Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5796

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi” (COM(2017) 563 final – 2017/0244 (NLE))

    EESC 2017/05796

    ĠU C 262, 25.7.2018, p. 41–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 262/41


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi”

    (COM(2017) 563 final – 2017/0244 (NLE))

    (2018/C 262/07)

    Relatur:

    Imse SPRAGG NILSSON

    Korelatur:

    Vladimíra DRBALOVÁ

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 17.11.2017

    Bażi legali

    Artikolu 29(1) tat-TFUE

     

     

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    17.10.2017

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    27.3.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.4.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    534

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    194/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE japprezza l-puntwalità ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, hekk kif qegħdin iseħħu riformi sinifikanti fl-apprendistati fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u jfaħħar ix-xewqa tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi fehim komuni Ewropew ta’ x’jikkostitwixxi apprendistat ta’ kwalità u effettiv.

    1.2

    Il-Kumitat jaqbel li l-istrument legali magħżul tal-Kummissjoni Ewropea jinkoraġġixxi l-koordinazzjoni ta’ sforz komuni sabiex jittejbu l-kwalità u l-effettività tal-apprendistati. Fl-istess ħin huwa jħalli flessibbiltà fil-livell nazzjonali.

    1.3

    Il-KESE jinnota li d-definizzjoni u l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jirrispettaw id-diversità tal-iskemi nazzjonali fil-qasam tal-apprendistati.

    1.4

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jippromovu l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

    1.5

    Il-Kumitat jemmen li t-tfassil, il-governanza u l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistat għandhom jinkludu wkoll l-involviment attiv ta’ dawk li tradizzjonalment mhux dejjem huma kkunsidrati bħala partijiet interessati naturali f’dan il-qasam, iżda li huma ugwalment rilevanti għall-proċess, bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-ġenituri, l-għaqdiet tal-istudenti, u l-apprendisti nnifishom.

    1.6

    Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li l-apprendistati jista’ jkollhom sabiex iżidu l-ħiliet u l-impjegabbiltà, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, iżda jenfasizza li l-qgħad huwa fenomenu kumpless u li huwa meħtieġ approċċ olistiku sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tiegħu lil hinn mill-kwistjoni tal-ispariġġ fil-ħiliet.

    1.7

    Il-KESE jemmen li l-proposta għal Rakkomandazzjoni għandu jkollha enfasi aktar b’saħħitha fuq il-proċessi li permezz tagħhom l-apprendisti jistgħu jrawmu sens ta’ responsabbiltà akbar fir-rigward tat-tfassil u l-governanza tal-perkorsi tal-apprendistat tagħhom. Meta l-apprendisti jingħataw il-kapaċità li jinfluwenzaw l-esperjenza tat-tagħlim tagħhom jinħolqu esperjenzi ta’ tagħlim aktar produttivi, u dan igawdi minnu wkoll il-fornitur tal-kollokamenti.

    1.8

    Il-Kumitat jappella għal koordinazzjoni u sinerġiji effettivi mal-inizjattivi diġà mnedija min-netwerk EQAVET (1) u relatati mal-EURES (2).

    1.9

    Il-KESE jappella favur inizjattivi li jesploraw il-potenzjal ta’ mobilità transnazzjonali ta’ apprendisti fl-UE. Dawn għandhom iqisu l-progress li sar mill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfidi involuti fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji biex jingħata appoġġ fil-mobilità tal-apprendisti.

    1.10

    Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni bl-appoġġ tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT), kif ukoll permezz tas-Semestru Ewropew, u jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ indikaturi sabiex jiġi valutat l-impatt fuq livell nazzjonali. Il-Kumitat huwa lest li jivvaluta l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri, mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata.

    2.   Kuntest tal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    2.1

    Il-proposta għal Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ssegwi l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (3) tal-2016 u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prijorità tal-UE dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Il-proposta tikkomplementa l-prinċipji mnaqqxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu fuq livell nazzjonali. L-apprendistati ta’ kwalità u effettivi huma kruċjali wkoll għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u l-proposta hija risposta għas-sejħa dejjem aktar urġenti sabiex jiġu assigurati kollokamenti ta’ kwalità aħjar taħt l-inizjattiva ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    2.2

    Fil-qafas tal-programm ta’ djalogu soċjali tal-UE ta’ proġetti integrati 2014-2016, l-imsieħba soċjali Ewropej wettqu proġetti separati dwar l-apprendistati: il-KETU ffokat fuq il-kwalità tal-apprendistati u BusinessEurope, l-UEAPME, u s-CEEP iffokaw fuq il-kosteffettività. Il-ħidma tagħhom wasslet għal Stqarrija konġunta dwar “Towards a Shared Vision of Apprenticeships” (4) (Lejn Viżjoni Kondiviża tal-Apprendistati), li tesprimi l-importanza kemm tal-kwalità kif ukoll tal-kosteffettività tal-apprendistati.

    2.3

    F’Lulju 2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA) ġiet stabbilita bħala pjattaforma unika li tlaqqa’ flimkien il-gvernijiet u l-partijiet interessati (negozji, imsieħba soċjali, kmamar tal-kummerċ, fornituri tal-ETV, reġjuni, rappreżentanti taż-żgħażagħ u gruppi ta’ riflessjoni) bil-għan li jissaħħu l-kwalità, il-provvista u l-attraenza tal-apprendistati fl-Ewropa (5).

    2.4

    L-istrument propost, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jirrispetta l-prinċipji kemm tas-sussidjarjetà kif ukoll tal-proporzjonalità. Bħala strument legali, hija tagħti sinjal tal-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni u tipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam fil-livell Ewropew. Billi l-apprendistati huma sostnuti b’kuntratt tax-xogħol jew b’relazzjonijiet kuntrattwali oħrajn, l-apprendisti jitqiesu li huma kemm studenti stazzjonati fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ħaddiema. Għalhekk, il-bażi ġuridika għal din l-inizjattiva tinsab fl-Artikoli 153, 166 u 292 tat-TFUE.

    2.5

    L-objettiv ġenerali tar-Rakkomandazzjoni huwa li “jiżdiedu l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-apprendisti u li jkun hemm kontribut għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u kkwalifikata, risponsiva għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol” (6). L-objettiv speċifiku huwa li “jiġi pprovdut qafas koerenti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ fehim komuni ta’ x’jiddefinixxi kwalità u effikaċja, b’kunsiderazzjoni tad-diversità tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET) fl-Istati Membri”.

    2.6

    Għall-iskop tar-Rakkomandazzjoni, l-apprendistati huma mifhuma kif ġej: “skemi formali ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali li jikkombinaw tagħlim sostanzjali msejjes fuq ix-xogħol f’kumpanniji u f’postijiet tax-xogħol oħra b’tagħlim f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, li jwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali. Dawn huma kkaratterizzati b’relazzjoni kuntrattwali bejn l-apprendista, l-impjegatur u/jew l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali filwaqt li l-apprendista jiġi mħallas jew jiġi kkumpensat għal xogħlu.

    2.7

    Sabiex ikun assigurat li l-iskemi ta’ apprendistat jindirizzaw l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegaturi, il-proposta tistabbilixxi u tirrakkomanda kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi f’żewġ oqsma komplementari. Fl-ewwel qasam, “kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol”, il-kriterji speċifiċi huma: il-kuntratt bil-miktub, l-eżiti tat-tagħlim, is-sostenn pedagoġiku, il-komponent tal-post tax-xogħol, il-paga u/jew il-kumpens, il-protezzjoni soċjali, u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza. Fit-tieni qasam, “kundizzjonijiet ta’ qafas”, il-kriterji speċifiċi huma: il-qafas regolatorju, l-involviment tal-imsieħba soċjali, is-sostenn għall-kumpaniji, il-perkorsi u l-mobilità flessibbli, il-gwida għall-karrieri u s-sensibilizzazzjoni, it-trasparenza, il-garanzija tal-kwalità u t-traċċar tal-gradwati.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE jilqa’ u jappoġġa r-Rakkomandazzjoni proposta li ssegwi u tikkompleta l-inizjattivi reċenti f’kull livell iffukati fuq it-tnedija mill-ġdid ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi fl-Unjoni Ewropea.

    3.2

    Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-2017, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern Ewropej wiegħdu li jaħdmu favur “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu”. Parti essenzjali tal-impenn kienet li ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. Mod effettiv biex isir dan huwa permezz ta’ apprendistati.

    3.3

    Huwa ċar li l-apprendistati ma jistgħux ikunu s-soluzzjoni għall-qgħad. L-apprendistati jistgħu jkunu siewja għat-titjib tal-ħiliet/taħriġ mill-ġdid għall-persuni qiegħda ta’ kull età bil-ħsieb li jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-apprendistati għandhom jiġu offruti wkoll lil persuni bi sfond ta’ migrazzjoni bħala l-approċċ ta’ politika effettiva li tippromovi l-inklużjoni soċjali u forza tax-xogħol integrata. Fl-istess ħin għandu jkun evitat li l-apprendistati jkunu mmirati lejn impjiegi b’ħiliet baxxi u taħriġ ta’ kwalità baxxa li jistgħu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-apprendistati.

    3.4

    Bħala forma ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, l-apprendistati jippermettu lill-individwi li jiksbu kwalifiki formali, kif ukoll ħiliet u kompetenzi speċifiċi għall-attività partikolari li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u b’hekk itejbu l-impjegabbiltà u l-perspettivi ta’ impjieg tagħhom (7). L-esperjenza tat-tagħlim għandha tirriżulta f’ħiliet u kompetenzi reżiljenti li jistgħu jintużaw lil hinn mill-kollokament speċifiku tal-apprendistat. Dan huwa mod kif jiġi appoġġjat l-iżvilupp personali tal-individwi u jgħinhom jiksbu ħiliet tekniċi, diġitali, personali u soċjali f’approċċ integrat.

    3.5

    Huma jistgħu jkunu għodod partikolarment effettivi sabiex iħaffu t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol (8). Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa dejjem aktar twil għal bosta żgħażagħ, u għandha tingħata aktar attenzjoni sabiex jitqassar. Għalhekk, l-opportunitajiet ta’ taħriġ bħall-apprendistati għandhom isiru saħansitra aktar rilevanti, billi jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità u jiġu introdotti skemi effettivi.

    3.6

    Filwaqt li l-apprendisti huma l-aktar studenti żgħażagħ, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-iskemi ta’ apprendistat għandhom jitfasslu sabiex ikunu attraenti għall-adulti. L-apprendistati għal studenti maturi jipprovdu l-possibbiltà biex jiksbu kwalifiki li jtejbu l-impjegabbiltà u biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tal-karriera.

    3.7

    L-impjegaturi jiffaċċjaw nuqqas dejjem akbar ta’ ħaddiema bil-ħiliet rilevanti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u jibqgħu kompetittivi. L-apprendistati jistgħu jfornu lill-apprendisti bil-ħiliet li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom, u li fl-istess ħin huma meħtieġa mis-suq tax-xogħol. Jekk ikun hemm pariġġ bejn il-ħiliet li huma meħtieġa kemm mill-apprendist kif ukoll mill-impjegatur, l-iskemi ta’ apprendistat jistgħu jkunu attraenti għaż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, l-apprendistati jippermettu lill-impjegaturi sabiex iħarrġu u jsir investiment fin-nies, u biex maż-żmien iżommu impjegati li huma motivati u kkwalifikati (9).

    3.8

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-kumpaniji qed janalizzaw il-modi li bihom dawn jistgħu jinvolvu ruħhom fi skemi ta’ apprendistat sabiex isiru aktar attraenti u ta’ benefiċċju għalihom. Barra dan, il-KESE jenfasizza li l-effettività tal-apprendistati hija kunċett multidimensjonali, mhux biss analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji. Fuq naħa, l-effettività tikkonsisti fir-rikonoxximent li l-fornituri tal-apprendistati jinvestu fil-ħolqien ta’ esperjenza ta’ tagħlim, u “jistennew redditu fuq l-investiment maż-żmien f’termini ta’ ħiliet aħjar, li jinkoraġġixxi u jippromovi l-provvista ta’ postijiet ta’ apprendistat” (10). Fuq in-naħa l-oħra, din tikkonsisti fit-trasferiment b’mod effettiv ta’ persuni fis-suq tax-xogħol b’mod kwalitattiv.

    4.   Tfassil u implimentazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistati – approċċ ta’ sħubija

    4.1

    F’bosta pajjiżi, is-sistemi ta’ apprendistat eżistenti u l-attrattività tagħhom jeħtieġu titjib. L-isfidi jinkludu l-perċezzjoni pubblika negattiva tal-apprendistati, il-valur tat-tagħlim, in-nuqqas ta’ attrattività għall-impjegaturi, u s-sħubija limitata jew assenti mas-soċjetà ċivili organizzata fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-iskemi.

    4.2

    L-apprendistati huma qabelxejn opportunità edukattiva u għalhekk għandhom ikunu bbażati fuq approċċ iċċentrat fuq l-istudent, u jkunu msawra madwar l-aħjar interessi tal-istudenti, il-kapaċitajiet u l-possibbiltajiet tagħhom, filwaqt li jqisu wkoll il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan ifisser li jiġi assigurat li l-apprendisti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jiksbu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom, li jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-impjegaturi.

    4.3

    Il-fehmiet tal-apprendisti għandhom jiġu kkunsidrati fid-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw direttament lilhom u lid-drittijiet tagħhom qabel, waqt u wara l-kollokamenti tagħhom. Huma għandhom ikunu jistgħu jinfluwenzaw l-objettivi ta’ tagħlim tal-kollokament tagħhom, u jkollhom l-opportunità li jagħtu feedback dwar il-kwalità u l-effettività tal-apprendistat tagħhom. In-nuqqas ta’ strutturi rappreżentattivi jxekkel l-opportunità tal-apprendisti li jsemmgħu leħinhom.

    4.4

    L-apprendistati għandhom il-potenzjal li jgħinu liż-żgħażagħ, kif ukoll lill-adulti, biex jiksbu l-kompetenzi u l-kapaċitajiet kollha f’okkupazzjoni jew professjoni u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom. Madankollu, f’ħafna każijiet dan il-potenzjal mhuwiex sfruttat, billi l-kwalità tal-apprendistati hija nieqsa, il-valur tat-tagħlim tagħhom mhuwiex mogħti prijorità u d-drittijiet tal-apprendisti mhumiex sostnuti kif suppost.

    4.5

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li suq tax-xogħol dinamiku jeħtieġ kompetenzi aktar milli ħiliet. Għalhekk, l-eżiti tat-tagħlim għandhom ikunu ffokati fuq kompetenzi reżiljenti, pjuttost milli fuq ħiliet għal żmien qasir.

    4.6

    L-apprendistati għandhom jinkludu dimensjoni qawwija msejsa fuq ix-xogħol, fejn mill-anqas nofs il-ħin tal-edukazzjoni jitqatta’ fuq it-tagħlim prattiku tal-ispeċifiċitajiet tas-sengħa, u kull fejn ikun possibbli, dan għandu jkun imsieħeb minn esperjenza internazzjonali.

    4.7

    Dawk li jagħtu t-taħriġ fil-kollokamenti tax-xogħol, il-mentors jew is-superviżuri għandhom ikunu ċċertifikati kif xieraq u jiġu pprovduti bil-ħiliet meħtieġa, kemm dawk pedagoġiċi kif ukoll dawk speċifiċi għall-attività, sabiex iħarrġu lill-apprendisti. Barra minn hekk, huma għandhom jiġu pprovduti b’aċċess għal taħriġ kontinwu skont il-prinċipju tat-tagħlim tul il-ħajja.

    4.8

    Sinerġija bejn il-kwalità, l-effettività u l-attrattività tal-apprendistati tista’ tiġi assigurata biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha – il-fornituri tat-taħriġ, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, l-apprendisti, fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

    4.9

    Għandhom jiġu stabbiliti strutturi fil-livelli kollha tal-gvern, bl-involviment tal-partijiet interessati soċjoekonomiċi rilevanti kollha (eż. il-fornituri tal-apprendistati, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-għaqdiet tal-istudenti, l-apprendisti), bi proċessi u rwoli ċari mmirati sabiex jinfluwenzaw u jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet relatati mat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-iskemi ta’ apprendistat.

    5.   Promozzjoni tal-apprendistati

    5.1

    Sabiex jiġi ribattut il-fatt li l-apprendistati huma perċepiti bħala mogħdija edukattiva anqas attraenti jew anqas prestiġjuża, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, huwa neċessarju li l-apprendistati jiġu promossi bħala għażla siewja u bħala opportunità ta’ tagħlim ta’ kwalità ugwali u mhux bħala strument attiv tas-suq tax-xogħol.

    5.2

    Il-promozzjoni tal-apprendistati jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn sforzi sabiex jiġu indirizzati l-isterjotipi tas-sessi bbażati fuq rwoli soċjali tradizzjonali, li għadhom jaffettwaw b’mod negattiv il-kollokamenti, it-teħid, il-promozzjoni u r-reklamar tal-apprendistati.

    5.3

    Il-partijiet interessati rilevanti kollha, minn min ifassal il-politika sal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet edukattivi, għandhom rwol kruċjali sabiex iżidu l-attraenza tal-apprendistati u hemm bżonn li dawn jaħdmu flimkien. Il-promozzjoni ta’ narrattiva aħjar rigward l-apprendistati trid timxi id f’id ma’, u tkun tiddependi fuq, it-titjib tal-kwalità u tal-effettività tal-iskemi.

    5.4

    L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jinvestu aktar riżorsi sabiex jimplimentaw miżuri biex jippromovu l-apprendistati fil-livell lokali lil apprendisti potenzjali u jinkoraġġixxu lill-impjegaturi sabiex jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendistati.

    5.5

    Il-KESE jqis li hemm il-possibbiltà li l-FSE jintuża biex jgħin jiġu stabbiliti u żviluppati aktar skemi ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi fl-Istati Membri li jirrikjedu aktar assistenza finanzjarja u teknika biex jilħqu l-objettivi tal-qafas.

    5.6

    Huwa fundamentali li l-impjegaturi, u b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, jingħataw l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju li għandhom bżonn sabiex jistabbilixxu kollokamenti u skemi ta’ apprendistat ta’ kwalità u effettivi.

    5.7

    Il-proċess sabiex tinbena immaġni ġdida tal-apprendistati għandu jkun ibbażat fuq approċċ ġust, inklużiv, mhux diskriminatorju u innovattiv. L-aktar persuni żvantaġġati fis-soċjetà tagħna jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-aqwa appoġġ u gwida għal edukazzjoni ta’ kwalità u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol li jkun adattat għall-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri f’kull livell sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni abbażi tal-istatus ta’ migranti, l-isfond soċjoekonomiku, l-etniċità, ir-reliġjon, l-età, is-sess jew status ieħor, li xxekkel l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ apprendistat.

    6.   Kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

    6.1

    Il-KESE jemmen li l-apprendistati għandhom ikunu sostnuti minn dokument bil-miktub u legalment vinkolanti, sew jekk ikun ftehim ta’ tagħlim jew kuntratt bil-miktub, bejn l-impjegatur, l-apprendist u l-istituzzjoni edukattiva jew tat-taħriġ. Dan id-dokument għandu jiddeskrivi b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kollha, u jinkludi deskrizzjoni tal-objettivi tat-tagħlim, il-kompiti, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra dwar il-kollokament (li tinkludi iżda ma tkunx limitata għat-tul, is-sigħat tax-xogħol, ir-remunerazzjoni, eċċ.).

    6.2

    Il-KESE jemmen b’mod qawwi li l-apprendisti għandhom dritt għal remunerazzjoni u/jew kumpens diċenti, li għandu jiġi nnegozjat permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali jew settorjali. Paga adegwata jew kumpens jistgħu jippermettu lil aktar persuni biex jagħmlu apprendistat, partikolarment dawk li ġejjin minn ambjenti bi dħul baxx, u jistgħu jgħinu biex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ apprendistati bħala impjjieg mhux imħallas u flessibbli b’mod eċċessiv.

    6.3

    Il-KESE jerġa’ jsostni l-importanza li jkun assigurat li l-apprendisti jiġu mgħarrfa adegwatament u fil-pront dwar kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sigurtà li jkunu esposti għalih waqt li jkunu qed jagħmlu l-apprendistat tagħhom, u li l-apprendisti jkunu koperti b’mod sħiħ mir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà.

    7.   Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistat

    7.1

    Il-fornituri kollha ta’ apprendistati għandhom jikkommettu ruħhom għall-istandards ta’ kwalità. Dejjem għandu jiġi pprovdut mentoring minn superviżur kompetenti lill-apprendisti qabel, matul u wara l-apprendistat tagħhom, sabiex ikun assigurat li jintlaħqu l-objettivi tat-tagħlim, jiġu rrispettati d-drittijiet tal-apprendist, u tiġi assigurata l-kwalità.

    7.2

    Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ sabiex jiġi osservat il-progress tal-apprendisti biex jilħqu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom, kif ukoll il-kwalità u l-effettività tal-esperjenza tat-tagħlim. Ir-riżultati ta’ dan il-proċess ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu kondiviżi mal-apprendisti u mal-fornituri tal-apprendistat sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu titjib jekk meħtieġ. Fejn possibbli, din is-sistema ta’ monitoraġġ tkun tista’ tintuża bħala metodu ta’ kejl tal-ammont ta’ apprendistati li eventwalment iwasslu biex il-persuna li tkun qed titgħallem issib impjieg.

    8.   Rikonoxximent tal-kwalifiki

    8.1

    L-iskemi ta’ apprendistat għandhom iwasslu għal kwalifiki uffiċjali, rikonoxxuti fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, skont il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. Il-kwalifiki rikonoxxuti jtejbu l-impjegabbiltà tal-apprendisti u l-mobilità fil-pajjiż u fi ħdan l-UE. Huma għandhom joffru permeabbiltà u jippermettu lill-apprendisti jidħlu fl-edukazzjoni għolja wara li jtemmu l-apprendistati tagħhom.

    Brussell, id-19 ta’ April 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  EQAVET – l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali

    (2)  EURES – il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol

    (3)  COM(2016) 381 final

    (4)  Imsieħba Soċjali Ewropej, Stqarrija Konġunta, Towards a Shared Vision of Apprenticeships (Lejn Viżjoni Kondiviża tal-Apprendistati), 30 ta’ Mejju 2016.

    (5)  European Alliance for Apprenticeships

    (6)  COM(2017)563 final

    (7)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ doppju” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57).

    (8)  L-evidenza turi li 60-70 % tal-apprendisti jidħlu direttament f’impjieg wara l-apprendistat tagħhom, u f’xi każijiet dan jiżdied għal 90 %. (Il-paġna tal-KE dwar l-apprendistati)

    (9)  Cedefop, 2015, Briefing note – Making apprenticeships work for small and medium enterprises (Nota ta’ tgħarrif – Nagħmlu l-apprendistati jaħdmu għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju)

    (10)  L-Opinjoni tal-ACVT dwar Shared vision for quality and effective apprenticeship and work-based learning (Viżjoni kondiviża għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol), 2 ta’ Diċembru 2016


    Top