Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0554

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    /* COM/2014/0554 final */

    52014DC0554

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu /* COM/2014/0554 final */


    WERREJ

    1............ Introduzzjoni 3

    1.1......... Sfond. 3

    1.2......... L-elementi prinċipali u l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru tal-2008. 3

    1.3......... L-ambitu tar-rapport ta’ implimentazzjoni 4

    2............ Traspożizzjoni mill-Istati Membri 5

    2.1......... Il-kriminalizzazzjoni tar-reati l-ġodda ta’ provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu  5

    2.1.1...... Provokazzjoni pubblika. 5

    2.1.2...... Reklutaġġ għat-terroriżmu. 7

    2.1.3...... Taħriġ għat-terroriżmu. 8

    2.2......... Reati anċillari 9

    2.2.1...... Għajnuna u Assistenza. 9

    2.2.2...... Tentattivi 9

    2.3......... Pieni għall-persuni fiżiċi 10

    3............ Rimarki tal-għeluq. 10

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    1. Introduzzjoni 1.1. Sfond

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (“DK 2002[1]”) pprovdiet bażi għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar reati terroristiċi. B’reazzjoni għat-theddidiet li qed jevolvu ta' radikalizzazzjoni, reklutaġġ u terroriżmu, id-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI (“DK 2008”[2]) daħħlet reati ġodda ta’ provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu. Reati terroristiċi simili kienu diġà ġew introdotti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005, dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu. Barra minn hekk, in-NU kienet sejħet lill-Istati sabiex jesploraw modi u mezzi għall-ġlieda kontra l-inċitament għal atti ta’ terroriżmu kif ukoll kontra manifestazzjonijiet tat-terroriżmu fuq l-internet.[3]

    L-Istati Membri kienu obbligati jadottaw u jinnotifikaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni sad-9 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni kellha tħejji rapport ibbażat fuq din l-informazzjoni. Il-Kunsill kellu mbagħad, sad-9 ta’ Diċembru 2011, jivvaluta jekk l-Istati Membri kinux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-DK 2008. [4] Mill-1 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni se jkollha l-kompetenza li tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri u jekk ikun meħtieġ tniedi proċeduri ta' ksur.

    1.2. L-elementi prinċipali u l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru tal-2008

    Id-DK 2008 stabbiliti tliet reati ġodda marbuta mat-terroriżmu, jiġifieri “il-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku”, “ir-reklutaġġ għat-terroriżmu” u “it-taħriġ għat-terroriżmu”[5]. L-Istati Membri huma meħtieġa jikkriminalizzaw l-għajnuna u t-tħeġġiġ tar-reati l-ġodda[6]. Il-kriminalizzazzjoni ta’ tentattivi ta’ reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu hija fakultattiva[7].

    Id-DK 2008 għandha l-għan li tnaqqas it-tixrid ta’ messaġġi u materjal li jistgħu jinċitaw persuni biex iwettqu attakki terrroristiċi[8] u li tadatta l-leġislazzjoni attwali għall-bidliet fil-modus operandi tal-attivisti terroristiċi u ta' dawk li jsostnuhom. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-bdil ta’ gruppi strutturati u ġerakiċi b'ċelloli semiawtonomi jew atturi solitarji u ż-żieda fl-użu tal-internet għall-ispirizzjoni, il-mobilizzazzjoni, l-ordnijiet u t-taħriġ ta' netwerks u individwi terroristiċi lokali[9]. Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għall-implimentazzjoni tad-DK 2002 tqiesu insuffiċjenti peress li aġir bħat-tixrid ta’ messaġġi ta’ provokazzjoni pubblika li fil-fatt ma jinċitawx persuna partikolari biex twettaq reat terroristiku, it-tixrid ta’ messaġġi li jħeġġu lin-nies biex isiru terroristi mingħajr referenza għal reat terroristiku speċifiku, jew it-tixrid fuq l-internet ta' għarfien espert terroristiku mhux immirat biex isostni attivitajiet ta’ grupp terroristiku speċifiku, ma kinux neċessarjament kriminalizzati. Id-DK 2008 tfasslet biex timla dan il-vojt, biex tippromwovi l-infurzar tal-liġi u biex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija.

    L-Artikolu 2 tad-DK 2008 jiċċara li mhux se jkollha l-effett li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu miżuri f’kontradizzjoni ma’ inter alia prinċipji fundamentali relatati mal-libertà tal-espressjoni. L-Artikolu 3(1) jfakkar lill-Istati Membri fil-ħtieġa li jiżguraw li l-kriminalizzazzjoni tkun proporzjonali għall-miri leġittimi segwiti u meħtieġa f’soċjetà demokratika, bl-esklużjoni ta’ kull forma ta’ arbitrarjetà jew diskriminazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jirriflettu s-salvagwardji fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, ir-reati l-ġodda mhumiex intenzjonati li jinkludu t-tixrid ta’ materjal għal skopijiet xjentifiċi, akkademiċi jew ta’ rappurtar jew l-espressjoni ta’ opinjonijiet polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, kif iggarantit mid-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

    1.3. L-ambitu tar-rapport ta’ implimentazzjoni

    Id-deskrizzjoni u l-analiżi f’dan ir-rapport huma primarjament ibbażati fuq l-informazzjoni li pprovdew l-Istati Membri, issupplimentata b’informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ur-riżultati ta’ studju estern.

    Ir-rapport jiffoka fuq il-miżuri li ħadu l-Istati Membri s’issa biex jimplimentaw ir-reati l-ġodda, inklużi r-reati anċillari relatati u penali rispettivi[10]. Huwa jivvaluta jekk l-Istati Membri implementawx id-DK 2008 fil-perjodu ta’ żmien speċifikat, jekk issodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ċertezza legali u jekk laħqux l-objettivi tad-DK 2008. L-ambitu u l-potenzjal ta’ prosekuzzjonijiet b’suċċess għal dawn ir-reati jiddependu wkoll fuq l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet (mhux mibdula) li jinsabu fid-DK 2002. Filwaqt li dan ir-rapport ma jivvalutax (mill-ġdid) il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet[11], madankollu jiġbed l-attenzjoni għar-riżultati ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni preċedenti u għan-nuqqasijiet identifikati fihom.[12] Sakemm ma jiġux rimedjati, dawn in-nuqqasijiet se jaffettwaw l-ambitu tar-reati l-ġodda ta’ provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu.

    2. Traspożizzjoni mill-Istati Membri 2.1. Il-kriminalizzazzjoni tar-reati l-ġodda ta’ provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu

    Ħafna mill-Istati Membri kkriminalizzaw il-provokazzjoni pubblika, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għat-terroriżmu, anke jekk f’xi każijiet l-ambitu tad-dispożizzjonijiet huwa aktar limitat milli maħsub fid-DK 2008.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kellhom jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi peress li l-imġiba preparatorja jew għadha tinbed ma kinitx ġiet espliċitament kriminalizzata u ma kinitx taqa' taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali marbuta mal-parteċipazzjoni u l-attentati. Sussegwentament għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, għadd ta’ Stati Membri kienu diġà adottaw miżuri biex jikkriminalizzaw t-tliet reati l-ġodda (DK, EE, IT, LV, MT, FI u UK)[13]. Għadd żgħir biss ta’ Stati Membri qalu li d-dispożizzjonijiet ġenerali eżistenti jkopru l-aġir inkwistjoni.

    Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew id-DK 2008 billi emendaw jew daħħlu dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Kriminali, filwaqt li għadd iżgħar adottaw jew emendaw atti speċjali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (IE, CY, PT, RO, SE, UK), jew inkella qagħdu fuq atti oħra, bħal-Liġi tal-Istampa tal-1881 (FR)[14].

    Minn dawk li kienu meħtieġa jadottaw miżuri ġodda, għadd relattivament żgħir għamlu hekk fil-perjodu ta’ żmien stipulat (DE, ES, CY, NL, SI, SK, SE). L-Istati Membri l-oħra ttrasponew id-DK 2008 biss fl-2011 (BG, CZ, AT, PL, PT), fl-2012 (FR, LU, RO) jew fl-2013 (BE, HR, LT, HU). Żewġ Stati Membri għadhom ma adottawx il-leġiżlazzjoni meħtieġa (IE, EL)[15].

    2.1.1. Provokazzjoni pubblika

    L-Artikolu 3(1)(a) tad-DK 2002 kif emendata jiddefinixxi l-provokazzjoni pubblika bħala "   id-distribuzzjoni, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ messaġġ lill-pubbliku, bl-intenzjoni tal-inċitazzjoni tat-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h), fejn imġiba bħal din, kemm jekk tippromwovi direttament reati terroristiċi kif ukoll jekk le tikkaġuna periklu li jista’ jitwettaq reat wieħed jew aktar.;   "

    Inqas minn nofs l-Istati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi li espliċitament jikkriminalizzaw it-tixrid ta' messaġġi lill-pubbliku bl-intenzjoni li jinċitaw reati terroristiċi, allinjati mill-qrib mat-test tad-DK 2008 (BE, DE, IE, ES, HR, CY, LU, RO, SI, FI, UK). Il-bqija tal-Istati Membri għażlu li jistrieħu fuq dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw “il-provokazzjoni” f’termini aktar ġenerali (BG, DK, MT, PL, PT, SK, SE), “l-inċitament” (EE, FR, IT, LV, LT, HU) jew il-faċilitazzjoni jew is-sostenn ta’ reati terroristiċi (CZ, NL, AT, PL).

    Id-dipendenza fuq dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali l-inċitament pubbliku jew l-provokazzjoni pubblika minflok dipendenza fuq is-sempliċi intenzjoni ta' inċitament ta' reati terroristiċi kif meħtieġ mid-DK 2008 tissogra li tiġi kkriminalizzata biss “il-provokazzjoni diretta”[16], minflok “il-provokazzjoni indiretta” li sempliċement toħloq il-periklu li jiġu kommessi reat wieħed jew aktar (BG, EE, FR fejn id-dispożizzjoni hija limitata espliċitament għall-provokazzjoni diretta, IT, LT, HU, MT). "Provokazzjoni indiretta" xorta waħda tista' tkun koperta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkopru l-imġiba preparatroja jew ta' faċilitazzjoni (kif jidher li huwa l-każ għal CZ, EE, NL, AT, PL, PT), tkopri imġiba li sempliċiment tikkawża periklu li jitwettaq reat terroristiku (kif jidher li huwa li każ għal LV, AT, SK) irrispettivament mir-reati terroristiċi li jkunu qed jitwettqu jew it-tentattivi tagħhom (CZ, SE) jew jiġu applikati mill-qrati nazzjonali għal imġiba li tista' tiġi kkwalifikata bħala provokazzjoni indiretta (kif jidher li huwa l-każ fid-DK).

    Xi Stati Membri jikkjarifikaw b’mod espliċitu li l-provokazzjoni pubblika hija punibbli irrispettivament minn jekk persuna kinitx fil-fatt imħeġġa (eż. UK) jew jekk ir-reat terroristiku fil-fatt twettaqx (eż. IE, CY, LU) u wkoll f’każijiet fejn l-imġiba tinkoraġġixxi reati terroristiċi b'mod ġenerali (UK).

    Xi Stati Membri jikkriminalizzaw mhux biss il-provokazzjoni għat-twettiq ta’ reati terroristiċi, iżda wkoll provokazzjoni biex jitħejjew u jiġu instigati reati bħal dawn (UK) jew inċitament għat-taħriġ jew biex jitħarrġu (RO). Xi Stati Membri jikkriminalizzaw mhux biss l-att tat-tixrid iżda wkoll l-att tal-ksib jew il-pussess ta' materjal maħsub għal skopijiet ta’ propaganda terroristika (DE, UK). Filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jikkriminalizzaw biss l-aġir intenzjonali, f’mill-inqas Stat Membru wieħed hija kriminalizzata wkoll l-imġiba l-irresponsabbli (UK). Fl-aħħar nett, xi Stati Membri introduċew reati aktar speċifiċi, bħar-reat tat-tixrid pubbliku ta' propoganda terroristika flimkien mar-reat tat-tħeġġiġ tat-terroriżmu (UK), il-glorifikazzjoni pubblika, il-promozzjoni jew l-approvazzjoni tat-terroriżmu (DK, ES, LT AT, SI, SK) jew l-umiljazzjoni u d-disprezz tal-vittmi tat-terroriżmu (ES, LT). Min-naħa l-oħra, f’xi każijiet, jidher li mhux ir-reati kollha elenkati fl-Artikolu 1 tad-DK 2002 huma koperti (DE).

    2.1.2. Reklutaġġ għat-terroriżmu.

    Ir-reklutaġġ għat-terroriżmu huwa definit fl-Artikolu 3(1)(b) kif emendat bħala “li wieħed ifittex persuna oħra sabiex twettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), jew fl-Artikolu 2(2)...”.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkriminalizzaw l-att li wieħed iħajjar persuna oħra biex twettaq reat terroristiku u biex tipparteċipa f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku. Reklutaġġ biex jitwettqu reati terroristiċi (skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-DK 2002) u reklutaġġ fi grupp terroristiku (skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-DK 2002) huma parti mill-istess dispożizzjoni fi ftit inqas minn nofs l-Istati Membri (BE, CZ, DK, ES, HR, LT, LU, HU, NL, SI, FI). Bosta Stati Membri oħra għandhom dispożizzjonijiet differenti għaż-żewġ forom ta’ reklutaġġ (DE, FR, AT, UK). F'xi Stati Membri jidher li huwa punibbli biss ir-reklutaġġ għat-twettiq ta' reat terroristiku, u mhux ir-reklutaġġ għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' gruppi terroristiċi kif definit fl-Artikolu 2(2) tad-DK 2002 (BG, EE, IE, MT, PT, RO, SK, SE, filwaqt li f'CY u LV mhux ċar jekk ir-referenza għal atti terroristiċi tkoprix ukoll il-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku).

    Mill-Istati Membri li daħħlu dispożizzjonijiet speċifiċi ġodda biex ikopru r-reati l-ġodda, ftit użaw it-terminu 'tħajjir' fid-definizzjoni tagħhom ta' reklutaġġ (HR, LU, SK 'jintalab', MT: 'tħajjir' jew 'reklutaġġ'). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jidher li għażlu t-terminu 'reklutaġġ' (BE, BG, DE, EE, IE, IT, ES, LV, LT, MT: 'tħajjir' jew 'reklutaġġ', PT, RO, SI: 'konskrizzjoni', FI) jew termini oħra bħal 'jippruvaw jinduċu' (SE), 'inċitament' u 'provokazzjoni' (NL), 'instigazzjoni' (HU) jew 'inkuraġġament' (CY). F’xi Stati Membri, huwa argumentat li t-terminu “reklutaġġ” ikun jeħtieġ xi xorta ta’ pjan jew qafas istituzzjonali minimu li l-persuna reklutata tkun meħtieġa taderixxi miegħu (PT). Dan jista’ jqajjem dubji dwar jekk l-inkuraġġament ta' “attur solitarju” sabiex iwettaq atti terroristiċi huwiex fil-fatt kriminalizzat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirreferu għal reklutaġġ (jew sinonimi) f’termini ġenerali, għadd żgħir jispeċifikaw f’aktar dettall l-imġiba punibbli (fi FR id-definizzjoni tirreferi għall-offerta ta’ rigali u benefiċċji oħra biex jheddu jew ipoġġu pressjoni fuq persuna biex twettaq reat terroristiku). Dan jista’ jillimita bla bżonn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni billi ma tkunx tista' tkopri każijiet fejn persuna tiġi mħeġġa b’modi oħra. 

    Xi Stati Membri jikkjarifikaw b’mod espliċitu li r-reklutaġġ huwa punibbli anke jekk il-persuna ma tagħtix il-kunsens tagħha biex twettaw ir-reat terroristiku (CY, LU).

    Xi Stati Membri jinvokaw dispożizzjonijiet eżistenti jew ġenerali li jkopru diversi forom ta' parteċipazzjoni f'reat terroristiku (e.ż. CZ, AT), il-faċilitazzjoni ta' reat terroristiku (pereż. PL), sostenn għal grupp terroristiku (pereż. CZ, DE, AT), l-inċitament għat-twettiq ta' reati terroristiċ jew li tkun tagħmel parti minn grupp proskritt (pereż. UK), tentattiv ta' parteċipazzjoni, konġura (DE, FR: 'association de malfaiteurs') jew attivitajiet preparatorji oħra (pereż. HU, UK). Riskju potenzjali huwa li d-dispożizzjonijiet relatati mas-sostenn ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi jew il-parteċipazzjoni f’konġura ma jkoprux ir-reklutaġġ ta’ “atturi solitarji” (pereż. CZ, DE, FR, UK). Din jista’ jkun ta' tħassib jekk l-ebda dispożizzjoni oħra ma tikkriminalizza din l-imġiba. Id-dipendenza fuq dispożizzjonijiet ġenerali tista wkoll tqajjem dubji dwar jekk ir-reati li jkunu għadhom qed jinbtu humiex fil-fatt kriminalizzati. Dan se jiddependi fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ kunċetti bħall-faċilitazzjoni ta’ jew atti preparatorji għal reati terroristiċi.

    Filwaqt li f'xi każijiet, ir-reklutaġġ ma jidhirx li jkopri r-reati kollha elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h) tad-DK 2002 (IT), Stati Membri oħra kkriminalizzaw mhux biss ir-reklutaġġ għat-twettiq ta' reati terroristiċi iżda wkoll ir-reklutaġġ għall-faċilitazzjoni (DK), il-preparazzjoni (FI) jew il-parteċipazzjoni (LT, SI, SK) f'reati terroristiċi. F’xi Stati Membri, id-definizzjoni ta’ reklutaġġ testendi għall-finanzjament tat-terroriżmu (DK). F’ċerti Stati Membri, kwalunkwe persuna li hija konxja li l-attività tagħha tippromwovi b'mod attiv reati terroristiċi tista' teħel piena (FI). Fl-aħħar nett, xi pajjiżi kkriminalizzaw ukoll li wieħed jippermetti lilu nnifsu li jiġi reklutat (eż. DK).

    2.1.3. Taħriġ għat-terroriżmu.

    It-taħriġ għat-terroriżmu huwa definit fl-Artikolu 3(1)(c) kif emendat bħala "li tingħata istruzzjoni dwar kif isiru jew jintużaw l-isplussivi, l-armi tan-nar jew armi oħra jew is-sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew dwar metodi u tekniki oħra speċifiċi, bl-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), u bil-konoxxenza li l-ħiliet ipprovduti jkunu maħsuba biex jintużaw għal dan l-iskop.'

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi li espliċitament jikkriminalizzaw l-istruzzjoni f'metodi u tekniki għall-iskop li jitwettqu reati terroristiċi miktuba allinjati mill-qrib mat-test tad-DK 2008 (BE, DE, IE, HR, IT, CY, LU, MT, AT, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK).

    Xi Stati Membri jirreferu f'termini aktar ġenerali għal 'taħriġ għat-twettiq ta' reat terroristiku' (BG, DK, EE, ES, LV) jew 'l-għoti ta' informazzjoni, għarfien u ħiliet għat-twettiq ta' reat terroristiku' (LT, NL), mingħajr ma jsemmu l-ħiliet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 3 tad-DK 2008 (anki jekk, f'xi każijiet, jidher li ngħataw kjarifiki addizzjonali f'noti ta' sjegazzjoni għal-liġi; pereż. DK).

    Sal-punt li l-Istati Membri jiddependu fuq dispożizzjonijiet ġenerali eżistenti dwar il-parteċipazzjoni, il-preparazzjoni, il-faċilitazzjoni jew is-sostenn għal reati terroristiċi (CZ, HU, PL), mhuwiex ċar jekk il-liġi nazzjonali tinkriminalizzax l-għoti ta’ taħriġ f’każijiet fejn ma jkunx twettaq reat terroristiku jew sar tentattiv tiegħu; Dan fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk il-kunċett ta’ “konġura” (pereż. “association de malfaiteurs” fi FR) tinkludix is-sempliċi tixrid ta’ materjal ta’ taħriġ mingħajr rabtiet stabbiliti ma' grupp terroristiku.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jikkriminalizzaw kemm l-istruzzjoni kif ukoll it-taħriġ (pereż BE, DK jirreferu wkoll għat-'tagħlim', IE, IT, MT, AT, PT, RO, UK), filwaqt li xi wħud jirreferu biex għat-taħriġ (BG, EE, ES, LV, FI) jew xi forma ta' struzzjoni (DE, HR u CY: 'għoti ta' gwida', LU, NL: 'għoti ta' informazzjoni' u 'tagħlim', SI, SK: 'għoti ta' għarfien espert', SE). Filwaqt li t-terminu “taħriġ” jista' jinftiehem li jimplika xi tip ta’ relazzjoni bejn min iħarreġ u ta’ min jitħarreġ, ‘struzzjoni” tkopri t-tixrid ta’ informazzjoni għal awtostruzzjoni (pereż. IT, AT).

    Xi dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu aktar kjarifiki, pereżempju, li t-taħriġ huwa punibbli jekk jingħata lil persuna partikolari waħda jew aktar (BG, UK) jew b’mod ġenerali (UK) jew li l-ħiliet jistgħu jintużaw għal atti ta’ terroriżmu diġà speċifikati jew reati terroristiċi b'mod ġenerali (UK) jew li t-taħriġ huwa punibbli anke jekk min jitħarreġ ma jkunx ser iwettaq jew jipparteċipa f’attakk terroristiku (DK, LU).

    Normalment hija meħtieġa l-intenzjoni biex l-azzjonijiet jikkostitwixxu reat, iżda f’xi Stati Membri, l-għarfien li l-istruzzjoni mogħtija tinkoraġġixxi lin-nies iwettqu reati terroristiċi (FI) jew negliġenza (UK fir-rigward ta' attendenza f’kampijiet ta’ taħriġ) huma suffiċjenti. F’każijiet oħra, l-intenzjoni meħtieġa jidher li tkun preżunta u jkun l-imputat li jkollu jipprova l-legalità tal-istruzzjoni jew it-taħriġ li jkun ta jew irċieva (IE, UK).

    Filwaqt li f’xi Stati Membri, ir-reati terroristiċi li jingħata taħriġ għalihom ma jinkludux ir-reati kollha elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-DK 2002 (pereż. DE, IT), Stati Membri oħra jmorru lil hinn mir-rekwiżiti, billi jistipulaw, pereżempju li t-taħriġ huwa kriminalizzat ukoll fir-rigward tal-finanzjament tat-terroriżmu (DK) jew meta l-ħiliet ikunu se jintużaw minn organizzazzjoni terroristika (CY). F’xi Stati Membri, it-taħriġ mhuwiex punibbli biss jekk jingħata bil-għan li jitwettaq reat terroristiku iżda wkoll jekk l-għan ikun il-parteċipazzjoni f'atti bħal dawn (SI) jew li jitwettqu reati bil-għan li jitħejja jew jiġi ffaċilitat reat terroristiku (NL, FI, UK) jew li tiġi assistita l-kummissjoni jew il-preparazzjoni minn oħrajn ta’ atti terroristiċi (UK). Barra minn hekk, diversi Stati Membri jikkriminalizzaw l-att li wieħed jirċievi taħriġ jew struzzjoni, imsemmi wkoll bħala 'taħriġ passiv' (BE, DK, DE, IE, NL, AT, RO, UK). Xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet addizzjonali speċifiċi li jikkriminalizzaw l-attendenza f’kampijiet ta’ taħriġ (pereż. UK).

    2.2. Reati anċillari 2.2.1. Għajnuna u Assistenza

    L-Artikolu 4(1) tad-DK 2002 kif emendat jeħtieġ li l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-għajnuna jew il-kompliċità fir-reati l-ġodda kif definit fl-Artikolu 3 tkun punibbli. Kważi l-Istati Membri kollha kkriminalizzaw l-għajnuna u l-kompliċità fir-reati l-ġodda. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-għajnuna u l-kompliċità huma applikabbli awtomatikament għar-reati l-ġodda. CY biss dikjara espliċitament fid-dispożizzjonijiet relevanti li l-għajnuna u l-assistenza għar-reati ġodda mhumiex reat.

    2.2.2. Tentattivi

    L-Artikolu 4(4) tad-DK 2002 kif emendat jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jikkriminaliżżaw tentattivi ta’ taħriġ jew reklutaġġ għat-terroriżmu. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-regoli ġenerali dwar it-tentattivi japplikaw mingħajr distinzjoni jew kwalifika ulterjuri għar-reati jew id-delitti kollha u għalhekk anke għar-reati terroristiċi l-ġodda. B'riżultat ta' dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkriminalizzaw it-tentattiv tar-reklutaġġ u t-taħriġ ta' persuna għal għanijiet ta' terroriżmu kif ukoll it-tentattiv ta' provokazzjoni pubblika (BE, BG, CZ, EE, ES, HU, LV, LT, MT, NL, AT, PL). F’xi Stati Membri, mandankollu jidher li l-ġurisprudenza tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar it-tentattivi mhumiex applikabbli għal reati li jkunu għadhom qed jinbtu (pereż. IT).

    F’ċerti Stati Membri, tentattiv huwa punibbli biss fil-każ li jkun ta' ċerta serjetà, reati kriminali, reati b’ċerti sanzjonijiet minimi u mhux fil-każ ta’ reati anqas serji. Filwaqt li f’xi Stati Membri t-tliet reati l-ġodda kollha huma kklassifikati bħala tali reati (DK, HR, PT), f’oħrajn mhumiex. Tentattiv għalhekk mhuwiex punibbli (DE;  SI dubbjuż).

    Fi Stati Membri oħra, tentattiv huwa punibbli jekk ikun speċifikament previst hekk. Xi Stati Membri kkriminalizzaw b'mod espliċitu t-tentattiv li jitwettaq kwalunkwe wieħed mit-tliet reati l-ġodda (IE, SE, UK). Xi wħud ikkriminalizzaw biss it-tentattiv biex iħarrġu u jirreklutaw persuna għal skopijiet terroristiċi (LU, SK, FI) u oħrajn ma kkriminalizzawx it-tentattiv (CY: eskluda b’mod espliċitu l-punibbiltà tat-tentattiv tar-reati l-ġodda, RO).

    2.3. Pieni għall-persuni fiżiċi

    Il-livell tal-pieni jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri.[17] It-terminu minimu ta' priġunerija jvarja minn inqas minn sena sa 20 sena. Bl-istess mod, it-terminu massimu jvarja minn sentejn sa25 sena jew għomor il-ħabs. Il-multi jistgħu jkunu alternattiva (DK, DE, IE, LU, NL, UK) jew piena addizzjonali għal priġunerija (BE, IE, FR, LU, UK).

    Aktar minn nofs l-Istati Membri jimponu l-istess piena għat-tliet reati l-ġodda kollha (BE, BG, CZ, EE, IE, HR, LU, HU, MT, PL, SI, SK, SE). Fl-Istati Membri b’sanzjonijiet differenti għat-tliet reati l-ġodda, il-pieni għall-provokazzjoni pubblika huma ġeneralment inferjuri minn dawk għaż-żewġ reati l-oħra (DE, DK, ES, IT, CY, LV, LT, PT, RO, FI, UK).

    Meta l-Istati Membri jikkriminalizzaw li wieħed jiġi rreklutat jew jirċievi taħriġ jew istruzzjonijiet kif ukoll ir-reklutaġġ u l-għoti ta’ taħriġ jew istruzzjonijiet, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija applikata l-istess firxa ta’ pieni (DE, DK, IE, NL, AT). F’każijiet oħra, li tieħu sehem f’taħriġ huwa reat li jġorr piena inqas milli li tipprovdi t-taħriġ (RO). Bl-istess mod, fejn l-Istati Membri kkriminalizzaw mhux biss it-tixrid, iżda wkoll l-att tal-ksib jew il-pussess ta' propaganda terroristika, l-istess pieni japplikaw għaż-żewġ reati (DE, UK). Meta ssir distinzjoni bejn il-provokazzjoni u l-apoloġija/il-glorifikazzjoni tat-terroriżmu, xi Stati Membri jipprevedu pieni aktar baxxi għal apoloġija tat-terroriżmu (DK, ES), filwaqt li Stati Membri oħra japplikaw l-istess pieni (DK, AT, SI, SK, UK). Meta l-Istati Membri jikkriminalizzaw it-taħriġ u l-istruzzjoni, f’ħafna każijiet tiġi applikata l-istess piena. Fi Stati Membri oħra madankollu l-piena għall-istruzzjoni hija aktar baxxa mill-piena għat-taħriġ (AT). Diversi Stati Membri japplikaw pieni differenti skont jekk ir-reklutaġġ isirx f’isem grupp terroristiku, f’liema każ jistgħu jiġu imposti pieni akbar (DK, HU, AT).

    3. Rimarki tal-għeluq

    Ħafna mill-Istati Membri adottaw miżuri maħsuba biex jikkriminalizzaw il-provokazzjoni pubblika, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għat-terroriżmu skont id-DK 2008. Il-Kummissjoni tinnota li żewġ Stati Membri (IE u EL) għadhom ma implimentawx id-DK 2008 u tħeġġiġhom jadottaw il-miżuri leġiżlattivi meħtieġa mingħajr aktar dewmien. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma ġeneralment konformi mad-DK 2008, hemm għadd ta’ kwistjonijiet ta' tħassib potenzjali b’mod partikolari fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ "provokazzjoni indiretta" u reklutaġġ ta’ “atturi solitarji”. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni bi spjegazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali biex tkun tista' tlesti l-valutazzjoni tagħha. 

    Diskussjonijiet dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra t-terroriżmu fuq id-drittijiet fundamentali saru l-aktar fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni tad-DK 2002 u xi ftit inqas fir-rigward tar-reati l-ġodda[18]. Filwaqt li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali jista' jkollu rwol fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu t-tliet reati l-ġodda, jidher li dawn ma ħolqux il-ħtieġa li jiġi limitat l-ambitu tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti skont il-liġi nazzjonali.[19]

    Il-Kummissjoni tinnota li l-partijiet konċernati huma favur li jiżdiedu l-iskambji tal-esperjenzi u l-prassi bejn il-prosekuturi u l-imħallfin u jaraw il-ħtieġa li jintegraw l-isforzi tal-infurzar tal-liġi f’approċċ aktar komprensiv li għandu jinkludi l-prevenzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ għat-terroriżmu.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jevalwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar it-terroriżmu fil-prattika. Meta jagħmlu dan, għandha tiġi kkunsidrata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif ukoll l-approċċ ta’ politika usa’ kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu.

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-effikaċja u l-impatt tad-Deċiżjoni Kwadru dwar it-terroriżmu.

    [1]               ĠU L 164, 22/06/2002, p. 3–7.

    [2]               ĠU L 330, 09/12/2008, p. 21–23.

    [3]               Ara r-Riżoluzzjoni 1624(2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu adottata fl-2006.

    [4]               Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tad-DK 2008.

    [5]               Ara l-Artikolu 1(1) u tad-DK 2008 li temenda l-Artikolu 3. Ir-reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi kif definit fl-Artikolu 3 tad-DK 2002 kienu jinkludu biss serq aggravat, estorsjoni u tħejjija ta’ dokumenti amministrattivi foloz bl-iskop li jitwettqu reati terroristiċi. Ir-reati l-ġodda ġew miżjuda bħala l-Artikolu 3(1)(a) sa (c) u r-reati preċedenti fl-Artikolu 3(a) sa (c) issa sar l-Artikolu 3(1)(d) sa (f).

    [6]               Ara l-Artikolu 1(2) tad-DK 2008 li jemenda l-Artikolu 4 tad-DK 2002 (li jintroduċi l-Artikolu 4(1) tad-DK 2002).

    [7]               Ara l-Artikolu 1(2) tad-DK 2008 li jemenda l-Artikolu 4 tad-DK 2002 (li jintroduċi l-Artikolu 4(4) tad-DK 2002).

    [8]               Ara l-premessa 7 tad-DK 2008.

    [9]               Partikolarment ara l-premessi 4 u 5 tad-DK 2008. Ara wkoll l-aħħar rapport dwar is-sitwazzjoni u t-tendenzi tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea tal-2014 (European Union Terrorism Situation and Trend Report 2014) ippubblikat mill-Europol li jenfasizza inter alia l-użu tal-internet u tal-midja soċjali bħala għodda għall-ippjanar, il-finanzjament, ir-reklutaġġ, il-komunikazzjoni, l-ordinijiet, it-taħriġ u l-propoganda li huwa maħsub li kkontribwixxew għaż-żieda fir-rata tal-awtoradikalizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE.

    [10]             Ara wkoll il-premessa 11 tad-DK 2008.

    [11]             F’ħafna każijiet, l-Istati Membri pprovdew biss l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità mal-Artikoli emendati 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru. 

    [12]             Ara l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004 (COM(2004) 409 finali u SEC(2004)688) u t-tieni rapport ta’ implimentazzjoni tas-6 ta’ Novembru 2007 (COM(2007)681 finali u SEC(2007)1463). Jirriżulta minn dawn ir-rapporti ta’ implimentazzjoni li hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ reati terroristiċi ewlenin (ara l-Artikolu 1 DK 2002), ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (ara l-Artikoli 7 u 8 tad-DK 2002) kif ukoll ir-regoli ġurisdizzjonali (ara l-Artikoli 9 u 10 tad-DK 2002).

    [13]             L-Istati Membri kollha (ħlief CZ) iffirmaw il-Konvenzjoni. Għadd ta’ Stati Membri għadhom ma rratifikawhiex (BE, CZ, IE, EL, IT, LT, MT, PT, UK).

    [14]             Għal ħarsa dettaljata tal-miżuri leġiżlattivi adottati mill--Istati Membri, ara t-Tabella 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2014)xxx).

    [15]             Il-Gvern Irlandiż ressaq l-Abbozz ta' Liġi tal-2012 tal-Ġustizzja Kriminali (Reati Terroristiċi) (Emenda) u għarraf lill-Kummissjoni li l-Abbozz ta' Liġi kien se jitressaq quddiem il-Parlament. Id-deskrizzjoni f'dan ir-rapport hija bbażata fuq dak l-Abbozz ta' Liġi. Il-Gvern Grieg informa lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' Abbozz ta' Liġi intitolat "Ir-Ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu u l-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Ewropea dwar is-soppressjoni tat-terroriżmu u l-leġiżlazzjoni relatata" iżda ma ssottomettiex dan l-Abbozz ta' Liġi.

    [16]             “Provokazzjoni diretta” tiddeskrivi każijiet li fihom l-inċitament iwassal biex persuna tikkommetti jew tal-anqas tipprova tikkommeti reat terroristiku, u li fihom l-inċitament ikun marbut ma’ reat terroristiku speċifiku.

    [17]             Għal ħarsa dettaljata tal-pieni applikabbli, ara t-tabella 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

    [18]             Id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw fost l-oħrajn kwistjonijiet ta’ ċertezza legali, ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet għar-reati ta’ natura preparatorja u l-konflitt potenzjali bejn il-libertà tal-espressjoni u r-reat ta’ provokazzjoni pubblika.

    [19]             Fin-notifiki tagħhom lill-Kummissjoni, l-Istati Membri ma invokawx l-Artikolu 2 jew 3 tad-DK 2008 sabiex jillimitaw l-ambitu tar-reati terroristiċi l-ġodda jew biex isostnu t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali bħala raġuni biex ma jimplimentawx ir-reati l-ġodda.

    Top