EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0635

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.

/* COM/2014/0635 final */

Brussell, 17.10.2014

COM(2014) 635 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.

{SWD(2014) 318 final}


1.INTRODUZZJONI

L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin huwa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll il-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi tiegħu. Il-Kunsill sabiex jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi u sabiex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, adotta d-Direttiva 2004/81/KE li tirregola l-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-allegati traffikanti tal-bnedmin 1 .

Fl-għaxar snin ta' wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ittieħdu l-passi rilevanti fil-politika tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Din il-komunikazzjoni tqis il-progress miksub u tipprovdi stampa aġġornata dwar kwistjonijiet legali u prattiċi prinċipali marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE 2 .

Fil-5 ta' April 2011, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu ġiet adottata 3 . Filwaqt li d-Direttiva 2004/81/KE tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-permessi tar-residenza u t-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet, id-Direttiva 2011/36/UE tapplika bħala qafas orizzontali kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex. Din tal-aħħar isaħħaħ uħud mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fid- Direttiva 2004/81/KE, inkluż il-qafas msaħħaħ għall-protezzjoni tat-tfal u l-assistenza għalihom. Għaldaqstant, iż-żewġ testi jridu jinqraw flimkien 4 . Barra minn hekk, fl-2012 il-Kummissjoni, ppreżentat l-Istrateġija tal-UE sabiex jixxejjen it-Traffikar tal-Bnedmin għall-2012-2016 5 , li r-rapport ta’ nofs it-term tagħha huwa ppreżentat f’pakkett ma’ din il-Komunikazzjoni.

Fl-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE fl-2010 6 , il-Kummissjoni kienet semmiet ukoll xi inizjattivi attwali li qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li sadanittant ġew konklużi. Dawn jinkludu l-adozzjoni ta’ Direttiva dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-2012 7 u t-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil f’Ġunju 2013, li twaqqaf standards komuni u li tipprovdi kooperazzjoni aktar b’saħħitha sabiex jiġi żgurat trattament ġust għall-applikanti għall-asil 8 .

Waħda mill-isfidi enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010 kienet d-disponibbiltà limitata ta’ dejta komparabbli. Minn dakinhar, żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin ġew ippubblikati 9 . Barra minn hekk, sa mill-2010, mistoqsijiet ad hoc dwar it-traffikar tal-bnedmin kif ukoll studju ffukat dwar “L-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-protezzjoni internazzjonali u l-proċeduri ta’ ripatrijazzjoni furzata” ġew ippubblikati min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni 10 .

L-aħħar ċifri disponibbli juru li fl-UE, ingħataw 856 permess ta’ residenza tal-ewwel darba fl-2013, 1,124 fl-2012 u 1,194 fl-2011 11 . Skont l-aħħar Dokument ta’ Ħidma tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin, fit-23 Stat Membru li setgħu jipprovdu dejta, 2,171 ċittadin li mhumiex mill-UE ġew identifikati/kienu preżunti vittmi ta’ traffikar fl-2012 u, 2,002 ġew identifikati/kienu preżunti vittmi fl-2011. Mad-19-il Stat Membru pprovdew id-dejta għall-2011 u għall-2012 dwar l-għadd ta’ vittmi mogħtija perjodu ta’ riflessjoni, li ammontaw għal 1,110 vittmi fl-2012 u 1,011-il vittma fl-2011.

2.DEFINIZZJONIJIET U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/36/UE, id-definizzjoni rilevanti ta’ “traffikar tal-bnedmin” għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE hija dik li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE.

L-Istati Membri kollha jridu japplikaw id-Direttiva 2004/81/KE għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi inkwistjoni, inkluż f’każijiet ta’ dħul irregolari fit-territorju tagħhom.

Skont l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw ukoll id-Direttiva għal dawk li kienu suġġetti għall-kuntrabandu, jiġifieri l-faċilitazzjoni ta’ dħul mhux awtorizzat, tranżitu u permanenza, kif definiti mid-Direttiva 2002/90/KE. Għaxar Stati Membri 12 għamlu użu minn din l-opportunità.

L-Art. 3(3) jippermetti lill-Istati Membri li jinkludu lit-tfal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Kollha għamlu hekk, ħlief għas-SK, filwaqt li fil-LT it-tfal huma inklużi b'kundizzjonijiet speċifiċi.

3.L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-VITTMI U L-GĦOTI TAL-INFORMAZZJONI

L-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi hija kruċjali għall-applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva, li tippermetti li l-vittmi jkunu infurmati fil-pront dwar drittijiethom, sabiex jibdew proċess ta’ rkupru u jkunu jistgħu jirriflettu qabel ma jiddeċiedu jekk jikkooperawx mal-awtoritajiet.

Skont l-Art. 5, il-vittmi għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-possibilitajiet offruti mid-Direttiva “meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jkunu tal-parir li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”. L-obbligu li l-informazzjoni trid tingħata issa huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2011/36/UE, li b’mod espliċitu tirreferi għad-Direttiva 2004/81/KE.

L-interpretazzjoni tal-waqt li fih l-awtoritajiet huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni hija aktar ċara bis-saħħa ta’ Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontu l-Istat Membru jrid jipprovdi lill-vittmi b’assistenza u appoġġ “hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni raġonevoli” li persuna tista’ tkun vittma.

Għaxar Stati Membri indikaw id-dispożizzjoni għall-għażla taż-żmien fil-leġiżlazzjoni 13 . Fil-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri 14 mhuwiex ċar jekk l-informazzjoni hijiex mogħtija wkoll lill-preżunti vittmi, jew inkella meta jiġu identifikati uffiċjalment biss, jew fil-bidu tal-proċedimenti kriminali. F’xi Stati Membri 15 , il-leġiżlazzjonijiet stabbilixxew kundizzjonijiet addizzjonali, bħal pereżempju l-ksib ta' informazzjoni utli dwar l-allegat reat mill-vittma, jew għandhom riferiment għall-għoti ta’ informazzjoni miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “li jikkooperaw mal-awtoritajiet”, li jista' jqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva.

Fir-RO l-liġi ma tispeċifikax liema awtorità għandha tagħti l-informazzjoni, u lanqas il-kontenut u l-format. Fl-AT l-informazzjoni jidher li fil-prattika tingħata, iżda l-Art. 5 ma ġiex traspost b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħlief permezz ta’ regoli ġenerali tal-liġi amministrattiva. Fil-HR u fil-PL ma hemmx rekwiżit ċar fil-liġi li juri li l-informazzjoni tirreferi għall-possibilitajiet kollha offruti mid-Direttiva.

L-għadd relattivament baxx ta’ permessi ta’ residenza juri l-bżonn li l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar trid tkompli titjieb, kif ġie rikonoxxut fl-Istrateġija tal-UE sabiex jixxejjen it-Traffikar tal-Bnedmin. Sal-lum, mill-inqas 15-il Stat Membru waqqfu Mekkaniżmi ta’ Riferiment Nazzjonali jew Reġjonali (NRM) għall-vittmi 16 . Barra minn hekk, l-Art. 11 tad-Direttiva 2011/36/UE jobbliga lill-Istati Membri biex “jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-mekkaniżmi adegwati għall-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, għall-assistenza u l-appoġġ għalihom” 17 .

Minoranza ta’ Stati Membri speċifikaw il-format tal-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni 18 . Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jipprovdu l-informazzjoni kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub 19 . Xi wħud 20 għandhom stipulat fil-leġiżlazzjoni li l-informazzjoni għandha tingħata f’lingwa li l-persuna tifhem. Prattiki komuni jinkludu fuljetti stampati 21 , websajts 22 , u linji telefoniċi apposta 23 .

Fl-aħħar nett, f’xi Stati Membri l-istess awtorità li hija responsabbli mill-identifikazzjoni formali hija wkoll responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni 24 , għalkemm dan ma jeskludix l-involviment ta’ awtoritajiet oħrajn. F’bosta każijiet l-informazzjoni tingħata wkoll minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili 25 .

4.    IL-PERJODU TA' RIFLESSJONI

Sabiex ikunu jistgħu jirkupraw u jieħdu deċiżjoni infurmata, il-vittmi jridu jingħataw perjodu ta’ riflessjoni, li matulu (u filwaqt li qed jistennew deċiżjoni mill-awtorità kompetenti) huma intitolati għal miżuri ta’ għajnuna u huma protetti mill-infurzar ta' ordnijiet ta’ tkeċċija.

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Art. 6 fil-liġi nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-AT u l-IT. Għal dawn l-Istati Membri, madankollu, jidher li dan il-perjodu fil-prattika jingħata, jew qed jiġi sostitwit mill-possibilità ta' permess ta’ residenza li jingħata minnufih, irrispettivament minn jekk hemmx kooperazzjoni mal-awtoritajiet 26 . Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri jipprojbixxu b'mod espliċitu l-implimentazzjoni tal-ordnijiet ta’ tkeċċija 27 .

Jirriżulta min-natura tiegħu stess u minn għanijietu, li l-perjodu ta’ riflessjoni ma jistax jingħata bil-kundizzjoni li l-vittma għandha l-intenzjoni li tikkoopera. Din id-dispożizzjoni hija msaħħa ulterjorment mill-premessa 18 tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontha mill-inqas matul il-perjodu ta’ riflessjoni għandhom jingħataw assistenza u appoġġ mingħajr kondizzjonijiet, anke lill-vittmi residenti b'mod illegali. Huwa biss wara li jitlesta l-proċess ta’ identifikazzjoni jew li jiskadi l-perjodu ta’ riflessjoni li l-Istati Membri ma jibqgħux obbligati li jipprovdu appoġġ lil vittma li “ma tkunx ikkunsidrata eliġibbli għal permess ta’ residenza jew inkella ma jkollhiex residenza regolari f’dak l-Istat Membru, jew jekk il-vittma tkun telqet mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”.

La ż-żmien meta l-perjodu ta’ riflessjoni għandu jibda (wara li jinsabu jew jiġu identifikati b'mod uffiċjali l-vittmi) u lanqas it-tul ta’ żmien tiegħu ma huma stipulati fid-Direttiva 28 , madankollu din tobbliga lill-Istati Membri biex jiddeterminaw dawn fil-liġi nazzjonali. Fil-prattika, madwar nofs l-Istati Membri uffiċjalment jagħtu l-perjodu ta’ riflessjoni wara l-identifikazzjoni formali biss 29 . Mat-13-il Stat Membru jagħtu mill-inqas 30 jum 30 , li f’xi każijiet jistgħu jiġu estiżi, għall-kategoriji vulnerabbli, jew minħabba ċirkostanzi personali tal-vittma, filwaqt li oħrajn jagħżlu direttament perjodi itwal ta’ 45 31 , 60 32 jew 90 jum 33 . Hemm varjazzjoni konsiderevoli rigward it-tul massimu, li jista’ jvarja minn xahar bla ebda estensjoni antiċipata 34 għal diversi xhur 35 , jew inkella jista’ jiġi estiż skont il-każ 36 , u skont it-tip ta’ status ta’ residenza mogħti 37 .

Fl-aħħar nett, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jtemm il-perjodu ta’ riflessjoni jekk il-persuna kkonċernata attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva tagħha tkun reġgħet ikkuntattjat lill-awturi tar-reat, jew minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (l-Art. 6(4)). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni. 38 F’xi każijiet 39 , ir-raġunijiet għat-terminazzjoni jmorru lil hinn mill-kriterji stipulati fid-Direttiva, u jistgħu jkunu eċċessivament wiesgħa.

5.     IT-TRATTAMENT TA' QABEL MA JINĦAREĠ IL-PERMESS TAR-RESIDENZA

L-Artikolu 7 jirrigwarda t-trattament tal-vittmi matul il-perjodu ta' riflessjoni u waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Il-kontenut tiegħu jiġi speċifikat aktar meta jinqara mad-Direttiva 2011/36/UE.

L-ewwel, id-Direttiva 2011/36/UE tenfasizza li l-appoġġ u l-għajnuna matul il-perjodu ta' riflessjoni jridu jiġu pprovduti inkondizzjonalment lill-vittmi kollha, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom. Madankollu, wara li jiskadi l-perjodu jew li jitlessta l-proċess ta' identifikazzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE tapplika "mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/81/KE jew għal regoli nazzjonali simili" (l-Artikolu 11(3)). Għalhekk, jekk il-vittma ma titqiesx eleġibbli għal permess tar-residenza jew ma għandhiex residenza legali f’dak l-Istat Membru, jew tkun telqet mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jkunx obbligat li jkompli jipprovdi għajnuna u appoġġ fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/36/UE (il-premessa 18).

It-tieni, rigward il-kontenut tal-appoġġ, l-għajnuna u l-protezzjoni mogħtija lill-vittmi, l-Artikoli 11 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħu dak li hemm provdut fid-Direttiva 2004/81/KE.

5.1    Standards tal-għajxien li jiżguraw sussistenza

Qabel ma jinħareġ permess tar-residenza, l-Istati Membri huma obbligati biex lill-vittmi li ma għandhomx biżżejjed riżorsi jingħataw livell ta' għajxien li jiżgura sussistenza, kif ukoll aċċess għal trattament mediku ta' emerġenza u attenzjoni għal ħtiġijiet speċjali ta' dawk l-aktar vulnerabbli, inkluża għajnuna psikoloġika fejn xieraq.

Jidher li fil-prattika l-akkomodazzjoni qed tiġi pprovduta minn bosta Stati Membri, l-aktar permezz ta' faċilitajiet speċifiċi 40 . Madankollu, fl-HU mhuwiex ċar jekk l-obbligu tal-vittmi biex iressqu ċertifikat, pprovdut lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali meta japplikaw, jinkludix diġà livell ta' kooperazzjoni qabel ma' jkunu jistgħu jingħataw għajnuna u akkomodazzjoni, u fil-BG u fir-RO, il-perjodu ta' akkomodazzjoni fil-postijiet ta' kenn huwa ffissat għal għaxart ijiem, li hija inqas mit-tul tal-perjodu ta' riflessjoni, u jista' jiġi estiż b'talba mill-vittmi jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji.

It-trattament mediku, fejn bosta drabi jkun oltre l-kura ta' emerġenza 41 li jiġi deskritt fl-Artikolu 7(1), jidher li jiġi provdut mill-Istati Membri kollha. Fil-prattika jidher li bosta Stati Membri jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali tal-aktar vulnerabbli, inkluż l-appoġġ psikoloġiku u s-servizzi ta' konsulenza, minkejja li wħud 42 ma ttrasponewx b'mod espliċitu dan ir-rekwiżit fil-liġi nazzjonali.

Bosta Stati Membri jipprovdu wkoll xi forom ta' appoġġ finanzjarju għal bosta mill-vittmi vulnerabbli jew kollha kemm huma. 43

5.2    Ħtiġijiet ta' sikurezza u protezzjoni

Il-valutazzjoni xierqa tar-riskju u tal-ħtiġijiet hija kruċjali biex jiġu ggarantiti s-sikurezza tal-vittmi u l-kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet (l-Artikolu 7(2)). Bosta Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni, protokolli jew linji gwida espliċiti dwar il-ħtiġijiet tas-sikurezza u tal-protezzjoni 44  u/jew fil-prattika jwettqu valutazzjoni tar-riskju u tal-ħtiġijiet. 45  

L-obbligu li jwettqu valutazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi u tar-riskji personali tal-vittma, stipulat fid-Direttiva 2011/36/UE (l-Artikolu 12(3) u (4)), isaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma.

5.3    It-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-għajnuna legali b'xejn

L-Artikolu 7(3) jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati, imma fejn ikun xieraq biss. Fiċ-CZ mhuwiex ċar jekk l-interpretazzjoni tiġix ipprovduta b'xejn u jekk hijiex ukoll qabel il-proċedimanti kriminali. Fil-BG il-liġi tidher li tiggarantixxi l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni waqt il-proċedimenti kriminali biss.

Fuq kollox, bosta Stati Membri jaħsbu għal traduzzjoni jew interpretazzjoni imma l-implimentazzjoni prattika tvarja b'mod konsiderevoli u l-aċċess għall-vittmi, b'mod partikolari dawk barra l-proċedimenti kriminali, jistgħu jkunu problematiċi.

L-għoti fakultattiv tal-għajuna legali bla ħlas skont l-Artikolu 7(4) ġiet trasposta f'bosta Stati Membri 46 . L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħaħ dan ir-rekwiżit billi jipprovdi għal konsulenza legali bla ħlas u, fejn ikun xieraq, rappreżentazzjoni legali, jekk il-vittma ma jkollhiex riżorsi finanzjarji xierqa.

6.    Il-PERMESS TAR-RESIDENZA: ĦRUĠ, NUQQAS TA' TIĠDID U RTIRAR

Biex permess tar-residenza jinħareġ l-Istati Membri jridu jqisu flimkien l-opportunità ppreżentata jekk ċittadini minn pajjiż terz jinżammu aktar fit-territorju nazzjonali għall-investigazzjonijiet jew għall-proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll dwar jekk din il-persuna hijiex lesta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u li tkun qatgħet ir-relazzjonijiet kollha mal-allegati awturi kriminali. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku u ta' protezzjoni għas-sigurtà nazzjonali 47 .

Fi ftit Stati Membri 48   il-proċedimenti legali kontra l-allegat kriminal riedu jinbdew qabel mal-vittma seta' jingħatalha permess tar-residenza. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tista' tiġi interpretata b'mod differenti, li tvarja bejn li tingħata informazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti uffiċjali sa xhieda fil-qorti. Madankollu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/36/UE saħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma billi stabbilixxa miżuri espliċiti għal dawk involuti f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, flimkien mal-garanziji pprovduti mid-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi ta' reat.

Uħud mill-Istati Membri jew ma jagħmlux il-permessi dipendenti fuq il-kooperazzjoni 49 jew jippermettu eċċezzjonijiet għal dan ir-rekwiżit fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi personali tal-vittmi 50 . Min-naħa l-oħra, Stati Membri oħrajn 51 introduċew kundizzjonijiet addizzjonali ma' dawk speċifikati fid-Direttiva biex jinħareġ permess tar-residenza, pereżempju prova ta' akkomodazzjoni jew ħlas ta' kont. Id-dispożizzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali li jagħtu diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet, b'mod speċjali meta ma jiġux permessi eċċezzjonijiet, jistgħu jipprevjenu b'mod mhux ġustifikabbli l-aċċess għal permessi u għalhekk iqajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva.

Id-Direttiva tistabbilixxi tul minimu ta' sitt xhur għall-permess. Dan ir-rekwiżit ma jinsabx fil-leġiżlazzjoni tal-BG, EE, HR, HU, NL 52 . Tliet Stati Membri 53 joħorġu direttament bil-liġi permess ta' sena, fejn oħrajn 54 jistabbilixxuh fuq bażi ta' każ b'każ, fuq il-bażi tat-tul tal-proċedimenti jew taċ-ċirkustanzi individwali.

L-Artikolu 8 jagħti mandat lill-Istati Membri biex iġeddu permess jekk il-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 8(2) jibqgħux japplikaw. Madankollu, tali tiġdid mhuwiex stabbilit b'mod ċar fil-liġi tal-PL u jidher li huwa fakultattivit fil-LT. F'xi Stati Membri l-permess jista' jwassal għal residenza permanenti taħt ċerti kundizzjonijiet 55 .

Fl-aħħar, l-Artikolu 14 jiddikjara li l-permessi jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe ħin, jekk ma jibqgħux jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom. Għadd żgħir ta' Stati Membri 56 adottaw raġunijiet aktar estensivi ta' rtirar, bħal raġunijiet ta' saħħa pubblika, li bosta drabi tapplika għall-permessi tar-residenza kollha. F'ċerti każijiet dawn jistgħu jaqbżu l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

7.    IT-TRATTAMENT WARA LI JINĦAREĠ IL-PERMESS TAR-RESIDENZA

Skont l-Artikolu 9, wara li jinħareġ il-permess tar-residenza, il-vittmi mingħajr riżorsi suffiċjenti jridu jingħataw mill-inqas l-istess trattament kif stipulat fl-Artikolu 7.

Barra minn hekk, għal kemm itul il-permess ta’ residenza, il-vittmi għandu jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni skont ir-regoli stipulati mil-liġi nazzjonali (l-Art. 11).

L-aċċess għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni jidher li jingħata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm f’xi każijiet l-aċċess għas-suq tax-xogħol jista’ jkun problematiku 57 .

L-Art. 12 jagħti lill-vittmi l-aċċess għall-programmi għall-irkupru ta' ħajja soċjali normali, inkluż pereżempju, it-titjib tal-ħiliet professjonali. F’dawk l-Istati Membri li implimentaw programmi mmirati għall-vittmi 58 , il-partijiet kkonċernati involuti huma ġeneralment pożittivi dwarhom. Fil-HR il-parteċipazzoni fil-programm ta’ assistenza u protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar hija kundizzjoni għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permess.

8.    IT-TFAL

L-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva għat-tfal għandhom, jikkunsidraw l-aħjar interessi tagħhom, u jiżguraw li l-proċeduri huma xierqa u jipprovdulhom aċċess għall-edukazzjoni fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini, possibbilment b’restrizzjoni għas-sistema pubblika (Artikolu. 10). L-Istati Membri kollha jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni.

Xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi fuq il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal 59 , oħrajn ikkunsidraw li din kienet diġà fis-seħħ fil-liġi nazzjonali, inkluż permezz tar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għalhekk ma kinitx teħtieġ azzjoni leġiżlattiva ulterjuri. Madankollu, l-għażla tal-aħħar mhux dejjem tista’ tiċċara biżżejjed il-limitu tal-applikabilità tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 60 . Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri kollha huma marbuta bir-rispett għall-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. 61

Artikolu 10 (c) jiffoka fuq tfal mhux akkumpanjati u jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw rappreżentanza legali skont il-liġi nazzjonali kif ukoll biex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u l-istatus ta' mhux akkumpanjati tagħhom, u biex isibu lill-familji tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Mhux l-Istati Membri kollha introduċew espliċitament dawn ir-rekwiżiti fil-liġi nazzjonali 62 . F’Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minuri mhux Akkumpanjati 2010-2014 63 , u b'hekk tapprova l-fehma li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom il-prijorità fuq l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, u li ġiet milqugħa b’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f’Settembru 2013 64 .

Fost it-tħassib imqajjem dwar l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 10 hemm l-identifikazzjoni xierqa, l-istabbilment ta' proċeduri xierqa b’kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, b'mod partikulari ta' tfal mhux akkumpanjati, kif ukoll ta' tfal li jaħarbu minn faċilitajiet tal-indukrar. Min-naħa l-oħra, ġew stabbiliti prattiki tajba dwar proċeduri speċifiċi sabiex jitħarsu t-tfal li jkollhom x'jaqsmu fi proċedimenti kriminali (eż. FI, IT).

Xi Stati Membri japplikaw kundizzjonijiet aktar favorevoli għat-tfal, bħal perjodi itwal ta’ riflessjoni 65 , permessi ta’ residenza mhux kondizzjonati 66 jew akkomodazzjoni apposta ta’ kenn 67 .

Fl-aħħar nett, l-Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jiffukaw speċifikament fuq it-tfal vittmi, filwaqt li jindirizzaw l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni. L-implimentazzjoni tagħhom se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tat-tfal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-mod kif id-Direttiva 2004/81/KE tiġi applikata għalihom.

9.KONKLUŻJONIJIET

Minkejja li sar xi progress f’dawn l-aħħar snin, id-disponibbiltà tad-dejta dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi mtejba ulterjurment. Madankollu, ċifri disponibbli diġà juru li l-possibbiltà tal-ħruġ ta’ permessi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi skambju għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tintuża ftit li xejn. Permess ta’ residenza temporanju, validu biss għat-tul ta’ investigazzjonijiet jew ta' proċedimenti kriminali, jista’ ma jkunx jikkostitwixxi inċentiv b’saħħtu biżżejjed għal individwi vulnerabbli, li jeħtieġu ż-żmien biex jirkupraw minn esperjenza trawmatika qabel ma jiddeċiedu jekk iridux jibdew kooperazzjoni formali ma’ awtoritajiet ġudizzjarji u ta’ infurzar tal-liġi. Xi Stati Membri diġà qed jipprovdu permessi ta’ residenza mhux kondizzjonati għall-vittmi kollha jew għal xi wħud minnhom, minħabba ċ-ċirkostanzi personali tagħhom jew ta’ vulnerabbiltà. Madankollu, f’ħafna każijiet dawn huma eċċezzjonijiet għal skema ta’ permessi mogħtija fuq il-kooperazzjoni, sabiex il-vittmi ma jkunux jafu sew jekk huma jew mhumiex se jirċievu l-permess. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kemm-il darba huma effettivament jiġu mogħtija u fuq liema bażi l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u ċ-ċirkostanzi personali titwettaq. Kriterji anqas stretti għall-kondizzjonalità fuq il-kooperazzjoni u kundizzjonijiet oħra aktar favorevoli, bħal dissoċjazzjoni ta’ validità ta' permess mit-tul kollu tal-proċedimenti jew perjodu itwal ta’ żmien minimu, jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex jiġi assistit l-irkupru tal-vittmi u b’hekk titrawwem il-kooperazzjoni tagħhom.

Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/81/KE huma marbuta mill-qrib ma’ u se jissaħħu permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE rigward il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin. Bħala riżultat ta’ dawn l-istrumenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali qed tiġi jew dalwaqt se tinbidel. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkun tista’ tevalwa bir-reqqa l-ħtieġa u l-valur miżjud ta’ ħruġ ta’ gwidi għat-talba jew li temenda d-Direttiva 2004/81/KE biss wara l-analiżi tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, li hija mistennija fl-2015. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tesplora modi biex tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin, inkluż fir-rigward ta’ permessi ta’ residenza lil vittmi li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz.

Sadanittant, il-Kummissjoni bi ħsiebha tidħol fi skambji bilaterali mal-Istati Membri bil-ħsieb li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva 2004/81/KE. Dan il-proċess se jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati mit-Task Force għall-Mediterran, imwaqqfa f’Ottubru 2013 bil-għan li jiġi evitat it-telf tal-ħajjiet tal-immigranti fuq il-baħar billi, fost oħrajn, tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu ta’ immigranti.

Minbarra l-leġiżlazzjoni, miżuri konkreti, bħat-tisħiħ ta’ proċessi ta’ identifikazzjoni, it-twettiq ta' valutazzjonijiet tar-riskju individwali għall-vittmi kollha qabel u matul il-kooperazzjoni tagħhom, jew it-titjib tal-proċeduri għal għoti ta’ perjodi ta’ riflessjoni f’waqthom u permessi ta’ residenza, għandhom impatt sinifikanti fuq l-effikaċja tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita skambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba ulterjuri fil-qafas ta’ strutturi eżistenti u li jinvolvu l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effettiv.

(1) ĠU L 261, 06/08/2004
(2) Bħar-rapport preċedenti, din il-komunikazzjoni hija bbażata fuq studju mwettaq għall-Kummissjoni. L-Istati Membrimarbuta bid-Direttiva ġew mogħtija l-opportunità li jirrieżaminaw l-informazzjoni fattwali rilevanti li tinsab f’dan ir-rapport. L-IE, id-DK u r-UK ma jiħdux sehem f'din id-Direttiva. F’dan ir-rapport “SM” tfisser l-Istat Membru marbut bid-Direttiva.
(3) ĠU L 101, 15/04/2011
(4) Dan ir-rapport ma janalizzax id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE, iżda jenfasizza l-punti l-aktar rilevanti fejn id-Direttiva 2011/36/UE tħalli impatt fl-applikazzjoni tagħha.2004/81/KE. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE fl-2015.
(5) COM(2012)286
(6) COM(2010)493
(7) ĠU L 315, 14/11/2012
(8) http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-532_en.htm Ara  
(9) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-RA    13-005/EN/KS-RA-13-005-EN.PDF L-ewwel Dokument ta’ Ħidma tal-Eurostat kien ippubblikat fl-2013 . It-tieni wieħed qed jiġi ppubblikat fl-istess żmien ta’ din il-Komunikazzjoni
(10) Il-mistoqsijiet ad hoc kollha kif ukoll l-istudju msemmi li ġie ppubblikat fl-2013, huma disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/european_migration_network/reports/index_en.htm
(11) Sors: Il-bażi tad-dejta tal-Eurostat ((migr_resoth), aġġornata l-aħħar fis-26 ta’ Settembru 2014. Ċifri għall-AT għadhom mhumiex disponibbli.
(12) AT, BE, CZ, EL, EE, LU, MT, PT, RO, SE. Fil-BE l-persuni soġġetti għal “tip serju ta’ kuntrabandu” biss huma inklużi, kif definit fil-liġi nazzjonali, filwaqt li fil-EL, il-kuntrabandu jrid jitwettaq minn organizzazzjoni kriminali
(13) BE, BG, CZ, EL, IT, LT, LU, MT, NL, PT
(14) Pereż. AT, EL, RO, SI
(15) CZ, LV, MT
(16) BE, BG, CY, CZ, DE, HR, HU, LV, LT, MT, NL, PL, PT, RO, SK
(17) http://ec.europa.eu/anti trafficking/EU+Policy/Guidelines_identification_victims F’Settembru 2013 il-Kummissjoni adottat “Linji Gwida għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin” billi offriet appoġġ prattiku lis-servizzi konsulari u lill-gwardji tal-fruntiera. Ara
(18) BE, CY, CZ, ES, LV, PL
(19) AT, MT, PT, SK u SI jipprovduha bil-fomm
(20) BG, CY, CZ, DE, FR, PL, PT, ES
(21) Pereż. BE, CZ, SK, ES, SE
(22) Pereż FI.
(23) Pereż. PL, HU, EL, PT, MT
(24) AT, FR, HR, EE, ES, LT, LV, LU, NL, PL, PT, RO, SE, SI
(25) F’mill-inqas 16-il Stat Membru (AT, CZ, DE, FI, HR, HU, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, SI, SK) hemm ftehimiet ma’ NGOs u assoċjazzjonijiet li jinkludu l-għoti tal-informazzjoni. F’bosta mill-Istati Membri, l-NGOs jipparteċipaw b’modi differenti fil-proċess tal-identifikazzjoni.
(26) Fl-AT, perjodu ta’ riflessjoni ta’ 30 jum ġie introdott mill-Ministeru Federali tal-Intern, iżda dan biss b'digriet intern
(27) Dan mhuwiex il-każ fil-BG. F’xi Stati Memebri, il-protezzjoni mit-tkeċċija waqt li l-vittmi jkunu qed jistennew id-deċiżjonital-awtorità dwar il-permess ta’ residenza tista’ tkun problematika
(28) Ta' min jinnota li t-tul tal-perjodu ta’ riflessjoni ta’ mill-inqas 30 jum huwa preskritt mill-Art. 13.1 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS 197), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2008. Sal-lum, l-Istati Membri kollha ħlief tlieta (CZ, HR u EE) rratifikaw il-Konvenzjoni. L-EE ffirmat iżda ma rratifikathiex
(29) BG, CZ, FI, DE, EL, ES, HR, HU, LV, LU, PL, PT, RO, SK, SE
(30) BG, CY, CZ, EE, EL, FI, FR, HU, LT, LV, PT, ES, SE
(31) BE
(32) HR, MT
(33) LU, NL, PL, RO, SI, SK u DE (tliet xhur)
(34) Pereżempju CZ, FR, HU, LV
(35) Pereżempju, it-tul ta’ ħin standard ta’ tliet xhur flimkien ma’ estensjoni ta’ xahrejn fil-EL, l-aktar għat-tfal
(36) Pereż. AT, CY, SE
(37)

F’xi Stati Membri, kundizzjonijiet aktar favorevoli jingħataw lit-tfal rigward it-tul jew l-estensjoni tal-perjodu ta’ riflessjoni, jew l-istatus mogħti matulu. Ara infra, il-Kapitolu 8.

(38) BE, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, LT, LU, LV, MT, NL, PL, RO, SE, SI, SK
(39) Pereż. FI, NL, SI
(40) AT, BG, BE, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, FI, HR, HU, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SK
(41)

AT, BE, CY, CZ, EL, ES, FI, HR, LT, NL, PT, RO, SE, SK

(42)

BE, BG, CZ, EL, FR, NL, HU, LT, LU, LV, PL, SI

(43) Pereż. AT, BE, CY, CZ, DE, FI, EL, HR, HU, LT, LU, MT, NL, PL, RO, SI, SK, SE. Fl-IT mhuwiex stabbilit fil-liġi imma fil-prattika jistgħu jingħataw. Fil-PL l-vittmi jistgħu japplikaw għall-benefiċċju wara li jiġu identifikati formalment u wara jingħataw permess biex joqogħdu fit-territorju għal perjodu ta' riflessjoni
(44) AT, BE, BG, EL, ES, FI, FR, HR, LV, MT, PT, SK
(45) AT, BE, CY, EE, ES, FI, EL, LV, LU, MT, NL, SE diġà qed iwettqu jew qed jippjanaw li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju. CZ, EE, ES, FI, EL, LU, LV, MT, NL, u SK diġà qed iwettqu jew qed jippjanaw li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju.
(46) BE, BG, CZ, DE, EL, ES, FI, FR, HR, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE u SI ttrasponew b'mod espliċitu dan l-Artikolu li jkopri l-perjodu kemm qabel kif ukoll wara li jinħareġ il-permess tar-residenza. F'każijiet oħrajn hemm dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar id-disponibbiltà tal-konsulenza legali wara li jinħareġ il-permess tar-residenza imma mhux qabel (HU), minkejja li fil-prattika tista' tiġi pprovduta (EE). F'CY u l-LV l-għajuna legali bla ħlas tiġi pprovduta ladarba l-persuna tiġi formalment rikonoxxuta bħala vittma
(47) AT, BE, CY, DE, EE, FI, FR, LU, MT, SE, SI jipprovdu b'mod espliċitu l-possibbiltà ta' rifjut għal dawn ir-raġunijiet. F'każijiet oħrajn, dan huwa prinċipju ġenerali li japplika għall-ħruġ tal-permessi tar-residenza
(48) AT, CY, EE, FR, SK. Mhuwiex ċar jekk dan huwiex ukoll il-każ fl-HU
(49) AT, ES, FI, HR, IT, PT. Fil-FI tali permessi jinħarġu fuq bażi kontinwa fejn jingħata l-intitolament totali lill-familjatal-familja. Fil-HR l-vittma trid taqbel li tieħu sehem fi programm ta' għajnuna u protezzjoni.
(50)  BE, EL, FR, LU, HU, NL u SE. Il-BE u l-EL joħorġu permessi bla kundizzjoni lill-minuri. Fl-HU dawn il-permessi jinħarġu lil persuni bla Stat, u fis-SE lil barranin (inklużi vittmi tat-traffikar) li għandhom ir-riskju li jiġu trawmatizzati jew irrifjutati soċjalment jekk jirritornaw fil-pajjiż tagħhom ta' oriġini, fil-proċedura ta' asil. FR toħroġ permessi tar-residenza temporanji lill-vittmi “għal raġunijiet relatati mal-ħajja privata jew tal-familja” f'ċerti każijiet biss, b'diskrezzjoni tal-awtorità prifettorjali. F'pajjiżi oħrajn, bħall-DE, ir-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet ta' residenza jippermettu l-ħruġ ta' permessi fuq raġunijiet umanitarji, li jistgħu jinkludu vittmi ta' traffikar, skont kundizzjonijiet speċifiċi. Għandu jitqies ukoll li, skont il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa nru. 197 "kull Parti toħroġ permess tar-residenza rinnovabbli lil vittmi, f'waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin, jew fit-tnejn: a) l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza tagħhom tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom; (b) l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza tagħhom tkun meħtieġa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti fi proċedimenti kriminali jew ta' investigazzjoni" (l-Artikolu 14.1) Ara infra, in-nota 28 ta' qiegħ il-paġna
(51) Pereż il-BG, iċ-CZ. Xi pajjiżi jirrikjedu prova tal-identità għall-ħruġ ta' permess imma jippermettu eċċezzjonijiet (pereż BE, BG, EL, ES, LT, NL, PL)
(52) Fl-HU l-permess huwa validu sa sitt xhur u fil-NL sa sena
(53) AT, EL, PT. Fil-prattika, t-tul normalment huwa ta' sena wkoll fil-NL u fi FR, fejn ċirkolari żiedet it-tul ta' sitt xhur stabbilit bil-liġi
(54) Pereż. CY, DE, NL
(55) AT, BE, CZ, DE, ES, FI, LU, NL, PL. Il-vittmi jistgħu japplikaw għal permess tar-residenza ta' durata bla limitu wara sena (PL), tliet (AT) jew erba' (FI) snin ta' residenza. Fil-BE l-vittmi jistgħu japplikaw għal-residenza permanenti, jekk il-proċess tal-qorti jkun wassal għal kundanna jew b'deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti. L-istess japplika fil-NL, flimkien mal-possibbiltà li tappllika għal residenza permanent jekk il-każ ġudizzjarju jdum aktar minn tliet snin, jekk ir-ritorn fil-pajjiż ta' oriġini jinkludi riskji għall-vittma, jew ikun hemm tħassib dwar kif se tingħaqad il-familja, eċċ. Fiċ-CZ r-residenza permanenti tista' tiġi applilkata fit-tmiem tal-proċedura.
(56) BG, FI, HR, HU, LT, PL, SE, SI
(57) Pereżempju f’MT l-aċċess għas-suq tax-xogħol jidher li jiddependi b'mod formali fuq jekk tinkisibx l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti. Fis-SK huwa mogħti fuq kundizzjonijiet differenti minn dawk taċ-ċittadini u fil-LU huwa permess biss għall-attivitajiet li għandhom salarju.
(58) Pereżempju AT, CZ, ES, FI, HR, IT, LV, NL, PL u SK
(59) BE, CY, EE, ES, FI, MT, PT, RO, SE
(60) Ara wkoll il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, Kumment Ġenerali Nru 5 (2003)
(61) L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
(62) Fil-leġiżlazzjoni ta' BG, FR, LU u MT ma jissemmix espliċitament l-stabbiliment tal-identità, tan-nazzjonalità, l-istatus ta' mhux akkumpanjati u/jew tal-ħtieġa li jinstabu l-familji mill-aktar fis possibbli. Fil-leġiżlazzjoni ta' FI u PL f’ċerti każijiet biss jirreferu għal minuri mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Ir-rappreżentanza legali f’BG ma tintweriex b’mod ċar
(63) COM(2010)213
(64)    http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2013-0387+0+DOC+XML+V0//MT
(65) BE, BG, CY, EL, ES, FI, HR, PL, PT, SE
(66) Pereżempju BE, EL. Fil-PL, minuri taħt il-15 jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta' kooperazzjoni. Fi FR, il-minuri mhumiex soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn (jeżistu proċeduri speċifiċi għal minuri ta’ età ogħla minn 16 u li jidħlu fis-suq tax-xogħol). Ara wkoll in-nota f’qiegħ il-paġna 50 għall-Istati Membri li jipprovdu permessi mhux kondizzjonati inġenerali
(67) Pereżempju BE, BG, ES, EL, HR, IT, NL, RO
Top