Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0704(01)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

    ĠU C 220, 4.7.2015, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 220/1


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

    (2015/C 220/01)

    INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (1) (“ir-Regolament”) daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jħares id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji fl-Unjoni, b’mod partikulari meta jkun hemm xi tfixkil waqt l-ivvjaġġar, u li jtejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi għall-passiġġieri tal-ferroviji. Min-naħa tiegħu, dan għandu jgħin biex jiżdied l-użu tat-trasport bil-ferrovija meta mqabbel ma’ modi oħra tat-trasport.

    Fir-rapport tagħha tal-14 ta’ Awwissu 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (2), il-Kummissjoni qalet li se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ linji gwida interpretattivi fi żmien qasir biex tkun iffaċilitata u tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament u jiġu promossi l-aħjar prattiki (3).

    Dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li tqajmu l-iktar mill-entitajiet nazzjonali tal-infurzar, mill-passiġġieri u mill-assoċjazzjonijiet tagħhom (inklużi l-persuni b’diżabilità u/jew b’mobilità mnaqqsa u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom), kif ukoll mill-Parlament Ewropew u mir-rappreżentanti tal-industrija.

    F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipprovdi iktar spjegazzjonijiet dwar għadd ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament, flimkien ma’ gwida dwar l-aħjar prattiki. Fiha, hija mhix se tipprova tkopri d-dispożizzjonijiet kollha b’mod eżawrjenti, u lanqas ma hi se toħloq regoli leġiżlattivi ġodda. Ta’ min jinnota wkoll li, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha r-rwol tinterpreta l-liġijiet tal-Unjoni.

    1.   IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT

    1.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasportaturi minn pajjiżi terzi

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament jistipula li r-Regolament japplika “għall-vjaġġi u s-servizzi ferrovjarji kollha fil-Komunità kollha provduti minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar li jkunu liċenzjati skont id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (4)”. Ir-Regolament ma għandux japplika għall-vjaġġi mwettqa fit-territorju ta’ pajjiżi terzi u għas-servizzi mogħtija fihom. L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (li ħadet post id-Direttiva 95/18/KE) jistipula li “l-ebda impriża ma għandha titħalla tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju […] kemm-il darba ma tkunx ingħatat il-liċenzja x-xierqa”. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva, impriża tista’ tapplika għal liċenzja fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

    Minħabba f’hekk, trasportatur minn pajjiż terz li ma jkollux uffiċċju fi Stat Membru ma jistax jopera servizzi għal passiġġieri tal-ferroviji fit-territorju tal-Unjoni. Fil-każ ta’ servizzi transkonfinali li jitilqu minn pajjiż terz jew jaslu fih, il-ġbid fit-territorju tal-Unjoni jrid isir minn impriża li tkun ingħatat liċenzja minn Stat Membru. L-impriżi li jkunu ngħataw liċenzja mill-Istati Membri jridu jikkonformaw mar-Regolament u jistgħu jkunu responsabbli skont ir-Regolament, anki f’każijiet fejn it-trasport bil-ferrovija jkun ta’ impriża minn pajjiż terz.

    1.2.   Eżenzjonijiet

    1.2.1.   Kwistjonijiet marbutin ma’ eżenzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri mogħtija skont l-Artikolu 2(4)

    L-Artikolu 2(4) tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw is-servizzi domestiċi, inklużi s-servizzi nazzjonali fuq distanzi twal, mill-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament għal perjodu limitat taż-żmien (sewwasew għal ħames snin, li jista’ jiġġedded darbtejn, jiġifieri għal perjodu massimu ta’ 15-il sena). Madankollu, ir-Regolament ma jispeċifikax perjodu partikulari taż-żmien wara d-dħul fis-seħħ tiegħu li matulu jistgħu jingħataw it-tali eżenzjonijiet.

    Minkejja dan, l-Artikolu 2(4) għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 25 tar-Regolament, li tispjega li jistgħu jingħataw eżenzjonijiet temporanji għas-servizzi domestiċi fuq distanzi twal sabiex ikun hemm perjodu ta’ “dħul gradwali” biex l-impriżi ferrovjarji li jistgħu jsibu diffikultà biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament jiġu megħjuna jagħmlu dan. Fid-dawl ta’ dan, m’għandhomx jingħataw eżenzjonijiet ġodda diversi snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

    Barra minn hekk, ma jistax jinqabeż it-tul massimu taż-żmien tal-eżenzjonijiet, li għandhom jingħataw għal perjodu limitat taż-żmien skont l-Artikolu 2(4), jiġifieri l-ebda eżenzjoni ma tista’ tapplika wara t-3 ta’ Diċembru 2024 (15-il sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament).

    1.2.2.   Kwistjonijiet marbutin ma’ eżenzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji transkonfinali urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri mogħtija skont l-Artikolu 2(5)

    L-Artikolu 2(5) tar-Regolament jiddefinixxi s-servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali billi jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (6). Id-Direttiva 91/440/KEE tħassret permezz tad-Direttiva 2012/34/UE, li ħaditilha postha, u d-definizzjonijiet tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali mogħtija fl-Artikolu 3(6) u (7) tad-Direttiva 2012/34/UE jinkludu b’mod espliċitu s-servizzi transkonfinali.

    Id-dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali tista’ tiġi applikata għas-servizzi li jservu reġjuni transkonfinali jew żoni urbani kbar. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu s-servizzi kkonċernati skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(5) (jiġifieri li jiddeċiedu liema servizzi jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi urbani, suburbani jew reġjonali). Madankollu, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu d-drittijiet kollha skont ir-Regolament lill-passiġġieri li jkunu qed jużaw is-servizzi transkonfinali urbani, suburbani jew reġjonali, jiġifieri li ma jagħtux eżenzjonijiet għal dawn is-servizzi. Dan huwa skont l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport, kif imsemmi b’mod espliċitu fit-tieni premessa tar-Regolament, u għandu jiżgura trattament ugwali tas-servizzi kollha li għandhom dimensjoni internazzjonali.

    1.2.3.   Kwistjonijiet marbutin ma’ eżenzjonijiet għal servizzi jew vjaġġi li jitwettqu parzjalment barra l-Unjoni, mogħtija skont l-Artikolu 2(6)

    L-Artikolu 2(6) jippermetti lill-Istati Membri jagħtu eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament għal perjodu massimu ta’ ħames snin għal servizzi jew vjaġġi partikulari li parti konsiderevoli minnhom titwettaq barra l-Unjoni. L-Artikolu 2(6) jistipula li l-Istati Membri jistgħu jġeddu l-perjodu massimu inizjali tal-eżenzjoni mingħajr ma jispeċifika kemm-il darba dan jista’ jsir.

    Il-Kummissjoni tqis li l-għan tal-Artikolu 2(6) huwa li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi b’rabta mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 għat-territorju tal-Istati Membri (pereżempju biex jaġġustaw il-ftehimiet bilaterali tagħhom magħhom). Bil-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi fl-Unjoni (il-premessa 24), l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 2(6) ma għandhomx jinftehmu bħala eżenzjonijiet li jistgħu jiġġeddu b’mod indefinit. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod progressiv mid-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament għal dawk il-partijiet tal-vjaġġ li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru anki f’każijiet fejn parti konsiderevoli mis-servizz jew mill-vjaġġ titwettaq barra l-Unjoni.

    1.2.4.   Applikazzjoni tar-Regolament għal vjaġġi tat-trasport bil-ferrovija li jinkludu servizzi eżentati (l-Artikoli 2(4), (5) u (6))

    Fil-konklużjonijiet tar-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni nnutat li “l-użu estensiv ta’ eżenzjonijiet [huwa] ostaklu serju biex jitwettqu l-objettivi tar-Regolament” (7). L-użu estensiv tal-eżenzjonijiet ifixkel il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-impriżi ferrovjarji fl-Unjoni, u jċaħħad lill-passiġġieri tal-ferroviji miċ-ċertezza legali u milli jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom.

    L-Artikolu 2(1) jistipula li r-Regolament japplika “għall-vjaġġi u s-servizzi ferrovjarji kollha fil-Komunità kollha provduti minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar”. Mil-lat tal-passiġġieri, vjaġġ bil-ferrovija għandu jinftiehem bħala l-ġarr tagħhom minn post tat-tluq għal destinazzjoni abbażi ta’ kuntratt tal-ġarr li jinvolvi mill-inqas servizz wieħed tal-ferrovija. Servizz tal-ferrovija huwa servizz li jitħaddem minn impriża ferrovjarja bejn żewġ punti jew iżjed, u li jista’ jiġi kklassifikat bħala servizz urban, suburban, reġjonali, domestiku jew internazzjonali (transkonfinali).

    Jista’ jkun ukoll li wieħed jistaqsi jekk passiġġier li jkun qed jagħmel vjaġġ internazzjonali (jiġifieri vjaġġ li matulu jaqsam il-fruntiera ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed) u li jkun qed juża kemm servizzi eżentati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament u kemm servizzi li mhumiex eżentati minnhom, hux se jibbenefika mid-drittijiet tal-passiġġieri għall-vjaġġ kollu jew għal dik il-parti tal-vjaġġ tiegħu li mhix eżentata mid-dispożizzjonijiet biss.

    Passiġġier li jkun iffirma kuntratt tal-ġarr fl-Unjoni għal vjaġġ internazzjonali jistenna li jirċievi l-istess ħarsien taħt il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-Unjoni matul il-vjaġġ kollu tiegħu. Il-fatt li wieħed jagħti livelli differenti ta’ ħarsien għal partijiet tal-vjaġġ li huma eżentati mid-dispożizzjonijiet u għal dawk li mhumiex iżda li kollha jkunu jaqgħu taħt kuntratt wieħed joħloq konfużjoni, jneħħi ċ-ċertezza legali u jkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-passiġġieri. Dan imur kontra l-għanijiet tar-Regolament, b’mod partikulari l-għan li jiġi pprovdut livell għoli ta’ ħarsien tal-passiġġieri kollha li jkunu qed jagħmlu vjaġġi internazzjonali fl-Unjoni, li ma jistgħux jiġu eżentati skont ir-Regolament. Dan iwassal ukoll għal inugwaljanzi bejn il-passiġġieri li jkunu qed jagħmlu vjaġġi internazzjonali, li se jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk il-vjaġġ tagħhom ikunx jinkludi servizzi domestiċi eżentati jew le.

    Għalhekk, l-impriżi ferrovjarji għandhom ikunu mħeġġa joffru l-ħarsien mogħti skont ir-Regolament lill-passiġġieri kollha tagħhom li magħhom ikunu ffirmaw kuntratt tal-ġarr għal vjaġġ transkonfinali fl-Unjoni, fosthom għal dawk il-partijiet tal-vjaġġ li jitwettqu minn servizzi li huma eżentati skont l-Artikolu 2(4) u (5).

    2.   DEFINIZZJONIJIET

    2.1.   Il-kunċett ta’ “trasportatur” (l-Artikolu 3(2)) u l-vjaġġi intermodali

    Ir-Regolament kif ukoll l-Artikolu 3 tar-“Regoli Uniformi dwar il-kuntratt tal-ġarr internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija (CIV)”, li jiffurmaw l-Appendiċi A tal-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Ġunju 1999, it-tnejn jinkludu definizzjoni ta’ “trasportatur”.

    Fl-Anness I tiegħu, ir-Regolament jagħti ħafna mid-dispożizzjonijiet tas-CIV mill-ġdid, iżda ma jinkludix l-Artikolu 3 ta’ dawn ir-regoli (8). Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-UE pprefera joħloq id-definizzjoni tiegħu stess għal dan il-kunċett, adattata għall-kuntest legali tal-UE.

    L-Artikolu 3(2) tar-Regolament jillimita t-tifsira tat-trasportaturi għall-impriżi ferrovjarji. Jekk, minħabba tfixkil serju fit-trasport bil-ferrovija, impriża ferrovjarja ma tkunx tista’ tipprovdi rotta differenti iżda jkollha tagħmel dan biss b’mezz ieħor tat-trasport, xorta waħda għandha tkun l-impriża ferrovjarja li magħha jkun sar il-kuntratt li għandu jkollha r-responsabbiltà kuntrattwali għal dak il-vjaġġ u hija din l-impriża li tibqa’ l-interlokutur ewlieni tal-passiġġier (9).

    2.2.   Il-kunċett ta’ “dewmien” (l-Artikolu 3(12))

    L-Artikolu 3(12) tar-Regolament jiddefinixxi d-dewmien bħala “id-differenza fil-ħin bejn il-ħin meta l-passiġġier kien previst jasal skont il-ħinijiet pubblikati u l-ħin tal-wasla attwali jew mistennija tiegħu jew tagħha”. Għalhekk, id-dewmien dejjem jirreferi għad-dewmien fil-vjaġġ tal-passiġġier u mhux għad-dewmien tal-ferrovija. Fil-prattika, il-ħin tal-wasla tal-ferrovija fid-destinazzjoni finali mniżżel fuq il-biljett se jintuża biex jiġi kkalkulat it-tul tad-dewmien.

    Madankollu, tista’ tinqala’ sitwazzjoni iktar kumplikata fil-każ ta’ vjaġġi li jinkludu diversi servizzi u/jew diversi trasportaturi f’każ li passiġġier jitlef konnessjoni sforz it-tfixkil fis-servizz. F’każijiet bħal dawn, il-passiġġier jista’ jkollu juża s-servizz skedat li jmiss tal-ferrovija biex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu. Anki jekk dik il-ferrovija tkun fil-ħin, il-passiġġier xorta waħda jista’ jdum ħafna sa ma jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst inizjalment. F’każijiet bħal dawn, id-dewmien fil-wasla se jiġi stabbilit abbażi tal-ħin reali li fih il-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu jekk il-passiġġier ikun għamel kuntratt wieħed tat-trasport għall-vjaġġ tiegħu. Din l-interpretazzjoni tgħodd ukoll għal sitwazzjonijiet li fihom il-passiġġier tinbidillu r-rotta.

    3.   IL-KUNTRATT TAT-TRASPORT, L-INFORMAZZJONI U L-BILJETTI

    3.1.   Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

    3.1.1.   Informazzjoni f’ħin reali (l-Artikolu 8(2))

    F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament, l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġieri “matul il-vjaġġ […] minn tal-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti II”. Dan jinkludi informazzjoni f’ħin reali dwar id-dewmien u s-servizzi prinċipali ta’ kollegament, inklużi dawk ta’ impriżi ferrovjarji oħrajn. Fil-kawża C-136/11 (10), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat li l-maniġer tal-infrastruttura jrid “jipprovdi lill-impriżi ferrovjarji, b’mod mhux diskriminatorju, l-informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji ta’ impriżi ferrovjarji oħra, meta dawn il-ferroviji jikkostitwixxu s-servizzi prinċipali ta’ kollegament fis-sens tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007”. Għalhekk, filwaqt li l-impriżi ferrovjarji għandhom ir-responsabbiltà jagħtu informazzjoni lill-passiġġieri dwar id-dewmien, il-kanċellazzjonijiet u s-servizzi ta’ kollegament, il-maniġers tal-infrastruttura wkoll għandhom l-obbligu li jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha f’ħin reali lill-impriżi ferrovjarji.

    3.1.2.   Mezzi biex il-passiġġieri jingħataw informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u s-sistemi ta’ riservazzjoni, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jużaw sistema ta’ informazzjoni u riservazzjoni kompjuterizzata għat-trasport ferrovjarju (CIRSRT), li l-impriżi ferrovjarji jistgħu jistabbilixxu skont il-proċeduri speċifikati f’dak l-Artikolu. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jistipula li l-obbligu tal-impriżi ferrovjarji u tal-bejjiegħa tal-biljetti li jipprovdu lill-passiġġieri, fuq talba tagħhom, tal-inqas l-informazzjoni mniżżla fil-Parti I tal-Anness II japplika irrispettivament mill-Artikolu 10 tar-Regolament. Għalhekk, l-obbligu li tingħata l-informazzjoni ma jiddependix fuq it-twaqqif ta’ sistema kompjuterizzata u m’għandux x’jaqsam mal-mezz tal-bejgħ li jkun qed jintuża.

    L-informazzjoni li ma tistax tingħata permezz ta’ sistema kompjuterizzata trid tingħata f’formati differenti li jkollhom aċċess għalihom il-persuni b’diżabilità (l-Artikolu 8(3)).

    3.2.   Kwistjonijiet marbutin mal-biljetti u mal-ġarr tar-roti

    3.2.1.   Il-forma u l-kontenut tal-biljetti u l-karti elettroniċi tat-trasport (l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7 tal-Anness I)

    Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament, l-għoti tal-biljetti għandu jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Uniformi tas-CIV mogħtija fl-Anness I (fit-Titolu II u fit-Titolu III tiegħu). L-Artikolu 7 tar-Regoli Uniformi jipprovdi flessibbiltà b’rabta mal-forma u l-kontenut tal-biljetti. Huwa jagħti lista tal-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta, imma minbarra dan, jistgħu jintgħażlu kull forma u kontenut li jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport. Għaldaqstant, karta elettronika tat-trasport għandha titqies bħala biljett jekk jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    jekk l-impriża ferrovjarja li magħha jkun sar il-kuntratt tat-trasport, jew is-serje ta’ impriżi ferrovjarji li huma responsabbli abbażi ta’ dan il-kuntratt (skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament), jistgħu jiġu identifikati mill-informazzjoni rreġistrata fuq il-karta elettronika. Għall-biljetti li jistgħu jintużaw għas-servizzi offruti minn diversi impriżi fuq rotot partikulari jew għall-biljetti miftuħin (pereżempju l-biljetti tat-tip “Interrail”) mhuwiex dejjem possibbli li jiġi indikat l-isem tal-impriżi ferrovjarji individwali. F’dawn il-każijiet, minflok l-isem jista’ jintuża logo komuni jew inkella tista’ tintuża frażi bħal din li ġejja: “il-kumpaniji kollha li jieħdu sehem fl-iskema tal-‘Interrail’”.

    Madankollu, il-fatt li ma jkunx hemm dettalji dwar it-trasportatur għal vjaġġ partikulari m’għandux iwassal għal nuqqas ta’ trasparenza. Il-passiġġieri għandhom jirċievu informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet tagħhom u dwar kif u fejn jistgħu jilmentaw f’każ ta’ tfixkil tal-vjaġġ tagħhom; u

    2.

    jekk fuqha jkun hemm referenza għar-Regoli Uniformi u dikjarazzjonijiet li jservu ta’ prova li sar kuntratt tal-ġarr u li jagħtu prova tal-kontenut tiegħu.

    L-Artikolu 7(5) tal-Anness I jistipula b’mod espliċitu li biljett jista’ jinħareġ fil-forma ta’ reġistrazzjoni ta’ dejta elettronika dejjem jekk dik id-dejta tkun tista’ tiġi ttrasformata f’simboli miktuba b’mod leġġibbli. Il-waqt meta jsir il-kuntratt tal-ġarr jista’ jvarja. Filwaqt li xi karti elettroniċi jiġu attivati dak il-ħin stess li jinxtara l-biljett, f’xi każijiet oħrajn il-vjaġġi individwali jew il-partijiet differenti tagħhom jiġu attivati meta jinbeda l-vjaġġ billi wieħed jivvalida l-biljett abbord il-ferrovija jew eżatt qabel ma jitla’ abbord.

    3.2.2.   Id-disponibbiltà tal-biljetti

    L-Artikolu 9(2) tar-Regolament jistipula li l-impriżi ferrovjarji għandhom jiddistribwixxu l-biljetti lill-passiġġieri minn mill-inqas wieħed mill-punti tal-bejgħ speċifikati fl-istess Arikolu. Ħafna impriżi joffru l-biljetti lill-passiġġieri permezz ta’ aktar minn mezz wieħed tal-bejgħ. Madankollu, jista’ jkun li ċerti biljetti, speċjalment dawk bi prezz baxx, ikunu disponibbli biss permezz ta’ mezz wieħed tal-bejgħ (pereżempju fuq l-Internet biss), u b’hekk ċerti gruppi ta’ utenti jistgħu jiġu esklużi. Sabiex ikun żgurat li l-ikbar ammont ta’ passiġġieri possibbli jkollhom aċċess għall-biljetti, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-impriżi ferrovjarji joffru tal-inqas l-iktar biljetti essenzjali permezz tal-mezzi kollha tal-bejgħ li huma jużaw, b’mod speċjali permezz tal-uffiċċji u l-magni tal-bejgħ tal-biljetti u abbord il-ferroviji. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 8(1) u mal-Parti I tal-Anness II, l-impriżi ferrovjarji għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri dwar il-biljetti u t-tariffi disponibbli permezz tal-mezzi tal-bejgħ differenti. F’konformità mal-Artikolu 9(1), l-impriżi ferrovjarji għandhom joffru, b’mod attiv, biljetti globali kull meta l-ftehimiet kummerċjali tagħhom u d-dejta disponibbli jippermettulhom jagħmlu dan.

    Il-biljetti għandhom jiġu offruti b’mod mhux diskriminatorju. Id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi tan-nazzjonalità tmur kontra l-Artikolu 18 tat-TFUE.

    3.2.3.   Il-ġarr tar-roti (l-Artikolu 5)

    Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-impriżi ferrovjarji għandhom jippermettu lill-passiġġieri jtellgħu r-roti abbord il-ferrovija b’ċerti kundizzjonijiet (pereżempju skont il-limitazzjonijiet tal-ispazju, ir-rekwiżiti tas-servizz, kemm ikun faċli timmaniġġjahom u possibbilment bi ħlas). L-Anness II tar-Regolament jistipula wkoll li l-impriżi ferrovjarji jridu jipprovdu informazzjoni qabel il-vjaġġ dwar l-aċċessibbiltà għar-roti. Il-Federazzjoni taċ-Ċiklisti Ewropej tat lista ta’ eżempji ta’ prattika tajba għall-ġarr tar-roti (11).

    4.   IR-RESPONSABBILTÀ, ID-DEWMIEN, IL-KONNESSJONIJIET MITLUFA U L-KANĊELLAZZJONIJIET

    4.1.   Il-kopertura tar-responsabbiltajiet tal-impriżi ferrovjarji u l-assigurazzjoni (l-Artikoli 11 u 12)

    F’konformità mal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament, l-impriżi ferrovjarji għandhom ikunu kapaċi jkopru r-responsabbiltajiet tagħhom, speċjalment f’każ li inċident iwassal għall-mewt jew għall-korriment ta’ xi ħadd. L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/34/UE jistipula wkoll li, fost il-kundizzjonijiet biex tikseb liċenzja, “impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b’mod adegwat jew ikollha garanziji skont il-kundizzjonijiet tas-suq biex tkun koperta, skont il-liġi nazzjonali u internazzjonali, għar-responsabbiltajiet tagħha, fil-każ ta’ inċidenti […]”. Sabiex tistabbilixxi x’jikkostitwixxi kopertura “adegwata”, impriża ferrovjarja se jkollha tivvaluta r-riskji tagħha, pereżempju f’termini tal-għadd ta’ passiġġieri li jinġarru jew tal-għadd ta’ inċidenti li jistgħu jseħħu. Kif intqal fir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (12), l-impriżi ferrovjarji eżaminati jidhru li huma koperti b’mod adegwat.

    Skont l-Artikolu 30 tal-Anness I tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-ammont li għandu jitħallas f’każ ta’ mewt jew korriment personali tal-passiġġieri minħabba inċident ferrovjarju, iżda l-limitu massimu tal-kumpens għal kull passiġġier ma jistax jiġi ffissat għal inqas minn 175 000 unità ta’ kont (13). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha teżiġi li l-kopertura tkun ta’ livell li jkun konformi ma’ dan ir-rekwiżit, li japplika għas-servizzi kollha, kemm dawk nazzjonali u kemm dawk internazzjonali, skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll limitu ogħla għall-kumpens. Ir-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji għall-korrimenti, il-kumpens li jista’ jingħata għad-danni u l-ambitu tal-pretensjonijiet għandhom jiġu ddefiniti fil-liġijiet nazzjonali.

    4.2.   Rimborż, tibdil tar-rotta u kumpens

    4.2.1.   Rimborż u tibdil tar-rotta jew kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ vjaġġi magħmulin minn diversi partijiet (l-Artikoli 16 u 17)

    L-Artikolu 9(1) tar-Regolament jistipula li “l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, fejn disponibbli, biljetti, biljetti globali u riservazzjonijiet”.

    Il-passiġġieri għandhom id-dritt li jingħataw rimborż u li tinbidlilhom ir-rotta (skont l-Artikolu 16) jew li jingħataw kumpens għal dewmien li jkun jammonta għal ċertu perċentwali tal-prezz tal-biljett, inklużi s-supplimenti kollha (skont l-Artikolu 17) f’każ li jkun hemm dewmien fil-wasla ta’ aktar minn 60 minuta fid-“destinazzjoni finali taħt il-kuntratt tat-trasport” biss. Dan jista’ joħloq xi problemi fil-każ ta’ vjaġġi li jinvolvu konnessjoni u possibbilment trasportaturi differenti, b’mod partikulari f’każijiet fejn il-passiġġieri, minkejja li riedu jixtru kuntratt wieħed, ma jkunx irnexxielhom jiksbu biljett wieħed li jkopri l-vjaġġ kollu iżda jkunu rċevew biljetti separati għall-partijiet differenti tal-vjaġġ tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 4, flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-Anness I, kuntratt wieħed jista’ jkun magħmul ukoll minn biljetti separati. L-arranġamenti kuntrattwali bejn il-passiġġier u l-impriża ferrovjarja għandhom jistipulaw biċ-ċar jekk il-passiġġier ikunx qed jivvjaġġa fil-qafas ta’ kuntratt wieħed jew fil-qafas ta’ kuntratti separati.

    Kif speċifikat fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament, il-biljetti separati li jinbiegħu taħt kuntratt wieħed għandhom jinftehmu bħala “biljett globali”, meta dawn ikunu jirrappreżentaw “kuntratt ta’ trasport konkluż għall-użu ta’ servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar”. Il-passiġġieri li jkollhom biljetti separati taħt kuntratt tat-trasport wieħed huma intitolati għad-drittijiet mogħtija skont l-Artikoli 16 u 17 jekk ikollhom dewmien ta’ iktar minn 60 minuta meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom, anki jekk id-dewmien fil-partijiet individwali jkun ta’ inqas minn 60 minuta kull darba. (Ara wkoll il-punt dwar id-dewmien mogħti fit-Taqsima 2.2). Kif stipulat fl-Artikolu 27, f’każ ta’ problemi, “il-passiġġieri jistgħu jissottomettu lment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja involuta” fil-vjaġġ u m’għandhomx għalfejn jindirizzaw lil kull impriża b’mod separat. L-impriżi ferrovjarji involuti jridu jikkooperaw bejniethom biex jindirizzaw ilmenti bħal dawn.

    4.2.2.   Id-dritt għal kumpens f’każ ta’ forza maġġuri

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Settembru 2013 fil-kawża C-509/11 kkjarifikat li l-prinċipju ta’ “forza maġġuri” ma japplikax fil-kuntest tad-dritt għal kumpens għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet mogħti mill-Artikolu 17 tar-Regolament.

    B’mod partikulari, il-Qorti nnutat li r-Regolament ma fihx klawżola ta’ “forza maġġuri” li tillimita r-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens tal-prezz tal-biljett, kif stabbilit fl-Artikolu 17. Skont is-sentenza tal-Qorti, l-Artikolu 17 jistabbilixxi forma ta’ kumpens finanzjarju fiss biex jagħmel tajjeb għall-fatt li ma ġiex ipprovdut servizz skont il-kuntratt tat-trasport, li ma tistax issir deroga minnu fil-każ ta’ “forza maġġuri” minħabba li dan l-Artikolu ma fihx klawżola korrispondenti. L-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi mogħtija fl-Anness I għandu x’jaqsam, minflok, mar-responsabbiltà tat-trasportatur għal ħsara individwalizzata jew telf individwalizzat li jirriżultaw mid-dewmien jew mill-kanċellazzjoni ta’ ferrovija, li l-kumpens għalihom ikollu jintalab b’mod individwali.

    Għalhekk, l-impriżi ferrovjarji m’għandhomx permess jinkludu, fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħhom, klawżola li teżentahom mill-obbligu li jħallsu kumpens skont l-Artikolu 17 meta d-dewmien iseħħ minħabba “forza maġġuri” jew meta dan id-dewmien ikun attribwibbli għal xi waħda mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi. B’hekk, il-passiġġieri huma intitolati jirċievu kumpens mingħand l-impriża ferrovjarja anki f’każijiet ta’ “forza maġġuri”. Minn dan il-lat, it-trasport bil-ferrovija huwa differenti mill-mezzi l-oħra tat-trasport (ara b’mod speċjali l-paragrafu 47 tas-sentenza tal-Qorti). Madankollu, kif indikat fir-rapport tagħha tal-2013 (14), il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tittratta lis-settur tat-trasport bil-ferrovija bl-istess mod bħall-mezzi l-oħra tat-trasport, jiġifieri li dan is-settur ma jkollux għalfejn jikkumpensa lill-passiġġieri għad-dewmien f’każijiet ta’ avvenimenti mhux previsti u li ma jistgħux jiġu evitati.

    4.2.3.   Il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli” f’każijiet fejn il-vjaġġ jitkompla jew tinbidillu r-rotta (l-Artikolu 16(b) u (c))

    Il-“kundizzjonijiet tat-trasport” huma l-karatteristiċi li jiddefinixxu s-servizzi tat-trasport ipprovduti mit-trasportatur skont il-kuntratt tat-trasport bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u passiġġier. F’konformità mal-Artikolu 16(b) u (c) tar-Regolament, meta l-passiġġieri jingħataw l-għażla li jkomplu l-vjaġġ tagħhom jew li tinbidlilhom ir-rotta minħabba dewmien ta’ aktar minn 60 minuta, dan għandu jsir “taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli”. Jekk il-kundizzjonijiet tat-trasport ikunux komparabbli jew le jista’ jiddependi fuq diversi fatturi u għandu jiġi deċiż każ b’każ. Huma rrakkomandati l-prattiki tajbin li ġejjin, skont iċ-ċirkustanzi:

    jekk ikun possibbli, il-passiġġieri m’għandhomx jingħataw postijiet f’faċilitajiet tat-trasport li jkunu fi klassi inferjuri għal dik li kellhom oriġinarjament (f’każ li jseħħ dan, il-passiġġieri bħal dawk li jkollhom biljetti għall-ivvjaġġar fl-ewwel klassi għandhom jirċievu rimborż tad-differenza fil-prezz tal-biljett),

    f’każijiet fejn ir-rotta tal-passiġġieri tkun tista’ tinbidel biss billi jintużaw is-servizzi ferrovjarji ta’ trasportatur ieħor jew billi jintuża mezz ieħor tat-trasport bi klassi ogħla minn dik tas-servizz oriġinali magħżul jew li jkun jiswa iktar minn dak li huma kienu ħallsu oriġinarjament, il-passiġġieri għandha tinbidlilhom ir-rotta mingħajr spejjeż addizzjonali għalihom,

    għandhom isiru sforzi raġonevoli biex jiġu evitati iktar konnessjonijiet,

    meta jintużaw is-servizzi ferrovjarji ta’ trasportatur ieħor jew mezz ieħor tat-trasport għal dik il-parti tal-vjaġġ li ma tkunx tlestiet kif ippjanat, il-ħin totali tal-vjaġġ għandu jkun kemm jista’ jkun qrib dak oriġinali previst għall-vjaġġ,

    jekk kienet intalbet assistenza għall-persuni b’diżabilità jew għall-persuni b’mobilità mnaqqsa għall-vjaġġ oriġinali, din it-tip ta’ assistenza għandha tkun disponibbli wkoll fuq ir-rotta alternattiva,

    fejn disponibbli, għandhom jiġu offruti rotti alternattivi aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

    4.2.4.   Il-vjaġġi multimodali

    Il-vjaġġi multimodali li għalihom jintużaw iktar minn mezz wieħed tat-trasport taħt kuntratt wieħed tat-trasport (pereżempju vjaġġ bil-ferrovija u bl-ajru li jinbiegħ bħala vjaġġ wieħed) mhumiex koperti mir-Regolament, u lanqas ma huma koperti minn xi leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw b’mezzi oħra tat-trasport. Jekk passiġġier jitlef titjira minħabba dewmien fil-vjaġġ bil-ferrovija, huwa jibbenefika mid-drittijiet għall-kumpens u għall-għajnuna mogħtija mir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-vjaġġ bil-ferrovija biss, u jibbenefika minnhom biss jekk id-dewmien li kellu fid-destinazzjoni tal-vjaġġ bil-ferrovija taħt kuntratt wieħed tal-ġarr kien ta’ aktar minn 60 minuta (ħlief jekk il-liġijiet nazzjonali jistabbilixxu dispożizzjonijiet oħra dwar dan, kif stipulat mill-Artikolu 32(3) tal-Anness I tar-Regolament).

    4.3.   Kanċellazzjonijiet

    Il-kanċellazzjoni ta’ servizz tal-ferrovija jista’ jkollu l-istess konsegwenzi bħad-dewmien f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf tal-ħin u mal-inkonvenjent imġarrab mill-passiġġieri (15). Il-passiġġieri li jużaw is-servizz disponibbli li jkun imiss minflok is-servizz ikkanċellat ukoll jistgħu jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ aktar minn 60 minuta (meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst inizjalment bis-servizz ikkanċellat). F’każijiet bħal dawn, il-passiġġieri se jibbenefikaw mill-istess drittijiet għal rimborż tal-prezz tal-biljett, għal tibdil tar-rotta jew għal kumpens kif stipulat fl-Artikoli 16 u 17, sakemm huma ma jkunux ġew infurmati b’mod xieraq u ferm qabel dwar il-kanċellazzjoni.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu li tingħata assistenza skont l-Artikolu 18, il-kanċellazzjoni ta’ ferrovija se twassal għall-istess drittijiet bħal dewmien fit-tluq, jiġifieri li l-passiġġieri jkunu intitolati jingħataw informazzjoni dwar dan skont l-Artikolu 18(1). Huma se jkunu intitolati wkoll jirċievu assistenza skont l-Artikolu 18(2) jekk il-ħin tat-tluq tal-ferrovija li jkun imiss jew ta’ mezzi oħra tat-trasport ikun iktar minn 60 minuta wara.

    4.4.   Assistenza

    4.4.1.   Il-forniment ta’ ikel, xorb u akkomodazzjoni (l-Artikolu 18(2))

    Meta jkun hemm dewmien ta’ aktar minn 60 minuta, l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu ikel u xorb lill-passiġġieri, “b’mod raġonevoli skont” il-ħin ta’ stennija, jekk dawn ikunu disponibbli (fi kwantità suffiċjenti) fuq il-ferrovija jew fl-istazzjon. Jekk dawn ma jkunux disponibbli abbord jew fl-istazzjon (jew jekk ma jkunx hemm biżżejjed minnhom), l-obbligu tal-impriża ferrovjarja jiddependi minn jekk dawn ikunux jistgħu jiġu pprovduti b’mod raġonevoli jew le. L-impriża ferrovjarja se jkollha tevalwa jekk il-forniment tal-ikel u tax-xorb huwiex “raġonevoli”, filwaqt li tqis kriterji bħalma huma d-distanza mill-post tal-wasla, il-ħin meħtieġ għall-wasla u kemm ikun faċli li din issir, u l-ispiża. Madankollu, l-impriżi ferrovjarji ma jistgħux jiġu eżentati mir-rekwiżit li jevalwaw kull sitwazzjoni każ b’każ.

    L-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament ma jistabbilixxix rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-assistenza. Il-kwalità tal-ikel u tax-xorb, tal-lukanda jew tal-akkomodazzjoni l-oħra, u ta’ kull tip ta’ assistenza oħra għandha tkun raġonevoli u xierqa meta mqabbla mal-inkonvenjent li jkunu ġarrbu l-passiġġieri, inkluż il-fatt li jitħarsu l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità jew tal-persuni b’mobilità mnaqqsa. F’każ li ma tkunx tista’ tiġi offruta l-akkomodazzjoni f’lukanda, il-kwalità tal-“akkomodazzjoni l-oħra” offruta għandha tkun qrib kemm jista’ jkun dik ta’ lukanda. Il-Kummissjoni tqis li l-frażi “b’mod raġonevoli skont il-ħin ta’ stennija” tfisser li l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu assistenza xierqa lill-passiġġieri li tkun tikkorrispondi għat-tul taż-żmien tad-dewmien u għall-ħin tal-ġurnata (jew tal-lejl) li matulu dan iseħħ. Skont l-Artikolu 18(2), il-passiġġieri jridu “jiġu offruti” l-assistenza b’mod ċar u aċċessibbli, jekk ikun hemm bżonn permezz ta’ mezzi oħrajn tal-komunikazzjoni. Dan ifisser li l-passiġġieri ma jistgħux jiġu mistennija jagħmlu l-arranġamenti huma stess, pereżempju jsibu l-akkomodazzjoni u jħallsuha huma stess. Minflok, l-impriżi ferrovjarji huma obbligati joffru l-assistenza tagħhom b’mod attiv fejn dan ikun possibbli. L-impriżi ferrovjarji għandhom jiżguraw ukoll li l-akkomodazzjoni, meta din tkun disponibbli, tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u għall-klieb tas-servizz tagħhom.

    L-Artikolu 32 tal-Anness I tar-Regolament jispeċifika r-responsabbiltà għat-telf u l-ħsara li għandhom it-trasportaturi li joffru servizzi ferrovjarji skont ir-Regoli Uniformi tas-CIV f’każ ta’ dewmien twil. Skont ir-Regoli Uniformi tas-CIV (l-Artikolu 32(2)), it-trasportaturi jistgħu jinħelsu mill-obbligu tagħhom li jkopru l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-komunikazzjoni, pereżempju meta d-dewmien iseħħ minħabba “forza maġġuri”. Din ir-responsabbiltà għall-ħsarat għandha tkun distinta mill-obbligu li tingħata l-assistenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament, li ma jinkludix deroga bħal din (16). Għalhekk, l-impriżi li joffru servizzi li għalihom japplika r-Regolament ma jistgħux jużaw eżenzjonijiet b’rabta ma’ dan l-obbligu.

    Fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport jistgħu jitniżżlu l-prattiki tajbin jew kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-passiġġieri, sakemm dawn ma jmorrux kontra r-Regolament, iħallu lok għall-valutazzjoni tas-sitwazzjonijiet individwali każ b’każ u ma jillimitawx id-drittijiet tal-passiġġieri skont ir-Regolament (17).

    4.4.2.   Prova li kien hemm dewmien (l-Artikolu 18(4))

    F’konformità mal-Artikolu 18(4), fuq talba tal-passiġġier, l-impriżi ferrovjarji huma obbligati jiċċertifikaw fuq il-biljett tiegħu li kien hemm dewmien bħala prova ta’ kemm dam id-dewmien. Jekk il-passiġġier jitlob kumpens għal dewmien skont l-Artikolu 17, il-prova li kien hemm dewmien stabbilita mill-impriża ferrovjarja jew mill-persunal tagħha (pereżempju fil-forma ta’ timbru jew ta’ firma min-naħa tal-ispettur tal-biljetti jew prova ekwivalenti), wara għandha tiġi aċċettata mill-impriża ferrovjarja u ma tistax tiġi nnegozjata mill-ġdid jew emendata b’mod retrospettiv.

    5.   ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U/JEW B’MOBILITÀ MNAQQSA

    5.1.   Dritt għat-trasport

    Il-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħall-passiġġieri l-oħra li jużaw it-trasport bil-ferrovija. F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament, ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa meta dawn ikunu qed jibbukkjaw, jixtru jew jużaw is-servizzi tat-trasport bil-ferrovija. Id-derogi minn dan il-prinċipju skont l-Artikolu 19(2) u r-rifjuti sussegwenti li wieħed jaċċetta r-riżervazzjoni ta’ persuna b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa, jew li wieħed ibiegħ biljetti lit-tali persuna jew li jġorrha bil-mezz tat-trasport għandhom dejjem ikunu bbażati fuq raġunijiet iġġustifikati skont ir-regoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju meħtieġa skont l-Artikolu 19(1).

    Fejn l-ispazji għas-siġġijiet tar-roti jkunu indikati b’mod speċifiku, inklużi l-ispazji komuni, dawn għandhom, bħala kwistjoni ta’ prassi tajba, ikunu dejjem disponibbli u faċilment aċċessibbli (18).

    5.2.   Ċertifikazzjoni ta’ diżabilità

    Ir-Regolament jagħti d-dritt għall-assistenza lill-“persuni b’diżabilità” u lill-“persuni b’mobilità mnaqqsa” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(15). Id-dritt għall-assistenza mhuwiex soġġett għall-wiri ta’ ċertifikat. Għalhekk, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet ma jistgħux jobbligaw lill-passiġġieri juru ċertifikat ta’ diżabilità jew prova oħra ta’ diżabilità biex jibbenefikaw mill-assistenza fl-istazzjonijiet u abbord il-ferroviji.

    5.3.   Informazzjoni għall-passiġġieri b’diżabilità u/jew għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa (l-Artikolu 20)

    Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, l-impriżi ferrovjarji, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri, fuq talba, dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi, inklużi tal-istazzjonijiet. Fid-dawl tal-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (19), il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-amministraturi tal-istazzjonijiet, indipendentement mir-rabta kuntrattwali mal-passiġġieri, ukoll jipprovdu l-informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà (pereżempju fuq is-siti tal-Internet aċċessibbli u f’formati alternattivi).

    5.4.   Notifika minn qabel tal-ħtieġa ta’ assistenza, fosthom fil-każ ta’ “aktar minn vjaġġ wieħed” (l-Artikolu 24(a))

    L-Artikolu 24(a) tar-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet marbutin man-notifika minn qabel li bihom il-passiġġieri huma intitolati jirċievu l-assistenza. Minħabba li l-assistenza tingħata mingħajr ħlas addizzjonali, il-proċess biex wieħed jibbukkjaha għandu jkun l-istess - dan għandu jsir, pereżempju, billi wieħed juża linji tat-telefown bla ħlas. Għandha tkun tista’ tingħata assistenza l-ħin kollu meta jkunu qed jaħdmu l-ferroviji (fosthom matul il-lejl u fi tmiem il-ġimgħa) u mhux biss matul is-sigħat tax-xogħol konvenzjonali.

    Fil-każ ta’ aktar minn vjaġġ wieħed (jiġifieri fil-każ ta’ vjaġġi magħmulin minn partijiet differenti, kif ukoll fil-każ ta’ vjaġġi rikorrenti), għandu jkun biżżejjed li l-passiġġier jagħmel notifika waħda, dejjem jekk huwa jagħti informazzjoni adegwata dwar il-ħin tal-vjaġġi sussegwenti. Għalhekk, hija l-parti li tirċievi n-notifika (jiġifieri l-impriża ferrovjarja, l-amministratur tal-istazzjon, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tal-vjaġġi) li għandha r-responsabbiltà tgħaddi l-informazzjoni lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministraturi tal-istazzjonijiet kollha kkonċernati. Jekk ma ssir l-ebda notifika, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet fl-istazzjonijiet bil-persunal xorta waħda jridu jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jipprovdu l-assistenza sabiex il-persuna b’diżabilità jew il-persuna b’mobilità mnaqqsa tkun tista’ tivvjaġġa. Għalhekk, ma jkunx kompatibbli mar-Regolament li wieħed jillimita l-assistenza għal dawk il-każijiet fejn tkun waslet notifika minn qabel jew li wieħed jistipula dan fit-termini kuntrattwali.

    5.5.   Taħriġ tal-persunal li jipprovdi assistenza lill-persuni b’diżabilità u/jew b’mobilità mnaqqsa

    Filwaqt li r-Regolament ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-assistenza pprovduta skont dan ir-Regolament, l-aħjar prattika teħtieġ li l-persunal jitħarreġ b’mod regolari u jiġi mgħarraf bil-ħtiġijiet differenti tal-passiġġieri b’tipi differenti ta’ diżabilità u b’tipi differenti ta’ limitazzjonijiet tal-mobilità.

    6.   ILMENTI LILL-IMPRIŻI FERROVJARJI

    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament, il-passiġġieri jistgħu jibagħtu lment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja involuta fil-vjaġġ ikkonċernat. Il-passiġġieri jridu jkunu infurmati dwar il-limiti taż-żmien imposti fuq l-azzjonijiet għall-ħsarat stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regoli Uniformi, li huwa mogħti fl-Anness I tar-Regolament (ara wkoll it-Taqsima 7 t’hawn taħt).

    7.   L-GĦOTI TA’ TAGĦRIF LILL-PASSIĠĠIERI DWAR DRITTIJIETHOM

    Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament, il-passiġġieri għandhom id-dritt jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri għandha tkun adegwata u għandha tingħatalhom fil-ħin dovut biex, meta jkunu qed jikkonkludu l-kuntratt tal-ġarr, huma jkollhom l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont dan il-kuntratt. L-informazzjoni tista’ tingħata f’formati differenti, iżda l-persuni b’diżabilità għandu jkollhom aċċess għaliha, u l-passiġġieri għandu jkollhom aċċess dirett għaliha (pereżempju, huma m’għandhomx jintbagħtu jfittxuha fuq l-Internet biss jekk ikunu jistgħu jibbukkjaw il-biljetti jew iħallsu għalihom fl-istazzjon).

    Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikulari fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) dwar prattiċi kummerċjali żleali.

    8.   L-INFURZAR, IL-KOOPERAZZJONI BEJN L-ENTITAJIET NAZZJONALI TAL-INFURZAR U L-PENALI

    8.1.   It-trattament tal-ilmenti min-naħa tal-entitajiet nazzjonali tal-infurzar

    L-entitajiet nazzjonali tal-infurzar jistgħu jittrattaw l-ilmenti jew fl-ewwel istanza (jiġifieri meta ma jkun intbagħat l-ebda lment jew talba minn qabel lill-impriża, lill-amministratur tal-istazzjon jew lill-bejjiegħ tal-biljetti) jew fit-tieni istanza, f’każijiet fejn il-passiġġier ma jkunx kuntent bis-soluzzjoni proposta mill-impriża ferrovjarja, mill-amministratur tal-istazzjon jew mill-bejjiegħ tal-biljetti, jew f’każijiet fejn huwa ma jkun irċieva l-ebda tweġiba għat-talba jew l-ilment tiegħu. Huwa rrakkomandat li l-ilmenti jintbagħtu l-ewwel lill-impriżi ferrovjarji, minħabba li dawn għandhom ikunu jistgħu jittrattaw l-ilmenti bl-iktar mod effiċjenti.

    Għalkemm ir-Regolament ma jispeċifikax proċedura għat-trattament tal-ilmenti (dan jitħalla f’idejn l-Istati Membri), il-prinċipju ta’ ġestjoni amministrattiva tajba jeżiġi li l-ilmenti jiġu ttrattati malajr u b’mod effiċjenti. Dewmien twil iżżejjed mhux biss jhedded il-konformità mar-Regolament, iżda joħloq ukoll differenzi fit-trattament tal-passiġġieri fl-Istati Membri differenti. Għalhekk, l-entitajiet li jittrattaw l-ilmenti għandhom ikunu mgħammra b’mod xieraq u jkollhom il-persunal meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom.

    Biex ikun hemm l-akbar effettività u aċċessibbiltà għall-passiġġieri, l-aħjar prattika teħtieġ li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien li matulhom għandhom jintbagħtu t-tweġibiet lill-passiġġieri. Pereżempju, fil-każ ta’ lment tkun trid tintbagħat konferma tal-wasla sa ġimagħtejn wara u tweġiba finali dwaru fi żmien tliet xhur. F’każijiet ikkumplikati, l-entità nazzjonali tal-infurzar tista’ ttawwal iż-żmien meħud biex issolvi l-ilment għal perjodu massimu ta’ sitt xhur, fid-diskrezzjoni tagħha. F’każijiet bħal dawn, il-passiġġieri għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għat-tali titwil u biż-żmien li mistenni jkun meħtieġ biex tiġi konkluża l-proċedura. F’każijiet fejn entità nazzjonali tal-infurzar isservi wkoll ta’ entità li toffri proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li taġixxi fil-kapaċità stabbilita fid-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), il-limiti taż-żmien issuġġeriti, imsemmija hawnhekk, ma jaffettwaw bl-ebda mod jew jibdlu l-limiti stipulati f’dik id-Direttiva.

    Ir-Regolament ma jistabbilixxi l-ebda limitu taż-żmien għall-passiġġieri biex dawn jibagħtu l-ilmenti tagħhom lill-entitajiet nazzjonali tal-infurzar. Għalhekk għandhom japplikaw id-dati ta’ skadenza stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk dan ifisser li jista’ jkun hemm differenzi fid-dati ta’ skadenza ta’ Stati Membri differenti. Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri għall-ilmenti jiġu infurzati b’mod effiċjenti u sabiex l-impriżi ferrovjarji u n-negozji l-oħra li jistgħu jkunu involuti fil-każ jingħataw ambjent legali sikur, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-passiġġieri jiġu avżati jagħmlu l-ilmenti f’perjodu taż-żmien raġonevoli. Biex wieħed isegwi prattika tajba, huwa għandu jgħarraf ukoll lill-passiġġieri dwar il-possibbiltajiet li jagħmlu appell jew dwar l-azzjonijiet l-oħra li għandhom jieħdu f’każ li ma jaqblux mal-valutazzjoni tal-każ tagħhom.

    8.2.   Il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali tal-infurzar dwar it-trattament tal-ilmenti transkonfinali (l-Artikolu 31) u d-deċiżjoni dwar l-entità nazzjonali tal-infurzar kompetenti

    Minbarra r-rekwiżit li jikkooperaw bejniethom, ir-Regolament ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar it-trattament tal-ilmenti transkonfinali bejn l-Istati Membri. Bil-għan li jitħaffef u jiġi ffaċilitat it-trattament tat-tali lmenti, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-prattika tajba li ġejja:

    Ir-Regolament jistipula l-obbligi tal-impriżi ferrovjarji. Il-passiġġieri dejjem jistgħu jibagħtu l-ilmenti tagħhom lil entità nazzjonali tal-infurzar jew lil entità maħtura oħra (l-Artikolu 30(2)). Meta dawn jilmentaw dwar allegat ksur ta’ obbligu min-naħa ta’ impriża ferrovjarja, l-entità nazzjonali tal-infurzar li tittratta l-ilment għandha, għal raġunijiet ta’ effiċjenza u effettività, tkun dik tal-Istat Membru li jkun ta l-liċenzja lil dik l-impriża ferrovjarja.

    Pereżempju, jekk jintbagħat ilment dwar mewt jew korriment li seħħ minħabba inċident tal-ferrovija, l-entità nazzjonali tal-infurzar kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li jkun ta l-liċenzja lill-impriża ferrovjarja li tkun ġarret lill-passiġġier fil-mument tal-inċident. Jekk isir xi lment minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar minn qabel il-vjaġġ, l-entità kompetenti se tkun l-entità nazzjonali tal-infurzar tal-Istat Membru li ta l-liċenzja lill-impriża ferrovjarja li magħha l-passiġġier ikun ikkonkluda l-kuntratt tat-trasport, anki jekk dan il-kuntratt ikun sar permezz ta’ intermedjarju (pereżempju permezz ta’ bejjiegħ tal-biljetti jew ta’ aġent tal-ivvjaġġar, eċċ.). Jekk isir xi lment dwar l-assistenza (l-ikel, ix-xorb jew l-akkomodazzjoni), l-entità kompetenti se tkun l-entità nazzjonali tal-infurzar tal-Istat Membru li jkun ta l-liċenzja lill-impriża ferrovjarja li tkun responsabbli għall-għoti tat-tali l-assistenza skont l-Artikolu 18.

    F’ċerti każijiet (pereżempju fil-każ ta’ każijiet ikkumplikati, każijiet li jinvolvu diversi talbiet u vjaġġi transkonfinali jew fil-każ ta’ inċidenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li jkun ta l-liċenzja lill-impriża ferrovjarja), l-entitajiet nazzjonali tal-infurzar jistgħu jiddeċiedu flimkien li ma jżommux mal-prinċipji msemmija hawn fuq u li jidentifikaw bejniethom entità nazzjonali tal-infurzar “ewlenija”, b’mod partikulari f’każijiet fejn ma jkunx ċar liema entità tkun il-waħda kompetenti, jew fejn dan jagħmilha eħfef jew iktar faċli li wieħed isolvi l-ilment. F’konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 31 tar-Regolament, l-entitajiet nazzjonali kollha tal-infurzar involuti għandhom jikkooperaw mal-entità nazzjonali tal-infurzar “ewlenija” u jagħtuha l-informazzjoni rilevanti sabiex ikun iktar faċli li jiġi solvut l-ilment (pereżempju billi jaqsmu l-informazzjoni magħha, billi jgħinuha tittraduċi d-dokumenti u billi jagħtuha informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi ta’ xi inċident). Il-passiġġier għandu jiġi mgħarraf liema entità tkun qed taġixxi bħala l-entità “ewlenija”, u din l-entità mbagħad għandha sservi bħala l-uniku punt ta’ kuntatt tiegħu.

    Meta jsir ilment dwar ksur li setgħu għamlu l-amministraturi tal-istazzjonijiet, l-entità nazzjonali tal-infurzar kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-inċident.

    Sabiex il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet tal-infurzar tal-Istati Membri tkun waħda effettiva, kull ftehim li jsir bejniethom dwar it-trattament tal-ilmenti għandu jiżgura li l-penali għall-ksur tar-Regolament ikunu jistgħu jiġu imposti tal-inqas minn awtorità ta’ Stat Membru wieħed.


    (1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

    (2)  COM(2013) 587 final, 14.8.2013.

    (3)  Ara l-punt 5.1 tar-rapport tal-14 ta’ Awwissu 2013.

    (4)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70. Imfassla mill-ġdid permezz tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

    (5)  Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

    (6)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25.

    (7)  Ara l-punt 4 tar-rapport tal-14 ta’ Awwissu 2013.

    (8)  L-Anness I jibda mill-Artikolu 6 tas-CIV.

    (9)  Ara wkoll l-Artikolu 31(3) tal-Anness I, li jistipula li t-trasportatur għandu jinżamm responsabbli għall-mewt tal-passiġġieri, jew għall-korriment personali tagħhom, meta dawn jinġarru b’mezz ieħor tat-trasport minflok bil-ferrovija minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali.

    (10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012 fil-kawża C-136/11, Westbahn Management GmbH vs. ÖBB-Infrastruktur AG.

    (11)  http://www.ecf.com/wp-content/uploads/130418_Bike-carriage-on-long-distance-trains_Good-practice_Final-ECF-paper.pdf

    (12)  Ara l-punt 2.8.2 tar-Rapport.

    (13)  Skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), l-unitajiet tal-kont imsemmija fl-Appendiċijiet huma d-drittijiet speċjali ta’ prelevament iddefiniti mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

    (14)  Ara l-punt 5.1 tar-Rapport.

    (15)  Ara d-definizzjoni ta’ dewmien mogħtija fil-punt 2.2, li għandha x’taqsam mad-dewmien tal-passiġġier u mhux tas-servizz tal-ferrovija.

    (16)  Ara wkoll il-punt 4.2.2.

    (17)  Ara l-Artikolu 6(2) tar-Regolament.

    (18)  Ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 110), li fih rekwiżiti speċifiċi dwar l-ispazju għas-siġġijiet tar-roti.

    (19)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (http://www.un.org/disabilities/documents/convention/convoptprot-e.pdf). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-UE fit-22 ta’ Jannar 2011. It-28 Stat Membru tal-UE kollha ffirmawha u ħafna minnhom diġà rratifikawha. Ara wkoll ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE, jiġifieri d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2014) 182 finali, 5.6.2014.

    (20)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

    (21)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    (22)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 14).


    Top