoni ta’ investiment fl-UE, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll il-faċilitajiet ta’ taħlit li jappoġġaw l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-BEI u ta’ IFIs oħra barra l-UE.

    Id-Deċiżjoni tal-ELM titlob li l-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI jikkooperaw u jsaħħu l-allinjament tal-azzjonijiet esterni tal-BEI u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE sabiex jimmassimizzaw is-sinerġiji bejn il-finanzjament tal-BEI u r-riżorsi baġitarji tal-UE. Dan isir l-iżjed permezz ta’ djalogu regolari u sistematiku u b’konsultazzjoni bikrija dwar politiki, strateġiji u proġetti ppjanati. Iil-Memorandum ta’ Qbil (rivedut fl-2013) bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI fir-rigward tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni fir-reġjuni koperti mill-ELM kompla jiġi applikat, pereżempju permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar proġetti ppjanati u informazzjoni ta’ kuntatt.

    Eżempju konkret ta’ din il-kooperazzjoni huwa l-kolokazzjoni tal-uffiċċji tal-BEI fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE, b’uffiċċji esterni ġodda tal-BEI li jidħlu f’Delegazzjonijiet lokali. L-uffiċċju f’Beijing ġie inawgurat b’mod formali fit-30 ta’ Mejju 2016 u jkopri ċ-Ċina u l-Mongolja. Barra minn hekk, fl-ewwel kwart tal-2017, ġie inawgurat l-uffiċċju fi New Delhi.

    Il-mekkaniżmi ta’ taħlit tal-UE joffru lok ieħor għall-kooperazzjoni strutturata. Mekkaniżmi ta’ taħlit jirriżultaw f’relazzjonijiet ta’ kofinanzjament qawwija ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) oħrajn u f’allinjament mal-politiki u mal-prijoritajiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kull pajjiż rispettiv. Minbarra dan, l-istruttura tal-governanza ta’ dawn il-faċilitajiet tippermetti u teħtieġ koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mas-SEAE u ma’ IFIs oħra qabel il-preżentazzjoni ta’ proġett għat-taħlit ta’ riżorsi ta’ għoti ma’ self tal-BEI.

     

    Fl-2016 il-BEI kompla jipparteċipa b’mod attiv fil-mekkaniżmi reġjonali ta’ taħlit. EUR 177.32 miljun ta’ kontribuzzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE (għotjiet, għajnuna teknika, kapital ta’ riskju) ġestiti mill-BEI ġew approvati jew iffirmati fl-2016, biex b’hekk ikkumplimentaw il-finanzjament tal-BEI f’reġjuni ELM (EUR 39 miljun tar-riżorsi tal-baġit tal-UE li kkumplimentaw is-self tal-BEI fil-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat, EUR 53 miljun fil-Faċilità tal-Investiment tal-Balkani tal-Punent, EUR 18-il miljun fil- Faċilità tal-Investiment tal-Amerika Latina, EUR 18 miljun fis-Sħubija għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Ambjent fl-Ewropa tal-Lvant, EUR 5.32 miljun fil-Fond Fiduċjarju għall-Assistenza Teknika tas-Sħubija tal-Lvant, EUR 1.64 miljun fil-FEMIP u EUR 41 miljun għall-kapital ta’ riskju). Il-BEI ikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni fil-grupp tal-esperti tekniċi tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC). Il-lista dettaljata tal-operazzjonijiet ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni ġestiti mill-BEI (TA, Għotjiet, Ekwità) tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport.

    Il-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha b’mod attiv mal-BEI f’għadd ta’ oqsma ta’ politika oħrajn, inkluż it-trattament ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi. F'Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa, li fih sensiela ta’ inizjattivi għal pożizzjoni aktar b’saħħitha u koordinata tal-UE kontra l-abbuż mit-taxxa korporattiva fis-Suq Uniku u lil hinn minnu. Il-pakkett ikompli jespandi fuq il-kriterji li jikkostitwixxu governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inkluż miżuri dwar il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dan il-pakkett jirrifletti diskussjonijiet fil-Kunsill, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament Ewropew kif ukoll l-eżitu tal-Proġett tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti tal-OECD. F’Jannar 2017, il-BEI ippreżenta l-approċċ interim tiegħu għall-politika fir-rigward ta’ ġurisdizzjonijiet rregolati b’mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi (“politika NCJ”) u ta’ ġurisdizzjonijiet fiskalment sensittivi.

    L-aspetti dettaljati ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-BEI, il-Kummissjoni u s-SEAE biex jappoġġaw il-prijoritajiet kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi sħab f’dawn ir-reġjuni jistgħu jinsabu fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport.

    4.2. KOOPERAZZJONI MAL-OMBUDSMAN EWROPEW

    Il-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew fl-2008 jistabbilixxi l-bażi għal żewġ stadji tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI — dak intern (BEI-MI) u dak estern (l-Ombudsman) — approvati mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fl-2010 wara konsultazzjoni pubblika estensiva. Dan wassal għal fehim komuni tal-iskop u l-konsistenza tal-applikazzjoni fil-partijiet interni u esterni kollha tiegħu, b’attenzjoni speċifika għal:

       L-eżistenza ta’ Mekkaniżmu tal-Ilmenti intern effettiv (BEI-MI) li jittratta l-ilmenti mressqa minn partijiet esterni lill-BEI fl-unitajiet operatorji kollha tal-BEI;

       Dwar l-ilmenti relatati ma’ operazzjonijiet barra l-UE, inklużi l-mandati esterni, l-Ombudsman jimpenja ruħu li juża s-setgħa ta’ inizjattiva proprja tiegħu b’mod sistematiku sabiex jittratta l-ilmenti meta l-ilmentatur ma jkunx ċittadin tal-Unjoni jew residenti fiha;

       L-ambitu ta’ rieżami tal-Ombudsman, bir-rikonoxximent li l-ewwel approċċ irid ikun dak tal-BEI-MI.

    Matul l-2016, l-Ombudsman ma rċieva ebda lment relatat mal-attivitajiet tal-BEI fir-Reġjun kopert mill-Mandat ta’ Self Estern.

    Il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti attwali tal-BEI tistipula li l-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jirrevedi perjodikament il-mekkaniżmu. Ir-reviżjoni attwali, inkluża l-konsultazzjoni pubblika, mistennija titlesta fi tmiem l-2017.

    4.3. KOOPERAZZJONI MA’ ISTITUZZJONIJIET INTERNAZZJONALI TA' FINANZJAMENT

    Il-Kooperazzjoni ma’ IFIs oħra hija parti integrali mill-attivitajiet tal-BEI, li jvarjaw minn djalogu dwar kwistjonijiet istituzzjonali, suġġetti orizzontali u kwistjonijiet tematiċi, u konsultazzjoni reċiproka, għal forom imtejba ta’ kofinanzjament operazzjonali u kondiviżjoni tax-xogħol. Id-djalogu bejn l-IFIs ħafna drabi jsir fi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati li jiltaqgħu perjodikament sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki jew sabiex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi.

    Il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) kompliet taħt il-Memorandum ta’ Fehim tal-2012. Ġie organizzat Kumitat tat-Tmexxija ppresedut mill-Kummissjoni f’Ġunju 2016. Dan iffoka b’mod partikolari fuq ir-reazzjoni tal-Banek għall-kriżi tal-migrazzjoni kif ukoll fuq il-kooperazzjoni ġenerali. Il-BEI u l-BERŻ kellhom ukoll żewġ laqgħat tal-Grupp ta’ Kuntatt biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar il-pjanijiet tal-operazzjonijiet tagħhom fir-reġjuni fejn joperaw it-tnejn. Barra dan, il-Banek ikkomunikaw informazzjoni dwar ir-rispons tagħhom għall-kriżi tal-migrazzjoni u dwar suġġetti komuni oħra ta’ interess, inklużi kwistjonijiet li jqumu b’rabta mal-offshoring u mal-inizjattiva l-ġdida EU4Business fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant. Tnejn u sebgħin proġett iffirmati fl-2016 ġew kofinanzjati minn IFIs oħra. Il-BERŻ huwa l-ewwel kofinanzjatur (13-il proġett) b’total ta’ EUR 1.1 biljun li jirrappreżenta 44 % tal-volum totali ta’ kofinanzjament, segwit mill-grupp tal-Bank Dinji (7 proġetti) li jirrappreżenta 32 % tal-volum totali tal-kofinanzjament. Il-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Amerika Latina kkofinanzjaw 2 proġetti (4 %), filwaqt li l-Bank tal-Iżvilupp tal-Asja kkofinanzja 4 proġetti (22 %).²

    Il-kooperazzjoni bejn il-BEI, l-AFD u l-KfW kompliet tiżdied matul l-aħħar snin. Fl-2016, 4 proġetti ġew ikkofinanzjati mal-AFD fir-reġjuni ELM b’finanzjament totali tal-BEI ta’ EUR 778 miljun. 3 proġetti ġew ikkofinanzjati mill-grupp KfW b’finanzjament totali tal-BEI ta’ EUR 142 miljun. Sadattant, ġiet stabbilita rutina regolari ta’ laqgħat fuq livell ta’ politika/koordinazzjoni kif ukoll fuq livell operazzjonali li ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni u t-trasparenza.

    It-tliet istituzzjonijiet jikkooperaw mill-qrib ukoll fil-kuntest tal-Inizjattiva ta’ Kunfidenza Reċiproka (MRI). Imniedi fl-2013, l-MRI huwa mezz rikonoxxut b’mod wiesa’ biex jiġu implimenatati l-politiki ta’ kooperazzjoni esterna tal-UE. Dan jipprevedi li t-tliet imsieħba tal-MRI jiddependu minn waħda minnhom biex iwettqu ċerti kompiti, eż. xi wħud tad-diliġenza dovuta lill-proġetti jew mis-superviżjoni tal-akkwist. Il-promoturi japprezzaw il-proċessi simplifikati li jirriżultaw. Il-korpi tat-tmexxija u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-imsieħba tal-MRI saru midħla tad-dokumenti mħejjija minn istituzzjoni oħra li huma jużaw għad-deċiżjonijiet tagħhom stess. It-taħditiet komplew matul l-2016 dwar kif jista’ jkompli jiżdied il-livell tal-qsim tax-xogħol u tad-delegar u kif l-MRI jista’ jittieħed fuq livell ogħla ta’ rilevanza u effettività.

    Żvilupp ġdid u sinifikanti fl-2016 kien id-dħul ta’ tliet membri ġodda, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Asja (AIIB), il-Bank Iżlamiku għall-Iżvilupp u l-Bank ta’ Żvilupp Ġdid (magħruf ukoll bħala “BRICS” Bank). L-MoU li ffirma l-BEI mal-AIIB f’Mejju 2016 f’Beijing jipprovdi l-qafas biex ikomplu jiġu kkonsolidati r-relazzjonijiet bejn l-BEI u l-AIIB fl-oqsma tal-finanzjament konġunt ta’ operazzjonijiet eliġibbli, tal-qsim tal-għarfien u tal-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari ta’ livell għoli.

    Flimkien mal-gruppi ta’ ħidma multipli u inizjattivi li jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet (il-klima, l-infrastruttura, il-finanzi, ir-riskji, il-kejl tar-riżultati, l-evalwazzjoni ex post, il-ġestjoni tad-dejn eċċ.), il-kooperazzjoni MDB għadha b’saħħitha fl-ogħla livell. Fl-2016, diskussjonijiet ta’ livell għoli fost l-MDBs iffukaw fuq is-suġġetti prinċipali tal-aġenda tal-iżvilupp, jiġifieri fuq kif jista’ jittejjeb b’mod konġunt l-appoġġ tal-MDB għall-Azzjoni Klimatika u kif jista’ jingħata kontribut għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. L-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi tar-refuġjati u tal-ispostament sfurzat kien suġġett ieħor ewlieni għall-kooperazzjoni tal-MDB fl-2016. Twaqqaf grupp ta’ ħidma speċjali tal-MDB biex jiddefinixxi u jkejjel il-mobilizzazzjoni u l-katalizzazzjoni minn MDBs tal-finanzjament tas-settur privat. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-G7 u mill-G20, l-MDBs ħadmu wkoll b’mod konġunt fuq modi kif jottimizzaw il-karti tal-bilanċ tagħhom u kif iżidu l-kapaċità tagħhom ta’ self b’appoġġ għall-għanijiet ta’ żvilupp.

     

    Il-BEI kompla wkoll isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mas-sistema tan-NU, wara l-iffirmar tal-Memoranda ta’ Ftehim mal-UNIDO, mal-IFAD u mal-FAO. Il-BEI u l-UNDP iffirmaw Memorandum ta’ Fehim f’Ottubru 2016. L-enfasi tematika ta’ din is-sħubija hija r-reazzjoni għat-tibdil fil-klima, ir-reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ wara kriżi, il-kriżi tal-migrazzjoni u l-promozzjoni ta’ swieq inklussivi u tal-intraprenditorija. Ġie ffirmat ukoll ftehim f’April 2016 mal-UNOPS. Din is-sħubija se tippermetti liż-żewġ istituzzjonijiet jegħlbu sfidi kurrenti għall-iżvilupp sostenibbli, l-iktar f’ekonomiji fraġli, kif ukoll it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-kapaċità tas-settur privat biex imexxi t-tkabbir u l-bidla.

    (1)  F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-limitu massimu għall-ELM attwali għal EUR 32.3 biljun (COM(2016) 583). Il-proċess leġiżlattiv mistenni jintemm bi ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill fit-tieni nofs tal-2017.
    (2)  Dan ir-rapport tħejja skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Mandat ta’ Self Estern.
    (3)  L-operazzjonijiet “ġodda” huma dawk li għalihom ġie ffirmat l-ewwel kuntratt ta’ finanzjament fl-2016. Dawn l-operazzjonijiet jirrappreżentaw volum totali approvat ta’ EUR 7.2 biljun.
    (4) COM(2016) 583
    (5) COM(2016) 584
    Top