Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0322

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Objettivi ta' Barċellona L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv

/* COM/2013/0322 final */

52013DC0322

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Objettivi ta' Barċellona L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv /* COM/2013/0322 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 2

2........... Jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona: neċessità..................................................................... 3

3........... Sitwazzjoni attwali.......................................................................................................... 4

4........... Kwalità: dejjem inugwali fl-Ewropa............................................................................... 11

5........... Jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona, impenn imġedded fl-Istrateġija Ewropa 2020............. 14

1.           Introduzzjoni

Id-disponibbiltà ta' servizzi ta' kura għat-tfal żgħar minn 0 sal-età ta' edukazzjoni obbligatorja[1], finanzjarjament aċċessibbli u ta' kwalità, hija prijorità tal-Unjoni Ewropea. Dawn is-servizzi jinkludu l-crèches kollettivi jew ċentri oħra ta' indukrar ta’ matul il-jum, inklużi l-indukrar familijali, il-persuni mħarrġa fil-kura tat-tfal, l-edukazzjoni preskolari jew ekwivalenti, l-edukazzjoni skolari obbligatorja kif ukoll is-servizzi barra l-ħinijiet tal-iskola.

Fl-2002 il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona stabbilixxa l-objettivi f'dan il-qasam: "(…) l-Istati Membri sabiex ineħħu x-xkiel għas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u, b'kunsiderazzjoni għat-talba u skont is-sistemi nazzjonali tagħhom f'dan ir-rigward, jagħmlu sforz sabiex, minn issa sal-2010 jistabbilixxu faċilitajiet ta' kura għal mill-inqas 90 % tat-tfal ta' bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33 % tat-tfal ta' inqas minn tliet snin[2]."

Minn dak iż-żmien, l-ilħiq tal-"objettivi ta' Barċellona" huma fil-qalba tal-istrateġija ta' Lisbona, imbagħad l-istrateġija Ewropa 2020[3]. Il-kapaċità tal-Istati Membri li jżidu b'mod sinifikanti u sostenibbli r-rata ta' impjieg tiddependi fost oħrajn fuq il-possibbiltà li għandhom in-nisa u l-irġiel li jikkonċiljaw il-ħajja professjonali mal-ħajja privata. Id-disponibbiltà tas-servizzi ta' indukrar tat-tfal żgħar ta' kwalità hija importanti ħafna f'dan ir-rigward. Flimkien ma’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol u l-provvista ta’ sistema xierqa ta’ liv, tifforma sensiela ta’ miżuri biex jinkiseb bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata promossi fil-livell Ewropew. Huwa wkoll element essenzjali fl-investiment fl-iżvilupp tat-tfal, il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola u kontra t-trasmissjoni ta’ inugwaljanzi[4].

Għalkemm sar xi progress mill-2002, u minkejja l-impenn tal-Istati Membri permezz ta’ żewġ patti Ewropej suċċessivi għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[5], il-provvista ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal f’livell Ewropew fl-2010 għadu mhux f’konformità ma’ dawn l-għanijiet Barra minn hekk, is-sitwazzjoni kienet tidher li tmur għall-agħar f’xi Stati Membri fl-2011.

Huwa meħtieġ li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu dwar dan l-iżbilanċ u l-kawżi li wasslu għalih, filwaqt li fl-istess ħin jipproponi soluzzjonijiet u approċċi ta’ politika biex jintlaħqu dawn l-għanijiet Dan it-tielet semestru Ewropew hija opportunità politika biex jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ servizzi ta' akkoljenza u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-objettivi tal-Unjoni Ewropea.

F’dan l-isfond u kif imħabbar fl-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015[6], l-għan ta’ dan id-dokument huwa li jingħata rapport dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ Barċellona fl-Istati Membri. Jidentifika l-ostakli u l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-Istati Membri fl-iżvilupp ta' servizzi ta' akkoljenza għall-kura tat-tfal żgħar. Jenfasizza l-ħtieġa biex jiġġeddu dawn l-għanijiet u jservi bħala tfakkira tal-impenji li għamlet il-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa l-Istati Membri. Dan jikkostitwixxi flimkien ma’ inizjattivi reċenti u addizzjonali mill-Kummissjoni bħalma hija l-Proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji[7], kontribut reali mill-Kummissjoni għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

2.           Il-Kisba tal-objettivi ta’ Barċellona: neċessità

... jekk irridu niksbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020

L-għan ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % mhux se jintlaħaq sal-2020 mingħajr l-involviment tan-nisa[8]. Politiki ta’ rikonċiljazzjoni huma essenzjali biex jippromwovu l-impjieg tan-nisa.

B’mod partikolari, l-aċċess għal servizzi ta’ kura tat-tfal għal tfal żgħar huwa l-fattur prinċipali li jinfluwenza l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; iż-żidiet fin-nefqa pubblika fuq dawn is-servizzi huma relatati maż-żidiet f’impjieg full-time tan-nisa[9].

It-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għan-nisa iffiser żieda u diversifikazzjoni tal-għarfien espert disponibbli, u b’hekk jippermetti lin-negozji biex jgħammru lilhom infushom bl-aħjar riżorsi u jsiru aktar kompetittivi filwaqt li jiggarantixxu qligħ fuq l-investiment fl-edukazzjoni għall-Istati Membri.

Politiki ta’ rikonċiljazzjoni b’mod ġenerali u d-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal b’mod partikolari jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel biex jiksbu l-indipendenza ekonomika u jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon ta’ objettiv ieħor importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020: Jiġu salvagwardjati mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Iż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri, u b’mod partikolari n-nisa, fis-suq tax-xogħol tnaqqas ir-riskju tal-faqar matul iċ-ċiklu tal-ħajja, tinkoraġġixxi l-inklużjoni soċjali tal-membri kollha tal-familja u ttejjeb il-prospetti futuri tat-tfal[10]. Dan huwa partikolarment importanti għal gruppi f’qagħda vulnerabbli (familji b’ġenitur wieħed, ir-Roma, il-migranti).

L-investiment f’servizzi ta’ akkoljenza għat-tfal żgħar ifisser ukoll investiment fil-kostruzzjoni tal-kapital uman ta’ għada: dan jagħti lil kull tifel/tifla bidu aħjar fil-ħajja u jistabbilixxi s-sisien għal suċċess f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, l-iżvilupp personali u, aktar ’il quddiem, aptitudni għax-xogħol[11]. Dan huwa investiment soċjali b’potenzjal għoli

Il-provvista ta' servizz ta’ kwalità u aċċess universali għal edukazzjoni preskolari ta’ kwalità hija identifikata bħala waħda mill-politiki ta’ prevenzjoni biex tiġġieled kontra t-tluq bikri mill-iskola[12], kif ikkonfermat ukoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea[13]

… biex niksbu l-għan ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Il-parteċipazzjoni tan-nisa f’xogħol imħallas huwa marbuta mad-distribuzzjoni ta’ responsabbiltajiet tal-familja bejn is-sessi. In-nisa għadhom jaġġustaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom meta jkollhom it-tfal billi jieħdu leave, billi jaħdmu part-time jew billi jirtiraw mis-suq tax-xogħol. Dan għandu impatt fuq il-paga u l-pensjoni tagħhom. Id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tibqa’ intollerabbilment għolja (16,2 % fis-siegħa fuq medja[14]) fl-Unjoni Ewropea. L-ikbar differenzi jistgħu jiġu osservati f’pajjiżi fejn hemm ftit provvediment ta' servizzi ta' akkoljenza għat-tfal iż-żgħar[15]. In-nuqqas ta’ promozzjoni ta’ politiki ta’ bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata b’mod ġenerali u n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal b’mod partikolari jippreżentaw ostaklu ewlieni għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-progress tagħhom lejn pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà[16].

... biex nindirizzaw l-isfida demografika

Fl-aħħar, id-disponibbiltà ta' servizzi ta' kura ssostni t-twettiq tal-proġetti tal-familja, b'rigward għat-tnaqqis demografiku li qiegħda tesperjenza l-Ewropa. Tabilħaqq jidher li l-Istati Membri fejn il-fekondità bħalissa hi l-ogħla huma dawk li ffaċilitaw il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata u li tippreżenta rata ta' impjieg tan-nisa għolja.

3.           Is-sitwazzjoni attwali

Fl-2008, l-ewwel reviżjoni[17] wriet li d-domanda għal sistemi formali tal-kura tat-tfal kienet għadha ’l bogħod milli tkun sodisfatta, b’mod partikolari għat-tfal taħt it-tliet snin. Din enfasizzat l-ispejjeż għoljin li jridu jitħallsu mill-ġenituri u l-ħinijiet tal-ftuħ tas-servizzi, li kienu inkompatibbli ma’ impjieg imħallas full-time Ħames snin iktar tard, minkejja titjib sostanzjali, l-isfidi għadhom li kienu.

Titjib konsiderevoli għad irid isir fid-disponibbiltà ta’ servizzi għal tfal taħt it-tliet snin ...

…Skont dejta Ewropea [18] fl-2010 biss 10 Stati Membri (DK, SE, NL, FR, ES, PT, SI, BE, LU u UK) kienu laħqu l-objettiv ta’ Barċellona għal tfal taħt it-tliet snin. 15-il Stat Membru huma taħt il-25 % (il-Figura 2). Id-disponibbiltà hija pjuttost batuta fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja, fejn ir-rata ta' akkoljenza tat-tfal hija inqas minn 5 %. F’ħafna pajjiżi, hemm differenza ċara bejn żoni urbani u żoni rurali u/jew bejn ir-reġjuni (pereż. fil-Ġermanja u fl-Italja).

Bejn l-2006 u l-2010 ir-rata ta' akkoljenza tat-tfal ta' inqas minn tliet snin mexa ftit il quddiem...

.... minn medja ta' 26 % għal 29 % fl-UE[19]. Madankollu, kien hemm bidliet notevoli f’xi wħud mill-Istati Membri, notevolment fi Franza, fejn rata tal-kura tat-tfal żdiedet minn 31 % fl-2006 għal 43 % fl-2010. Din iż-żieda għandha tkompli tiżdied minħabba pjan għall-iżvilupp importanti fil-provvediment tal-kura tat-tfal li għandu l-għan li joħloq 200 000 soluzzjonijiet ġodda għall-indukrar tat-tfal bejn l-2009 u l-2012. Bidla notevoli oħra kienet fis-Slovenja (+ 8 %), probabbilment marbuta ma’ emenda fl-2008 għal-liġi dwar it-tfal żgħar li introduċiet il-finanzjament mill-Istat għall-kura tat-tfal għal it-tieni wild u wild sussegwenti.

Diversifikata u deċentralizzata s-sistema Franċiża tgħaqqad kura tat-tfal individwali u kollettivi tal-grupp ta’ età 0-3. L-akkoljenza proposta miċ-childcare assistent professjonali li jindukraw it-tfal hija l-aktar popolari. Sa mill-introduzzjoni tagħha fl-1991, din il-formola tal-kura tat-tfal hija responsabbli għal madwar terz tat-tfal taħt it-tliet snin li l-ġenituri tagħhom jaħdmu t-tnejn li huma. Il-ġenituri li jagħżlu din il-formola tal-kura tat-tfal jirċievu somma fix-xahar li tvarja skont ir-regolamenti u r-rimunerazzjoni taċ-childcare assistant professjonali, l-età tat-tfal u d-dħul tal-familja. Il-professjoni ta' childcare assistant evolviet b’mod sinifikanti matul is-snin. In-numru ta' sigħat statutorji ta’ taħriġ irdoppja u kuntratt mal-ġenituri issa huwa obbligatorju. Kontrolli sanitarji u dwar is-sigurtà jsiru regolarment. Madankollu, għad hemm xi problemi li jeħtieġu jingħelbu. il-professjoni għadha mhix rispettati b’mod wiesa’ u l-familji bi dħul baxx xi kultant jaħsbuha darbtejn qabel ma jużaw dan it-tip ta’ kura tat-tfal. Barra minn hekk, bosta || childcare assistants li jindukraw it-tfal se jkunu qed jirtiraw fis-snin li ġejjin. Għal bosta snin, l-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi kienu qed jinkoraġġanti kumpaniji privati biex jiffinanzjaw il-crèches tal-persunal. Magħrufa ukoll bħala crèches tal-kumpaniji, imwaqqfa u mmexxija minn kumpaniji privati, intrapriżi pubbliċi jew minn sptarijiet jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal tal-membri tal-persunal tagħhom.

L-użu ta’ faċilitajiet ta’ childcare jiżdied skont l-età tat-tfal...

Fil-kategorija tat-tfal bejn it-3 snin u l-età tal-iskola obbligatorja[20] 11-il Stati Membri (BE, ES, FR, SE, DE, EE, NL, SI, IE, DK u UK) laħqu l-objettiv ta' 90 % irrispettivament min-numru ta’ sigħat ta’ attendenza fl-2010. Fl-2011 l-Italja wkoll kisbet l-objettiv; iżda r-rata tal-kura tat-tfal fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Spanja u fl-Irlanda naqsu notevolment, taħt l-objettiv ta’ 90 %. B’kollox, 13-il Stat Membru huma taħt it-80 % u għad iridu jagħmlu titjib sinifikanti. Il-Polonja u l-Kroazja huma taħt il-50 %. (il-Figura 3)

.

Ir-rata ta’ kura tat-tfal għat-tfal bejn 3 u l-età tal-iskola obbligatorja baqgħet pjuttost stabbli ...

.... minn medja ta' 84 % fl-2006 għal 86 % fl-2010 fl-UE[21]. Din iż-żieda medja taħbi varjazzjonijiet notevoli fil-pajjiżi fejn kombinazzjoni ta’ miżuri ġew introdotti. Fil-Lussemburgu (+ 22 %), il-maisons-relais ġew introdotti fl-2005, is-sistema skolastika ġie organizzat mill-ġdid fl-2009 (is-sena meta t-tfal jagħlqu tliet snin, għadha mhux obbligatorja, u ġiet integrata fl-ewwel ċiklu tal-iskola elementari) u cheque-service jew vawċers ġew introdotti fl-2009. Fl-Awstrija (+ 13 %), il-kontribuzzjoni federali għall-espansjoni tal-għadd ta’ postijiet fil-crèches (24 500 post ġdid għal tfal ta’ bejn 0 u 6 snin bejn l-2008 u l-2010) ġiet implimentata. Barra minn hekk, 20 siegħa b'xejn fil-ġimgħa ta' kura tat-tfal ġiet introdotta fl-2009 u din kellha influwenza pożittiva fuq ir-rata tal-akkoljenza. Bejn l-2010 u l-2011, kien hemm tnaqqis fir-rata tal-kura tat-tfal f’bosta pajjiżi, b’mod partikolari r-Rumanija (-25 %), Spanja (-9 %), Ċipru (-8 %) u l-Irlanda (-8 %).

Is-sistema ta’ vawċers għall-kura tat-tfal (CSA) ġiet introdotta fl-1 ta’ Marzu 2009 fil-Lussemburgu mill-Ministeru tal-Familja u l-integrazzjoni flimkien mal-awtoritajiet lokali. Hija tagħti lid-detentur 3 sigħat ta’ kura tat-tfal edukattivi bla ħlas għal kull ġimgħa. Għall-21 siegħa li jmiss ta’ edukazzjoni tat-tfal, il-ġenituri jħallsu rata mnaqqsa ħafna ta’ mhux aktar minn EUR 3 għal kull siegħa. Din ir-rata hija kkalkulata fuq il-bażi ta’ dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar u l-pożizzjoni tat-tfal fi ħdan il-familja. Is-sistema kienet introdotta sabiex jiġi żgurat benefiċċju massimu għat-tfal li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew li jgħixu fuq it-tarf ta’ esklużjoni. Għal dawn it-tfal, is-sistema toffri aktar sigħat ta’ għajnuna għal kull ġimgħa matul is-sena skolastika u matul il-vaganzi tal-iskola.

F’Jannar 2011, 69,27 % ta’ tfal ta’ età bejn 0-12-il sena kienu rreġistrati f’din is-sistema[22]. Din il-politika hija akkumpanjata minn żieda kostanti fin-numru ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal, inkluż f’faċilitajiet għall-kura tat-tfal għal tfal tal-età tal-iskola sal-età ta’ 12.

Idea tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-objettivi ta’ Barċellona fl-2011 ...

· Sitt Stati Membri laħqu ż-żewġ objettivi: l-Isvezja, il-Belġju, Franza, is-Slovenja, id-Danimarka u r-Renju Unit.

· Kategorija oħra tiġbor is-seba Stati Membri li laħqu wieħed mill-objettivi. Dawn huma l-Portugall, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu għall-ewwel kategorija ta' età u l-Ġermanja, l-Italja u l-Estonja għat-tfal aktar kbar fl-età.

· Tliet Stati Membri jinsabu fil-punt li jilħqu wieħed mill-objettivi: Il-Finlandja kellha rata tal-kura tat-tfal ta’ aktar minn 25 % għall-ewwel grupp ta’ età, l-Irlanda u l-Awstrija kellhom rata ta’ kura tat-tfal ta’ 80 % għat-tieni grupp ta’ età.

· Ħdax-il Stat Membru li għad hemm bżonn li jsir titjib sinifikanti, b’mod partikolari fil-Polonja, il-Bulgarija, il-Greċja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka, kif ukoll il-Kroazja.

L-attendenza fis-servizzi ta' akkoljenza hija kważi esklussivament part-time...

... f’uħud mill-pajjiżi li kisbu l-objettiv. Is-sigħat ta’ attendenza għal servizzi tal-kura tat-tfal ivarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. F’diversi pajjiżi s-servizzi jintużaw part-time u ma jkoprux ġimgħa ta’ xogħol. Fir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Irlanda s-servizzi huma essenzjalment użati fuq bażi part-time irrispettivament mill-grupp ta’ età. Għandu jiġi nnutat li, f’xi każijiet, l-attendenza huwa ferm inqas 30 siegħa fil-ġimgħa. Fir-Renju Unit, pereżempju, għadd sinifikanti ta’ postijiet jiġu pprovduti għal inqas minn 20 siegħa għall-iżgħar fost it-tfal. Jidher importanti li wieħed ikun jaf jekk l-użu ta’ dawn is-servizzi fuq bażi part-time huwiex minħabba għażla jew riżultat ta’ limitazzjonijiet. Fil-każ tal-aħħar, in-nuqqas ta’ servizzi full-time jistgħu jaġixxu bħala ostaklu għal impjieg full-time, b’mod partikolari favur l-ommijiet waħedhom.

Strateġiji alternattivi għall-kura tat-tfal iż-żgħar...

… jistgħu jiġu stabbiliti. Għal din ir-raġuni, ir-rata relattivament baxxa tal-kura tat-tfal f’xi pajjiżi mhix neċessarjament marbuta mal-iskarsezza ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal. Pereżempju, id-drittijiet tal-liv tal-familja jistgħu jkollhom impatt fuq d-domanda għall-kura tat-tfal għall-iżgħar fost it-tfal. Huwa komuni fil-pajjiżi Nordiċi u fis-Slovenja li t-tfal jinżammu mill-ġenituri tagħhom matul l-ewwel sena, u wara din ikunu intitolati għall-kura tat-tfal kollettiva. F’pajjiżi oħra, il-liv disponibbli huwa ferm itwal u kkombinat mal-iskarsezza ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal jistgħu jkollhom influwenza negattiva fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Huwa, għalhekk, essenzjali li, barra li jipprovdu servizzi ta’ kura tat-tfal f'konformità ma’ liv tal-ġenituri, li tinħoloq il-possibbiltà għall-missirijiet li jieħdu l-liv tal-familja.

Ir-rikors għal kura tat-tfal informali[23] (mogħtija f’bosta każijiet min-nanniet) hija sinifikanti fiż-żewġ kategoriji ta’ età, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija biss fuq bażi part-time u ma tistax tkun soluzzjoni li tippermetti lill-ġenituri jaħdmu full-time. Barra minn hekk, it-tendenza li l-ħajja attiva ddum iktar tista' trendi iktar diffiċli l-għażla li jużaw in-nanniet.

Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-attitudnijiet ivarjaw skont l-età tat-tfal...

... Il-crèches u servizzi ta’ kura formali oħra huma ġeneralment ikkunsidrati bħala pożittivi għal "tfal ta’ età ikbar", iżda din il-perċezzjoni pożittiva hija aktar baxxa għal tfal żgħar ħafna anke jekk il-benefiċċji ta’ servizzi tal-ħarsien tat-tfal ta’ kwalità għall-iżvilupp tat-tfal (b’mod partikolari dawk żvantaġġati) fil-parti l-kbira ġew ippruvati[24]. Il-Figura 6 turi ċerta reċiproċità bejn il-livell ta’ approvazzjoni tal-fatt li n-nisa bi tfal żgħar jaħdmu full time, fuq naħa waħda, u rata tal-kura tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin fil-faċilitajiet tal-kura tat-tfal u r-rata tal-impjiegi tal-ommijiet, fuq in-naħa l-oħra: DK, FI, SE u SI jikkombinaw approvazzjoni qawwija mar-rati għolja għall-kura tat-tfal u rati għoljin ta’ ommijiet impjegati. Il-Figura 6 turi wkoll rati ta' diżapprovazzjoni ‘l fuq minn 50 % għall-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Estonja. Fl-aħħarnett, minkejja li l-impjiegi full-time ta’ ommijiet żgħażagħ huwa ġeneralment approvat f’pajjiżi bħall-Polonja u Ċipru, id-disponibbiltà ta' servizzi ta’ kura tat-tfal għad trid tiġi żviluppata sabiex tippermetti lil ommijiet jissodisfaw l-intenzjonijiet tagħhom fis-suq tax-xogħol

L-ispiża tibqa' ostaklu għall-parti l-kbira tal-ġenituri...

... Servizzi ta’ kura fomali tat-tfal għal tfal żgħar huma mod biex il-ġenituri jintegraw u/jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol biss jekk huma finanzjarjament aċċessibbli. Madankollu, 53 % tal-ommijiet li jiddikjaraw li huma ma jaħdmux jew li jaħdmu part-time għal raġunijiet marbuta ma’ servizzi tal-kura tat-tfal formali[25] jikkunsidraw il-prezz bħala ostaklu. Dan il-perċentwali huwa ogħla minn 70 % fl-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Renju Unit.

Il-gvernijiet ta’ ħafna Stati Membri jissussidjaw servizzi tal-kura tat-tfal formali (fil-forma ta’ għotjiet diretti, kontribuzzjonijiet lill-ġenituri skont il-pagi, il-ħelsien mit-taxxa, vawċers). Il-Figura 7 turi li l-ispiża għall-familji għadha għolja, b’mod partikolari fir-Renju Unit u fl-Irlanda, meta dawn ikunu jikkostitwixxu 41 % tad-dħul nett f’familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu. Barra minn hekk, l-ispiża ta’ dawn is-servizzi kellha titqies f’relazzjoni mal-politiki soċjali u fiskali oħra li jkollhom impatt fuq id-dħul tal-familji, billi anke b'servizzi tal-kura tat-tfal konsiderevolment issussidjati jista’ jkun hemm ftit vantaġġi għall-ġenituri, u b’mod partikolari għal dak li jaqla’ t-tieni paga tal-familja, li jaħdmu jekk ix-xogħol ikun intaxxat.

L-ispiża tas-servizzi tal-kura tat-tfal ma għandhiex l-istess impatt fuq dawk l-unitajiet domestiċi li għandhom dħul għoli daqs fuq familji bi dħul baxx...

… u l-varjetà fid-differenzi hija evidenti ħafna. Fi Franza, pereżempju, 64 % tad-djar fuq il-kwintall tad-dħul l-iktar għoli jużaw is-servizzi ta’ kura tat-tfal meta mqabbel ma’ biss 15 % tad-djar fi-kwintall ta’ taħt. Is-sitwazzjoni hija simili f’pajjiżi oħra fejn ir-rata ta’ kura tat-tfal hija sinifikanti, bħal fil-Belġju, il-Finlandja u l-Irlanda, iżda wkoll f’pajjiżi fejn ir-rata tal-kura tat-tfal hi aktar baxxa. Bil-maqlub, fid-Danimarka, ir-rata ta’ kura tat-tfal hija għolja ħafna fost il-familji fil-kwintajl ta’ taħt, filwaqt li fl-Isvezja, is-Slovenja u l-Ġermanja l-użu ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal huwa l-istess fost il-familji kollha[26]. Mhux se jkun possibbli li jintlaħqu l-objettivi ta’ Barċellona mingħajr l-aċċessibbiltà, inkluża l-aċċessibbiltà finanzjarja, għas-servizzi tal-assistenza lit-tfal għall-gruppi soċjali kollha.

Il-kriterji ta' prijorità jistgħu jkunu wkoll ostaklu...

... f'każ ta' skarsezza ta’ dispożizzjoni, b’mod partikolari għall-ġenituri li ma jaħdmux jew huma qiegħda meta tingħata preċedenza għall-ġenituri li jaħdmu u b’mod partikolari għal djar b'żewġ sorsi ta' dħul, li b’hekk jipprevjeni ġenitur ieħor milli jirritorna lejn ix-xogħol.

Fil-Belġju (Flanders), id-domanda għal postijiet għall-indukrar tat-tfal huwa akbar mill-provvista. Miżuri strutturali fil-livell tal-Komunità Fjamminga ġew introdotti biex jitjieb l-aċċess għal dawn il-faċilitajiet. Sistema ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-ġenituri (PFP) skont id-dħul għall-akkoljenza (mhux) issussidjat kollettiv u familjali, li diġà jeżisti fis-settur sussidjat, twaqqaf minn naħa waħda. Min-naħa l-oħra, sistema ta' prijorità uffiċjali twaqqfet fl-istrutturi ta' akkoljenza li jaħdmu bis-sistema PFP: 20 % tal-postijiet għandhom ikunu riżervati għal familji b’ġenitur wieħed u familji bi dħul baxx (li fiż-żewġ każijiet huma qiegħda, jew fuq programmi ta’ inklużjoni tas-suq tax-xogħol, eċċ.)

4.           Kwalità: għadha żbilanċjata madwar l-Ewropa

Il-kwalità perċepita għadha fattur ewlieni fl-għażla tal-ġenituri...

… għalkemm mhijiex għolja fuq il-lista ta’ fatturi li jgerrxu lill-ġenituri milli jużaw servizzi tal-kura tat-tfal formali għal tfal żgħar. Din tidher problema għal 27 % tan-nies bħala medja fl-Ewropa, wara l-ispiża (59 %), id-disponibbiltà (58 %) u l-aċċess-distanza jew is-sigħat tal-ftuħ (41 %)[27].

Kejl tal-kwalità qasam ta' studju kbir ħafna...

Sar ħafna xogħol fuq il-kwalità ta’ servizzi tal-kura u edukazzjoni ta’ tfal ta’ età bikrija (ECEC) fl-UE.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-ECEC[28], il-Kummissjoni Ewropea saħqet fuq il-ħtieġa biex itejjeb aktar l-aċċess u biex tipprovdi servizzi universali. Fiha elenkat l-oqsma ewlenin għall-kwalità, bħal persunal, kurrikula, governanza u finanzjament pubbliku, fejn il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew jistgħu jtejbu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal. Fuq stedina tal-Ministri tal-Edukazzjoni[29], u fi ħdan il-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ koordinazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet reċentement grupp ta’ ħidma tematiku ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, il-lekċerers u prattikanti tal-ECEC bl-iskop li jiġi stabbilit qafas Ewropew ta' kwalità ECEC.

Fost il-karatteristiċi strutturali tas-servizzi, id-daqs tal-grupp ivarja minn medja ta’ 10 sa 14 tfal fil-grupp ta’ età ta’ 0-3 snin u minn 20 sa 25 għal tfal għall-grupp ta’ età ta' 3-6 snin[30] u l-proporzjon ta’ tfal/persunal huwa ta’ madwar 15/1 fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, li jvarjaw minn 6/1 fl-Estonja sa 21.5/1 fi Franza għal edukazzjoni preskolari[31].

Bosta persuni mhux ikkwalifikati għadhom jaħdmu fis-settur...

... Il-livell edukattiv tal-persunal tas-servizzi tal-ECEC ivarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor u r-rekwiżiti tal-kompetenzi tal-persunal awżiljarju u assistenti (li jirrappreżentaw 40-50 % tal-persunal) huma sikwit injorati filwaqt li r-riċerka u d-dokumenti ta’ politika internazzjonali rakkomandat li tal-inqas 60 % tal-persunal għandu jkollhom diploma post-sekondarja ta’ tliet snin[32]. Assistenti (li ta’ sikwit ikollhom x’jaqsmu ma’ kura personali u kuntatt mal-ġenituri) x’aktarx ikollhom ftit jew l-ebda taħriġ inizjali u aċċess limitat għal aktar taħriġ, kuntrarjament għall-għalliema (li jaħdmu mat-tfal), li ħafna drabi huma kkwalifikati ħafna u ta’ spiss jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet[33].

Il-kundizzjonijiet ta' xogħol fis-settur jibqgħu prekarji...

... fil-parti l-kbira tal-pajjiżi. Rati għolja ta’ tibdil fl-istaff minħabba kuntratti part-time jew atipiċi huma komuni u għandhom impatt negattiv fuq il-kwalità tas-servizz. Il-prospetti ta’ karriera huma limitati ħafna u s-settur ma jagħtix l-immaġni ta’ fornitur ta’ impjiegi ta’ kwalità.[34]

Is-settur huwa kkaratterizzat minn xogħol manwali fil-parti l-kbira min-nisa...

… bi 2 sa 3 % ta' irġiel ħlief fid-Danimarka (8 %). L-esperti jaqblu li n-numru ta' irġiel li jaħdmu f'dan is-settur għandu jogħla għal 10 % sabiex ikun hemm ġlieda kontra l-istereotipi ta' ġeneru[35].

Id-Danimarka, fejn is-servizzi tal-ECEC huma integrati fis-sistema tal-protezzjoni soċjali, hija pijuniera fl-iżvilupp ta’ kompetenzi għall-professjonisti li jaħdmu fis-settur (pædagoguddannelsen). L-approċċ ġeneriku[36] (li jikkwalifika lill-istudenti biex jaħdmu f’varjetà ta’ xenarji edukattivi u jippermetti wkoll aktar mobilità tax-xogħol) u r-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti għenu biex jattiraw aktar irġiel li fis-settur tal-ECEC fid-Danimarka mqabbla ma’ Stati Membri oħra tal-UE.

Finanzjament pubbliku dirett jagħmel għal ġestjoni iktar effiċjenti...

... mill-awtoritajiet pubbliċi, ekonomiji ta’ skala, kwalità aħjar fuq livell nazzjonali, taħriġ iktar effiċjenti ta’ għalliema u aċċess aktar ġust mis-sistema ta’ ħlas tal-benefiċċji mogħtija lill-ġenituri[37].

Fl-2009, is-sehem tal-infiq allokat għall-ECEC bħala perċentwali tal-PDG kien partikolarment għoli fid-Danimarka, l-Isvezja, ir-Renju Unit u Franza, li kienu kollha ‘l fuq mil-limitu ta’ 1 % irrakkomandat minn esperti[38]. Madankollu, dawn in-nefqiet jieħdu forom differenti u ma għandhomx l-istess impatt fuq l-iżvilupp u l-kwalità tas-servizzi

Sistemi integrati jidhru li joffru aktar koerenza ...

…bejn strutturi għall-kura tat-tfal u l-bqija tas-sistema edukattiva, iżjed riżorsi għal tfal taħt it-tliet snin u taħriġ imtejjeb tal-persunal[39]. Il-mudell maqsum, li fih il-kura tat-tfal għal tfal żgħar (taħt l-età ta’ tliet snin) u l-edukazzjoni preskolari (sal-età tal-iskola obbligatorja) huma separati, huwa l-aktar komuni fl-Ewropa. F’pajjiżi oħrajn, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi evolvew lejn sistema fejn il-provvediment għal tfal żgħar huwa integrat fis-sistema tal-edukazzjoni, bħal fil-Latvja, is-Slovenja, l-Ingilterra, l-Iskozja u l-Isvezja, jew f’"sistema pedagoġika" f’sens usa’, bħal fil-Finlandja. Dawn iż-żewġ mudelli jeżistu flimkien fi ftit pajjiżi biss (id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, Ċipru u l-Litwanja). L-integrazzjoni ta’ servizzi tal-kura tat-tfal f’entità kbira teħtieġ struttura unitarja u approċċ komuni għall-aċċess, sussidji, programmi u persunal. Dan jirriżulta f’iktar effiċjenza finanzjarja[40]. Jidher li hemm il-ħtieġa li jiffavorixxu l-interazzjoni bejn il-kura u l-edukazzjoni tat-tfal, anke b’sistema maqsuma sabiex il-ħtiġijiet kollha tagħhom (konjittivi, soċjali, emozzjonali u fiżika) jiġu sodisfatti[41].

Ir-responsabbiltà għall-iżvilupp ta’ politiki tal-ECEC hija maqsuma ...

… f’ħafna pajjiżi bejn il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali. Waħda mill-konsegwenzi pożittivi ta’ deċentralizzazzjoni kienet l-integrazzjoni ta’ edukazzjoni u kura minn kmieni fit-tfulija fil-livell lokali flimkien ma' konsiderazzjoni mtejba ta’ ħtiġijiet lokali. Id-deċentralizzazzjoni tista’ toħloq ukoll ċerti riskji. Id-delega tal-poteri u r-responsabbiltajiet tista’ tenfasizza d-differenzi fl-aċċess u l-kwalità bejn ir-reġjuni[42]. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ ġenerali u iktar integrat ta' servizzi tal-ECEC fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali li jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-familji, flimkien ma’ kollaborazzjoni transettorjali mill-qrib bejn setturi differenti ta’ politika, bħalma huma l-edukazzjoni, il-kultura, l-affarijiet soċjali u l-impjiegi, is-saħħa u ġustizzja.[43]

5.           Jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona, impenn imġedded fl-Istrateġija Ewropa 2020

Iktar minn 10 snin wara l-adozzjoni tagħhom, l-objettivi ta' Barċellona ma ntlaħqux mill-parti l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni qed tiddeterjora f'bosta Stati Membri. Għad fadal titjib sinifikanti x'isir biex jintlaħaq livell sodisfaċenti ta’ disponibbiltà, speċjalment għal tfal taħt it-tliet snin. Barra minn hekk, l-ispiża ta’ servizzi għadha ostaklu sinifikanti għal ġenituri, kif huma l-ħinijiet tal-ftuħ, li mhux dejjem ikunu kompatibbli ma’ impenji tax-xogħol tagħhom. Investiment f’edukazzjoni ta’ kwalità u servizzi ta’ kura li huma universali u aċċessibbli għal kulħadd, għandu jitkompla. Dan jeħtieġ li jsir fil-biċċa l-kbira fil-livell ta’ Stat Membru. Il-Kummissjoni qed tipprovdi appoġġ fuq bosta aspetti.

L-iżvilupp tas-servizzi ta' kura taħt sorveljanza fil-qafas tas-Semestru Ewropew...

Il-ftuħ tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u għal impjieg għat-tieni persuna li taqla' paga fil-familja bis-saħħa ta’ inċentivi fiskali xierqa u l-introduzzjoni ta’ servizzi tal-ħarsien tat-tfal ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli, ġiet identifikata bħala prijorità fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[44]. Disa' Stati Membri (AT, CZ, DE, HU, IT, MT, PL, SK, UK) irċevew rakkomandazzjoni dwar l-impjieg tan-nisa u dwar id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi tal-kura tat-tfal fl-2012. Seba' minn dawn il-pajjiżi kienu diġà rċevew rakkomandazzjoni fl-2011, filwaqt li Malta u s-Slovakkja rċevew rakkomandazzjoni għall-ewwel darba fl-2012.

Il-fondi strutturali huma lieva importanti...

… Matul il-perjodu 2007-13, huwa stmat li EUR 2,6 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew ġew utilizzati f'azzjonijiet immirati għall-promozzjoni tal-impjieg u l-parteċipazzjoni sostenibbli tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata, inkluż miżuri għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għal servizzi ta' kura tat-tfal u ta' indukrar għal persuni dipendenti. Barra minn hekk, madwar EUR 616 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp saru disponibbli għall-Istati Membri bejn l-2007 u l-2013 biex jiffinanzja infrastrutturi tal-kura tat-tfal[45]. Kważi l-Istati Membri kollha allokaw riżorsi għas-servizzi tal-indukrar tat-tfal. Madankollu, in-nefqa totali tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor skont il-baġit disponibbli taħt il-fondi strutturali u l-istat attwali ta’ forniment ta’ servizzi.

Il-FSE għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ servizzi tal-kura tat-tfal istituzzjonali fil-Polonja taħt il-qafas tal-Programm Operattiva tal-Kapital Uman (HC OP).

Mill-2012, azzjoni waħda b’baġit ta’ EUR 46 miljun għamlitha possibbli li tiffinanzja (għal 85 %) mill-proġetti li jinvolvu:

- l-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ crèches u klabbs għat-tfal, inkluż il-kopertura tal-ispejjeż għall-kura tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin jekk minn tal-inqas ġenitur wieħed jirritorna għas-suq tax-xogħol wara waqfa relatata ma’ twelid jew l-edukazzjoni tat-tfal;

- appoġġ għal servizzi ta' childminder.

L-ewwel sejħa għal proposti se tippermetti li wieħed iwaqqaf 171 crèche, 23 klabb tat-tfal u seba' ftehimiet għall-provvista ta’ servizzi minn childminder. Din il-miżura hija parti minn inizjattiva usa’ għal riforma regolatorja u t-tkabbir tat-tip u l-kwantità tas-servizzi tal-kura tat-tfal ipprovduti (il-programm "Malush").

Hemm azzjoni simili biex tiffinanzja proġetti relatati ma’ edukazzjoni preskolari għal tfal ta’ bejn tliet u ħames snin b’baġit ta’ EUR 369 miljun.

Il-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali...

... li għandhom rwol ewlieni fil-qasam tal-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja privata f'kumplimentarità mal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-Kummissjoni ssaħħaħ ukoll il-kollaborazzjoni bejn is-servizzi tagħha...

… li jaħdmu fuq politiki rilevanti għall-ECEC (bħal Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza, l-Edukazzjoni u l-Kultura, l-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa, ...).

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-objettivi ta' Barċellona...

… billi tgħin lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċità statistika billi ttejjeb il-ġbir ta’ dejta u l-irfinar ta' kif l-użu ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal huwa mkejjel għall-istħarriġ UE SILC, b’mod partikolari billi tiġbor informazzjoni komparabbli dwar l-ostakoli għal dawn is-servizzi (spejjeż, nuqqas ta' provvista għad-domanda ...).

Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri...

· Kull meta jkun meħtieġ, fis-semestri Ewropej, il-Kummissjoni se tkompli tadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi fejn issaqsi lill-Istati Membri sabiex jitwettqu l-objettivi ta’ Barċellona u li jinżamm l-investiment pubbliku minkejja l-kriżi ekonomika.

· Fil-programmazzjoni tal-Fondi Ewropej, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex isir użu sħiħ tal-kofinanzjament tal-għażliet offruti mill-fondi strutturali u programmi Komunitarji oħra, bħal pereżempju “Erasmus għal kulħadd”, inkluż matul il-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, biex jiġu żviluppati s-servizzi tal- ECEC u s-servizzi għal persuni dipendenti oħra, it-taħriġ tal-persunal u t-titjib tal-kwalità tas-servizz.

L-iżvilupp ta’ servizzi ta' indukrar tat-tfal żgħar u preskolari mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex jippermetti lin-nisa u l-irġiel għażla ħielsa ta’ kif l-aħjar jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ma tqisx id-diffikultajiet iffaċċjati fi stadji differenti f’ħajjithom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha taġixxi:

· Billi tippromwovi taħlita ta’ miżuri biex jinkiseb bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jikkonsistu minn metodi flessibbli ta’ xogħol, il-liv tal-familja s-sistema u għall-indukrar tat-tfal li huma għall-but ta’ kulħadd, kura ta’ kwalità servizzi għal tfal preskolari kif ukoll it-tfal preadolexxenti barra mill-ħinijiet tal-iskola u ta’ dipendenti oħra.

· billi nħeġġu lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakli (inklużi fiskali) għall-attività professjonali għan-nisa u li jħeġġu lill-missirijiet jieħdu aktar responsabbiltajiet familjali, pereżempju billi jieħdu l-liv tal-familja bl-istess mod bħala nisa.

Dan ir-rapport jirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni stess, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, biex jingħata appoġġ lill-ksib tal-objettivi ta’ Barċellona u l-iżvilupp tat-tfal li huma għall-but ta’ kulħadd, aċċessibbli u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal sabiex jiġu eliminati ostakli għal ġenituri l-parteċipazzjoni fl-impjiegi, għat-tkattir tal-inklużjoni soċjali u jippromovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel.

[1]               F'dan ir-rapport it-termini "servizzi ta' kura tat-tfal". "servizzi ta' akkoljenza" u "servizzi ta' edukazzjoni u indukrar tat-tfal iż-żgħar (ECEC)" qed jintużaw b'mod interkambjabbli.

[2]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/71025.pdf

[3]               COM(2010) 2020.

[4]               COM(2013) 83

[5]               2011/C 155/02

[6]               COM(2010) 491

[7]               COM(2012) 614

[8]               Bejn l-1998 u l-2008, in-numru ta’ nisa (ta’ età bejn l-20 u l-64) fl-impjieg żdied b’7,2 % meta mqabbla ma’ 2,4 % għall-irġiel.

[9]               OECD (2012) "Neliminaw l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel: naġixxu issa".

[10]             COM(2013) 778

[11]             COM(2011) 66

[12]             COM(2011) 18

[13]             2011/C 191/01

[14]             Eurostat, 2011 tsdsc340

[15]             OECD (2012) "Neliminaw l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel: naġixxu issa"

[16]             COM(2012) 615

[17]             COM(2008) 638

[18]             L-indikatur ikejjel il-proporzjon ta' tfal li jmorru f'servizzi formali bħal dawk elenkati fl-introduzzjoni.

[19]             U25, fl-2011 ir-rata ta' akkoljenza kienet medja ta' 30 % fl-UE 25 u 27.

[20]             L-età tal-iskola obbligatorja hija 4, 5, 6, jew 7 skont l-Istat Membru

[21]             EU25. Fl-2011 ir-rata ta' akkoljenza hija ta' medja ta' 86 % fl-UE25 u ta' 83 % fl-UE27.

[22]             Ministeru għall-Ugwalijanza, 2011

[23]             Dan ifisser kura tat-tfal permezz ta’ childminder (li mhijiex ivverifikata minn struttura organizzata) fid-dar tat-tfal jew għand iċ-childminder, jew jieħdu ħsieb it-tfal in-nanniet, membri oħra tal-familja (minbarra ġenituri), ġenituri oħra, ħbieb jew ġirien.

[24]             OECD (2012) Starting strong III

[25]             Sors: Il-modulu ad hoc tal-LFS 2010 Rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja — 23 % u 18 % tal-ommijiet, li l-iżgħar tifel għandu taħt 3 snin jew bejn 3 u l-età tal-iskola obbligatorja rispettivament jaħdmu part-time jew ma jaħdmux għal raġunijiet relatati għall-kura tat-tfal

[26]             EU-SILC, 2010

[27]             Eurofound 3rd EQLS 2012"

[28]             COM(2011) 66.

[29]             (2011/C 175/03)

[30]             EGGE 2009

[31]             SWD(2012) 373

[32]             Klassifikazzjoni Internazzjonali tat-Tipi ta' Edukazzjoni tal-livell 5

[33]             CORE study for EC/DG EAC2011

[34]             Eurofound 2012

[35]             CORE study for EC/DG EAC2011

[36]             Għall-kuntrarju għall-approċċ fejn prattikanti speċjalisti huma mħarrġa u kkwalifikati biex jaħdmu ma’ gruppi ta’ età speċifiċi f’ċerti tipi ta’ stabbiliment (pereż. iċ-ċentri għall-indukrar tat-tfal żgħar u tat-tfal preskolari). CORE study for EC/DG EAC2011

[37]             OECD 2011 Titjib fil-benessri tal-familji

[38]             In-Netwerk tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kura tat-Tfal 1996 - Il-kwalità tas-servizzi għat-tfal iż-żgħar.

[39]             Kaga Y., Bennett J. et Moss P. (2010), Caring and Learning Together, A Cross-national Study of Integration of Early Childhood Care and Education within Education, Paris, UNESCO

[40]             Eurydice 2009 - L'EAJE en Europe:réduire les inégalités sociales et culturelles

[41]             COM(2011) 66

[42]             OECD Petite enfance, grands défis- volume II

[43]             Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ECEC: 2011/C 175/03

[44]             COM(2012) 750

[45]             Sa tmiem l-2011, 74 % ta’ dan il-baġit kien ġie allokat lil proġetti magħżula.

Top