Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0012

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT L-AĦJAR UŻU TAL-FLESSIBBILTÀ FIR-REGOLI EŻISTENTI TAL-PATT TAL-ISTABBILTÀ U TKABBIR

    /* COM/2015/012 final */

    52015DC0012

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT L-AĦJAR UŻU TAL-FLESSIBBILTÀ FIR-REGOLI EŻISTENTI TAL-PATT TAL-ISTABBILTÀ U TKABBIR /* COM/2015/012 final */


    Werrej

    1. Introduzzjoni 3

    2. Kjarifiki dwar l-investiment. 5

    3. Kjarifiki dwar riformi strutturali 10

    4. Kjarifiki rigward il-kundizzjonijiet ċikliċi 15

    5. Konklużjoni 18

    Anness 1 – Ir-reġistrazzjoni tal-istatistika tal-kontribuzzjonijiet relatata mal-fond ewropew għal investimenti strateġiċi 19

    Anness 2 – matriċi għall-ispeċifikazzjoni tal-aġġustament fiskali  annwali lejn  l‑objettiv ta' terminu medju (OTM) taħt il-parti preventiva tal-patt. 20

    1.      Introduzzjoni

    Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2015[1], il-Kummissjoni identifikat l‑investiment, ir-riformi strutturali u r-responsabbiltà fiskali bħala elementi ewlenin tal‑istrateġija ta’ politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea sabiex jinħolqu l-impjiegi u t‑tkabbir. Hija ppreżentat ukoll Pjan Ġdid ta’ Investiment għall-Ewropa b’appoġġ għal din l‑istrateġija[2]. Kemm dan l-approċċ ekonomiku ġenerali kif ukoll l-elementi konkreti tal-Pjan ta’ Investiment ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta’ Diċembru 2014.

    Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li, sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-investiment, ir-riformi strutturali u r-responsabbiltà fiskali, hija se tipprovdi aktar gwida dwar l-aħjar użu possibbli tal-flessibbiltà li hija integrata fir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (minn issa 'l quddiem "il-Patt")[3], mingħajr ma tbiddel dawn ir-regoli. Dan isegwi impenn mil‑Linji wida Politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida,[4] kif ukoll diskussjonijiet preċedenti fil‑Kunsill Ewropew[5] u fil-Parlament Ewropew[6]. 

    Din il-Komunikazzjoni interpretattiva[7] tipprovdi din il-gwida addizzjonali, mingħajr ma jinbidlu jew jiġu sostitwiti r-regoli eżistenti. Il-Patt huwa pedament tal-governanza ekonomika tal-UE u huwa ta’ importanza deċiżiva għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

    L-għan tiegħu huwa li jippromwovi politiki baġitarji sodi u li jiżgura s-sostenibbiltà tal‑finanzi pubbliċi fl-Istati Membri. Sa mill-bidu tiegħu fl-1997, il-Patt ġie riformat mil‑leġislatur tal-UE fl-2005 u fl-2011-13 u msaħħaħ mill-esperjenza. F’dawn l-aħħar snin, dan ħadem bħala parti minn ċiklu annwali usa’ u msaħħaħ ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, magħruf bħala s-Semestru Ewropew.

    Il-kredibbiltà tar-regoli miftiehma hija kruċjali għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l‑istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha kemm hi. Il-kriżi tad-dejn finanzjarju u sovran tal-aħħar snin uriet kemm huma interdipendenti l-ekonomiji Ewropej u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni ekonomika u fiskali qawwija fl-UE. L-eżistenza u r-rispett tar‑regoli kienu essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u l-kunfidenza. Iffaċċjata b’eskalazzjoni ta' defiċits u dejn f’diversi pajjiżi sa ftit snin ilu biss, l-UE kisbet progress konsiderevoli fit-titjib tas-solidità tal-finanzi pubbliċi tagħha b’mod ġenerali.

    Il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Istati Membri kollha għandu jkun fil-qalba tal‑applikazzjoni tal-Patt. Il-Patt huwa sistema bbażata fuq ir-regoli li tistabbilixxi qafas kondiviż u applikat mill-Istati Membri kollha, fejn il-Kummissjoni tipproponi u l-Kunsill jiddeċiedi. It-trattament ugwali, madankollu, ma jfissirx "soluzzjoni waħda għal kulħadd", u għandu jkun marbut mal-valutazzjoni ekonomika li hija meħtieġa f'kull sitwazzjoni. Huwa apposta li l-Patt jipprevedi flessibbiltà fil-mod kif ir-regoli tiegħu għandhom jiġu applikati, kemm matul iż-żmien kif ukoll bejn il-pajjiżi. Huwa wkoll apposta li titħalla ċerta diskrezzjoni, fir-regoli miftiehma, għall-Kummissjoni u l-Kunsill biex jivvalutaw is-solidità tal-finanzi pubbliċi fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jirrakkomandaw l‑aħjar azzjoni bbażata fuq l-aħħar żviluppi u informazzjoni.

    Il-flessibbiltà tvarja skont jekk Stat Membru ikunx fil-parti preventiva jew korrettiva tal-Patt. Il-parti preventiva għandha l-għan li tiggarantixxi pożizzjoni baġitarja soda fl-Istati Membri kollha: l-għan prinċipali tagħha huwa li kull Stat Membru jikseb pożizzjoni baġitarja soda fuq tul ta’ żmien medju (l-hekk imsejjaħa l-Objettiv ta’ Terminu Medju jew OTM), li hija stabbilita skont prinċipji li dwarhom hemm qbil komuni[8]. Dan l-OTM huwa fformulat f’termini strutturali, li jfisser li huwa aġġustat biex jieħu kont taċ-ċiklu ekonomiku u korrett sabiex jeskludi l-impatt ta’ miżuri ta’ darba, u huwa speċifiku għal kull pajjiż. Il-loġika sottostanti hija li l-Istati Membri għandhom jiksbu u jżommu pożizzjoni baġitarja li tippermetti li l-istabilizzaturi awtomatiċi jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom biex itaffu x-xokkijiet ekonomiċi possibbli. Dan għandu jservi wkoll biex inaqqas id-dejn għal livelli prudenti,billi jikkunsidra l-profil demografiku ta’ kull pajjiż u l-kost baġitarju tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Il-parti korrettiva tal-Patt tindirizza sitwazzjonijiet fejn id-defiċit u/jew id-dejn tal‑gvern huma ogħla mill-valuri referenzjali stabbiliti fit-Trattat: f’dawn il-każijiet, l‑Istati Membri mbagħad ikunu soġġetti għal Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv ("PDE"), li tinvolvi kundizzjonijiet u monitoraġġ aktar stretti[9].

    Il-gwida ppreżentata hawn tiffoka fuq il-marġni ta’ interpretazzjoni li hija f’idejn il‑Kummissjoni, f’konformità mar-regoli tal-Patt, mingħajr tibdil fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Din tiċċara kif tliet dimensjonijiet ta’ politika speċifiċi jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni bl‑aħjar mod fl-applikazzjoni tar-regoli. Dawn jirrigwardaw: (i) l-investiment, b'mod partikolari rigward l-istabbiliment ta' Fond Ewropew ġdid għall-Investimenti Strateġiċi bħala parti mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa; (ii) ir-riformi strutturali; u (iii) l-kundizzjonijiet ċikliċi.

    Din il-komunikazzjoni interpretattiva hija kontribut lejn l-iżvilupp ta’ pożizzjoni fiskali li tiffavorixxi aktar it-tkabbir fiż-żona tal-euro[10]. Hija wkoll parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-effettività u l-fehim tar-regoli— xi kultant neċessarjament kumplessi — li hija responsabbli li tapplika. It-trasparenza u l-prevedibbiltà huma essenzjali għas-sjieda tar-regoli mill-atturi kollha.

    2.      Kjarifiki dwar l-investiment 2.1.      Il-Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi

    Aspett ċentrali tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa propost mill-Kummissjoni huwa l‑istabbiliment ta’ Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi (European Fund for Strategic Investments, EFSIEFSI) fi sħubija bejn il‑Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal‑Investiment (BEI). Wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew fit‑18‑19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament dwar il‑EFSI[11].

    Il-Fond se joffri kapaċità ġdida li ġġorr ir-riskji li se tippermetti l-BEI jinvesti f’ekwità, dejn subordinat u porzjonijiet ta' riskju ogħla ta’ dejn superjuri u li tipprovdi titjib tal-kreditu għall-proġetti eliġibbli. Se jsir kontribut inizjali mill-baġit tal-UE għal din il-kapaċità li ġġorr ir-riskji, fil-forma ta’ fond ta’ garanzija ġdid, u mir-riżorsi proprji tal-BEI. L-użu ta’ din il‑garanzija tal-UE u tal-fondi tal-BEI ma għandu l-ebda impatt fuq il-livelli ta' defiċit u dejn tal-Istati Membri.

    Il-kapaċità tal-EFSI tista' tkompli tiżdied permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali mill-Istati Membri. Fil-Pjan ta’ Investiment tagħha għall-Ewropa, il‑Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tieħu "pożizzjoni favorevoli lejn kontribuzzjonijiet kapitali (simili) għall-Fond fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha ta’ finanzi pubbliċi skont il-Patt". Il-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta’ Diċembru 2014 ħa nota ta’ din l‑intenzjoni[12].

    Minbarra li jikkontribwixxu għall-EFSI, l-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jikkofinanzjaw proġetti individwali li huma wkoll kofinanzjati minnu. Din it-taqsima tipprovdi gwida dwar kif dawn id-diversi kontribuzzjonijiet se jiġu vvalutati skont il-Patt.

    2.1.1.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri għall-EFSI

    Żewġ aspetti jeħtieġ li jiġu individwati hawnhekk: i) jekk dawn il-kontribuzzjonijiet humiex reġistrati statistikament bħala defiċit u/jew dejn, skont id-definizzjonijiet stabbiliti tas‑Sistema Ewropea tal-Kontijiet (European System of Account - ESA); u ii) il-mod kif il‑Kummissjoni se tieħu in konsiderazzjoni dawn il-kontribuzzjonijiet fil-valutazzjoni tagħha tal-konformità mal-Patt.

    Ir-reġistrazzjoni tal-statistika

    Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-istatistika, din se tiddependi fuq in-natura speċifika tal‑kontribuzzjonijiet u l-kategorizzazzjoni tagħhom mill-Uffiċċju Ewropew tal‑Istatistika (Eurostat), b’rispett sħiħ tal-indipendenza tagħha. L-Anness 1 jipprovdi aktar informazzjoni, abbażi ta' eżempji konkreti.

    Applikazzjoni tal-Patt

    Qafas Legali Il-Patt jistabbilixxi li, fil-valutazzjoni tal-aġġustament fiskali meħtieġ taħt il-parti preventiva u dik korrettiva tiegħu, il-Kunsill jispeċifika miri li huma stabbiliti f’termini "strutturali". Parti preventiva L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li "Fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet mill‑Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill għandu [...] jivvaluta [...] jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti [mill-Istat Membru] [...] humiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien matul iċ-ċiklu. Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru kkonċernat hux jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu ta’ żmien, b’0,5 % tal-PDG bħala valur referenzjali [...].” Parti korrettiva L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li “[...] jekk tqis li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza opinjoni u proposta lill-Kunsill [...] u għandha tinforma lill‑Parlament Ewropew b’dan. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv [...]. Meta jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu fl-istess ħin jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru konċernat [...]. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill [...] tistabbilixxi skadenza massima ta’ sitt xhur għal azzjoni effettiva li trid tittieħed mill-Istat Membru konċernat [...]. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, li għandha titlesta fis-sena ta’ wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jilħaq miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li huwa l‑bażi tar-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5 % tal‑PDG bħala valur referenzjali, fil-bilanċ nett tiegħu aġġustat ċiklikament minn miżuri ta’ darba jew temporanji, sabiex tkun żgurata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-iskadenza stipulata fir‑rakkomandazzjoni [...].”

    Mingħajr preġudizzju għall-irrekordjar tal-statistika mill-Eurostat tal-kontribuzzjonijiet għall‑EFSI, il-Kummissjoni tista' diġà tipprovdi gwida dwar kif ir-regoli eżistenti tal-Patt se japplikaw f'dawn il-każijiet.

    Fil-valutazzjoni tal-aġġustament fiskali meħtieġ taħt il-parti preventiva u dik korrettiva, il‑Kunsill jispeċifika miri f’termini strutturali. Tali miri jeskludu l-miżuri eċċezzjonali ta’ darba, li ma jkollhom l-ebda effett fuq il-pożizzjoni fiskali sottostanti. Dan ikun tipikament il-każ għall-kontribuzzjonijiet inizjali ta' flus kontanti għall-Fond[13].

    B’mod speċifiku, il-Kummissjoni se tikkunsidra li:

    § Taħt il-parti preventiva tal-Patt, la l-kisba tal-OTM u lanqas l-aġġustament fiskali lejh meħtieġ ma jiġu affettwati, peress li t-tnejn huma stabbiliti f’termini strutturali. Il-bilanċ strutturali, skont id-definizzjoni, mhuwiex affettwat minn nefqa ta’ darba, bħall-kontribuzzjonijiet għall-Fond.

    § Fil-parti korrettiva tal-Patt (il-PDE), il-konformità mal-isforz ta’ aġġustament fiskali rrakkomandat mill-Kunsill ma tkunx affettwata, billi din hija wkoll imkejla f’termini strutturali. Kontribuzzjoni għall-EFSI ma għandhiex twassal biex Stat Membru jinstab mhux konformi mar-rakkomandazzjoni tal-PDE tiegħu.

    § F'każ ta' nuqqas ta' rispett tal-valur referenzjali tad-defiċit, meta tħejji r-rapport previst taħt l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni se tikkunsidra l‑kontribuzzjoni għall-EFSI bħala "fattur rilevanti" f'konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Dan ifisser li ma titnedhiex PDE jekk dan in‑nuqqas ta' rispett ikun dovut għall-kontribuzzjoni, u jekk l-eċċess fuq il-valur referenzjali ikun żgħir u mistenni li jkun temporanju.

    § F'każ ta' nuqqas ta' rispett tal-valur referenzjali tad-dejn, meta tħejji r-rapport previst taħt l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni se tikkunsidra l‑kontribuzzjoni għall-EFSI bħala "fattur rilevanti" f'konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Dan ifisser li ma titnedhiex PDE jekk in‑nuqqas ta’ rispett ikun dovut għall-kontribuzzjoni.

    2.1.2.     Kofinanzjament mill-Istati Membri ta’ proġetti ta’ investiment kofinanzjati wkoll mill‑EFSI

    IL-EFSI se jikkontribwixxi għal varjetà ta’ proġetti ta’ investiment u se jservi biex jiżgura aktar investimenti privati u/jew pubbliċi għal dawn il-proġetti. Il-kofinanzjament mill-Istati Membri ta’ proġetti individwali, inklużi pjattaformi possibbli ta’ investiment, tipikament se jieħu l-forma ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, bħal self, strumenti ta’ dejn jew parteċipazzjoni fil-kapital. Ir-reġistrazzjoni tal-istatistika tvarja skont l-istrument (ara l‑Anness 1).

    Mil-lat tal-implimentazzjoni tal-Patt, il-Kummissjoni se tqis il-kofinanzjament nazzjonali ta’ proġetti ta’ investiment ikkofinanzjati wkoll mill-EFSI fl-applikazzjoni tal-hekk imsejħa "klawżola tal-investiment" spjegata fit-Taqsima 2.2 hawn taħt.

    Sommarju dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi Kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-EFSI mhumiex se jitqiesu mill-Kummissjoni meta tiddefinixxi l-aġġustament fiskali taħt il-parti preventiva jew korrettiva tal-Patt. F’każ ta’ eċċess fuq il-valur referenzjali, il-Kummissjoni mhix se tniedi l-PDE jekk dan l‑eċċess ikun dovut biss għall-kontribuzzjoni u jkun żgħir u mistenni li jkun temporanju. Meta tivvaluta eċċess ’il fuq mill-valur referenzjali tad-dejn, il-Kummissjoni mhux se tikkunsidra kontribuzzjonijiet għall-EFSI.

    2.2.      Investimenti oħrajn taħt il-parti preventiva tal-Patt

    Qafas Legali

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li "[...] il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli [...]. " Dan l-Artikolu huwa riprodott f'aktar dettall fil-kaxxa Qafas Legali fit-Taqsima 3.1 hawn taħt.

    Taħt il-parti preventiva tal-Patt, xi investimenti meqjusa bħala ekwivalenti għal riformi strutturali prinċipali jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġġustifikaw devjazzjoni temporanja mill-OTM tal-Istat Membru kkonċernat jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh.

    Il-Kummissjoni pprovdiet l-ewwel gwida fl-imgħoddi dwar kif dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal investimenti pubbliċi b’effetti baġitarji pożittivi, diretti u verifikabbli fit-tul fuq it-tkabbir u fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi[14]. Din il-gwida (komunement imsemmija bħala “l-klawżola tal-investiment”) hija speċifikata u formalizzata permezz ta’ din il-Komunikazzjoni biex jitqiesu aħjar is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, f’konformità mat-test u l-ispirtu tal-Patt. Minn issa 'l quddiem, Stat Membru se jibbenefika mill-“klawżola tal-investiment” jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)           it-tkabbir tal-PDG tiegħu huwa negattiv jew il-PDG jibqa’ ferm anqas mill-potenzjal tagħhom (li jirriżulta f’marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni negattiv ta’ aktar minn 1,5 % tal-PDG);

    (ii)          id-devjazzjoni mill-OTM jew il-perkors maqbul ta' aġġustament fiskali lejh ma jwassalx għal eċċess ’il fuq mill-valur referenzjali ta’ 3 % tad-defiċit tal-PDG u jinżamm marġni ta’ sigurtà adatt;

    (iii)         id-devjazzjoni hija marbuta man-nefqa nazzjonali dwar il-proġetti kofinanzjati mill‑UE skont il-Politika Strutturali u ta’ Koeżjoni[15], in-Netwerks Trans-Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u ma' kofinanzjament nazzjonali ta’ proġetti ta’ investiment ikkofinanzjati wkoll mill-EFSI, li għandhom effetti baġitarji diretti pożittivi u verifikabbli fuq perjodu twil ta' żmien;

    (iv)         in-nefqa kofinanzjata ma għandhiex tissostitwixxi l-investimenti ffinanzjati nazzjonalment, biex b’hekk it-total tal-investimenti pubbliċi ma jonqosx;

    (v)          l-Istat Membru jrid jikkumpensa għal kwalunkwe devjazzjoni temporanja u l-OTM irid jintlaħaq fi żmien erba’ snin mill-Programm ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza attwali tiegħu.

    Meta mqabbel mal-gwida preċedenti, dan ifisser li l-Kummissjoni se tapplika l-"klawżola tal‑investiment" irrispettivament mill-kundizzjoni ekonomika taż-żona tal-euro jew l-UE kollha kemm hi, sabiex torbotha biss mal-kundizzjonijiet ċikliċi li l-Istati Membri individwali jiffaċċjaw. Jekk l-Istati Membri jitħallew jibbenefikaw minn din il-klawżola meta t-tkabbir tagħhom stess ikun negattiv jew ferm anqas mill-potenzjal tiegħu, dan jippermetti applikazzjoni usa’ tal-klawżola, milli fil-passat, u waħda li tirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż[16].

    Sommarju għall-“klawżola tal-investiment” taħt il-parti preventiva tal-Patt L-Istati Membri fil-parti preventiva tal-Patt jistgħu jiddevjaw temporanjament mill-objettiv ta’ terminu medju (OTM) jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh biex jakkomodaw l‑investiment, sakemm: it-tkabbir tal-PDG tagħhom ikun negattiv jew il-PDG tagħhom jibqa’ ferm anqas mill-potenzjal; id-devjazzjoni ma twassalx għal eċċess 'il fuq mit-3 % tal‑valur referenzjali tad-defiċit u jinżamm marġni ta’ sigurtà adatt; il-livelli ta’ investiment jiżdiedu effettivament bħala riżultat; id-devjazzjoni tkun ikkumpensata fil‑qafas ta’ żmien tal-Programm ta’ Stabbiltà jew Konverġenza tal-Istat Membru. L‑investimenti eliġibbli huma n-nefqiet nazzjonali fuq proġetti kofinanzjati mill-UE skont il-politika Strutturali u ta’ Koeżjoni, in-Netwerks Trans-Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll kofinanzjament nazzjonali ta’ proġetti kofinanzjati wkoll mill-Fond Ewropew għal Investimenti strateġiċi.

    3.      Kjarifiki dwar riformi strutturali 3.1.      Riformi strutturali taħt il-parti preventiva tal-Patt

    Qafas Legali L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 jispeċifika kif l-Istati Membri għandhom jersqu lejn pożizzjoni baġitarja soda. B'mod partikolari, dan jipprevedi li “[…] Meta jiddefinixxu l-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta jippermettu devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu diġà laħquh, sakemm jiġi ppreservat marġini xieraq ta’ sikurezza fir‑rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju għall-perjodu medju ta’ żmien matul il-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l‑Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-riformi fil-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mill-pjan ta’ aġġustament lejn l‑objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju jew mill-objettiv innifsu, bid-devjazzjoni tirrifletti l-ammont tal-impatt dirett inkrementali tar-riforma fuq il-bilanċ tal-gvern ġenerali, sakemm jiġi ppreservat marġini adegwat ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit." L-Artikolu 9 tal-istess Regolament jipprevedi li l-istess regola tapplika għal Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

    Din it-taqsima tipprovdi gwida dwar kif ir-riformi strutturali jistgħu jitqiesu taħt il-parti preventiva tal-Patt, jiġifieri l-hekk imsejħa “klawżola ta’ riforma strutturali”[17].

    F’konformità mar-regoli eżistenti tal-Patt, l-Istati Membri li jimplimentaw riformi strutturali prinċipali jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-OTM tagħhom jew mill-pjan ta’ aġġustament lejh. Dan jippermettilhom jaħsbu għall-ispejjeż fuq perjodu qasir li jkollhom effetti baġitarji pożittivi fit-tul, fosthom billi jiżdied it-tkabbir sostenibbli potenzjali.

    “Riformi strutturali” li jistgħu jiġu kkunsidrati taħt il-Patt

    Sabiex tkun kompletament operazzjonali, il-“klawżola ta’ riforma strutturali” trid tistrieħ fuq prinċipji definiti tajjeb rigward l-eliġibilità tar-riformi simili. Il-Kummissjoni se tibbaża l‑valutazzjoni tagħha fuq il-kriterji li ġejjin:

    (i)           Ir-riformi jridu jkunu maġġuri. Filwaqt li hemm xi riformi individwali b’impatt pożittiv maġġuri fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, bħal riformi tal-pensjonijiet, pakketti komprensivi u mfassla tajjeb ta’ riformi li jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali jistgħu jkollhom ukoll impatt pożittiv ewlieni. Dan huwa partikolarment il-każ meta r-riformi jsaħħu l-impatt ta’ xulxin permezz ta’ għażla xierqa ta’ taħlita ta’ politiki u s-sekwenza tal-implimentazzjoni.

    (ii)          Ir-riformi jrid ikollhom effetti baġitarji pożittivi fit-tul diretti, inkluż billi jżidu l‑potenzjal tat-tkabbir sostenibbli, u għaldaqstant impatt verifikabbli fuq is‑sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. L-effetti ta' sostenibbiltà jistgħu jirriżultaw minn iffrankar baġitarju dirett mir-riformi (bħal fil-pensjonijiet jew il‑kura tas-saħħa), jew miż-żieda fid-dħul akkwistat fiż-żmien medju u fit-tul minn ekonomija aktar effiċjenti b’potenzjal ogħla tal-produzzjoni (pereżempju minħabba tnaqqis fil-qgħad strutturali jew żieda fil-forza tax-xogħol), jew minn taħlita taż‑żewġ tipi ta’ effetti[18].

    (iii)         Ir-riformi jridu jiġu implimentati kompletament. Filwaqt li wieħed jifhem li r‑riformi kollha għandhom jiġu adottati qabel ma jitqiesu bħala eliġibbli għall‑klawżola, huwa veru wkoll li l-implimentazzjoni effettiva ta’ riformi adottati taf tieħu ż-żmien u tista’ tkun soġġetta għal dewmien u problemi. Dan iqajjem il‑kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ salvagwardji kontra r-riskju ta’ nuqqasijiet fl‑implimentazzjoni. Filwaqt li l-Patt ma jipprovdix l-għodda għall-monitoraġġ tal‑infurzar ta' riformi strutturali, il-qafas legali li fih jopera l-Patt - notevolment il-proċess tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta' Żbilanċi Eċċessivi (PŻE)[19] ġdida - jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jevalwaw l‑isfidi u l‑iżbilanċi li jeħtieġu riformi strutturali, u l-monitoraġġ tal-azzjoni li ħadu l‑Istati Membri.

    Attivazzjoni tal-"klawżola tar-riforma strutturali"

    Il-Kummissjoni se tqis li l-kriterju relatat mal-implimentazzjoni tar-riformi jiġi ssodisfat ex ante meta:

    § L-Istat Membru jippreżenta pjan ta’ riforma strutturali fuq terminu medju li huwa komprensiv u dettaljat (pereżempju bħala parti mill-Programm ta’ Riforma Nazzjonali ppubblikat flimkien mal-Programm ta’ Stabilità jew Konverġenza) u jinkludi miżuri speċifikati tajjeb u skedi ta’ żmien realistiku għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. L-implimentazzjoni tar-riformi se tiġi ssorveljata mill-qrib fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

    § Fil-każ speċifiku ta' Stat Membru fil-Proċedura ta' Żbilanċi Eċċessivi (PŻE), ippreżenta Pjan ta' Azzjoni Korrettiva (PAK) li jipprovdi l‑informazzjoni neċessarja. L-implimentazzjoni tar-riformi mbagħad se tiġi ssorveljata permezz tal‑PŻE.

    Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri huma mistennija jipprovdu dokumentazzjoni trasparenti u fil-fond u jikkwantifikaw ir-riformi kemm f’termini tal-impatt baġitarju fuq perjodu medju kif ukoll l-impatt tat-tkabbir potenzjali. Dan irid jinkludi wkoll dettalji dwar l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni tar-riformi.

    Applikazzjoni tal-"klawżola tar-riforma strutturali"

    Fil-każ speċifiku ta' riformi tal-pensjonijiet li jikkonsistu fl-introduzzjoni ta' sistema b'diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat għal kollox, il-metodoloġija li tippermettilhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-parti preventiva tal-Patt hija deskritta fl‑Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 (ara l-kaxxa fil-bidu ta' din it-Taqsima)[20].

    Għal riformi strutturali oħra, il-Kummissjoni se tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li tinsab fil-pjan ta’ riforma strutturali dedikat (jew il-Pjan ta’ Azzjoni Korrettiva). F’dan il-każ, din se tirrakkomanda l-għoti, lil Stati Membri eliġibbli, ta' żmien addizzjonali biex jilħqu l-OTM, u b’hekk tippermetti devjazzjonijiet temporanji mill-perkors ta’ aġġustament strutturali lejh, jew devjazzjoni temporanja mill-OTM għall-Istati Membri li diġà laħquh, sakemm:

    (i)           ir-riformi jissodisfaw il-kriterji ta’ hawn fuq;

    (ii)          id-devjazzjoni temporanja ma taqbiżx iż-0,5 % tal-PDG, u li jintlaħaq l-OTM fil‑perjodu ta’ erba’ snin tal-Programm ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tas-sena li fiha din il-klawżola tiġi attivata;

    (iii)         marġni ta’ sigurtà xieraq ikun kontinwament ippreservat b’tali mod li d-devjazzjoni mill-OTM jew il-perkors ta' aġġustament fiskali maqbul ma jwassalx għal eċċess ’il fuq mill-valur referenzjali ta’ 3 % tal-PDG għad-defiċit.

    F’każ li Stat Membru jonqos milli jimplimenta r-riformi miftiehma, id-devjazzjoni temporanja mill-OTM, jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh, ma għandhiex tibqa' tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata. Jekk tali nuqqas jirriżulta f’devjazzjoni sinifikanti mill-OTM jew il-perkors lejh, il-Kummissjoni se tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(2) u l‑Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Dan ifisser li l-Kummissjoni toħroġ twissija lil dak l-Istat Membru, segwita minn proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, biex tiżgura li l-Istat Membru jieħu miżuri ta’ politika xierqa fi żmien ħames xhur biex jindirizza dik id-devjazzjoni. Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, in-nuqqas kontinwu ta’ konformità jista’ fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal rekwiżit li jsir depożitu li jħalli l‑imgħax[21].

    Sommarju tar-“klawżola ta' riforma strutturali” taħt il-parti preventiva tal-Patt Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-impatt fiskali pożittiv tar-riformi strutturali taħt il-parti preventiva tal-Patt, dment li tali riformi (i) ikunu kbar, (ii) ikollhom effetti baġitarji pożittivi verifikabbli diretti u fuq perjodu twil ta’ żmien, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u (iii) jkunu implimentati kompletament. Biex miżuri ta’ riforma jiġu kkunsidrati “ex ante”, l-Istati Membri se jkunu mistennija jippreżentaw pjan ta’ riforma strutturali ddedikat li jipprovdi informazzjoni dettaljata u verifikabbli, kif ukoll skedi ta’ żmien kredibbli għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni. Il‑Kummissjoni se tivvaluta l-pjan ta’ riforma rilevanti qabel ma tirrakkomanda li tippermetti devjazzjoni temporanja mill-OTM jew mill-perkors lejh. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riformi. F’każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni meħtieġa.

    3.2.      Ir-riformi strutturali taħt il-parti korrettiva tal-Patt

    Qafas Legali L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li "[...] Meta tħejji rapport [mitlub] taħt l‑Artikolu 126(3) tat-TFUE [jiġifieri meta Stat Membru ma jissodisfax ir-rekwiżiti taħt il-kriterju tad‑defiċit jew tad-dejn, jew it-tnejn], il-Kummissjoni għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha kif indikat f’dak l-Artikolu, sakemm dawn jaffettwaw b’mod sinifikanti l-valutazzjoni tal-konformità mal‑kriterji tad-defiċit u tad-dejn mill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rapport għandu jirrifletti, kif xieraq: (a) l-iżviluppi fil-pożizzjoni ekonomika għall-perjodu medju [...]; (b) l-iżviluppi fil‑pożizzjonijiet baġitarji għall-perjodu medju, inkluż b’mod partikolari r-rekord tal-aġġustament lejn l-għan tal-estimi fuq terminu medju ta’ żmien, il-livell ta’ bilanċ primarju u żviluppi fin-nefqa primarja, kemm kurrenti u kemm kapitali, l-implimentazzjoni ta’ politika fil-kuntest tal-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika fil-kuntest tal-istrateġija ta’ tkabbir komuni għall-Unjoni, u l-kwalità ġenerali tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari, l-effettività ta’ oqfsa baġitarji nazzjonali; (c) l-iżviluppi fil-pożizzjoni tad-dejn tal-gvern għal terminu medju [...]. Il-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa u espliċita lil kwalunkwe fattur ieħor li, fl‑opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat huwa rilevanti sabiex tkun ivvalutata b’mod komprensiv il‑konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn u li l-Istat Membru ressaq quddiem il-Kunsill u l‑Kummissjoni […]. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu valutazzjoni kumplessiva bbilanċjata tal-fatturi rilevanti kollha [...]. Meta jivvalutaw il-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjali, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi fil‑passi li jwasslu għad-deċiżjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kif previst fil-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Artikolu 126 tat-TFUE biss jekk il-kundizzjoni doppja tal-prinċipju ġenerali — li, qabel ma jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi rilevanti, id-defiċit ġenerali tal-gvern jibqa’ qrib il-valur referenzjali u l-eċċess tiegħu fuq il-valur referenzjali jkun temporanju — tiġi sodisfatta b’mod sħiħ. Jekk il-Kunsill [...] jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, fil-passi proċedurali sussegwenti ta’ dak l-Artikolu tat-TFUE, jikkunsidraw il-fatturi rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu [...], b’mod partikolari bl-iffissar ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u eventwalment fl-estensjoni tal-iskadenza [...].”

    L-għan ewlieni tal-parti korrettiva tal-Patt huwa li tiżgura il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi. Ir-regoli rilevanti ma jinkludux dispożizzjonijiet dettaljati biex jitqiesu r-riformi strutturali (jew ta' investiment) meta jkun qed jiġi vvalutat jekk Stat Membru jkunx ħa azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jiġi kkoreġut id‑defiċit eċċessiv. Madankollu, ir-riformi strutturali għandhom post rikonoxxut fil-parti korrettiva tal-Patt fid-deċiżjoni tal-passi differenti fil-PDE[22].

    L-ewwel nett, meta tkun qed teżamina jekk għandiex tinfetaħ PDE għal Stat Membru partikolari, il-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-iżviluppi kollha rilevanti fir-rigward tal‑pożizzjonijiet ta' terminu medju ekonomiċi, baġitarji u ta’ pożizzjonijiet ta’ dejn. Dawn il‑“fatturi rilevanti” jinkludu l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bħal fil-Proċedura ta’ Żbilanċi Eċċessivi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-riformi strutturali jikkostitwixxi fattur rilevanti aggravanti.

    It-tieni nett, il-fatturi rilevanti jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll waqt it-twaqqif tad-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Filwaqt li huwa mistenni li l-korrezzjoni ta’ defiċit eċċessiv isseħħ matul is-sena ta’ wara l-identifikazzjoni tiegħu, l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali prinċipali tikkostitwixxi fattur ewlieni li jiġi meqjus meta perkors pluriennali għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv jiġi kkunsidrat.

    Biex din id-dispożizzjoni għal riformi li ma ġewx implimentati kompletament issir operazzjonali, il-Kummissjoni se tikkunsidra li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ex ante, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jippreżenta pjan ta’ riforma strutturali, adottat mill‑gvern u/jew il-Parlament nazzjonali, li jkun fih informazzjoni dettaljata u verifikabbli, kif ukoll skedi taż-żmien kredibbli għall-implimentazzjoni u t-twettiq, taħt l-istess kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-“klawżola ta’ riforma strutturali” deskritta fit‑Taqsima 3.1. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-titjib annwali minimu ta’ 0,5 % tal‑PDG bħala punt ta’ referenza previst fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

    F’każ li Stat Membru jonqos milli jimplimenta r-riformi miftiehma, il-Kummissjoni se tikkunsidrah bħala fattur aggravanti fil-valutazzjoni ta’ azzjoni effettiva bi tweġiba għar‑rakkomandazzjoni tal-PDE u meta tistabbilixxi skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Nuqqas ta’ azzjoni effettiva se jwassal għal intensifikazzjoni tal-proċedura u s-sospensjoni possibbli tal-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment[23]. Għall-Istati Membri taż-żona tal‑euro, dan ifisser li l-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill l-impożizzjoni ta’ multa[24].

    It-tielet nett, meta tingħalaq il-PDE, il-Kummissjoni tagħti konsiderazzjoni xierqa, fejn rilevanti, għall-kost dirett tar-riformi tal-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. B'mod konkret, il‑PDE tista' tingħalaq anki jekk id-defiċit huwa 'l fuq minn 3 % tal-PDG, sakemm iż-żejjed ikun kompletament dovut għall-ispejjeż tal‑implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet u li d-defiċit ikun naqas sostanzjalment u kontinwament u laħaq livell li joqrob lejn il-valur referenzjali.

    Sommarju għar-riformi strutturali taħt il-parti korrettiva tal-Patt Il-Kummissjoni se tqis l-eżistenza ta’ pjan ta’ riforma strutturali speċifiku, li jipprovdi informazzjoni dettaljata u verifikabbli, kif ukoll skedi ta’ żmien kredibbli għall-adozzjoni u t-twettiq, meta tirrakkomanda skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv jew it-tul ta’ kwalunkwe estensjoni sa dik l-iskadenza. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l‑implimentazzjoni tar-riformi. F’każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni meħtieġa.

    4.      Kjarifiki rigward il-kundizzjonijiet ċikliċi 4.1.      Modulazzjoni tal-isforz fiskali matul iċ-ċiklu ekonomiku taħt il-parti preventiva tal-Patt

    Qafas Legali L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 jispeċifika kif l-Istati Membri għandhom jersqu lejn pożizzjoni baġitarja soda. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 jistipula li “[...] Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru kkonċernat hux jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu ta’ żmien, b’0,5 % tal-PDG bħala valur referenzjali u mingħajr ma jqis il-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji. Għall-Istati Membri ffaċċjati b’livell ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PDG jew b’riskji evidenti ta’ sostenibilità ġenerali ta’ dejn, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk it-titjib annwali fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku, esklużi l-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji, ikunx ogħla minn 0,5 % tal-PDG. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw jekk ikunx qed isir sforz ta’ aġġustament akbar fi żminijiet ekonomiċi tajba, filwaqt li l‑isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. B’mod partikolari, għandu jitqies id-dħul imprevist u n-nuqqas tad-dħul [...].”

    Sabiex jiġi vvalutat il-perkors ta' aġġustament xieraq għal kull Stat Membru lejn l-OTM rispettiv tiegħu, il-Patt jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lis-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' sostenibbiltà. Fil-prinċipju, Stati Membri li għadhom ma laħqux l-OTM tagħhom huma meħtieġa, bħala parametru referenzjali, jimmiraw għal titjib annwali tal-bilanċ tal-baġit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Ir-regoli jgħidu wkoll li l-Kummissjoni trid tikkunsidra jekk isirx sforz ta’ aġġustament ogħla fi żminijiet ekonomiċi tajbin, filwaqt li l‑isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ħżiena.

    Il-Kummissjoni b’hekk fasslet matriċi (ara l-Anness 2) li tikkjarifika u tispeċifika r-rekwiżiti ta’ aġġustament fiskali taħt il-parti preventiva tal-Patt. Din il-matriċi hija simetrika, tiddifferenzja bejn sforz fiskali ikbar li għandu jitwettaq waqt żminijiet tajbin u sforz fiskali iżgħar li għandu jitwettaq waqt kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli. Dan għandu jagħmilha possibbli li jiġu jirriflettu aħjar kundizzjonijiet ċikliċi. Dan għandu wkoll jiffaċilita l-isforz fiskali meħtieġ fuq medda ta’ żmien u jevita li jkun hemm qtugħ mhux ġustifikat kif iċ‑ċirkostanzi ekonomiċi jinbidlu.

    Sommarju għall-modulazzjoni tal-isforz matul iċ-ċiklu ekonomiku taħt il-parti preventiva Minn issa 'l quddiem, il-Kummissjoni se tapplika matriċi (imniżżla fl-Anness 2) biex tispeċifika l-aġġustament fiskali xieraq u tieħu kont aħjar tal-qagħda ċiklika tal-Istati Membri individwali skont il-parti preventiva tal-Patt.

    4.2.      L-akkomodazzjoni ta' tnaqqis mhux mistenni fl-attività ekonomika taħt il‑parti korrettiva tal-Patt

    Qafas Legali Il-Patt jindirizza kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi mhux mistennija fil-livell tal-Istati Membri fil‑parti korrettiva tal-Patt. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li l-Kunsill, jekk iqis li jeżisti defiċit eċċessiv, joħroġ rakkomandazzjoni biex tittieħed azzjoni effettiva u li jkun fiha data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u miri baġitarji annwali għall-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jieħu azzjoni effettiva għal dan l-għan fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. B'mod partikolari, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li "Jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’konformità mar-rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u wara l‑adozzjoni ta’ dik ir-rakkomandazzjoni jseħħu avvenimenti ekonomiċi negattivi b’konsegwenzi maġġuri żvantaġġużi għall-finanzi tal-gvern, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE. Ir‑rakkomandazzjoni riveduta, b’kont meħud tal-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir‑Regolament tista’, b’mod partikolari, testendi notevolment l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola [...].”

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn azzjonijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali u riżultati ta' konsolidazzjoni fiskali, b'dawn tal-aħħar ta’ sikwit jiġu influwenzati minn żviluppi barra mill-kontroll tal-awtoritajiet ikkonċernati, ir-regoli jipprevedu l-possibbiltà li jittieħed kont ta’ deterjorazzjoni mhux mistennija tas-sitwazzjoni ekonomika.

    Jekk pajjiż ikun ħa azzjoni effettiva billi wassal l-isforz fiskali strutturali rrakkomandat mill‑Kunsill, dan jista' jingħata aktar żmien sabiex jikkoreġi d-defiċit nominali eċċessiv mingħajr ma jġarrab sanzjonijiet finanzjarji (l-Istati Membri taż-żona tal-euro), jew sospensjoni tal-impenji/pagamenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (l-Istati Membri kollha)[25].

    Il-Kummissjoni żviluppat approċċ sistematiku biex jiġi vvalutat it-twettiq tal-isforz fiskali strutturali meħtieġ, li l-Kunsill approva m'ilux[26]. Dan jgħin biex jiġu sseparati minn xulxin kemm jista’ jkun dawk l-iżviluppi baġitarji li jistgħu jitqiesu li huma taħt il-kontroll tal-gvern minn dawk attribwibbli għat-tnaqqis mhux mistenni fl-attività ekonomika.

    Sommarju għall-akkomodazzjoni taċ-ċiklu ekonomiku taħt il-parti korrettiva Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta azzjoni effettiva skont il-parti korrettiva tal-Patt fuq il-bażi ta’ kejl tal-isforz fiskali strutturali, esklużi żviluppi baġitarji li mhumiex fil-kontroll tal-gvernijiet.

    4.3.      Tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi

    Qafas Legali Il-patt jindirizza każijiet ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi mhux tas-soltu fil-livell tal-UE jew taż-żona tal-euro kemm fil-parti preventiva kif ukoll fil-parti korrettiva. Parti preventiva Kif spjegat fil-kaxxi tal-Qafas Legali fit-Taqsimiet 2.1.1, 3.1 u 4.1, il-Kunsill jeżamina jekk l-Istati Membri fil-parti preventiva tal-Patt jieħdux miżuri suffiċjenti biex jilħqu l-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħhom matul iċ-ċiklu. F’dan il-kuntest għandu jittieħed kont debitu tal-fatturi rilevanti u tar-riformi strutturali implimentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopri l-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi mhux tas-soltu. B'mod partikolari, l-Artikolu 5 jgħid li “[…] f’każ ta’ avveniment mhux tas-soltu li ma jkunx fil‑kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li jkollu impatt prinċipali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal‑gvern ġenerali jew f’perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien [...].” Parti korrettiva Kif spjegat fil-kaxxi Qafas Legali fit-Taqsimiet 2.1. u 4.2, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li l-Kunsill, jekk iqis li jeżisti defiċit eċċessiv, joħroġ rakkomandazzjoni biex tittieħed azzjoni effettiva u li jkun fiha data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u miri baġitarji annwali għall-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jieħu azzjoni effettiva għal dan l-għan fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. L-Artikolu 3 jipprevedi wkoll li titqies il-possibbiltà ta' kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi mhux tas-soltu. B'mod partikolari, l-Artikolu 3 jgħid li “[…] Fil-każ ta’ tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni ġeneralment, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE bil‑kundizzjoni li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali għall-perjodu medju.”

    Sa mill-2011, il-Patt ippreveda li, f’każijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, ir-ritmu tal-konsolidazzjoni fiskali jiġi adattat għall‑Istati Membri kollha, bil-kundizzjoni li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali għall-perjodu medju.

    Din id-dispożizzjoni s'issa qatt ma ġiet applikata — għalkemm dan jirrifletti de facto l-loġika użata fi żmien il-kriżi finanzjarja tal-2008 meta l-perkorsi ta’ aġġustament kienu tfasslu mill‑ġdid għal diversi Stati Membri. L-attivazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tfissirx li l‑aġġustament fiskali jiġi pospost, iżda li l-perkors ta’ aġġustament, kemm f’termini tal-isforz ta’ aġġustament kif ukoll l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri, jitfassal mill-ġdid fuq bażi speċifika għall-pajjiż biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tat-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi. L-użu ta’ din id-dispożizzjoni għandu jibqa’ limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u ċirkonskritti b’attenzjoni kbira sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ mġieba irresponsabbli baġitarja.

    Sommarju fil-każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku

    Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Patt li jindirizzaw tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-UE inġenerali għandhom jintużaw meta jkun meħtieġ.

    5.      Konklużjoni

    Din il-Komunikazzjoni interpretattiva tipprovdi gwida addizzjonali dwar kif il-Kummissjoni se tapplika l-marġini ta’ interpretazzjoni tagħha fl-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti tal‑Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    Il-Kummissjoni se tapplika din il-gwida minnufih. Hi se timpenja lill-Istati Membri u lill‑Kunsill biex jipprovdu kwalunkwe spjegazzjonij neċessarja qabel l-istadji importanti li jmiss, b’mod partikolari l-preżentazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u Programmi ta’ Riforma Nazzjonali mistennija fir-rebbiegħa tal-2015. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll din il-Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Din il-Komunikazzjoni tagħti ċarezza lill-Istati Membri dwar kif jiżguraw li l-qafas fiskali komuni jappoġġa l-aġenda ta’ tkabbir u impjiegi tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal‑investiment u r-riformi strutturali, filwaqt li jirriflettu aħjar sitwazzjonijiet ċikliċi fi Stati Membri individwali.

    Din ma tieħux post ir-regoli eżistenti tal-Patt, u lanqas ma tnaqqas il-ħtieġa għal valutazzjoni ġenerali mill-Kummissjoni u l-Kunsill tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali usa' ta’ kull Stat Membru, taż-żona tal-euro u l-UE kollha kemm hi, f’konformità mal-ispirtu tat-Trattat u l‑objettiv ġenerali tiegħu li jiżgura finanzi pubbliċi sodi. Barra minn hekk, salvagwardji u kundizzjonijiet xierqa huma fis-seħħ sabiex jiżguraw li, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal‑flessibbiltà fir-regoli eżistenti, jiżammu l-kredibilità u l-effikaċja tagħhom fl-iżgurar tar‑responsabbiltà fiskali.

    Minbarra din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se timpenja ruħha wkoll mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha biex tiddefinixxi passi ulterjuri biex tiżgura koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika u l-progress lejn l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

    Kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill‑qrib mal-President tas-Samit taż-Żona tal-Euro, il-President tal-Grupp tal-Euro u l‑President tal-Bank Ċentrali Ewropew, jirrapporta dwar dawn il-kwistjonijiet lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015. Bħala parti mill-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2015[27], il‑Kummissjoni hija impenjata li tiżviluppa proposti dwar passi ulterjuri lejn is-sovranità magħquda fil-governanza ekonomika.

    Anness 1 - Ir-reġistrazzjoni tal-istatistika tal-kontribuzzjonijiet relatata mal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi

    Hawn taħt hawn xi eżempji li jispjegaw kif diversi tipi ta’ kontribuzzjonijiet jistgħu jiġu rreġistrati minn perspettiva tal-istatistika mill-Eurostat. Din ir-reġistrazzjoni tal-istatistika hija pass separat u mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    Eżempju 1.     Il-kontribuzzjonijiet tal-flus kontanti tal-Istati Membri fil-livell tal-EFSI

    Jekk il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti tal-Istati Membri lill-EFSI ikollhomx impatt statistiku fuq id‑defiċit tagħhom ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza sħiħa sakemm l-arranġamenti legali u ta’ governanza dettaljati tal-Fond ma jkunux fis-seħħ. Jekk Stat Membru ma jkollux il-fondi disponibbli għal dawn il-kontribuzzjonijiet u jissellifhom, dan iżid id-dejn pubbliku.

    Eżempju 2.     L-użu ta’ garanziji mill-Istati Membri fil-livell tal-EFSI

    F’każ li l-Istati Membri jipprovdu garanziji lill-EFSI, ma għandu jkun hemm l-ebda impatt immedjat fuq id-defiċit jew id-dejn sal-mument li tissejjaħ il-garanzija, għall-ammont mitlub, jekk tissejjaħ.

    Eżempju 3.     Il-kofinanzjament tal-Istati Membri għal proġetti individwali

    Kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri għal proġetti, inklużi pjattaformi ta’ investiment, jistgħu jieħdu diversi forom, bħal parteċipazzjoni azzjonarja, self, garanziji eċċ. Ir-reġistrazzjoni tal-istatistika se tvarja skont il-forma tal-istrument:

    § Għall-garanziji, ir-reġistrazzjoni tal-istatistika se ssegwi l-istess prinċipji bħal fl-eżempju 2.

    § Għall-parteċipazzjoni azzjonarja, din se tiddependi fuq jekk ir-rata ta’ redditu tas-suq tistax tkun mistennija (bħal dik ta’ investitur privat). Jekk dan huwa l-każ, mhux se jkollha impatt fuq id-defiċit. Jista’ jkollha impatt fuq il-livelli tad-dejn jekk iffinanzjati permezz tas-self tal‑gvern.

    § Għas-self, din mhux se jkollha impatt fuq id-defiċit sakemm ma jkunx hemm evidenza li s‑self mhux se jingħata lura. Jista’ jkollha impatt fuq il-livelli tad-dejn jekk iffinanzjati permezz tas-self tal-gvern.

    § Għall-għotjiet, din se jkollha impatt dirett fuq id-defiċit u impatt indirett fuq id-dejn, jekk iffinanzjati permezz tas-self mill-gvern.

    § Jekk l-Istati Membri jużaw ir-riżorsi mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-parti tal-kofinanzjament nazzjonali se jkollha impatt fuq id-defiċit. Jista’ jkollha impatt fuq il‑livelli tad-dejn jekk iffinanzjati permezz tas-self mill-gvern. Il-parti ta’ kofinanzjament Ewropew hija rreġistrata bħala tranżazzjoni finanzjarja u għalhekk ma għandha l-ebda impatt fuq il-kontijiet ta’ gvernijiet.

    Eżempju 4.     Il-kontribuzzjonijiet permezz tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali

    Stat Membru jista’ jqis il-kontribuzzjonijiet permezz ta’ Bank Promozzjonali Nazzjonali (BPN), kemm fil-livell tal-EFSI u fil-livell ta’ proġetti individwali, inklużi pjattaformi ta’ investiment. L‑impatt jiddependi l-ewwel u qabel kollox fuq jekk il-Banek Promozzjonali Nazzjonali humiex klassifikati ġewwa jew barra mill-gvern. Jekk il-banek huma kklassifikati ġewwa l-gvern, l-impatt se jkun eżattament l-istess daqslikieku l-gvern innifsu jwettaq l-investiment. Jekk il-banek huma kklassifikati barra mill-gvern, ir-reġistrazzjoni se tiddependi fuq jekk il-Banek Promozzjonali Nazzjonali humiex se jwettqu l-investiment jew jikkontribwixxu għall-proġett f’isem il-gvern. Jekk jiġi konkluż li dan huwa l-każ, l-operazzjoni tiġi meqjusa parti mill-kontijiet tal-gvern, li jfisser li l‑flus li ntefqu f’isem il-gvern jiġu trattati bħala nefqa tal-gvern, u l-obbligazzjonijiet imġarrba għall‑kisba ta’ dawn il-flus se jiġu trattati bħala dejn tal-gvern.

    Anness 2 - Matriċi għall-ispeċifikazzjoni tal-aġġustament fiskali annwali lejn l-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) taħt il-parti preventiva tal-Patt

    || || Aġġustament fiskali annwali meħtieġ *

    || Kundizzjoni || Dejn sa 60 u l-ebda riskju għas‑sostenibbiltà || Dejn ogħla minn 60 jew riskju għas‑sostenibbiltà

    Żminijiet eċċezzjonalment ħżiena || It-tkabbir reali < 0 jew il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni < -4 || L-ebda aġġustament meħtieġ

    Żminijiet ħżiena ħafna || -4 ≤ marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni < -3 || 0 || 0,25

    Żminijiet ħżiena || -3 ≤ marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni <- 1,5 || 0 jekk it-tkabbir huwa taħt il-potenzjal, 0,25 jekk it-tkabbir huwa ogħla mill-potenzjal || 0.25 jekk it-tkabbir huwa taħt il-potenzjal, 0,5 jekk it-tkabbir huwa ogħla mill‑potenzjal

    Żminijiet normali || -1,5 ≤ marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni < 1,5 || 0,5 || >0,5

    Żminijiet tajbin || marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ≥ 1,5 || > 0,5 jekk it-tkabbir huwa taħt il-potenzjal, ≥ 0,75 jekk it-tkabbir huwa ogħla mill‑potenzjal || ≥ 0,75 jekk it-tkabbir huwa taħt il-potenzjal, ≥ 1 jekk it-tkabbir huwa ogħla mill‑potenzjal

    *        Iċ-ċifri kollha huma f’punti perċentwali tal-PDG

    Definizzjonijiet:

    § L-aġġustament fiskali: titjib fil-bilanċ fiskali ġenerali tal-gvern imkejjel  f'termini strutturali (jiġifieri aġġustat ċiklikament u mingħajr miżuri ta' darba).

    § Potenzjal ta’ tkabbir: rata stmata ta’ tkabbir jekk l-ekonomija tinsab fil-produzzjoni potenzjali tagħha.

    § Marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni: differenza bejn il-livell tal-produzzjoni reali u dik potenzjali (espressa f'punti perċentwali meta mqabbla mal-produzzjoni potenzjali).

    § Il-produzzjoni potenzjali: indikatur sommarju tal-kapaċità tal-ekonomija li tiġġenera produzzjoni, sostenibbli u mhux inflazzjonarja.

    Spjegazzjonijiet:

    Il-matriċi tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw l-aġġustamenti fiskali tagħhom tul iċ-ċiklu ekonomiku filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ konsolidament fiskali tagħhom.

    Aktar ma jkun kbir il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pożittiv (negattiv), aktar ma jrid ikun kbir (baxx) l-isforz meħtieġ ta' aġġustament. Il-matriċi tqis id-direzzjoni li fiha miexja l-ekonomija, jiġifieri jekk is-sitwazzjoni ekonomika qed titjieb jew tiddeterjora, billi tagħmel distinzjoni jekk il-PDG reali jaqbiżx jew ma jlaħħaqx ir-rata tat‑tkabbir potenzjali speċifika għal pajjiż.

    L-isforz meħtieġ huwa wkoll akbar għall-Istati Membri b'pożizzjonijiet fiskali globali sfavorevoli, jiġifieri fejn is-sostenibbiltà fiskali hija f'riskju jew il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa ogħla mis‑60 % tal-valur referenzjali tal-PDG tat-Trattat.

    L-Istati Membri kollha huma mistennija jakkumulaw tfaddil fi żminijiet tajbin sabiex ikun jista’ jkollhom marġni ta’ manuvra xieraq għat-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi (pereżempju l-infiq soċjali ogħla u dħul mit-taxxa iktar baxx) matul perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Fi żminijiet tajbin, id-dħul tal-Istat jiżdied minħabba attività ekonomika aktar qawwija u l-infiq relatat mal-qgħad jonqos. Għalhekk, il-matriċi tipprevedi aġġustament fiskali ogħla għall-Istati Membri identifikati li qed jesperjenzaw żminijiet tajbin, jiġifieri meta l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom huwa stmat li jkun ta’ ≥ 1,5 %. Dan huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri b'riskji ta’ sostenibbiltà fiskali jew proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG li jaqbżu s-60 % u għalhekk dawn l‑Istati Membri jkunu obbligati jipprovdu aġġustament fiskali strutturali ta’ ≥ 0,75 % tal-PDG jew ≥ 1 % tal-PDG, skont jekk is-sitwazzjoni ekonomika tajba tagħhom tkomplix titjieb aktar jew le.

    Fi żminijiet normali, interpretati bħala marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta' bejn -1,5 % u + 1,5 %, l-Istati Membri kollha bi proporzjon ta’ dejn għall-PDG ta’ inqas minn 60 % ikunu meħtieġa jagħmlu sforz ta’ 0,5 % tal-PDG, filwaqt li Stati Membri b’livelli ta’ dejn 'fuq minn 60 % tal-PDG ikunu meħtieġa jagħmlu aġġustament akbar minn 0,5 % tal-PDG.

    Fi żminijiet ħżiena, interpretati bħala marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ bejn -3 % u -1,5 %, l‑aġġustament meħtieġ ikun aktar baxx. L-Istati Membri kollha tal-UE bi proporzjon ta’ dejn għall‑PDG ta’ inqas minn 60 % ikunu meħtieġa jiżguraw sforz baġitarju ta’ 0,25 % tal-PDG meta l‑ekonomiji tagħhom jikbru iktar mill-potenzjal, u aġġustament fiskali ta’ żero jkun temporanjament awtorizzat meta l-ekonomiji tagħhom jikbru inqas mill-potenzjal.

    Fi żminijiet ħżiena ħafna, interpretati bħala marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ bejn -4 % u -3 %, l-Istati Membri kollha li għandhom proporzjon ta’ dejn għall-PDG ta’ inqas minn 60 % jistgħu jkunu temporanjament awtorizzati livell żero ta'aġġustament, li jfisser li ma jkun meħtieġ l-ebda sforz fiskali, u l-Istati Membri bi proporzjonijiet tad-dejn akbar minn 60 % ikunu jridu jipprovdu l‑aġġustament annwali ta’ 0,25 % tal-PDG.

    Għal żminijiet eċċezzjonalment ħżiena, interpretati bħala marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ inqas minn -4 % jew meta l-PDG reali jonqos, l-Istati Membri kollha, irrispettivament mill-livelli tad‑dejn tagħhom, ikunu temporanjament eżentati milli jagħmlu kull sforz fiskali.

    Il-limiti stabbiliti tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ -3 % u -4 % huma appoġġati mid-dejta preċedenti: sa mit-tmeninijiet, il-marġnijiet tal-potenzjal tal-produzzjoni fil-pajjiżi tal-UE kienu taħt -4 % f’sena waħda biss minn għoxrin, filwaqt li laħqu -3 % f’sena waħda minn għaxra, għalhekk dawn iż-żewġ valuri tassew jindikaw żminijiet ħżiena ħafna u eċċezzjonalment ħżiena.

    [1]               COM(2014) 902 tat-28 ta’ Novembru 2014.

    [2]               COM(2014) 903 tas-26 ta’ Novembru 2014.

    [3]               Il-Patt huwa msejjes fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) u jikkonsisti fir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1466/97 (il-"parti preventiva", abbażi tal-Artikolu 121 tat-TFUE) u r-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1467/97 Il-Patt huwa msejjes fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) u jikkonsisti fir-Regolament tal‑Kunsill ("il-parti korrettiva", abbażi tal-Artikolu 126 tat-TFUE), kif ukoll l-emendi sussegwenti tagħhom u l‑leġiżlazzjoni relatata. biex taċċessa d-dokument, ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/index_en.htm.

    [4]               "Fir-rigward tal-użu tal-baġits nazzjonali għat-tkabbir u l-investiment, irridu - kif riaffermat mill‑Kunsill Ewropew fis-27 ta' Ġunju 2014 - nirrispettaw il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir, filwaqt li nagħmlu l‑aħjar użu possibbli mill-flessibilità li hija integrata fir-regoli eżistenti tal-Patt, kif irriformat fl-2005 u l-2011. Beħsiebni noħroġ gwida konkreta dwar dan bħala parti mill-Pakkett tal-Impjiegi, it‑Tkabbir u l-Investiment ambizzjuż tiegħi." Jean-Claude Juncker, Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il‑Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku Linji Gwida Politiċi għall‑Kummissjoni Ewropea li jmiss, il-15 ta’ Lulju 2014. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf.

    [5]               "Aħna nirrispettaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Jinħtieġ li l-ekonomiji tagħna kollha jkomplu jwettqu riformi strutturali. Huwa ċar ħafna li s-saħħa komuni tagħna tiddependi fuq is-suċċess ta' kull pajjiż individwali. Huwa għalhekk li l-Unjoni għandha tieħu passi qalbiena biex trawwem it-tkabbir, iżżid l‑investimenti, toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar u tħeġġeġ riformi għall-kompetittività. Dan jirrikjedi wkoll li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà minsuġa fir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir". Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2014. Disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/MT/ec/143487.pdf.

    [6]               Ara b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar "is-Semestru Ewropew għall‑koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2014" (A8‑0019/2014) tat‑22 ta’ Ottubru 2014.

    [7]               Għal eżempju ieħor ta' Komunikazzjoni interpretattiva, ara l-Komunikazzjoni interpretattiva tal‑Kummissjoni dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar televiżiv fid-Direttiva "Televiżjoni mingħajr fruntieri", ĠU C 102, 28.4.2004, p. 2.

    [8]               L-OTM huwa kkalkulat bħala funzjoni ta’ tkabbir potenzjali, dejn ġenerali tal-gvern u l-kost tax‑xjuħija.

    [9]               Bħalissa hemm 11-il Stat Membru fil-parti korrettiva tal-Patt ("fi PDE"), li naqsu minn 24 fl-2011.

    [10]          Dwar dan, ara d-diskors tal-President tal-BĊE Mario Draghi f'Jackson Hole fit-22 ta' Awwissu 2014: "Jista' jkun utli li jkun hemm diskussjoni dwar il-pożizzjoni fiskali ġenerali taż-żona tal-euro. B’differenza minn ekonomiji avvanzati oħra kbar, il-pożizzjoni fiskali tagħna mhijiex ibbażata fuq baġit uniku vvotat minn Parlament wieħed, iżda fuq l-aggregazzjoni ta' 18 [mill-1 ta’ Jannar 2015: 19]-il baġit nazzjonali u l-baġit tal‑UE. Koordinazzjoni aktar b’saħħitha fost id-diversi qagħdiet fiskali nazzjonali għandha, fil-prinċipju, tippermettilna niksbu pożizzjoni fiskali ġenerali aktar favur it-tkabbir fiż-żona tal-euro."

    [11]             COM(2015) 10 tat-13 ta’ Jannar 2015.

    [12]             "Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-pożizzjoni favorevoli li indikat il-Kummissjoni lejn kontribuzzjonijiet kapitali simili fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, neċessarjament f’konformità mal-flessibbiltà li hija bbażata fuq ir-regoli eżistenti tiegħu". Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (it-18-19 ta’ Diċembru 2014) jinsabu hawn: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/146411.pdf.

    [13]             L-istess trattament se japplika fir-rigward ta’ garanziji sa fejn dawn ikollhom impatt fuq id-defiċit u/jew id-dejn.

    [14]             Ittra tat-3 ta’ Lulju 2013 mill-eks-Viċi President tal-Kummissjoni Olli Rehn lill-Ministri tal-Finanzi tal‑UE dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Dan l-approċċ ġie applikat fl-2013 għall-Bulgarija u fl-2014 għall-Bulgarija, ir-Rumanija u s-Slovakkja.

    [15]             Inklużi proġetti kkofinanzjati permezz tal-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

    [16]             Ara wkoll it-Taqsima 4 hawn taħt.

    [17]             Dwar dan, ara d-diskors tal-President tal-BĊE Mario Draghi f'Jackson Hole fit-22 ta' Awwissu 2014: "[I]l-flessibbiltà eżistenti fir-regoli tista' tintuża biex tindirizza aħjar l-irkupru dgħajjef u biex tagħmel spazju għall-kost tar-riformi strutturali meħtieġa."

    [18]             Għal diskussjoni dwar l-effett tar-riformi, ara European Economy, Economic Papers 541, Diċembru 2014: "The potential growth impact of structural reforms in the EU – a benchmarking exercise", ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-Kummissjoni Ewropea.

    [19]             Ara r-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

    [20]             Din il-metodoloġija ġiet applikata pereżempju biex tiġi meqjusa r-riforma tal-pensjonijiet introdotta fil‑Latvja fl-2013.

    [21]             L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

    [22]             Barra minn hekk, meta jitqegħdu fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, l-Istati Membri taż-żona tal-euro kollha jippreżentaw programm ta' sħubija ekonomika li jiddeskrivi l-miżuri politiċi u r-riformi strutturali li huma meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv. Ara l‑Artikolu 9 tar-Regolament(UE) Nru 473/2013.

    [23]             L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    [24]             L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

    [25]             L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    [26]          Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN tal-20 ta’ Ġunju 2014 hawnhekk:   http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/143293.pdf.

    [27]             COM(2014) 910 tas-16 ta’ Diċembru 2014.

    Top