Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0773

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019

    COM/2016/0773 final

    Brussell, 30.11.2016

    COM(2016) 773 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019


    Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019

    1.    Introduzzjoni

    L-UE għandha għadd ta’ strumenti leġiżlattivi li jittraduċu l-miri tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-UE 1 f’diversi punti ta’ azzjoni. L-ekodisinn, ikkumplimentat minn regoli tat-tikkettar tal-enerġija, jappoġġja l-prijorità ġenerali tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u tistimola l-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku; dan jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, jixpruna l-investiment u l-innovazzjoni b’mod sostenibbli, u jiffranka l-flus lill-konsumaturi filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2. Dan jikkontribwixxi għall-Unjoni tal-Enerġija u l-mira ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-2030, il-miri klimatiċi maqbula b'mod komuni u għall-objettiv ta’ Suq Intern Aktar Profond u Ġust. Il-qafas dwar l-Ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija kien wieħed mill-istrumenti ta’ politika l-aktar effettivi fil-livell tal-UE biex jippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija, u huwa stmat li jikkontribwixxi għal madwar nofs il-mira ta’ ffrankar tal-enerġija għall-2020. Il-qafas leġiżlattiv dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija għandu l-iskop doppju li jiżgura li fis-suq jidħlu prodotti aktar effiċjenti fl-enerġija (permezz tal-ekodisinn) filwaqt li jħeġġeġ u jagħti setgħa lill-konsumaturi biex jixtru l-prodotti l-aktar effiċjenti abbażi ta’ informazzjoni utli (permezz tat-tikkettar tal-enerġija). B'hekk inaqqas kemm il-konsum tal-enerġija tal-konsumaturi u tan-negozji kif ukoll il-kontijiet tal-enerġija u tal-utilitajiet tagħhom. Barra minn hekk, jissalvagwardja s-suq intern u jevita l-ispejjeż mhux meħtieġa għan-negozji u l-konsumaturi minħabba rekwiżiti nazzjonali diverġenti.

    Sal-2020, dan il-qafas huwa stmat li se jipprovdi ffrankar tal-enerġija ta’ madwar 175 Mtoe fis-sena f’enerġija primarja, aktar mill-konsum tal-enerġija primarja annwali tal-Italja. Għall-konsumaturi, dan ifisser iffrankar ta’ EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika fuq kontijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, din il-politika hija stmata li se ssarraf f'madwar EUR 55 biljun fis-sena ta' dħul addizzjonali għall-industrija, is-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut, li parti minnhom jistgħu jwasslu għal massimu ta' 800 000 impjieg ieħor dirett fis-setturi kkonċernati. Bħala tali, din tikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-enerġija billi tnaqqas l-importazzjoni tal-enerġija fl-UE bl-ekwivalenti ta’ 1.3 biljun barmil żejt fis-sena u billi tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'320 miljun tunnellata fis-sena 2 .

    Il-moderazzjoni tad-domanda tal-enerġija hija waħda mill-5 dimensjonijiet tal-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija 3 . Politika tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija ambizzjuża u effiċjenti se tibqa’ indispensabbli biex tgħin lill-Kummissjoni tikseb il-prijoritajiet li stabbiliet għall-Unjoni tal-Enerġija u se tgħinha tilħaq il-miri ta’ politika dwar il-klima miftiehma f’COP21 f’Pariġi, f’Diċembru 2015.

    Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn jikkontribwixxi għall-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 4 , li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari fl-UE permezz ta’ sensiela ta’ miżuri li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti u tal-materjali. Kulma jmur qed tiżdied il-ħtieġa u l-prijorità politika li titjieb l-effiċjenza fir-riżorsi fl-UE. Id-disinn tal-prodotti huwa aspett prinċipali f’dan ir-rigward, għaliex jista’ jkollu impatt sinifikanti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, pereżempju billi l-prodott isir aktar durabbli u aktar faċli biex jissewwa, riutilizzabbli u riċiklabbli. Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn diġà tkopri l-impatti ambjentali sinifikanti kollha tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti iżda s'issa l-fokus kien fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. Fil-futur, l-Ekodisinn jenħtieġ li jagħti kontribuzzjoni ferm aktar sinifikanti lill-ekonomija ċirkolari, pereżempju billi jittratta b’mod aktar sistematiku l-kwistjonijiet tal-effiċjenza tal-materjali bħad-durabbiltà u r-riċiklabbiltà.

    Dan il-Pjan ta’ Ħidma jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma tal-Kummissjoni taħt il-qafas tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-2016-2019. Filwaqt li jibni fuq il-ħidma li twettqet fuq il-bażi tal-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma, il-Pjan ta’ Ħidma l-ġdid jippreżenta l-ħidma kontinwa u r-reviżjonijiet li se jitwettqu tal-miżuri eżistenti speċifiċi għall-prodott; jidentifika gruppi ta’ prodotti addizzjonali biex jiġu eżaminati ulterjorament (permezz ta’ studji, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjoni tal-impatt) bil-għan li jiġu informati l-proposti possibbli tal-Kummissjoni għar-rekwiżiti tal-ekodisinn u/jew tat-tikkettar tal-enerġija; u jistabbilixxi kif l-ekodisinn se jikkontribwixxi aħjar għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari. Meħudin flimkien, il-miżuri friski mill-prodotti ġodda f’dan il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn, flimkien mar-reviżjonijiet tal-miżuri eżistenti, għandhom il-potenzjal stmat li jipprovdu total li jaqbeż is-600 TWh (jew 50 Mtoe) ta’ ffrankar tal-enerġija primarja annwali fl-2030. Dan huwa komparabbli mal-konsum tal-enerġija primarja annwali tal-Iżvezja, u huwa ekwivalenti wkoll għal tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 ta’ madwar 100 miljun tunnellata fis-sena fl-2030.

    2.    Ir-Rwol tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn

    Kemm id-Direttiva dwar l-Ekodisinn kif ukoll dik dwar it-Tikkettar Enerġetiku huma direttivi qafas. Dawn jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jistipulaw ir-rekwiżiti vinkolanti speċifiċi għal kull grupp ta’ prodotti 5 Il-prijoritajiet għall-gruppi ta’ prodotti li jridu jiġu investigati skont dan il-qafas huma stabbiliti permezz ta’ Pjanijiet ta’ Ħidma regolari kif previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, li tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tippubblika “pjan ta’ ħidma” li “għandu jispeċifika, għat-tliet snin sussegwenti, lista indikattiva ta’ gruppi ta’ prodotti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala prijoritajiet għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi”.

    Dan il-Pjan ta’ Ħidma ġdid jibni fuq il-ħidma li saret sa minn nofs l-2005 għall-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn tal-2005 6 (perjodu tranżitorju) u fuq l-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma għall-perjodi 2009-2011 7 u 2012-2014 8 .

    3.    Sitwazzjoni attwali

    3.1.    Miżuri ta' implimentazzjoni adottati

    Bħala riżultat tal-prijoritizzazzjoni tax-xogħol imsemmija, il-Kummissjoni nediet studji preparatorji, li rriżultaw fl-adozzjoni ta’ 28 Regolament dwar l-Ekodisinn, 16-il Regolament Delegat dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u 3 Ftehimiet Volontarji rikonoxxuti.

    Barra dan, tnedew madwar 40 mandat ta’ standardizzazzjoni għal dawn il-gruppi ta’ prodotti. Lista ta’ standards armonizzati eżistenti li jappoġġjaw ir-Regolamenti dwar l-Ekodisinn hija disponibbli fuq is-sit web Europa 9 .

    3.2    Ħidma kontinwa

    Il-ħidma fuq għadd ta' gruppi ta’ prodotti prijoritarji identifikati għadha għaddejja fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma u tinsab fi stadji differenti ta’ żvilupp. It-tabella hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali tal-ħidma li għaddejja, kif ukoll tal-iffrankar mistenni, jekk din id-dejta tkun disponibbli 10 .

    Flimkien ma’ dan il-pjan ta’ ħidma, il-Kummissjoni qed tadotta l-miżuri li ġejjin b’potenzjal stmat ta’ ffrankar enerġetiku ta’ aktar minn 100 TWh fis-sena ta’ enerġija primarja ffrankata fl-2030:

    Miżura ta’ ekodisinn għal prodotti tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-arja 11  

    Miżura ta’ ekodisinn 12 u ta' tikkettar enerġetiku 13 dwar it-tolleranzi tal-verifika għat-titjib tal-ittestjar tal-prodotti u t-tnaqqis tal-iskop għal tqarriq

    Rakkomandazzjoni għall-awtoregolamentazzjoni 14 li tipprovdi gwida biex tappoġġja lill-industrija fit-twettiq ta’ ftehimiet volontarji bħala alternattiva għar-regolamentazzjoni.

    Qed issir aktar ħidma, kif ippreżentat fit-tabella hawn taħt:

    Miżura

    Status    

    Iffrankar Mistenni fl-Enerġija Primarja fl-2030 15 (fejn disponibbli; f’TWh fis-sena)

    Refriġerazzjoni kummerċjali

    Il-forum konsultattiv sar fit-2.7.2014

    Il-valutazzjoni tal-impatt iffinalizzata

    48

    Kumpressuri

    Il-forum konsultattiv sar fid-29.09.14

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    5

    Twieqi

    Il-forum konsultattiv sar fit-30.09.15

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    40

    (rekwiżiti dwar it-tikkettar tal-enerġija biss)

    Għodda tal-magni u tagħmir tal-iwweldjar

    Il-forum konsultattiv sar fis-6.05.14

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    9

    (Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-għodda tal-magni għax-xogħol tal-metall; regolamentazzjoni dwar it-tagħmir tal-iwweldjar)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni li jnixxfu u magni tal-ħasil tal-platti professjonali

    Il-forum konsultattiv sar fid-29.11.13

    Il-ħidma ta’ standardizzazzjoni għaddejja

    4

    Servers tal-intrapriżi, ħżin tad-dejta u tagħmir anċillari

    L-istudju preparatorju tlesta fit-08.15

    Sa 43 għal rekwiżiti tal-prodott sħaħ

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Prodotti relatati mal-ilma

    L-istudju preparatorju tlesta fit-12.14 (għadu mhux ippubblikat)

    Sa 70 (u 1900 Mm3 tal-ilma estratt) fl-2025; sa 17 (u 700 Mm3 tal-ilma estratt) fl-2030

    (rekwiżiti dwar it-tikkettar tal-enerġija biss)

    Apparati domestiċi intelliġenti

    L-istudju preparatorju għaddej

    Sistemi/kontrolli tad-dawl

    L-istudju preparatorju għaddej

    Fran u fuklari tal-bajla industrijali u tal-laboratorju

    Il-forum konsultattiv sar fis-16.05.14. Ir-Regolamenti ED/EL mhux se jkunu proposti għalissa (*)

    Kejbils tal-elettriku

    Ir-Regolamenti ED/EL mhux se jkunu proposti għalissa (*)

    Bojlers tal-fwar

    Ir-Regolamenti ED/EL mhux se jkunu proposti għalissa (*)

    (*) Ir-riżultat tal-istudji preparatorji jissuġġerixxi li l-Ekodisinn (ED) u t-Tikkettar tal-Enerġija (EL) ma kinux l-għażliet regolatorji l-aktar adegwati biex jindirizzaw l-effiċjenza fl-enerġija għal dawn il-prodotti, u li strumenti regolatorji oħrajn diġà kienu qed ikopru mill-inqas parti mill-potenzjal eżistenti ta’ ffrankar tal-enerġija.

    3.3.    Reviżjonijiet

    S'issa l-maġġoranza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija għandhom klawżoli ta’ reviżjoni li jridu jitwettqu fis-snin li ġejjin. It-tabella li ġejja tagħti ħarsa ġenerali kkonsolidata tar-Regolamenti li jridu jiġu riveduti sa mhux aktar tard mill-2019, b’indikazzjoni tal-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija, u fejn disponibbli, tas-sinifikat tal-potenzjal tal-iffrankar tar-riżorsi.

    Matul dawn ir-reviżjonijiet, il-Kummissjoni se teżamina kif l-aspetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, bħall-effiċjenza fir-riżorsi, il-riparabbiltà, ir-riċiklabbiltà u d-durabbiltà jistgħu jiġu vvalutati u kkunsidrati meta jiġu riveduti l-miżuri eżistenti.

    Miżura

    Status

    Iffrankar Mistenni fl-Enerġija Primarja fl-2030 (fejn disponibbli; f’TWh fis-sena)

    Televixins (reviżjoni) u displejs elettroniċi

    Il-forum konsultattiv sar fl-10.12.14

    Il-Konsultazzjoni bejn is-Servizzi magħluqa.

    In-notifika tad-WTO għaddejja

    83

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Provvisti tal-elettriku esterni

    Il-forum konsultattiv sar fid-29.04.15 L-intenzjoni hija li jkun hemm allinjament mar-regoli ġodda tal-Istati Uniti.

    6

    Muturi elettriċi

    L-istudju ta’ reviżjoni ġie ffinalizzat f’Lulju 2014

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    75

    Fannijiet

    L-istudju ta’ reviżjoni ġie ffinalizzat f’Marzu 2015

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    25

    Prodotti tad-dawl

    L-istudju ta’ reviżjoni ġie ffinalizzat f’Diċembru 2015

    Il-valutazzjoni tal-impatt għaddejja

    125

    Refriġeraturi u friżers domestiċi

    Ir-reviżjoni għaddejja

    13

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Magni tal-ħasil tal-platti u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li jinkludu magni tal-ħasil u li jnixxfu f'daqqa

    Ir-reviżjonijiet għaddejjin

    11

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Konsum tal-enerġija elettrika fuq modalità ta' stennija u mitfi tat-tagħmir tad-dar u tal-uffiċċju elettriku u elettroniku

    Ir-reviżjoni għaddejja

    Pompi tal-ilma

    Ir-reviżjoni għaddejja

    Ħiters tal-ilma u tankijiet tal-ħażna tal-ilma sħun

    Reviżjoni ta’ ċertu rekwiżiti sa Settembru 2016.

    Vacuum cleaners

    Reviżjoni ta’ rekwiżiti ta' durabbiltà speċifiċi sa Settembru 2016.

    Kompjuters u servers

    Ir-reviżjoni għaddejja

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Ċirkolaturi

    Ir-reviżjoni għaddejja

    Kundizzjonaturi tal-arja u fannijiet għall-użu personali

    Reviżjoni sa April 2017

    Trasformaturi

    Reviżjoni sa Ġunju 2017

    Magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ

    Reviżjoni sa Mejju/Novembru 2017

    Potenzjal importanti ta’ ffrankar ta’ riżorsi

    Vacuum cleaners

    Reviżjoni sa Awwissu 2018

    Bojlers tal-fjuwil solidu

    Reviżjoni sa Awwissu 2018 tar-rekwiżit speċifiku għaċ-ċertifikazzjoni ta’ partijiet terzi

    Ħiters tal-post lokali tal-fjuwil solidu

    Reviżjoni sa Awwissu 2018 tar-rekwiżit speċifiku għaċ-ċertifikazzjoni ta’ partijiet terzi

    Ħiters tal-post u ħiters tal-ilma

    Reviżjoni sa Settembru 2018

    Ħiters tal-post lokali

    Reviżjoni sa Jannar 2019

    Unitajiet tal-ventilazzjoni

    Reviżjoni sa Diċembru 2019

    4.    Lista indikattiva tal-gruppi ta’ prodotti ġodda għall-pjan ta’ ħidma tal-2016-2019

    Bi tħejjija għal dan il-Pjan ta’ Ħidma, il-Kummissjoni nediet studju biex tidentifika kwalunkwe grupp ieħor ta’ prodotti relatati mal-enerġija li jista’ jkollu potenzjal sinifikanti ta’ ffrankar u li ma ġiex inkluż fil-perjodu tranżitorju jew fil-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti. Sussegwentement dan l-abbozz ta’ Pjan ta’ Ħidma kien rivedut mill-ġdid fid-dawl tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari.

    Dan l-istudju ta stima kwantitattiva tal-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija li jirriżulta mit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija globali għal kull grupp ta’ prodotti. Barra dan, mill-perspettiva tal-ekonomija ċirkolari, twettqet valutazzjoni kwalitattiva tal-impatti ambjentali 16 l-oħra msemmija fid-Direttiva dwar l-Ekodisinn, kif ukoll valutazzjoni tal-kopertura regolatorja eżistenti ta’ dawn l-impatti ambjentali. Ir-rapporti finali għall-kompiti differenti fl-istudju huma disponibbli fuq sit web iddedikat 17 .

    Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Forum Konsultattiv, kif meħtieġ mill-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, biex tikkunsidra l-kummenti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fl-istabbiliment ta’ dan il-pjan ta’ ħidma u l-lista indikattiva tal-gruppi ta’ prodotti 18 .

    Il-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija tal-bqija tal-prodotti relatati mal-enerġija identifikati mill-istudju huwa għal ċertu prodotti aktar baxx minn dak għal dawk identifikati fil-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti. Għalhekk, b’mod parallel mar-reviżjoni tar-Regolamenti eżistenti, il-Kummissjoni se tniedi studji ddedikati għal dawk il-prodotti mill-istudju msemmi hawn fuq li għandhom l-aktar potenzjal ta’ ffrankar.

    Sistemi ta’ Awtomatizzazzjoni u Kontroll tal-Bini

    Ktieli elettriċi

    Magni tat-tnixxif tal-idejn

    Liftijiet

    Pannelli solari u invertituri

    Kontejners tar-refriġerazzjoni

    Magni tat-tindif bi pressjoni għolja 19

    Il-gruppi ta’ prodotti identifikati hawn fuq se jkunu soġġetti għal studji preparatorji li jinvestigaw f’aktar dettall il-potenzjal għal titjib ambjentali, inklużi l-aspetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari kif stabbilit fil-Kapitolu 5, u jipprovdu l-elementi għall-identifikazzjoni tal-għażliet ta’ politika fil-valutazzjonijiet tal-impatt sussegwenti.

    Fit-tħejjija tal-miżuri ta’ implimentazzjoni possibbli li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-ekodisinn jew tat-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti relatati mal-enerġija msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni hija marbuta bil-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15.5 tad-Direttiva. Barra dan, trid tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi evitata kull dupplikazzjoni possibbli tar-Regolamenti tal-UE eżistenti li diġà japplikaw għal dawn il-prodotti. B’mod partikolari, l-ebda miżura tal-Ekodisinn mhi se tiġi proposta għas-Sistemi ta’ Kontroll Awtomatizzati tal-Bini, jekk jitqies li l-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fil-bini jista’ jitwassal aħjar permezz ta’ bidliet fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u/jew id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija. Sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni bla bżonn, mhi se tiġi proposta l-ebda miżura ta’ Ekodisinn jekk il-parti l-kbira tal-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija fil-liftijiet ikun diġà rifless permezz ta’ regolamenti oħrajn dwar l-Ekodisinn dwar il-komponenti tagħhom, bħar-regolamentazzjoni dwar il-muturi elettriċi.

    Minħabba l-ispeċifiċità tagħhom, qed tiġi proposta linja separata għall-prodotti tal-ICT (li mhumiex inklużi fil-gruppi ta’ prodotti ta’ hawn fuq), li se tqies bis-sħiħ ukoll il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari tagħhom, li huwa partikolarment rilevanti fil-każ tal-mowbajls /smart phones.

    Kien diffiċli ħafna li ssir stima affidabbli tal-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija tal-prodotti tal-ICT, minħabba l-inċertezza dwar l-iżviluppi tas-suq fil-futur. Barra dan, għas-setturi tal-prodotti tal-ICT li qed javvanzaw b’mod mgħaġġel, qamu dubji dwar l-adegwatezza tal-proċess tal-ekodisinn/tat-tikkettar enerġetiku (li jdum bħala medja madwar 4 snin) għall-istabbiliment tal-kriterji minimi tal-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi. Fl-istess ħin, il-ftehimiet volontarji li ġew rikonoxxuti għal ċerti gruppi ta’ prodotti elettroniċi (jiġifieri tagħmir tal-immaġini, konsowls tal-logħob u kaxxi tad-dekowder kumplessi) bħala alternattivi għall-miżuri regolatorji, mhux dejjem iħaffu iżjed il-kisba tal-objettivi tal-ekodisinn. Barra dan, il-Ftehim Energy Star bejn l-UE u l-Istati Uniti li skontu ż-żewġ ġurisdizzjonijiet stabbilew l-istess rekwiżiti ta’ effiċjenza volontarja għat-tagħmir tal-uffiċċju, irid jiġi rivedut qabel ma jiskadi fl-2018. Fl-aħħar nett, iż-żieda fil-konnettività tal-prodotti – kemm jekk fid-dar kif ukoll fl-industrija – u l-introduzzjoni tal-apparati intelliġenti kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-effiċjenza globali tas-sistemi, jeħtieġu kunsiderazzjoni bir-reqqa.

    Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni se tniedi valutazzjoni aktar profonda tal-prodotti tal-ICT li ġejjin bil-għan li dawn jiġu possibbilment inklużi fil-pjan ta’ ħidma tal-ekodisinn:

    gateways (tagħmir tan-netwerk tad-dar)

    mowbajls/smart phones

    stazzjonijiet bażi

    Dan se jippermetti li jiġi determinat l-aħjar approċċ ta’ politika għat-titjib tal-aspetti tal-effiċjenza fl-enerġija tagħhom u dak tal-ekonomija ċirkolari usa’. Iddisplejs tas-sinjalar u ċ-ċarġers bla fili se jiġu kkunsidrati fil-ħidma li għaddejja dwar ir-reviżjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-ekodisinn eżistenti għat-televixins u l-provvisti tal-elettriku esterni rispettivament.

    5.    Kontribut għall-Ekonomija Ċirkolari

    Il-possibbiltà ta’ tiswija, manifattura mill-ġdid jew riċiklaġġ ta’ prodott u tal-komponenti u l-materjali tiegħu tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq id-disinn inizjali tal-prodott. Għalhekk huwa kruċjali li dawn l-aspetti jingħataw kunsiderazzjoni meta jiġu investigati l-miżuri possibbli ta’ implimentazzjoni tal-Ekodisinn. Il-fokus s’issa kien fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti anke jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-effiċjenza fir-riżorsi kienu parti mid-Direttiva sa mill-adozzjoni oriġinali tagħha fl-2005, u kienu introdotti għal ċertu gruppi ta’ prodotti bi kriterji li jikkonċernaw pereżempju l-użu tal-ilma u d-durabbiltà.

    B’dan il-pjan ta’ ħidma l-ġdid, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-prodotti u/jew rekwiżiti orizzontali fl-oqsma bħad-durabbiltà (eż. it-tul ta’ ħajja minimu tal-prodotti jew tal-komponenti kritiċi), ir-riparabbiltà (eż. id-disponibbiltà ta’ parts tal-bdil u manwali tat-tiswija, id-disinn għat-tiswija), it-titjib tal-kwalità, id-disinn għaż-żarmar (eż. kif jitneħħew faċilment ċertu komponenti), l-informazzjoni (eż. l-immarkar tal-partijiet tal-plastik) u l-faċilità ta’ riutilizzazzjoni u riċiklaġġ (eż. li jiġu evitati plastiks li mhumiex kompatibbli), l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u emissjonijiet oħrajn, u li tiġi stabbilita ulterjorament il-bażi xjentifika għall-iżvilupp ta’ kriterji korrispondenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn. Dan se jitwettaq kemm għall-gruppi ta’ prodotti ġodda identifikati fil-Kapitolu 4 kif ukoll għar-reviżjonijiet li ġejjin tal-miżuri eżistenti speċifiċi għall-prodotti elenkati fil-Kapitolu 3 b’kunsiderazzjoni tal-benefiċċji u tal-ispejjeż stmati tal-miżuri proposti kif ukoll l-Anness II tad-Direttiva, li skontu, ir-rekwiżiti għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti jridu jevitaw it-telf sinifikanti tal-prestazzjoni jew tal-utilità għall-konsumaturi. Barra dan, kull rekwiżit jeħtieġ li jkun verifikabbli u infurzabbli.

    B’mod partikolari, il-marġni għat-titjib fl-iżvilupp ta’ rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali fir-Regolamenti dwar il-prodotti jrid jiġi investigat b’mod aktar sistematiku. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni se tiżviluppa “sett ta’ għodod” għall-ekodisinn tal-ekonomija ċirkolari, pereżempju fil-forma ta’ gwida għall-inklużjoni tal-aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi u fil-materjali għall-gruppi ta’ prodotti ġodda u għar-reviżjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni eżistenti. Abbażi ta’ analiżi fil-fond, dan is-sett ta’ għododjipprovdi eżempji konkreti ta’ kif dawn l-aspetti jistgħu jiġu introdotti fir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodotti jew fir-rekwiżiti orizzontali.

    Il-Kummissjoni se ttejjeb ukoll il-bażi metodoloġika għall-adozzjoni aktar sistematika tar-rekwiżiti relatati mal-effiċjenza fil-materjali fir-Regolamenti dwar il-prodotti, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk li jridu jiġu riveduti. Għal dan il-għan ġiet adottata t-talba ta’ standardizzazzjoni lill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni dwar aspetti ta’ effiċjenza tal-materjali 20 . Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-talba jkopri primarjament l-aspetti li ġejjin:

    L-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodotti

    Il-kapaċità li l-komponenti jintużaw mill-ġdid jew li jiġu riċiklati l-materjali mill-prodotti fit-tmiem tal-ħajja tagħhom

    L-użu tal-komponenti użati mill-ġdid u/jew tal-materjali riċiklati fil-prodotti

    L-istandards li jridu jiġu preparati skont it-talba ta’ standardizzazzjoni msemmija se jkunu ġenerali fin-natura tagħhom u se jgħinu fl-iżvilupp ta’ standards speċifiċi għall-prodotti u/jew standards orizzontali, li se jappoġġjaw rekwiżiti eventwali relatati mal-aspetti tal-effiċjenza tal-materjali, bħar-riparabbiltà jew ir-riċiklabbiltà.

    Il-ħidma li għaddejja fuq l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti se tikkontribwixxi wkoll għal dan l-objettiv.

    6.    Sorveljanza tas-Suq u Kooperazzjoni Internazzjonali

    Huwa stmat li bejn 10 % u 25 % tal-prodotti fis-suq ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija. B'riżultat ta’ dan, madwar 10 % tal-iffrankar tal-enerġija previst qed jintilef. F’termini assoluti, dan jikkorrispondi għal madwar 17-il Mtoe ta' enerġija primarja fis-sena. Dan iqarraq ukoll bil-konsumaturi, li jistgħu jiffaċċjaw kontijiet tad-dawl ogħla. L-Istati Membri huma responsabbli mis-sorveljanza tas-suq u, għalkemm kien hemm titjib sinifikanti fl-attivitajiet tal-infurzar tal-aħħar snin, għad fadal xi jsir biex jonqos l-għadd ta’ prodotti mhux konformi fis-suq tal-UE.

    Biex ittejjeb l-infurzar, il-Kummissjoni diġà tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq permezz tal-gruppi ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva (“ADCO”) dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta’ sorveljanza komuni ddedikati, bħall-proġett “Eepliant” iffinanzjat mill-UE u se jkompli jiġi ffinanzjat anke fil-futur. Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar it-tolleranzi tal-verifiki, imsemmija taħt il-punt 3.2, kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar it-tikkettar tal-enerġija li bħalissa hija soġġetta għal negozjati interistituzzjonali, 21 se jtejbu wkoll l-infurzar.

    L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-mexxejja dinjin fl-iżvilupp tar-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija u tat-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti. Ħafna pajjiżi oħra jsegwu approċċi simili filwaqt li r-regolamenti tagħna u l-format tat-tikketta A-G għandhom influwenza internazzjonali. Barra dan, l-UE għandha rwol importanti fl-istandardizzazzjoni internazzjonali.    Dawn l-isforzi huma importanti għan-negozji Ewropej, għaliex jappoġġjaw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali aktar uniformi, inaqqsu l-ispejjeż ta' konformità u joħolqu opportunitajiet barra mill-pajjiż.

    Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tkun involuta f'ġurisdizzjonijiet oħrajn biex tistinka lejn aktar konverġenza globali fl-istandards, fil-metodi ta' ttestjar u, jekk possibbli, fir-rekwiżiti minimi, pereżempju permezz ta' standardizzazzjoni internazzjonali, ftehimiet speċifiċi għall-prodotti, jew bħala parti minn ftehimiet kummerċjali bilaterali.

    7.    Prospettiva

    Fis-snin li ġejjin il-Kummissjoni qed tippjana li taħdem fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

    (1)Tiffinalizza l-ħidma regolatorja li għaddejja fuq il-prodotti identifikati fil-pjanijiet ta’ ħidma preċedenti

    (2)Twettaq ir-reviżjoni tal-miżuri eżistenti identifikati fil-Kapitolu 3

    (3)Tibda studji preparatorji għall-gruppi ta’ prodotti identifikati fil-Kapitolu 4

    (4)Issaħħaħ il-kontribuzzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għal ekonomija aktar ċirkolari

    (5)Tiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri fuq is-sorveljanza tas-suq biex tikseb infurzar aħjar tar-Regolamenti eżistenti

    (6)Issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali biex tiffaċilita l-konverġenza ulterjuri tal-metodi ta' ttestjar u ta' kejl, u, jekk possibbli, ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    (1)

    L-Istrateġija dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2020: KUMM(2010) 639 finali; L-Istrateġija dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030: COM(2014) 15 final.

    (2)

    “Ecodesign Impact Accounting Study”, VHK, 2014.

    (3)

    COM(2015) 80 final.

    (4)

    Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari COM (2015) 614/2 adottat fit-2.12.2015.

    (5)

    Għal ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni eżistenti, ara: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/list_of_enegy_labelling_measures.pdf  

    https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/list_of_ecodesign_measures.pdf

    (6)

    ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29-58.

    (7)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Twaqqif tal-pjan ta’ ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn (KUMM/2008/0660 finali).

    (8)

      http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/documents/eco-design/working-plan/files/comm-swd-2012-434-ecodesign_en.pdf  

    (9)

      http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/mandates/  

    (10)

    B’konformità mal-prattika ta’ valutazzjoni tal-impatt eżistenti għall-gruppi ta’ prodotti tal-Ekodisinn, qed jitqies li huwa meħtieġ livell globali ta’ effiċjenza tal-konverżjoni tal-ġenerazzjoni tal-impjanti tal-enerġija tal-elettriku madwar l-Ewropa ta’ 40 % (jiġifieri, 2.5 Mtoe ta’ fjuwil li jużaw l-Enerġija Primarja [gass, żejt, faħam, eċċ.] għal kull 1 Mtoe ta’ elettriku ġġenerat, u li l-konsumaturi aħħarin iridu jħallsu għalih).

    (11)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tisħin tal-arja, għall-prodotti tat-tkessiħ, għaċ-ċillers ta’ proċessi ta’ temperatura għolja u għall-fannijiet konvetturi. [C(2016) 7769 final].

    (12)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1275/2008, (KE) Nru 107/2009, (KE) Nru 278/2009, (KE) Nru 640/2009, (KE) Nru 641/2009, (KE) Nru 642/2009, (KE) Nru 643/2009, (UE) Nru 1015/2010, (UE) Nru 1016/2010, (UE) Nru 327/2011, (UE) Nru 206/2012, (UE) Nru 547/2012, (UE) Nru 932/2012, (UE) Nru 617/2013, (UE) Nru 666/2013, (UE) Nru 813/2013, (UE) Nru 814/2013, (UE) Nru 66/2014, (UE) Nru 548/2014, (UE) Nru 1253/2014, (UE) 2015/1095, (UE) 2015/1185, (UE) 2015/1188, (UE) 2015/1189 u (UE) 2016/XXX [C(2016) 7769 final] fejn jidħol l-użu tat-tolleranzi fil-proċeduri ta’ verifika. [C(2016)7767final]

    (13)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1059/2010, (UE) Nru 1060/2010, (UE) Nru 1061/2010, (UE) Nru 1062/2010, (UE) Nru 626/2011, (UE) Nru 392/2012, (UE) Nru 874/2012, (UE) Nru 665/2013, (UE) Nru 811/2013, (UE) Nru 812/2013, (UE) Nru 65/2014, (UE) Nru 1254/2014, (UE) Nru 2015/1094, (UE) Nru 2015/1186 u (UE) Nru 2015/1187 dwar l-użu tat-tolleranzi fil-proċeduri ta’ verifika. [C(2016)7765 final].

    (14)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għall-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni konklużi mill-industrija skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. [C(2016)7770 final].

    (15)

    Għajr prodotti relatati mal-Ilma, li għalihom huma inklużi ċ-ċifri tal-iffrankar tal-2025 u tal-2030.

    (16)  Inkluż il-konsum tal-ilma fil-fażi tal-użu; l-oġġetti għall-konsum (eż. deterġenti); il-preżenza ta’ materja prima kritika, ritardanti tal-fjammi, plastifikanti (ftalati), jew sustanzi tossiċi oħra; il-preżenza ta’ gassijiet-F; ir-radjazzjoni; is-sikurezza (tnixxija ta’ fjuwil, vibrazzjonijiet, eċċ.); is-saħħa (l-iġjene, il-livelli tal-ħoss, eċċ); id-durabbiltà (il-riutilizzazzjoni, it-titjib tal-kwalità, ir-riparabbiltà, eċċ.); it-tmiem tal-ħajja (ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat); u l-emissjonijiet diretti fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija.
    (17)

    Ara: http://www.ecodesign-wp3.eu/documents  

    (18)

    Il-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn li sar fit-28.10.2015.

    (19)

    Huwa previst li t-tikkettar tal-enerġija biss jista' jinżamm mill-għażliet ta’ politika disponibbli, għaliex il-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija ma jidhirx li jiġġustifika l-għażla tal-ekodisinn.

    (20)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9096 adottata fis-17.12.2015.

    (21)

    COM(2015) 341 final.

    Top