Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0169

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-formuli tat-tfal żgħar

    COM/2016/0169 final

    Brussell, 31.3.2016

    COM(2016) 169 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-formuli tat-tfal żgħar

    {SWD(2016) 99 final}


    WERREJ

    1.Introduzzjoni

    2.Is-suq tal-UE għall-formuli tat-tfal żgħar

    2.1Il-preżenza u l-kompożizzjoni tal-prodotti

    2.2Id-daqs u l-valur tas-suq, il-prezzijiet u l-istruttura tas-suq

    2.3Il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-formuli tat-tfal żgħar

    3.Il-preċezzjoni u l-imġiba tal-konsumaturi

    4.Il-qafas legali applikabbli għall-formuli tat-tfal żgħar

    5.Il-parir xjentifiku tal-EFSA dwar il-formuli tat-tfal żgħar

    6.Sommraju tal-kwistjonijiet relatati mal-formuli tat-tfal żgħar

    7.Sommarju tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u l-partijiet interessati

    8.Konklużjonijiet



    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-formuli tat-tfal żgħar

    1.Introduzzjoni

    Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu stabbilit għall-Kummissjoni mill-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ("Ir-Regolament dwar Ikel għal Gruppi Speċifiċi", jew "ir-Regolament FSG") 1 .

    L-Artikolu 12 jitlob lill-Kummissjoni biex wara li tikkonsulta mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa, jekk ikun il-każ, ta' dispożizzjonijiet speċjali għal xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u prodotti simili maħsubin għat-tfal żgħar.

    Dan ir-rapport jibni fuq żewġ Opinjonijiet Xjentifiċi tal-EFSA 2 , studju tas-suq imwettaq għall-EFSA 3 u konsultazzjoni estensiva mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mal-partijiet interessati. Jakkumpanjah hemm Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD) b'iktar informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet tiegħu.

    2.Is-suq tal-UE għall-formuli tat-tfal żgħar 4

    2.1Il-preżenza u l-kompożizzjoni tal-prodotti

    Il-formuli tat-tfal żgħar mhumiex definiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn jistgħu jiġu deskritti bħala xarbiet ibbażati fuq il-proteini u pproċessati/ifformulati speċifikament bil-ħsieb li jilħqu r-rekwiżiti nutrittivi tat-tfal bejn sena (1) u tliet (3) snin 5 . Filwaqt li manifatturi mhumiex ħafna, fis-suq tal-UE jeżistu mijiet ta' formuli tat-tfal żgħar. L-għadd ta' prodotti għal kull Stat Membru jista' jvarja ġmielu.

    Il-kontenut enerġetiku u l-kompożizzjoni tal-formuli tat-tfal żgħar ivarjaw 6 . Ħafna drabi l-ħalib tal-baqra jintuża bħala sors tal-proteina 7 iżda normalment il-kontenut tal-proteina tal-prodott ikun inqas minn dak fil-ħalib tal-baqra u, ħafna drabi, ikun fil-firxa permessa bil-leġiżlazzjoni għall-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment 8 . Il-formuli tat-tfal żgħar huma mqawwin b'għadd ta' mikronutrijenti (eż. ħadid, vitamina D), aċidi grassi poliinsaturati (eż aċidu alfalinoleniku (ALA)) u sustanzi oħrajn (eż. taurine) li jinsabu b'mod komuni fil-formuli tat-trabi u fil-formuli tal-prosegwiment u li ħafna drabi ma jinstabux (jew jinstabu f'ammonti aktar baxxi) fil-ħalib tal-baqra. Il-formuli tat-tfal żgħar jista' jkun fihom zokkrijiet differenti (eż. L-lattożju, is-sukrożju, il-glukożju u l-maltożju), kultant għasel u xi drabi aromatizzanti (eż. vanilla).

    2.2Id-daqs u l-valur tas-suq, il-prezzijiet u l-istruttura tas-suq

    Is-suq tal-formuli tat-tfal żgħar kważi kiber f'kull pajjiż rivedut matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2012. Fl-2012 id-daqs tas-suq tal-konsumaturi jista' jiġi stmat li jaqbeż it-42 000 tunnellata filwaqt li l-valur tas-suq tal-konsumaturi jaqbeż il-€500 miljun 9 .

    Il-prezz tal-formuli tat-tfal żgħar ivarja fost l-Istati Membri skont bosta parametri, bħar-rwol tad-distributuri u t-taxxi. Il-prezz tagħhom huwa simili għal dak tal-formuli tat-trabi jew tal-formuli tal-prosegwiment (jew ftit inqas minnu) iżda ogħla minn dak tal-ħalib tal-baqra jew tal-ħalib imqawwi 10 . Il-formuli tat-tfal żgħar huma mqassmin skont il-kanali differenti (il-bejjiegħa bl-imnut, il-ħwienet speċjalizzati, is-siti web u l-ispiżeriji) u l-prezzijiet fl-ispiżeriji għandhom tendenza li jkunu ftit ogħla minn dawk fis-supermarkets.

    Is-suq tal-formuli tat-tfal żgħar jinqasam fost għadd żgħir ta' manifatturi. Il-prodotti jiġu manifatturati fi ftit Stati Membri u fl-Iżvizzera u jiġu nnegozjati fil-bqija tal-UE u f'pajjiżi terzi. Il-manifatturi tal-UE huma minn ta' quddiem nett fix-xena globali 11 .

    2.3Il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-formuli tat-tfal żgħar 12

    L-aktar denominazzjoni li tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-formuli tat-tfal żgħar fl-UE hija "ħalib biex jikbru" ("growing-up milk"). Fost id-denominazzjonijiet l-oħra li jintużaw hemm "ħalib at-trabi li telqu jimxu" (toddlers' milk) jew "xarba bbażata fuq il-ħalib għat-tfal żgħar" (milk-based drink for young children) 13 .

    Il-formuli tat-tfal żgħar huma kkumerċjalizzati bħala prodotti fformulati b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet nutrizzjonali tat-tfal żgħar. Dikjarazzjonijiet li jintużaw huma dawk ġeneriċi dwar ir-rwol/l-adegwatezza tal-prodotti fil-kontribut għall-iżvilupp b'saħħtu tat-tfal żgħar, u ħafna drabi l-prodotti jiġu ppreżentati bħala prodotti li għandhom rwol ċentrali fil-kontribut sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet nutrizzjonali tat-tfal żgħar u dwar id-diffikultà biex jiksbu dawn il-ħtiġijiet b'dieta normali mingħajr dawn il-prodotti. Is-superjorità nutrizzjonali għall-ħalib tal-baqar tintuża spiss bħala argument għall-kummerċjalizzazzjoni (eż. "fih 40 darba iżjed ħadid mill-ħalib tal-baqar").

    F'dan il-kuntest qed jintużaw bosta dikjarazzjonijiet varji dwar in-nutrizzjoni li jiddeskrivu l-ingredjenti miżjuda mal-prodott u li jkunu meqjusin ta' benefiċċju għat-tfal żgħar (eż. "fih vitamina D" jew "omega-3 miżjuda") jew nutrijenti li l-prodott ikun fih bi proporzjon imnaqqas, biex ikun adattat aktar għat-tfal żgħar (eż. "proteina mnaqqsa"). Jintużaw ukoll indikazzjonijiet awtorizzati dwar is-saħħa għal ingredjenti speċifiċi u li jirreferu għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal, filwaqt li ssir enfasi fuq dawk in-nutrijenti mejqusin kruċjali għat-tfal żgħar (eż. "il-ħadid jikkontribwixxi għal żvilupp konjittiv normali tat-tfal).

    Il-formuli tat-tfal żgħar huma kkumerċjalizzati għal tfal minn sena (1) u tliet (3) snin jew xi drabi għal sottogruppi idjaq (bejn sena (1) u sentejn (2) u bejn sentejn (2) u tliet (3) snin). Id-distinzjoni bejn il-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment hija żgurata bid-denominazzjoni tal-prodott (eż. "ħalib tat-trabi li telqu jimxu" (toddlers' milk)), b'indikazzjoni fuq it-tikkettta tal-gruppi tal-età (eż. "+1") jew tan-numri korrispondenti ("1" għall-formuli tat-trabi, "2" għall-formuli ta' prosegwiment, "3" u "4" għall-formuli tat-tfal żgħar) u/jew b'kuluri/disinji differenti fuq it-tikketta.

    3.Il-preċezzjoni u l-imġiba tal-konsumaturi

    Madwar l-UE, il-prattiki tat-tmigħ tat-tfal żgħar ivarjaw ferm, minħabba d-differenzi soċjoekonomiċi u kulturali, id-differenzi fir-rakkomandazzjonijiet mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet nazzjonali u minħabba l-prodotti disponibbli.

    Mil-lat ġenerali, jista' jiġi rraportat 14 li fl-Istati Membri, it-treddigħ jonqos ġmielu t-trabi jkollhom aktar minn sena, kemm mil-lat ta' rata u anki fejn jidħol il-frekwenza. Il-prodotti tal-formuli qed jikkompetu mal-ħalib tal-baqar fid-dieta tat-tfal żgħar, u jeżistu d-differenzi fil-preferenzi skont l-Istat Membru. Ġeneralment il-konsum tal-formula tat-tfal żgħar jilħaq il-milja fost it-tfal żgħar ta' bejn it-12 u t-18-il xahar u wara jonqos. Fl-istess ħin tista' tiġi osservata żieda korrispondenti fil-konsum tal-ħalib tal-baqra.

    Is-sorsi differenti ta' informazzjoni jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-ġenituri u tal-kuraturi dwar il-formuli tat-tfal żgħar, li jinkludu mhux biss it-tikkettar u r-reklamar tal-prodotti, iżda anki l-pariri tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u tal-familja u l-ħbieb li jkunu diġà għaddew minn dawn l-esperjenzi. L-iktar argumenti komuni li semmew il-ġenituri u l-kuraturi fejn jidħol l-użu tal-formuli tat-tfal żgħar huma l-adegwatezza għall-ħtiġijiet nutrizzjonali tat-tfal żgħar u s-superjorità għall-ħalib tal-baqar.

    F'ċerti Stati Membri, il-konsum tal-formuli tat-tfal żgħar jirrakkomandawh l-awtoritajiet nazzjonali/professjonisti tal-kura tas-saħħa minħabba raġunijiet prattiċi (jiġifieri d-diffikultà li b'dieta diversifikata jintlaħqu d-dożi adegwati għan-nutrijenti kollha). Fi Stati Membri oħra, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet nazzjonali jippreferu jirrakkomandaw il-konsum tal-ħalib tal-baqra, fil-kuntest ta' dieta bilanċjata (xi drabi flimkien mas-supplimentazzjoni).

    4.Il-qafas legali applikabbli għall-formuli tat-tfal żgħar

    Sad-19 ta’ Lulju 2016 id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 (li tirriproduċi fil-biċċa l-kbira l-leġiżlazzjoni adottata fl-1989) tistabbilixxi r-regoli dwar l-oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu nutrizzjonali partikolari (l-hekk imsejjaħ "ikel dijetetiku"). Din id-Direttiva tiddefinixxi l-ikel dijetetiku bħala "oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li, minħabba l-kompożizzjoni speċjali jew proċess ta’ manifattura tagħhom, jingħarfu b’mod ċar minn oġġetti tal-ikel għall-konsum normali, li huma adegwati għall-għanijiet espressi tagħhom ta’ nutriment u li huma mqiegħda fis-suq b’tali mod li jindikaw tali adegwatezza" (l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva). Id-Direttiva ma fihiex lista eżawrjenti ta' kategoriji tal-prodotti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ikel dijetetiku u llum 17-il Stat Membru u n-Norverġja jikklassifikaw il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel djetetiku 16 , abbażi tad-definizzjoni mogħtija hawn fuq. Minħabba f'hekk dawn il-prodotti jridu jkunu konformi mar-regoli tad-Direttiva 2009/39/KE, l-aktar mar-regola ġenerali li tistipula li n-natura jew il-kompożizzjoni ta' dawn il-prodotti "għandha tkun tali li l-prodotti jkunu adegwati għal użu maħsub ta’ nutriment partikolari" (l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva). Dawn għandhom ikunu konformi wkoll mar-rekwiżiti obbligatorji tat-tikkettar, pereżempju li jindikaw l-adegwatezza għall-iskop intiż (l-Artikolu 9 tad-Direttiva), u għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu tqiegħdu fis-suq (l-Artikolu 11 tad-Direttiva). Għaxar (10) Stati Membri ma jikklassifikawx il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel dijetetiku 17 .

    Fl-2011 il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva biex tissimplifika l-qafas legali applikabbli għall-ikel dijetetiku 18 . Il-proposta bil-għan li tabolixxi l-kunċett skadut tal-"ikel dijetetiku", tirrevoka d-Direttiva 2009/39/KE u tibdilha b'qafas ġdid li jkopri l-ikel għal ċerti gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni li għalihom kienu meħtieġa regoli speċifiċi.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw il-proposta fil-forma emendata (ir-Regolament FSG), u żammew il-formuli tat-tfal żgħar 'il barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament madankollu ddeċidew li jitolbu lill-Kummissjoni biex tkompli tanalizza f'rapport jekk hemmx bżonn dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawn il-prodotti.

    Ir-Regolament FSG se jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2016. Dakinhar id-Direttiva 2009/39/KE se tiġi revokata u l-formuli tat-tfal żgħar li llum jitqiegħdu fis-suq bħala "ikel dijetetiku" se jiġu klassifikati bħala ikel normali, imqawwi b'ċerti nurtijenti u mmirat għal sottogrupp speċifiku tal-popolazzjoni (jiġifieri it-tfal żgħar), kif diġà jiġri f'għaxar (10) Stati Membri li ma jikklassifikawx il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel djetetiku.

    Skont il-qafas legali l-ġdid, il-formuli tat-tfal żgħar jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 u jridu jkunu konformi mar-regoli ta' dan ir-Regolament (eż. dwar iż-żieda tal-vitamini u tal-minerali u dwar it-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar). L-Artikolu 15 tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri biex jistabbilixxu obbligi ta' notifika għall-manifatturi sabiex jissorveljaw is-suq.

    Il-formuli tat-tfal żgħar jeħtieġ ikunu konformi wkoll mar-regoli l-oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li japplikaw għall-ikel kollu. Pereżempju l-formuli tat-tfal żgħar għandhom ikunu sikuri f'konformi mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 . L-addittivi tal-ikel, ir-residwi tal-pestiċidi u s-sustanzi l-ġodda fil-formuli tat-tfal żgħar għandhom jikkonformaw rispettivament mar-regoli tar-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 21 , (KE) Nru 396/2005 22 u (KE) Nru 258/97 23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-formuli tat-tfal żgħar iridu jipprovdu informazzjoni dwar l-ikel, inkluża dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, f'konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 u jistgħu juru biss indikazzjonijiet speċifiċi dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li huma awtorizzati fil-livell tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 . Dikjarazzjonijiet bħal dawn għandhom jintużaw b'konformi mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu kif ukoll mal-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. B'mod partikolari, l-Artikolu 3 tar-Regolament jipprojbixxi l-użu ta' dikjarazzjonijiet qarrieqa kif ukoll ta' dikjarazzjonijiet li jagħtu lok għal dubju dwar is-sikurezza u/jew dwar l-adegwatezza nutrittiva ta' ikel ieħor. L-Artikolu 4(1) jipprevedi li: "l-ikel jew ċerti kategoriji tal-ikel għandhom ikunu konformi ma' [profili nutrittivi] sabiex ikunu jistgħu juru stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa (…)" 26 . L-Artikolu 10(3) jipprevedi li r-referenzi għall-benifiċċji ġenerali tal-ikel għal saħħa tajba ġenerali jistgħu jsiru biss jekk ikunu akkumpanjati minn indikazzjonijiet iktar speċifiċi dwar is-saħħa.

    Ir-regoli nazzjonali dwar il-formuli tat-tfal żgħar jeżistu biss fi Franza u ġew adottati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fuq l-ikel dijetetiku 27 .

    5.Il-parir xjentifiku tal-EFSA dwar il-formuli tat-tfal żgħar

    Bi tħejjija għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea talbet il-parir xjentifiku tal-EFSA. Fl-opinjoni tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2013 28 , l-EFSA kkonkludiet li l-formuli tat-tfal żgħar huma wieħed mill-mezzi li jżidu l-konsum tal-aċidi grassi poliinsaturati n-3, tal-ħadid u tal-vitamina D fit-trabi u fit-tfal żgħar (dawn ġew identifikati mill-EFSA bħala nutrijenti, flimkien mal-jodju, f'riskju ta' inadagwatezza għal xi trabi u tfal żgħar fl-UE).

    Madankollu l-EFSA żżid li jeżistu alternattivi effiċjenti oħra biex jiżdied il-konsum ta' dawn in-nutrijenti, fosthom il-ħalib imqawwi tal-baqar, iċ-ċereali mqawwin u l-ikel ibbażat fuq iċ-ċereali, supplimenti jew l-introduzzjoni bikrija ta' laħam jew ħut fi tmigħ kumplimentarju u li jibqgħu jiġu kkonsmati b'mod regolari. Għalhekk l-EFSA tikkonkludi li ma jista' jiġi identifikat l-ebda rwol uniku tal-formuli tat-tfal żgħar, u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu meħtieġa biex jintlaħqu r-rekwiżiti nutrizzjonali tat-tfal żgħar meta mqabblin ma' ikel ieħor li jista' jiġi inkluż fid-dieta normali tagħhom.

    Fl-opinjoni tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2014 29 , l-EFSA osservat ukoll li dawk il-formuli kkonsmati fl-ewwel sena tal-ħajja jistgħu jkomplu jintużaw mit-tfal żgħar u għalhekk dehrilha li ma kienx hemm bżonn jiġu proposti kriterji ta' kompożizzjoni speċifiċi għall-formuli tat-tfal żgħar.

    6.Sommraju tal-kwistjonijiet relatati mal-formuli tat-tfal żgħar

    Kif deskritt fit-taqsimiet ta' qabel, il-formuli tat-tfal żgħar huma mifruxin fl-UE. Is-suq tal-UE għal dawn il-prodotti qed jikber u s'issa ċ-ċirkolazzjoni libera fis-Suq Intern kienet effiċjenti. Il-manifatturi tal-UE jinsabu fost dawk ta' quddiem nett fix-xena globali u f'dan il-kuntest bħalissa l-Codex Alimentarius qed jagħmel reviżjoni ta' STAN 156-1987 30  biex ikun jinkludi wkoll ir-regoli riveduti għall-formuli tat-tfal żgħar.

    Mil-lat nutrizzjonali, il-formuli tat-tfal żgħar mhumiex meħtieġa iżda huma wieħed mill-mezzi biex jiżdied il-konsum ta' ċerti nutrijeni f'riskju ta' inadegwatezza għal uħud mit-tfal żgħar fl-UE. Ma ġiet rappurtata l-ebda kwistjoni ta' sikurezza fejn jidħlu l-formuli tat-tfal żgħar fl-UE, u ġeneralment il-kontenut ta' nutrijenti differenti f'dawn il-prodotti jkun fil-parametri tal-konċentrazzjonijiet permessi fil-formuli tal-prosegwiment. Madankollu xi formuli tat-tfal żgħar jaf ikun fihom sustanzi (eż. zokkrijiet, aromatizzanti) f'ammonti li ġeneralment ma jkunux rakkomandati għat-tfal żgħar (meta wieħed iżomm f'moħħu r-rwol tal-konsum taz-zokkrijiet fl-iżvilupp tal-obeżità, jew l-impatt taz-zokkrijiet jew tal-aromatizzanti fuq l-iżvilupp tas-sens tat-togħma tat-tfal żgħar). Oħrajn jaf ma jkollhomx in-nutrijenti identifikati mill-EFSA bħala dawk li jinsabu f'riskju ta' konsum inadegwat għat-tfal żgħar, jew li fihom nutrijenti li għalihom m'hemmx riskju bħal dan.

    Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati bil-qafas regolatorju għall-ikel fl-UE. Pereżempju dawn il-prodotti għandhom jipprovdu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni f'konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Barra minn hekk, prodott jista' juri biss dawk id-dikjarazzjonijiet li jikkonformaw mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. F'dan il-każ, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistabbilixxi li d-dikjarazzjonijiet ġeneriċi li jirreferu għall-benefiċċji tas-saħħa mhux speċifiċi tal-prodott (dawn jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet fuq l-adegwatezza tal-prodott għat-tfal żgħar) jistgħu jintużaw biss jekk ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni awtorizzata speċifika (eż "il-kalċju u l-vitamina D huma meħtieġa għat-tkabbir u l-iżvilupp normali tal-għadam fit-tfal"). Apparti hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jista' jintuża biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-profili nutrittivi li l-formuli tat-tfal żgħar iridu jirrispettaw biex ikunu jistgħu juru dawk id-dikjarazzjonijiet (ħalli tkun żgurata l-kompożizzjoni adegwata tal-formuli li juru d-dikjarazzjonijiet). Madankollu għadu ma ġiex applikat l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

    F'ċerti każijiet, il-kummerċjalizzazzjoni tal-formuli tat-tfal żgħar tista' titqies qarrieqa għax toħloq dubji mhux ġustifikati dwar l-adegwatezza nutrittiva ta' ikel ordinarju (eż. jiġi ddikjarat li jkun "fih 40 darba iktar ħadid minn dak tal-ħalib tal-baqra" meta l-ħalib tal-baqra mhux suppost ikun fih il-ħadid). Iżda mil-lat legali, dan ikun jikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 li jipprojbixxi dikjarazzjonijiet li jqajmu dubji dwar l-adegwatezza nutrittiva ta' ikel ieħor).

    Mill-20 ta’ Lulju 2016, il-formuli kollha tat-tfal żgħar fis-suq tal-UE se jiġu klassifikati bl-istess mod (ikel normali mqawwi b'ċerti nutrijenti) u se jkollhom jikkonformaw mar-regoli orizzontali eżistenti rilevanti tal-liġi tal-UE dwar l-ikel.

    Filwaqt li mhi mistennija l-ebda bidla f'dawk l-Istati Membri li diġà jikklassifikaw il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel għall-konsum normali, diġà jistgħu jiġu antiċipati xi żviluppi fis-17-il Stat Membru l-ieħor abbażi tal-informazzjoni disponibbli f'dan l-istadju.

    Pereżempju, bit-tħassir tad-Direttiva 2009/39/KE hu mistenni jinfetaħ l-aċċess għas-suq għax se jitneħħa l-"istatus speċjali" tal-ikel dijetetiku u se jispiċċaw ir-rekwiżiti ta' kompożizzjoni ġenerali u l-proċedura ta' notifika eżistenti applikabbli għall-ikel djetetiku. Fit-teorija, dan jista' jżid il-kompetizzjoni u l-offerta tal-prodotti, u jolqot il-prezzijiet b'mod pożittiv. Filwaqt li ż-żieda fil-kompetizzjoni tista' tagħmilha iżjed diffiċli biex il-manifatturi tal-formuli tat-tfal żgħar igawdu mill-investimenti tagħhom, il-ftuħ tas-suq għandu jżid il-kompetittività fis-settur tal-ikel ġenerali u jnaqqas id-distorsjonijiet tas-suq. Se tiżdied iċ-ċertezza legali (il-prodotti kollha se jiġu klassifikati bl-istess mod fl-UE kollha), se jiġi ssimplifikat il-qafas legali filwaqt li n-negozji se jonqsilhom il-piż amministrattiv (eż. bit-tneħħija tal-proċedura ta' notifika għall-ikel dijetetiku, diment li l-Istati Membri ma jeżiġux notifika għall-ikel imqawwi).

    Huma mistennija xi spejjeż marbuta mal-formulazzjoni u t-tikkettar mill-ġdid (eż. Il-konformità ta' prodotti li llum jiġu klassifikati bħala ikel dijetetiku mar-rekwiżiti fuq il-vitamini u l-minerali fir-Regolament (KE) Nru 1925/2006, l-aġġustamenti ta' dawn it-tikketti tal-prodotti biex jitneħħew ir-referenzi għall-"ikel dijetetiku" jew biex jikkonformaw mar-regoli fuq id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi mit-13 ta’ Diċembru 2016).

    Wieħed jista' jargumenta li, bit-tħassir tad-Direttiva 2009/39/KE u r-rekwiżit ġenerali tagħha li bih in-natura jew il-kompożizzjoni tal-prodotti "għandha tkun tali li l-prodotti jkunu adegwati għal użu maħsub ta’ nutriment partikolari", il-manifatturi li llum jikkummerċjalizzaw il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel dijetetiku se jingħataw aktar flessibilità biex jiddeċiedu fuq il-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom, xi ħaġa li tista' twassal għal kompożizzjoni mhux sodisfaċenti ta' dan l-ikel.

    L-iżviluppi fis-suq wara l-2016 ma jistgħux ikunu previsti għalkollox għalissa u għalhekk din id-deskrizzjoni ma tistax tqis kull fattur potenzjalment rilevanti. Element kbir ta' inċertezza li jista' jinfluwenza bil-qawwa lill-iżviluppi futuri fil-qasam huwa kif l-Istati Membri se jirreaġixxu wara li tiġi revokata d-Direttiva 2009/39/KE. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni se tivvaluta l-abbozzi tar-regoli nazzjonali kollha biex tivverifika l-konformità mad-dritt tal-UE.

    7.Sommarju tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u l-partijiet interessati

    Meta ġew ikkonsultati dwar jekk hemmx bżonn azzjoni speċifika fil-livell tal-UE għall-formuli tat-tfal żgħar, il-maġġoranza tal-esperti tal-Istati Membri esprimew appoġġ għall-azzjoni l-ġdida. Esperti oħrajn tal-Istati Membri esprimew opinjoni differenti, jiġifieri li m'hemmx bżonn azzjoni speċifika għall-formuli tat-tfal żgħar, u b'mod partikolari wrew it-tħassib li azzjoni addizzjonali ssaħħaħ l-istatus tagħhom mingħajr ġustifikazzjoni u, finalment, tqarraq bil-konsumaturi. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali saħqu wkoll li r-regoli orizzontali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel jistgħu jirregolaw dawn il-prodotti b'mod effiċjenti (kif diġà jiġri f'għaxar Stati Membri).

    L-azzjoni addizzjonali appoġġawha l-maġġoranza tal-partijiet interessati (dawk marbutin mal-industrija u anki dawk li mhumiex).

    8.Konklużjonijiet

    Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FSG, dan ir-rapport jindirizza l-ħtieġa, jekk ikun il-każ, ta' dispożizzjonijiet speċjali għal xorb ibbażat fuq il-ħalib u prodotti simili maħsubin għat-tfal żgħar (jiġifieri il-formuli tat-tfal żgħar) fejn jidħlu r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u tat-tikkettar.

    Jista' jiġi konkluż hekk:

    Fl-2013 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat parir xjentifiku dwar il-formuli tat-tfal żgħar li skont dan dawn il-prodotti huma wieħed mill-mezzi biex jiżdied il-konsum ta' ċerti nutrijeni f'riskju ta' inadegwatezza għal uħud mit-tfal żgħar fl-UE. Madankollu, skont l-EFSA, dawn il-prodotti m'għandhom "l-ebda rwol uniku" u "ma jistgħux jitqiesu bħala neċessarji sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrizzjonali tat-tfal żgħar" meta mqabblin ma' ikel ieħor li jista' jiġi inkluż fid-dieta normali tagħhom;

    Il-kompożizzjoni tal-formuli tat-tfal żgħar tvarja. Iżda ġeneralment il-kontenut ta' nutrijenti differenti f'dawn il-prodotti jkun fil-parametri tal-konċentrazzjonijiet permessi fil-formuli tal-prosegwiment. Ma ġiet rappurtata l-ebda kwistjoni ta' sikurezza fejn jidħlu dawn il-prodotti;

    L-applikazzjoni korretta u sħiħa tal-qafas ġenerali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel tidher li hi biżżejjed biex tirregola sew il-kompożizzjoni tal-formuli tat-tfal żgħar (eż. L-addittivi tal-ikel, iż-żieda tal-vitamini u tal-minerali jew l-użu ta' sustanzi ġodda) u l-komunikazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti (eż. informazzjoni dwar l-ikel, l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa).

    Wara l-20 ta’ Lulju 2016, is-sitwazzjoni se tevolvi f'dawk l-Istati Membri li llum jikklassifikaw il-formuli tat-tfal żgħar bħala ikel dijetetiku minħabba r-revoka tad-Direttiva 2009/39/KE u r-rekwiżit ġenerali tagħha li, skontu, in-natura jew il-kompożizzjoni tal-prodotti "għandha tkun tali li l-prodotti jkunu adegwati għal użu maħsub ta' nutriment partikolari". Ħafna mill-iżviluppi li se jsiru wara l-2016 ma jistgħux jitbassru għalissa għax ma teżisti l-ebda informazzjoni konkreta fuq kif l-operaturi jew il-konsumaturi se jadattaw għall-qafas legali l-ġdid jew fuq kif l-Istati Membri se jirreaġixxu fil-livell nazzjonali għall-impossibbiltà li tkompli tintuża d-dispożizzjoni msemmija qabel tad-Direttiva 2009/39/KE. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni se tivvaluta l-abbozzi tar-regoli nazzjonali kollha biex tivverifika l-konformità mad-dritt tal-UE.

    (1)

         Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

    (2)

         Il-Bord tal-EFSA dwar Prodotti Djetetiċi, Nutrimenti u Allerġiji, 2013, Scientific Opinion on nutrient requirements and dietary intakes of infants and young children in the European Union, EFSA Journal 2013;11(10):3408; Bord tal-EFSA dwar Prodotti Djetetiċi, Nutrimenti u Allerġiji, 2014, Scientific Opinion on the essential composition of infant and follow-on formulae. EFSA Journal 2014;12(7):3760.

    (3)

         AINIA, Centro Tecnológico, 2013, Report of “data collection with respect to the availability and nutritional composition of different types of milk-based drinks and similar products for young children with the denomination of “growing up milks” or “toddlers' milks” or with similar terminology currently on the market in EU Member States”, EFSA supporting publication 2013:EN-505.

    (4)

         Id-denominazzjoni "formuli tat-tfal żgħar" minn issa 'l quddiem sejra tintuża biex tirreferi għall-prodotti soġġetti għar-rapport (f'konformità mal-mod kif l-EFSA rreferiet għal dawn il-prodotti fl-Opinjonijiet Xjentifiċi tagħha dwar din il-kwistjoni).

    (5)

         Għall-finijiet ta' dan ir-rapport, il-kunċett "formuli tat-tfal żgħar" ma jinkludix il-"ħalib imqawwi", jiġifieri ħalib imqawwi b'nutrijenti differenti (eż. vitamini jew minerali) li jiġi kkummerċjalizzat lil pubbliku ġenerali jew lil sottogruppi tagħhom (eż. it-tfal b'mod ġenerali), iżda mhux esklussivament għat-tfal minn sena (1) sa tliet (3) snin.

    (6)

         AINIA (2013); EFSA (2013).

    (7)

         Il-proteini mill-ħalib tal-mogħoż u mis-sojja jintużaw f'numru limitat ta' prodotti fis-suq.

    (8)

         "Il-formula għat-trabi" hija "ikel maħsub biex jużawh it-trabi [jiġifieri t-tfal b'inqas minn 12-il xahar] matul l-ewwel xhur ta' ħajjithom u li jissodisfa waħdu l-ħtiġijet nutrittivi ta' dawn it-trabi sal-introduzzjoni ta' ikel komplementari xieraq" (L-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament FSG). "Il-formula tal-prosegwiment" hija "ikel maħsub biex jużawh it-trabi [jiġifieri tfal taħt l-età ta 12-il xahar] meta jiġi introdott l-ikel komplementari xieraq u li jikkostitwixxi l-element likwidu ewlieni f'dieta progressivament diversifikata ta' dawn it-trabi" (L-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament FSG). Bħalissa, il-formula tat-trabi u l-formula tal-prosegwiment huma rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1), li wkoll tipprovdi definizzjonijiet simili ħafna ta' dawn il-prodotti. Ir-Regolament FSG jitlob lill-Kummissjoni tadotta regoli għall-formula tat-trabi u għall-formula tal-prosegwiment, bil-mezzi tal-atti delegati, b'kont meħud tar-rekwiżiti eżistenti tad-Direttiva 2006/141/KE (L-Artikolu 11(1) u l-premessa 27 tar-Regolament FSG). Ir-Regolament Delegat ġdid tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta' prosegwiment u fir-rigward ta' rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1) sejjer iħassar u jieħu post id-Direttiva 2006/141/KE mit-22 ta’ Frar 2020.

    (9)

         AINIA (2013), p. 12-34. Dejta minn 11-il Stat Membru tal-UE, li jirrappreżentaw madwar 74% tal-popolazzjoni kollha tat-28 Stat tal-UE + l-Iżvizzera.

    (10)

         Dejta miġbura waqt il-konsultazzjoni, mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati (l-2014).

    (11)

         Madwar żewġ terzi tal-volumi tal-formuli tat-tfal żgħar manifatturati fi Franza jiġu prodotti għall-esportazzjoni (minn dawn, terz jiġu esportati lejn Stati Membri oħra tal-UE u żewġ terzi lejn pajjiżi terzi) filwaqt li Franza tesporta tliet darbiet iżjed mill-volum tal-importazzjonijiet, Secteur Français des Aliments de l'Enfance (SFAE), l-2014, Tweġiba tal-kwestjonarju dwar il-formuli tat-tfal żgħar.

    (12)

         Dejta miġbura waqt il-konsultazzjoni, mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati (l-2014).

    (13)

         Fil-każ ta' prodotti bbażati fuq is-sojja, id-denominazzjoni li tintuża normalment hi "xarba biex jikbru" (growing up drink).

    (14)

         Dejta miġbura waqt il-konsultazzjoni, mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati (l-2014). L-SWD janalizza fid-dettall il-prattiki fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza.

    (15)

         Id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21).

    (16)

         Dejta pprovduta mill-Istati Membri (2014).

    (17)

         Dejta pprovduta mill-Istati Membri (2014). Il-formuli tat-tfal żgħar mhumiex fis-suq fid-Danimarka.

    (18)

         Il-Kummissjoni Ewropea, 2011, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar ikel għal skopijiet mediċi speċjali, COM(2011) 353.

    (19)

         Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26).

    (20)

         Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (21)

         Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

    (22)

         Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (23)

         Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1). Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandu jitħassar fl-1 ta’ Jannar 2018 mir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).

    (24)

         Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18). Ir-regoli fuq id-dikjarazzjoni tan-nutrizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandhom japplikaw bis-sħiħ mit-13 ta’ Diċembru 2016.

    (25)

         Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p.9).

    (26)

         Il-profili tan-nutrijenti li jridu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għadhom mhumiex stabbiliti u għalhekk din il-kundizzjoni mhix applikabbli għalissa.

    (27)

         Arrêté du 30 mars 1978 fixant les dispositions relatives aux aliments lactés diététiques, JO 24-05-1978 p. NC 4070-4075.

    (28)

         EFSA (2013).

    (29)

         EFSA (2014).

    (30)

         Codex Alimentarius, Codex Standard for Follow-Up Formula - Codex Stan 156-1987.

    Top