This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0885
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Energy Roadmap 2050
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050
/* KUMM/2011/0885 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 /* KUMM/2011/0885 finali */
1.
Daħla
Il-benesseri tal-poplu,
il-kompetittività industrijali u l-funzjonament ġenerali tas-soċjetà jiddependu
fuq enerġija bla periklu, sikura, sostenibbli u affordabbli. L-infrastruttura
tal-enerġija li se tipprovdi l-enerġija fid-djar taċ-ċittadini, l-industrija u
s-servizzi fl-2050, kif ukoll fil-bini li jużaw in-nies, qiegħda tiġi
ddisinjata u mibnija bħalissa. Il-mudell tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija
fl-2050 diġà qed jiġi stabbilit. L-UE
hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal 80-95 %
taħt il-livelli tal- 1990 sal-2050 fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ
mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp[1].
Il-Kummissjoni analizzat l-implikazzjonijiet ta’ dan fil-“Pjan direzzjonali għal
ċaqliq lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
fl-2050”[2].
Il-“Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” [3] iffoka fuq soluzzjonijiet għas-settur tat-trasport u fuq il-ħolqien ta’
Żona Unika Ewropea tat-Trasport. F’dan il-Pjan
Direzzjonali dwar l-Enerġija 2050 il-Kummissjoni tesplora l-isfidi maħluqa bl-ilħuq
tal-għan ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE filwaqt li fl-istess ħin tiżgura s-sigurtà
tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività. Hija tirrispondi għal talba
mill-Kunsill Ewropew [4]. Il-politiki u l-miżuri tal-UE
biex tilħaq l-għanijiet tal-Enerġija 2020[5] u
l-istrateġija Enerġija 2020 huma ambizzjużi[6].
Dawn se jkomplu jaħdmu wara l-2020 biex jgħinu it-tnaqqis tal-emissjonijiet b’madwar
40 % sal-2050. Madankollu xorta mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq l-għan
tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE 2050 peress li fl-2050 se jkun intlaħaq biss
nofs l-għan tad-dekarbonizzazzjoni. Dan jagħti indikazzjoni tal-livell tal-isforz
u l-bidla, kemm strutturali u soċjali, li se jkun meħtieġ biex isir it-tnaqqis
meħtieġ tal-emissjonijiet, filwaqt li jinżamm settur tal-enerġija kompetittiv u
sikur. Illum, hemm direzzjoni
inadegwata dwar dak li għandu jsegwi l-aġenda 2020. Dan joħloq
inċertezza fost l-investituri, il-gvernijiet u ċ-ċittadini. Xenarji fil-“Pjan
direzzjonali għal ċaqliq lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’
emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” jissuġġerixxu li jekk l-investimenti jiġu posposti,
dawn se jiswew aktar bejn l-2011 u l-2050 u joħolqu tfixkil akbar fit-tul. Il-kompitu
tal-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ wara l-2020 huwa urġenti. L-investimenti
fl-enerġija jieħdu ż-żmien biex jipproduċu r-riżultati. F’dan id-deċennju, qed
iseħħ ċiklu ta’ investiment ġdid, peress li l-infrastruttura
mibnija 30-40 sena ilu jeħtieġ li tiġi sostitwita. Azzjoni issa tista’
tevita tibdil li jirrikjedi ħafna spejjeż fid-deċennji li ġejjin u tnaqqas
l-effetti ta’ saturazzjoni. L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija (AIE) wriet
ir-rwol kritiku tal-gvernijiet u enfasizzat il-ħtieġa għal azzjoni urġenti[7]; permezz tax-xenarji
tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050, il-mogħdijiet possibbli
għall-Ewropa jiġu analizzati aktar fil-fond. It-tbassir tal-futur
fit-tul mhuwiex possibbli. Ix-xenarji f’dan il-Pjan Direzzjonali
tal-Enerġija 2050 jesploraw rotot lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema
tal-enerġija. Dawn kollha jimplikaw bidliet kbar, pereżempju, fil-prezzijiet
tal-karbonju, it-teknoloġija u n-netwerks. Numru ta’ xenarji li jiksbu tnaqqis
ta’ 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jimplika tnaqqis ta’
madwar 85 % ta’ emissjonijiet ta’ CO2 relatati
mal-enerġija inkluż mit-trasport, ġew eżaminati[8].
Il-Kummissjoni analizzat ukoll xenarji u perspettivi tal-Istati Membri u
tal-partijiet interessati[9].
Naturalment, minħabba l-orizzont taż-żmien fit-tul, hemm inċertezza assoċjata
ma’ dawn ir-riżultati, mhux l-inqas minħabba li dawn jiddependu minn suppożizzjonijiet
li mhumiex ċerti huma stess[10].
Huwa impossibbli li jiġi antiċipat jekk hix se tintlaħaq quċċata fil-konsum taż-żejt,
peress li seħħew skoperti ġodda ripetutament; safejn il-gass tax-shale
fl-Ewropa hux se jirriżulta vijabbli, jekk u meta l-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju
(CCS) se jsir kummerċjali, xi rwol se jfittxu l-Istati Membri għall-enerġija nukleari,
kif se tevolvi l-azzjoni tal-klima madwar il-globu. Il-bidliet soċjali, teknoloġiċi
u komportamentali se jkollhom ukoll impatt sinifikanti fuq is-sistema tal-enerġija[11]. L-analiżi mwettqa
tax-xenarju hija ta’ natura illustrattiva, billi teżamina l-impatti, l-isfidi u
l-opportunitajiet tal-modi possibbli ta’ mmodernizzar tas-sistema
tal-enerġija. Dawn mhumiex għażliet ta’ “jew ħaġa jew oħra”, iżda
jiffokaw fuq l-elementi komuni emerġenti, u jappoġġjaw approċċi għal
investimenti fit-tul. L-inċertezza hija
ostaklu ewlieni għall-investiment.
L-analiżi tal-projezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u
l-partijiet interessati juru numru ta’ tendenzi ċari, sfidi, opportunitajiet u
bidliet strutturali għad-disinn tal-miżuri tal-politika meħtieġa għall-provvista
tal-qafas xieraq għall-investituri. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, dan il-Pjan Direzzjonali
tal-Enerġija jidentifika konklużjonijiet ewlenin dwar għażliet "mingħajr
dispjaċir" fis-sistema Ewropea tal-enerġija. Dan iwassal biex ikun importanti
wkoll li jinkiseb approċċ Ewropew, fejn l-Istati Membri kollha jaqsmu fehim komuni
dwar il-karatteristiċi ewlenin għal tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija
b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u li tipprovdi ċ-ċertezza u
l-istabbiltà meħtieġa. Il-Pjan Direzzjonali ma
jissostitwix l-isforzi nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimmodernizzaw il-provvista
tal-enerġija, iżda jfittex li jiżviluppa qafas Ewropew fit-tul ta’
teknoloġija newtra, li fih dawn il-politiki se jkunu aktar effettivi. Il-Pjan
isostni li approċċ Ewropew għall-isfida fl-enerġija se jżid is-sigurtà u s-solidarjetà
u spejjeż aktar baxxi meta mqabbel mal-iskemi nazzjonali paralleli, billi jipprovdi
suq usa’ u aktar flessibbli għal prodotti u servizzi ġodda. Pereżempju, xi
partijiet interessati juru ffrankar potenzjali ta’ mhux aktar minn kwart
tal-ispejjeż kieku jkun hemm approċċ aktar Ewropew għall-użu effiċjenti ta’
enerġija rinnovabbli.
2.
Sistema tal-enerġija sikura, kompetittiva u dekarbonizzata
fl-2050 hija possibbli
Is-settur tal-enerġija tipproduċi
l-ikbar sehem ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra magħmula mill-bniedem. Għalhekk,
it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2050 b’aktar minn 80 %
se jqiegħed pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-enerġija. Jekk, kif jidher probabbli, is-swieq globali
tal-enerġija jsiru aktar interdipendenti, is-sitwazzjoni tal-enerġija tal-UE se
tkun influwenzata direttament mill-qagħda tal-ġirien tagħha u mit-tendenzi tal-enerġija
globali. Ir-riżultati tax-xenarji jiddependu partikolarment fuq il-finalizzazzjoni
ta’ ftehim dwar il-klima globali, li jwassal ukoll biex titbaxxa d-domanda
globali għall-karburanti fossili u l-prezzijiet tagħhom. Ħarsa ġenerali tax-xenarji[12] Xenarji tat-tendenza attwali ·
Xenarju ta’ referenza. Ix-xenarju
ta’ referenza jinkludi tendenzi attwali u projezzjonijiet fit-tul dwar l-iżvilupp
ekonomiku (prodott domestiku gross (PDG) 1.7 % pa). Ix-xenarju jinkludi
politiki adottati sa Marzu 2010, inklużi l-miri għall-2020 għas-sehem
tas-RES u t-tnaqqis tal-GHG kif ukoll id-Direttiva tal-Iskema għall-Iskambju
tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS). Għall-analiżi, diversi sensittivitajiet b’rati
ta’ tkabbir tal-PDG aktar baxxi u ogħla u prezzijiet aktar baxxi u ogħla ta’ importazzjoni
tal-enerġija ġew analizzati. ·
Inizjattivi Politiċi Attwali
(CPI). Dan ix-xenarju jaġġorna
l-miżuri adottati, eż. wara l-inċidenti f’Fukuxima kkaġunati mid-diżastri
naturali fil-Ġappun, u li qegħdin jiġu proposti bħal fl-istrateġija Ewropa 2020:
ix-xenarju jinkludi wkoll proposti ta' azzjoni dwar il-“Pjan tal-Effiċjenza fl-Enerġija”
u d-“Direttiva tat-Tassazzjoni tal-Enerġija” ġdida. Xenarji ta’ dekarbonizzazzjoni (ara l-grafika 1): ·
Effiċjenza għolja fl-enerġija. Impenn politiku għal iffrankar għoli ħafna tal-enerġija;
dan jinkludi pereżempju rekwiżiti minimi aktar stretti għal tagħmir u bini
ġdid; rati għolja ta’ rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti; it-twaqqif ta’ obbligi
ta’ ffrankar tal-enerġija fuq l-utilitajiet tal-enerġija. Dan
iwassal għal tnaqqis fid-domanda tal-enerġija ta’ 41 % sal-2050 meta
mqabbla mal-qċaċet li ntlaħqu fl-2005-2006. ·
Teknoloġiji diversifikati ta’ forniment. Ebda teknoloġija ma hija ppreferuta; is-sorsi kollha tal-enerġija jistgħu
jikkompetu fuq bażi tas-suq b’ebda miżuri speċifiċi ta’ appoġġ. Id-dekarbonizzazzjoni
hija mmexxija mill-ipprezzar tal-karbonju li jassumi l-aċċettazzjoni pubblika
tal-Qbid u l-Ħżin ta’ materjal nukleari kif ukoll tal-Karbonju (CCS). ·
Sorsi tal-enerġija Rinnovabbli Għolja (RES). Miżuri qawwija ta’ appoġġ għas-RES li jwasslu għal sehem għoli ħafna
ta’ RES fil-konsum gross finali tal-enerġija (75 % fl-2050) u sehem tas-RES
fil-konsum tal-elettriku li jilħaq 97 %. ·
Dewmien fis-CCS. Simili
għax-xenarju tat-Teknoloġiji diversifikati tal-provvista iżda jekk wieħed
jassumi li jkun hemm dewmien fis-CCS, li jwassal għal ishma ogħla
għall-enerġija nukleari bid-dekarbonizzazzjoni mmexxija mill-prezzijiet
tal-karbonju minflok l-ispinta tat-teknoloġija. ·
Livell baxx ta’ materjal nukleari. Simili għax-xenarju tat-Teknoloġiji diversifikati tal-provvista iżda
jekk wieħed jassumi li l-ebda materjal nukleari ġdid (minbarra reatturi attwalment
taħt kostruzzjoni) mhu qiegħed jinbena li jirriżulta f’penetrazzjoni ogħla tas-CSS
(madwar 32 % fil-ġenerazzjoni tal-enerġija). Għaxar bidliet strutturali
għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Flimkien, ix-xenarji joħolqu l-possibbiltà li jiġu
estratti xi konklużjonijiet li jistgħu jgħinu jfasslu strateġiji ta’
dekarbonizzazzjoni llum li se jipprovdu l-effetti sħaħ tagħhom sal-2020, l-2030
u lil hinn. (1) Id-dekarbonizzazzjoni hija possibbli -
u tista’ tkun tiswa inqas mill-politiki attwali fit-tul Ix-xenarji juru li d-dekarbonizzazzjoni
tas-sistema tal-enerġija hija possibbli. Barra minn hekk, l-ispejjeż għat-trasformazzjoni
tas-sistema tal-enerġija ma jvarjawx b’mod sostanzjali mix-xenarju tal-Inizjattivi
Politiċi Attwali (CPI). L-ispejjeż totali tas-sistema tal-enerġija (inklużi l-ispejjeż
tal-karburanti, l-elettriku u kapitali, l-investiment fit-tagħmir, prodotti effiċjenti
fl-enerġija eċċ) jistgħu jirrappreżentaw ftit inqas mill-14.6 % fil-mija
tal-PDG Ewropew fl-2050 fil-każ tas-CPI meta mqabbel mal-livell ta’ 10.5 %
fl-2005. Dan jirrifletti bidla sinifikanti fir-rwol tal-enerġija fis-soċjetà. L-esponiment
għall-volatilità tal-prezzijiet tal-karburanti fossili se jaqa’ fix-xenarji tad-dekarbonizzazzjoni
meta d-dipendenza fuq l-importazzjoni taqa’ għal 35-45 % fl-2050, meta
mqabbla ma’ 58 % taħt il-politiki attwali. (2) Infiq kapitali ogħla u spejjeż tal-karburanti
aktar baxxi Ix-xenarji kollha tad-dekarbonizzazzjoni juru
tranżizzjoni mis-sistema tal-lum, bl-ispejjeż tal-karburanti u operattivi għoljin,
għal sistema tal-enerġija bbażata fuq nefqa kapitali ogħla u spejjeż tal-karburanti
aktar baxxi. Dan huwa wkoll minħabba l-fatt li ishma kbar tal-kapaċitajiet
attwali tal-provvista tal-enerġija jiġu fi tmiem tal-ħajja utli tagħhom. Fix-xenarji
kollha tad-dekarbonizzazzjoni, il-kont tal-UE għall-importazzjonijiet tal-karburanti
fossili fl-2050 se jkun sostanzjalment aktar baxx mil-lum. L-analiżi turi wkoll
li l-ispejjeż kumulattivi tal-investiment tan-netwerk waħedhom jistgħu jkunu 1.5
sa 2.2 triljun Euro bejn l-2011 u l-2050, bil-medda għolja tirrifletti investiment
akbar fl-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli. L-ispejjeż kapitali medji tas-sistema
tal-enerġija se jiżdiedu b’mod sinifikanti – l-investimenti fl-impjanti tal-enerġija
u n-netwerks, fit-tagħmir tal-enerġija industrijali, is-sistemi ta’ tisħin u
tkessiħ (inklużi t-tisħin u t-tkessiħ ta’ distrettwali), miters intelliġenti,
materjal għall-iżolazzjoni, vetturi aktar effiċjenti u b’livell ta’ emissjonijiet
baxxi tal-karbonju, tagħmir għall-isfruttament tas-sorsi lokali tal-enerġija
rinnovabbli (sħana solari u fotovoltajka), oġġetti li jikkunsmaw l-enerġija
durabbli eċċ. Dan għandu impatt mifrux fuq
l-ekonomija u l-impjiegi fis-setturi tal-manifattura, is-servizzi, il-kostruzzjoni,
it-trasport u l-agrikoltura. Dan joħloq opportunitajiet kbar għall-fornituri
tal-industrija u s-servizzi Ewropej li jissodisfaw din id-domanda li dejjem
tiżdied u jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati
teknoloġiji aktar kostkompetittivi. (3) L-elettriku għandu rwol li dejjem qed
jikber Ix-xenarji kollha juru li l-elettriku se
jkollu rwol ferm akbar milli għandu issa (kważi jirdoppja s-sehem tiegħu
fid-domanda finali tal-enerġija għal 36-39 % fl-2050) u se jkollu
jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tat-tisħin/tkessiħ (ara
l-grafika 2). L-elettriku jista’ jipprovdi madwar 65 % tad-domanda
għall-enerġija permezz tal-karozzi tal-passiġġieri u vetturi ħfief, kif muri
fix-xenarji kollha tad-dekarbonizzazzjoni. Id-domanda finali għall-elettriku tiżdied
saħansitra fix-xenarju tal-Effiċjenza għolja fl-enerġija. Sabiex jinkiseb dan,
is-sistema tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jkollha tgħaddi minn bidla
strutturali u tikseb livell sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni diġà fl-2030
(57-65% fl-2030 u 96-99 % fl-2050). Dan jenfasizza l-importanza li t-tranżizzjoni
tibda minn issa u jiġu pprovduti s-sinjali meħtieġa sabiex jiġu mminimizzati
l-investimenti f’assi intensivi tal-karbonju fl-għoxrin sena li ġejjin. (4) Il-prezzijiet tal-elettriku jiżdiedu
sal-2030 u mbagħad jonqsu Ħafna mix-xenarji jissuġġerixxu li l-prezzijiet
tal-elettriku se jiżdiedu sal-2030, imbagħad jonqsu. L-akbar sehem ta’ dawn
iż-żidiet diġà qed jiġri fix-xenarju ta’ referenza, marbuta mas-sostituzzjoni fl-għoxrin
sena li ġejjin ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni qadima u li m'għadhiex tgħodd
għall-bżonnijiet tal-lum. Fix-xenarju tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli Għolja,
li jimplika sehem ta’ 97 % għas-sorsi rinnovabbli fil-konsum
tal-elettriku, il-prezzijiet tal-elettriku użati fil-mudell jkomplu jiżdiedu
iżda b’rata inqas mgħaġġla – minħabba l-ispejjeż għolja ta’ kapital u
s-suppożizzjonijiet ta’ bżonnijiet kbar għall-kapaċità tal-ibbilanċjar, il-ħżin
u l-investimenti fin-netwerks f'dan ix-xenarju ta’ "enerġija kważi
100% RES". Pereżempju, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tar-RES
fl-2050 se tkun aktar mid-doppju tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija
totali tal-lum mis-sorsi kollha. Madankollu, penetrazzjoni sostanzjali tas-RES
ma tfissirx neċessarjament prezzijiet tal-elettriku għoljin. Ix-xenarju tal-Effiċjenza
Għolja fl-Enerġija kif ukoll ix-xenarju tat-Teknoloġija Diversifikata
tal-Provvista jkollhom il-prezzijiet tal-elettriku l-aktar baxxi u jipprovdu
60-65 % tal-konsum tal-elettriku mis-RES, żieda b’20 % biss fil-preżent.
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-prezzijiet f’xi Stati Membri
attwalment huma artifiċjalment baxxi minħabba r-regolamenti tal-prezzijiet u
s-sussidji. (5) In-nefqa tal-familja
se tiżdied Fix-xenarji kollha, inklużi x-xejriet attwali,
in-nefqa fuq l-enerġija u l-prodotti relatati mal-enerġija (inkluż
għat-trasport) x’aktarx li ssir element aktar importanti fin-nefqa
tal-familja, u tiżdied għal madwar 16 % tad-dħul tal-familji fl- 2030,
u tonqos wara dan għal aktar minn 15 % fl- 2050 [13]. Din ix-xejra tkun sinifikanti
wkoll għall-impriżi żgħar u medji (IŻM). Fuq perjodu ta’ żmien twil, iż-żieda
fl-ispejjeż tal-investiment għal tagħmir, vetturi u iżolazzjoni effiċjenti ssir
inqas importanti mit-tnaqqis tan-nefqa fuq l-elettriku u l-karburanti. L-ispejjeż
jinkludu l-ispejjeż tal-karburanti kif ukoll spejjeż kapitali bħall-ispejjeż tax-xiri
ta’ vetturi aktar effiċjenti, apparat u r-rinnovament tal-akkomodazzjoni.
Madankollu, jekk jintużaw regolamentazzjoni, standards jew mekkanżmi
innovattivi biex titħaffef l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi b'użu
effiċjenti tal-enerġija, il-kostijiet jinżlu. (6) L-iffrankar tal-enerġija fis-sistema
kollha huwa kruċjali Jeħtieġ li jinkiseb iffrankar sinifikanti
ħafna tal-enerġija (ara l-grafika 3) fix-xenarji kollha tad-dekarbonizzazzjoni.
Id-domanda primarja għall-enerġija taqa’ fil-medda ta’ bejn 16% sa 20%
sal-2030 u 32 % sa 41 % sal-2050 meta mqabbel mal-qċaċet milħuqa fl- 2005-2006.
Il-kisba ta’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija se teħtieġ diżakkoppjar aktar
b’saħħtu tat-tkabbir ekonomiku u l-konsum tal-enerġija kif ukoll miżuri aktar
b’saħħithom fl-Istati Membri kollha u fis-setturi ekonomiċi kollha. (7) Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiżdiedu
b’mod sostanzjali Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli (RES)
jogħla b’mod sostanzjali fix-xenarji kollha, filwaqt li jikseb
mill-inqas 55% fil-konsum gross finali tal-enerġija fl-2050, sa 45
punti perċentwali mil-livell tal-lum għal madwar 10 %. Is-sehem tar-RES
fil-konsum tal-elettriku jilħaq 64% fix-xenarju tal-Effiċjenza Għolja fl-Enerġija
u 97% fix-xenarju tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli Għolja li jinkludi ħażna sinifikanti
tal-elettriku sabiex jakkomoda provvista varjata ta’ RES anke fi żminijiet ta’ domanda
baxxa. (8) Il-qbid u l-ħżin tal-karbonju għandu
jkollhom rwol ċentrali fit-trasformazzjoni tas-sistema Il-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS), jekk ikkummerċjalizzat, se jkollu jikkontribwixxi b’mod
sinifikanti f’ħafna mix-xenarji, bi rwol partikolarment qawwi ta’ mhux aktar
minn 32 % fil-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-każ ta’ produzzjoni limitata
ta’ materjal nukleari, u ishma bejn 19 u 24% f’xenarji oħra bl-eċċezzjoni
tax-xenarju High RES. (9) L-enerġija nukleari tipprovdi kontribut
importanti L-enerġija nukleari se tkun meħtieġ biex tipprovdi kontribut sinifikanti fil-proċess tat-trasformazzjoni
tal-enerġija f’dawk l-Istati Membri fejn issir. Dan jibqa’
sors ewlieni ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
L-ogħla penetrazzjoni tal-materjal nukleari tidħol fix-xenarji tad-Dewmien fis-CSS
u t-Teknoloġiji diversifikati tal-provvista (18 % u 15 % fl-enerġija
primarja rispettivament) li juru l-inqas spejjeż totali tal-enerġija. (10) Is-sistemi
ta’ deċentralizzazzjoni u s-sistemi ċentralizzati jinteraġixxu dejjem aktar Id-deċentralizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tas-sħana jiżdiedu minħabba ġenerazzjoni
aktar rinnovabbli. Madankollu, kif juru x-xenarji, is-sistemi
ċentralizzati fuq skala kbira bħal pereżempju l-impjanti tal-enerġija nukleari
u tal-gass u s-sistemi deċentralizzati ser ikollhom jaħdmu flimkien dejjem
aktar. Fis-sistema tal-enerġija l-ġdida, jeħtieġ li tinħoloq konfigurazzjoni
ġdida ta’ sistemi deċentralizzati u ċentralizzati fuq skala kbira u dawn se
jiddependu fuq xulxin, pereżempju, jekk ir-riżorsi lokali ma jkunux biżżejjed
jew huma jvarjaw fil-ħin. Rabta mal-azzjoni
globali dwar il-klima Ir-riżultati tax-xenarji għax-xenarji
tad-dekarbonizzazzjoni kollha jassumu li tittieħed azzjoni tal-klima globali. L-ewwel
nett, huwa importanti li wieħed jinnota li s-sistema tal-enerġija tal-UE teħtieġ
livelli għolja ta’ investiment anke fin-nuqqas ta’ sforzi ambizzjużi ta’ dekarbonizzazzjoni.
Fit-tieni lok, ix-xenarji jindikaw li l-immodernizzar tas-sistema tal-enerġija
se jġib miegħu livelli għolja ta’ investiment fl-ekonomija Ewropea. Fit-tielet
lok, id-dekarbonizzazzjoni tista’ tkun ta’ vantaġġ għall-Ewropa bħala attur bikri
fis-suq globali li dejjem jikber għall-oġġetti u s-servizzi relatati mal-enerġija.
Fir-raba’ lok, dan jgħin fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni u
l-esponimet għall-volatilità tal-prezzijiet tal-karburanti fossili. Fil-ħames
lok, dan iġib miegħu kobenefiċċji sinifikanti rigward it-tniġġis tal-arja u
s-saħħa. Madankollu,
fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, l-UE ser tkun meħtieġa li tikkunsidra
l-progress, u l-azzjoni konkreta, f’pajjiżi oħra. Il-politika tagħha m’għandhiex
tiżviluppa b’mod iżolat iżda għandha tikkunsidra l-iżviluppi internazzjonali,
pereżempju relatati mar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-effetti
negattivi fuq il-kompetittività. Il-potenzjal ta’ kompromess bejn il-politiki tat-tibdil
fil-klima u l-kompetittività għadu riskju għal ċerti setturi, partikularment
f'perspettiva ta’ dekarbonizzazzjoni sħiħa li kieku l-Ewropa kellha taġixxi
waħedha. Id-dekarbonizzazzjoni globali l-Ewropa ma tistax tilħaqha waħedha. L-ispiża
globali tal-investiment tiddependi ħafna mill-qafas tal-politika, regolatorju u
soċjo-ekonomiku, u mis-sitwazzjoni ekonomika globali. Peress li l-Ewropa
għandha bażi industrijali b’saħħitha u jeħtieġ li ssaħħaħha, it-tranżizzjoni tas-sistema
tal-enerġija għandha tevita t-tgħawwiġ u t-telf fl-industrija, speċjalment
billi l-enerġija tibqa' fattur importanti tal-kostijiet għall-industrija[14]. Salvagwardji kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom
jinżammu taħt reviżjoni mill-qrib fir-rigward tal-isforzi minn pajjiżi terzi. Hekk kif l-Ewropa ssegwi t-triq lejn dekarbonizzazzjoni
akbar, se jkun hemm ħtieġa dejjem tikber għal integrazzjoni aktar mill-qrib ma’
pajjiżi u reġjuni ġirien, kif ukoll għall-bini ta’ interkonnessjonijiet ta’
enerġija u faċilitajiet komplementari. L-opportunitajiet għall-kummerċ u
l-kooperazzjoni se jeħtieġu kundizzjonijiet ekwi lil hinn mill-fruntieri
Ewropej.
3.
Mill-2020 sal-2050 - Sfidi u Opportunitajiet
3.1.
It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija
(a) L-iffrankar
tal-enerġija u l-ġestjoni tad-domanda: responsabbiltà għal kulħadd L-enfażi primarja għandha
tibqa’ fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija huwa prijorità fix-xenarji kollha tad-dekarbonizzazzjoni. L-inizjattivi
attwali jeħtieġ li jiġu implimentati malajr sabiex tinkiseb bidla.
L-implimentazzjoni tagħhom fil-kuntest usa' tal-effiċjenza globali fl-użu
tar-riżorsi għandha twassal għal riżultati kosteffiċjenti b'mod ħafna iktar
mgħaġġel. Effiċjenza ogħla fl-użu
tal-enerġija fil-bini ġdid u eżistenti hija essenzjali. Bini ta’ enerġija kważi
żero għandu jsir in-norma. Il-bini – inklużi d-djar – jista’ jipproduċi aktar
enerġija milli juża. Il-prodotti u l-apparat se jkollhom jissodisfaw l-ogħla standards
tal-effiċjenza fl-enerġija. Fit-trasport, huma meħtieġa vetturi effiċjenti u
inċentivi għal bidla fil-komportament. Il-konsumaturi se jgawdu
permezz ta’ kontijiet tal-enerġija aktar kontrollabbli u prevedibbli. Permezz
tal-miters intelliġenti u t-teknoloġiji intelliġenti bħall-awtomazzjoni tad-dar,
il-konsumaturi se jiksbu influwenza akbar fuq il-mudelli tal-konsum tagħhom
stess. Tista' tinkiseb effiċjenza sinifikanti b'azzjoni fuq riżorsi marbutin
mal-użu tal-enerġija, fosthom ir-riċiklaġġ, il-manifatturar mingħajr ħela, u
l-prolongazzjoni tal-ħajja tal-prodotti[15]. L-investimenti mid-djar u l-kumpaniji
se jkollhom rwol ewlieni fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Aċċess
akbar għall-kapital għall-konsumaturi u mudelli kummerċjali innovattivi huma
kruċjali. Dan jeħtieġ ukoll inċentivi sabiex jinbidel il-komportament,
bħat-taxxi, għotjiet jew pariri fuq il-post minn esperti, inklużi l-inċentivi
monetarji pprovduti bi prezzijiet tal-enerġija li jirriflettu l-ispejjeż
esterni. B’mod ġenerali, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun inkluża f’firxa
wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi, pereżempju, mill-iżvilupp tas-sistemi tal-IT
sal-istandards tal-apparati tal-konsumaturi. Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet
lokali u l-ibliet se jkun ħafna akbar fis-sistemi tal-enerġija tal-futur. Tenħtieġ analiżi ta’ miżuri
aktar ambizzjużi għall-użu effiċjenti tal-enerġija u l-politika ta’ spiża
ottimali. L-effiċjenza fl-enerġija għandha ssegwi l-potenzjal ekonomiku tagħha.
Dan jinkludi mistoqsijiet dwar sa liema punt l-ippjanar urban u spazjali jista’
jikkontribwixxi għall-iffrankar tal-enerġija fi żmien medju u fit-tul; kif tinstab
l-għażla tal-politika tal-aħjar spiża bejn bini ta’ iżolazzjoni għall-użu ta’ inqas
tisħin u tkessiħ u l-użu sistematiku tas-sħana żejda tal-ġenerazzjoni
tal-elettriku f’impjanti tas-sħana u enerġija kkombinati (CHP). Qafas
stabbli x’aktarx li jeħtieġ aktar azzjonijiet għall-iffrankar tal-enerġija,
speċjalment bil-għan tal-2030. (b) Bdil għal
sorsi tal-enerġija rinnovabbli L-analiżi tax-xenarji
kollha turi li l-akbar sehem tat-teknoloġiji tal-provvista tal-enerġija fl-2050
ġej minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, it-tieni prerekwiżit
ewlieni għal sistema tal-enerġija aktar sostenibbli u sigura huwa sehem
akbar ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-2020. Fl-2030, ix-xenarji
kollha tad-dekarbonizzazzjoni jissuġġerixxu ishma dejjem jikbru ta’ sorsi
rinnovabbli ta’ madwar 30% fil-konsum finali gross tal-enerġija. L-isfida
għall-Ewropa hija li tippermetti lill-atturi tas-suq biex inaqqsu
l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ titjib fir-riċerka,
l-industrijalizzazzjoni tal-katina tal-provvista, u politiki u skemi ta’ appoġġ
aktar effiċjenti. Dan jista’ jeħtieġ konverġenza akbar fl-iskemi ta’
appoġġ u responsabbiltajiet akbar għall-ispejjeż tas-sistema fost
il-produtturi, minbarra l-Operaturi tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni (TSOs). Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se
jimxu lejn iċ-ċentru tat-taħlita tal-enerġija fl-Ewropa, mill-iżvilupp
tat-teknoloġija għall-produzzjoni tal-massa u l-użu, minn skala
żgħira għal skala akbar, bl-integrazzjoni ta’ sorsi lokali u aktar
remoti, minn sussidjati sa kompetittivi. Din
in-natura li qed tinbidel tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli teħtieġ
bidliet fil-parallel tal-politika għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom. L-inċentivi fil-futur, b’ishma dejjem akbar ta’
sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għandhom isiru aktar effiċjenti, joħolqu
ekonomiji ta’ skala, iwasslu għal aktar integrazzjoni tas-suq u bħala
konsegwenza għal approċċ aktar Ewropew. Dan għandu jibni fuq l-użu
tal-potenzjal sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti[16],
fuq il-prinċipji komuni ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri u mal-pajjiżi
tal-viċinat, u miżuri oħra possibbli. Ħafna teknoloġiji rinnovabbli jeħtieġu żviluppi
ulterjuri sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Hemm il-ħtieġa ta’ investiment fit-teknoloġiji
rinnovabbli ġodda, bħall-enerġija mill-oċean u l-enerġija solari kkonċentrata u
bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Hemm ukoll il-ħtieġa li jitjiebu
dawk eżistenti, bħal pereżempju permezz taż-żieda fid-daqs ta’ turbini u xfafar
tar-riħ offshore biex jaqbdu aktar riħ u jtejbu l-pannelli fotovoltajċi għall-produzzjoni
ta’ aktar enerġija solari. It-teknoloġiji tal-ħażna jibqgħu kritiċi. Il-ħażna attwalment hija ħafna aktar għalja mill-kapaċità
ta’ trażmissjoni addizzjonali, il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ backup tal-gass
filwaqt li l-ħażna konvenzjonali bbażata fuq l-idro hija limitata. Effiċjenzi
akbar fl-użu tagħhom u spejjeż kompetittivi jeħtieġu titjib fl-infrastruttura
għall-integrazzjoni madwar l-Ewropa. B’kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjoni
u netwerk intelliġenti, il-ġestjoni tal-varjazzjonijiet tal-enerġija tar-riħ u solari
f’ċerti żoni lokali tista’ tiġi pprovduta wkoll minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli
f’postijiet oħra fl-Ewropa. Dan jista’ jnaqqas il-ħtieġa għal ħażna, kapaċità
tal-backup u l-provvista baseload. Fil-futur qarib, l-enerġija
mir-riħ mill-Ibħra tat-Tramuntana u mill-baċin tal-oċean Atlantiku tista’ tipprovdi
kwantitajiet sostanzjali ta’ elettriku bi spejjeż li jonqsu. Sal-2050 l-enerġija
mir-riħ tipprovdi aktar elettriku minn kwalunkwe teknoloġija oħra fix-xenarju tas-Sorsi
tal-Enerġija Rinnovabbli Għolja. Fit-terminu medju, l-enerġija mill-oċean tista'
tikkontribwixxi bil-qawwi lejn il-provvista tal-elettriku. B'mod simili, l-enerġija
mir-riħ u solari mill-pajjiżi tal-Mediterran jistgħu jipprovdu kwantitajiet
sostanzjali ta’ elettriku. L-opportunità għall-importazzjoni tal-elettriku minn
sorsi rinnovabbli mir-reġjuni ġirien diġà hija kkumplimentata minn strateġiji
għall-użu tal-vantaġġ komparattiv tal-Istati Membri eż. bħal fil-Greċja
fejn proġetti solari fuq skala kbira qed jiġu żviluppati. L-UE se tkompli tħeġġeġ
u tħaffef l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi
tal-karbonju fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran, kif ukoll
l-interkonnessjonijiet man-netwerks ta’ distribuzzjoni Ewropej. Iktar
interkonnessjoni man-Norveġja u mal-Iżvizzera se tibqa' kritika wkoll. B'mod simili,
l-UE se tistħarreġ il-potenzjal tas-sorsi rinnovabbli pprovduti minn pajjiżi
bħar-Russja u l-Ukraina (speċifikament il-bijomassa). It-tisħin u t-tkessiħ
rinnovabbli huma vitali għad-dekarbonizzazzjoni. Ċaqliq fil-konsum tal-enerġija lejn sorsi
tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u prodotti lokalment
(inklużi pompi tas-sħana u ħiters tal-ħażna) u enerġija rinnovabbli (eż. tisħin
solari, ġeotermiku, bijogass, bijomassa), anke permezz ta’ sistemi ta’ tisħin
distrettwali, huwa meħtieġ. Id-dekarbonizzazzjoni se teħtieġ
kwantità kbira ta’ bijomassa għat-tisħin, l-elettriku u t-trasport.
F'dak li jirrigwarda t-trasport, tkun teħtieġ taħlita ta’ għadd ta' karburanti
alternattivi biex jieħdu post iż-żejt, b'rekwiżiti speċifiċi tal-mezzi differenti.
Il-bijofjuwils aktarx ikunu għażla ewlenija għall-avjazzjoni, it-trasport
bit-triq fit-tul, u l-ferrovija fejn ma tistax tkun elettrifikata. Il-ħidma
sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà (eż. fuq it-tibdil indirett fl-użu tal-art)
tibqa' għaddejja. L-adozzjoni
mis-suq tal-bijoenerġija ġdida li tnaqqas id-domanda għall-art meħtieġa għall-produzzjoni
tal-ikel u li żżid l-iffrankar nett tal-gassijiet b'effett ta’ serra
(pereżempju, bijofjuwils ibbażati fuq l-iskart, l-alki, ir-residwi
tal-foresti), għandha tkompli tiġi promossa. Aktar ma jimmaturaw it-teknoloġiji,
aktar jonqsu l-ispejjeż u l-appoġġ finanzjarju jista’ jitnaqqas. Il-kummerċ
bejn l-Istati Membri u l-importazzjonijiet minn barra l-UE jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż
fiż-żmien medju u fit-tul. Il-miri eżistenti għall-enerġija rinnovabbli jidhru li
huma utli biex jagħtu prevedibbiltà lill-investituri filwaqt li jħeġġu approċċ
Ewropew u integrazzjoni tas-suq tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. (c) Ir-rwol ewlieni tal-gass
fit-tranżizzjoni Il-gass se jkun kritiku
għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Is-sostituzzjoni tal-faħam (u taż-żejt) bil-gass
fiż-żmien qasir u medju tista’ tgħin biex tnaqqas l-emissjonijiet b’teknoloġiji
eżistenti sa tal-inqas l-2030 jew l-2035. Għalkemm id-domanda għall-gass
fis-settur residenzjali, pereżempju, tista’ tonqos bi kwart sal-2030 minħabba diversi
miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-akkomodazzjoni[17], se tibqa’ għolja
f’setturi oħra, bħas-settur tal-enerġija għal perjodu itwal. Fix-xenarju tat-Teknoloġiji Diversifikati tal-Provvista
pereżempju, il-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma bil-gass tammonta għal madwar
800 TWh fl-2050, ftit aktar mil-livelli attwali. Permezz tat-teknoloġiji
li qed jevolvu, il-gass jista’ jkollu rwol dejjem akbar fil-futur. Is-suq tal-gass jeħtieġ
aktar integrazzjoni, aktar likwidità, aktar diversità tas-sorsi tal-provvista u
kapaċità akbar ta’ ħażna, sabiex il-gass iżomm il-vantaġġi kompetittivi tiegħu
bħala fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-kuntratti għall-provvista
fit-tul tal-gass jistgħu jkomplu jkunu meħtieġa biex jissottoskrivu
l-investimenti fil-produzzjoni tal-gass u l-infrastrutturi ta’ trażmissjoni. Flessibbiltà
akbar fil-formula tal-prezzijiet, b’differenza mill-indiċjar taż-żejt pur, se tkun
meħtieġa jekk il-gass għandu jibqa’ jkun karburant kompetittiv
għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Is-swieq globali tal-gass
qed jinbidlu, l-iktar bl-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-Amerka ta’ Fuq. Bil-gass
naturali likwifikat (LNG), is-swieq saru dejjem aktar globali peress li
t-trasport sar aktar indipendenti mill-pajpijiet. Il-gass tax-shale u sorsi
oħra tal-gass mhux konvenzjonali saru sorsi potenzjali importanti tal-provvista
fi jew madwar l-Ewropa. Flimkien mal-integrazzjoni tas-suq intern, dawn
l-iżviluppi jistgħu jnaqqsu t-tħassib dwar id-dipendenza fuq l-importazzjoni
tal-gass. Madankollu, minħabba l-istadju bikri tal-esplorazzjoni mhuwiex ċar
meta r-riżorsi mhux konvenzjonali jistgħu jsiru sinifikanti. Bit-tnaqqis tal-produzzjoni
tal-gass konvenzjonali, l-Ewropa se jkollha tiddependi fuq importazzjonijiet
tal-gass sinifikanti flimkien mal-produzzjoni domestika tal-gass naturali u l-isfruttament
potenzjali tal-gass tax-shale indiġenu. Ix-xenarji huma pjuttost
konservattivi fir-rigward tar-rwol tal-gass. Il-vantaġġi ekonomiċi tal-gass illum
jipprovdu ċertezza raġjonevoli tal-qligħ għall-investituri, kif ukoll riskji
baxxi u għalhekk inċentivi għall-investiment f’impjanti tal-enerġija
mħaddma bil-gass. L-impjanti tal-enerġija mħaddma bil-gass għandhom spejjeż
inqas ta’ investiment bil-quddiem, jinbnew pjuttost malajr u huma relattivament
flessibbli fl-użu. Investituri jistgħu jiħħeġġjaw ukoll
kontra r-riskji ta’ żviluppi fil-prezzijiet, billi l-ġenerazzjoni mħaddma
bil-gass ta’ spiss tiffissa l-prezz tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Madankollu, l-ispejjeż operattivi fil-futur jistgħu jkunu ogħla
milli għall-għażliet mingħajr karbonju u l-impjanti tal-enerġija mħaddma bil-gass
jistgħu jaħdmu għal inqas sigħat. Jekk il-qbid u l-ħażna
tal-karbonju (is-CSS) huwa disponibbli u applikat fuq skala kbira, il-gass
jista’ jsir teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iżda
mingħajr CCS, ir-rwol fit-tul tal-gass jista’ jkun limitat għal back up flessibbli
u kapaċità ta’ bbilanċjar fejn il-provvisti tal-enerġija rinnovabbli huma
varjabbli. Għall-karburanti fossili kollha, il-Qbid u l-Ħżin
tal-Karbonju se jkollu jiġi applikat minn madwar l-2030 ’il quddiem
fis-settur tal-enerġija sabiex jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni. Is-CSS
huwa wkoll għażla importanti għad-dekarbonizzazzjoni ta’ diversi industriji
tqal u flimkien mal-bijomassa jista’ jipprovdi valuri "mingħajr karbonju”.
Il-futur tas-CSS jiddependi b’mod kruċjali fuq l-aċċettazzjoni pubblika u
l-prezzijiet adegwati tal-karbonju; jeħtieġ li jintwera b’mod suffiċjenti fuq
skala kbira u li l-investiment fit-teknoloġija jiġi żgurat f’dan id-deċennju, u
mbagħad jiġi użat mill-2020, sabiex ikun fattibbli għall-użu mifrux sal-2030. (d) It-trasformazzjoni ta’ karburanti
fossili oħra Il-faħam fl-UE iżid ma'
firxa ddiversifikata tal-enerġija, u jikkontribwixxi għas-sigurtà
tal-provvista. Bl-iżvilupp tas-CCS u l-wasla ta’ teknoloġiji nodfa oħra,
il-faħam jista' jibqa' jiżvolġi rwol ta’ importanza għall-provvista sostenibbli
u sikura fil-ġejjieni. Iż-żejt x’aktarx
li jibqa’ fit-taħlita tal-enerġija anke fl-2050 u ġeneralment se jipprovdi fjuwil
għal partijiet minn trasport fuq distanzi twal tal-passiġġieri u tal-merkanzija. L-isfida għas-settur taż-żejt hi li jadatta għall-bidliet fid-domanda
taż-żejt li tirriżulta mill-bidla għal karburanti rinnovabbli u alternattivi u inċertezzi
madwar provvisti u prezzijiet futuri. Iż-żamma ta’ kontroll fis-suq globali
taż-żejt u ż-żamma ta’ preżenza Ewropea fir-raffinar domestiku - għalkemm
waħda li hija kapaċi li tadatta l-livelli ta’ kapaċità għar-realtajiet
ekonomiċi ta’ suq matur - hija importanti għall-ekonomija tal-UE, għal setturi
li jiddependu fuq prodotti raffinati bħala materja prima bħall-industrija
petrokimika, u għas-sigurtà tal-provvista. (e) L-enerġija
nukleari bħala kontributur importanti L-enerġija nukleari
hija għażla ta’ dekarbonizzazzjoni
li llum tipprovdi ħafna mill-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet
tal-karbonju kkunsmat fl-UE. Ċerti Stati Membri jikkunsidraw inaċċettabbli r-riskji
marbutin mal-enerġija nukleari. Mill-inċident f’Fukuxima, il-politika
pubblika fuq l-enerġija nukleari nbidlet f’xi Stati Membri filwaqt li oħrajn komplew
iqisu l-enerġija nukleari bħala sors sikur, affidabbli u affordabbli ta’ ġenerazzjoni
tal-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-ispejjeż tas-sikurezza[18] u l-ispejjeż għad-dekummissjonar tal-impjanti eżistenti
u r-rimi tal-iskart huma mistennija li jiżdiedu. Teknoloġiji ġodda tal-ġenerazzjoni
ta’ materjali nukleari jistgħu jgħinu biex jindirizzaw it-tħassib dwar l-iskart
u s-sikurezza. L-analiżi tax-xenarju turi
li l-enerġija nukleari tikkontribwixxi għal spejjeż tas-sistema u prezzijiet
tal-elettriku aktar baxxi. Bħala għażla ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet
tal-karbonju fuq skala kbira, l-enerġija nukleari se tibqa’ fit-taħlita tal-ġenerazzjoni
tal-enerġija tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tfannad il-qafas tas-sikurezza u
sigurtà nukleari, billi tgħin fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi
għall-investimenti fl-Istati Membri li jixtiequ jżommu l-għażla nukleari
fit-taħlita tal-enerġija tagħhom. Għandhom jiġu żgurati ħafna, ħafna aktar l-ogħla
standards tas-sikurezza u tas-sigurtà fl-UE u mad-dinja kollha, u dan jista'
jsir biss il-kompetenza u t-tmexxija tat-teknoloġija jinżammu fl-UE. Barra minn
hekk, bil-perspettiva sal-2050, se jsir aktar ċar liema rwol għad tiżvolġi l-enerġija
mill-fużjoni. (f) It-teknoloġija intelliġenti,
il-ħażna u l-fjuwils alternattivi Tkun xi tkun il-mogħdija meqjusa, ix-xenarji
juru li t-taħlitiet tal-enerġija jistgħu jinbidlu tul iż-żmien. Ħafna
jiddependi mill-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku. Mhuwiex ċert liema
għażliet teknoloġiċi għad jiżviluppaw, b'liema ritmu, b'liema konsegwenzi u
b'liema sagrifiċċji. Madankollu, it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jġibu magħhom
għażliet ġodda fil-ġejjieni. It-teknoloġija hija parti essenzjali
mis-soluzzjoni għall-isfida tad-dekarbonizzazzjoni. Il-progress teknoloġiku
jista' jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż, kif ukoll għal benefiċċji
ekonomiċi. L-istabbiliment ta' swieq tal-enerġija għal tal-apposta se jeħtieġ
teknoloġiji ġodda tal-grilji. Għandu jingħata appoġġ lir-riċerka u
lid-dimostrazzjoni fuq l-iskala industrijali. Fuq il-livell Ewropew, l-UE għandha
tikkontribwixxi direttament għall-proġetti xjentifiċi u għall-programmi ta'
riċerka u dimostrazzjoni, billi tibni fuq il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija
tal-Enerġija (il-pjan SET) u fuq il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss,
b'mod partikulari l-Horizon 2020, għall-investiment fi sħubijiet mal-industrija
u mal-Istati Membri biex dawn juru u jimplimentaw teknoloġiji ġodda
b'effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija fuq skala kbira. Pjan SET imsaħħaħ jaf
iwassal għal gruppi Ewropej ta' riċerka bi spejjeż ottimali, f'dawn
iż-żminijiet ta' ċinturini ssikkati fil-baġits tal-Istati Membri. Il-benefiċċji
tal-kooperazzjoni huma sinifikanti, u jmorru lil hinn mill-appoġġ finanzjarju
filwaqt li jibnu fuq koordinazzjoni aħjar fl-Ewropa. Karatteristika dejjem iktar importanti
tal-bidliet meħtieġa fit-teknoloġija hija l-użu tat-teknoloġiji
tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-enerġija u fit-trasport għal
applikazzjonijiet urbani intelliġenti. Dan qed iwassal għall-konverġenza
tal-katini tal-valur industrijali għall-infrastruttura urbana intelliġenti u għal
applikazzjonijiet li għandhom jitħeġġew biex tiġi żgurata t-tmexxija
industrijali. L-infrastruttura diġitali li se tagħmel il-grilja intelliġenti se
teħtieġ ukoll appoġġ fuq il-livell tal-UE, permezz ta' standardizzazzjoni,
riċerka u żvilupp fl-ICTs. Qasam ieħor ta' importanza speċjali huwa l-bidla
lejn fjuwils alternattivi, inklużi l-vetturi elettriċi. Dan irid jiġi
appoġġjat fuq il-livell Ewropew permezz ta' żviluppi fir-regolamentazzjoni,
l-istandardizzazzjoni, il-politika tal-infrastruttura, u iktar sforzi ta'
riċerka u dimostrazzjoni, partikularment għall-batteriji, iċ-ċelloli tal-fjuwil
u l-idroġenu, li flimkien mal-grilji intelliġenti jistgħu jkattru l-benefiċċji
tal-elettromobbiltà kemm għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport kif ukoll
għall-iżvilupp tal-enerġija rinovvabbli. L-għażliet l-ewlenin oħra tal-fjuwils
alternattivi huma l-bijofjuwils, il-fjuwils sintetiċi, il-metanu u l-LPG
(il-Gass tal-Petroljum Illikwidifikat).
3.2.
Il-formulazzjoni mill-ġdid tas-swieq tal-enerġija
(a) Modi ġodda
għall-ġestjoni tal-elettriku Hemm restrizzjonijiet
nazzjonali meta tiġi magħżula taħlita ta’ enerġija nazzjonali.
Ir-responsabbiltà konġunta tagħna hija li niżguraw li d-deċiżjonijiet
nazzjonali jkunu ta’ appoġġ reċiproku u jevitaw konsegwenzi negattivi. L-impatt
transkonfinali fuq is-suq intern jeħtieġ attenzjoni mill-ġdid. Dawn joħolqu sfidi
ġodda għas-swieq tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn sistema b’livell baxx
ta’ emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta’
sigurtà tal-enerġija u provvisti affordabbli tal-elettriku. Aktar minn qatt
qabel għandha tintuża l-iskala sħiħa tas-suq
intern. Huwa l-aħjar tweġiba għall-isfida tal-dekarbonizzazzjoni. Sfida minnhom hija l-ħtieġa
għar-riżorsi flessibbli fis-sistema tal-enerġija (eż. ġenerazzjoni, ħażna,
ġestjoni tad-domanda flessibbli) bħala l-kontribut ta’ żidiet intermittenti ta’
ġenerazzjoni rinnovabbli. It-tieni waħda hija l-impatt fuq il-prezzijiet
tas-suq bl-ingrossa ta’ din il-ġenerazzjoni. L-elettriku mir-riħ u solari għandu
spejjeż marġinali baxxi jew żero u aktar ma żżid il-penetrazzjoni tagħhom fis-sistema,
fis-suq bl-ingrossa l-prezzijiet fuq il-post jistgħu jonqsu u jibqgħu
baxxi għal perjodi ta’ żmien itwal[19].
Dan inaqqas id-dħul għall-ġeneraturi kollha, inklużi dawk meħtieġa biex tiġi żgurata
kapaċità suffiċjenti biex tintlaħaq id-domanda meta r-riħ jew ix-xemx ma jkunux
disponibbli. Sakemm il-prezzijiet ma jkunux relattivament għolja fi żminijiet
bħal dawn, dawn l-impjanti jistgħu ma jkunux ekonomikament vijabbli. Dan
iwassal għal tħassib dwar il-volatilità tal-prezzijiet u għall-investituri,
dwar il-kapaċità tagħhom li jirkupraw spejjeż operattivi kapitali u fissi.
L-iżgurar li l-arranġamenti
tas-suq joffru soluzzjonijiet kosteffettivi għal dawn l-isfidi se jsir dejjem
aktar importanti. L-aċċess għas-swieq jeħtieġ li jiġi aċċertat
għall-provvisti flessibbli ta’ kull tip, il-ġestjoni tad-domanda u l-ħażna kif
ukoll il-ġenerazzjoni, u dik il-flessibbiltà jeħtieġ li tiġi ppremjata fis-suq.
It-tipi kollha tal-kapaċità (varjabbli, baseload, flessibbli) għandhom
jistennew qligħ raġjonevoli fuq l-investiment. Madankollu, huwa importanti li
jiġi żgurat li l-iżviluppi tal-politika fl-Istati Membri ma joħolqux
ostakli ġodda għall-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku – jew tal-gass[20]. Jekk dan
jikkonċernax it-taħlita tal-enerġija, l-arranġamenti tas-suq, kuntratti
fit-tul, l-appoġġ għall-ġenerazzjoni ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju,
il-prezzijiet minimi tal-karbonju eċċ, jew le l-impatti fuq is-suq intern, li
kollha jiddependu dejjem aktar fuqhom, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. Issa
aktar minn qatt qabel, hija meħtieġa l-koordinazzjoni. Żviluppi
fil-politika tal-Enerġija jeħtieġ li jqisu bis-sħiħ kif
kull sistema nazzjonali tal-elettriku tiġi affettwata mid-deċiżjonijiet
fil-pajjiżi ġirien. Jekk naħdmu flimkien se nżommu l-ispejjeż
baxxi u niżguraw is-sigurtà tal-provvista. Filwaqt li tibni fuq it-tielet
pakkett tas-suq intern tal-enerġija, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija
għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), se tkompli tiżgura li
l-qafas regolatorju jistimula l-integrazzjoni tas-suq, li jingħataw biżżejjed
inċentivi għall-kapaċità u l-flessibilità, u li l-arranġamenti
tas-suq ikunu lesti għall-isfidi li ġġib magħha d-dekarbonizzazzjoni. Il-Kummissjoni qed teżamina l-effettività
tal-mudelli tas-suq differenti għar-remunerazzjoni tal-kapaċità u
l-flessibilità u kif dawn jinteraġixxu ma’ swieq bl-ingrossa dejjem aktar
integrati u ta’ bbilanċjar. (b)
L-integrazzjoni tar-riżorsi lokali u sistemi ċentralizzati L-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida u
flessibbli huwa għażla “mingħajr dispjaċir” u jista’ jakkomoda diversi mogħdijiet. Bit-tkabbir tal-kummerċ
tal-elettriku u l-penetrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fi kważi
kull xenarju sal-2050, u b’mod partikolari fix-xenarju tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli
Għolja, l-infrastruttura adegwata fid-distribuzzjoni, l-interkonnessjoni u t-trażmissjoni
fuq distanzi twal issir urġenti. Sal-2020 il-kapaċità tal-interkonnessjoni jeħtieġ
li tespandi mill-inqas b’mod konformi mal-pjanijiet ta’ żvilupp attwali. Żieda
globali tal-kapaċità tal-interkonnessjoni b’40 % sal-2020 se tkun
meħtieġa, b’integrazzjoni ulterjuri wara dan il-punt. Għal aktar integrazzjoni
b'suċċess wara l-2020, l-UE jkollha tneħħi għalkollox il-gżejjer enerġetiċi
sal-2015; barra minn hekk, in-netwerks iridu jitwessgħu, u maż-żmien isiru
konnessjonijiet sinkronizzati bejn l-Ewropa kontinentali u r-reġjun tal-Baltiku. L-implimentazzjoni
tal-politiki eżistenti fis-suq intern tal-enerġija u politiki ġodda, bħar-Regolament
dwar l-Infrastruttura tal-Enerġija[21],
jistgħu jikkontribwixxu sabiex jippermettu lill-UE tilqa’ din l-isfida. L-ippjanar
Ewropew ta’ 10 snin tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura mill-ENTSOs [22] u l-ACER diġà jipprovdi
viżjoni aktar fit-tul għall-investituri u jwassal għal kooperazzjoni reġjonali
aktar b’saħħitha. L-estensjoni tal-metodi attwali tal-ippjanar għal ippjanar
tan-netwerk integrat bis-sħiħ għat-trażmissjoni (onshore u offshore), id-distribuzzjoni,
il-ħażna u awtostradi tal-elettriku għal żmien potenzjalment itwal se tkun meħtieġa.
L-infrastruttura tas-CO2, li ma teżistix bħalissa, se tkun meħtieġa
u l-ippjanar għandu jinbeda dalwaqt. Sabiex jakkomoda
produzzjoni rinnovabbli lokalment, in-netwerk tad-distribuzzjoni jeħtieġ
li jsir aktar intelliġenti biex jittratta l-ġenerazzjoni varjabbli minn ħafna sorsi
distribwiti bħal, b’mod partikolari, sistemi fotovoltajċi solari, iżda anke ż-żieda
fir-rispons għad-domanda. B’ġenerazzjoni, netwerks intelliġenti, utenti ġodda tan-netwerk
(eż. vetturi elettriċi) u reazzjoni għad-domanda aktar deċentralizzati, hemm
ħtieġa akbar għal perspettiva aktar integrata fuq it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni
u l-ħżin. Sabiex jiġi sfruttat l-elettriku rinnovabbli mill-Baħar
tat-Tramuntana u l-Mediterran, infrastruttura addizzjonali sinifikanti,
notevolment taħt il-baħar, se tkun meħtieġa. Fil-qafas tal-Inizjattiva ta’
Netwerk Offshore tal-Pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana. ENTSO-E diġà qed iwettaq
studji tan-netwerk għall-Ewropa tal-Majjistral bl-orizzont tal-2030. Dan għandu
jikkontribwixxi għall-ħidma tal-ENTSO-E għal pjan ta’ żvilupp modulari ta’
Sistema Pan-Ewropea tal-Awtostradi tal-Elettriku sal-2050. Sabiex tiġi appoġġjata
d-dekarbonizzazzjoni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u biex jiġu integrati l-enerġiji
rinnovabbli, huma meħtieġa kapaċitajiet flessibbli tal-gass bi prezzijiet
kompetittivi. Infrastrutturi ġodda tal-gass għall-interkonnessjoni tas-suq
intern tul l-assi tat-Tramuntana-Nofsinhar u li jgħaqqdu l-Ewropa ma’ provvisti
ġodda diversifikati permezz tal-Kuritur tan-Nofsinhar se jkunu vitali għat-trawwim
tal-ħolqien ta’ swieq bl-ingrossa tal-gass li jiffunzjonaw tajjeb fl-UE kollha.
3.3.
Il-mobilizzazzjoni tal-investituri – approċċ unifikat
u effettiv għall-inċentivi tas-settur tal-enerġija
Bejn illum u l-2050, għandu
jkun hemm sostituzzjoni fuq skala wiesgħa tal-infrastruttura u l-oġġetti kapitali
fl-ekonomija kollha inklużi oġġetti tal-konsumatur fid-djar tan-nies. Dawn huma
investimenti sostanzjali ħafna bil-quddiem, ħafna drabi bi qligħ fuq perjodu
twil. Jeħtieġu sforzi bikrija tar-riċerka u l-innovazzjoni. Qafas
waħdani ta’ politika li jissinkronizza l-istrumenti kollha, mill-politiki ta'
riċerka u innovazzjoni sal-politiki ta' implimentazzjoni, għandu jappoġġja tali
sforzi. Jenħtieġu investimenti mill-kbar
nett fl-infrastrutturi. Iż-żieda fl-ispejjeż tad-dewmien, b’mod partikolari fis-snin
ta’ wara, jeħtieġ li tiġi enfasizzata, filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-deċiżjonijiet
tal-investiment finali se jkunu influwenzati mill-klima ekonomika u finanzjarja
globali[23].
Is-settur pubbliku jista’ jkollu rwol bħala faċilitatur għall-investiment
fir-revoluzzjoni tal-enerġija. L-inċertezza attwali fis-suq iżżid l-ispiża
tal-kapital għall-investiment fil-livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
L-UE jeħtieġ li taġixxi llum u tibda ttejjeb il-kundizzjonijiet
għall-finanzjament fis-settur tal-enerġija. L-ipprezzar
tal-karbonju jista’ jipprovdi inċentiv
għall-użu ta’ teknoloġiji effiċjenti, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
madwar l-Ewropa. L-ETS hija l-pilastru
ċentrali tal-politika Ewropea dwar il-klima. Hija ddisinjata biex tkun ta’
teknoloġija newtra, kosteffettiva, u kompatibbli bis-sħiħ mas-suq intern
tal-enerġija. Se jkollha tiżvolġi rwol ikbar. Ix-xenarji juru li l-ipprezzar
tal-karbonju jista’ jeżisti flimkien mal-istrumenti maħsuba biex jilħqu l-għanijiet
partikolari tal-politika tal-enerġija, speċifikament ir-riċerka u
l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u l-iżvilupp
tal-enerġija rinnovabbli[24].
Madankollu aktar koerenza u stabbiltà bejn il-politiki tal-UE u nazzjonali tkun
meħtieġa sabiex is-sinjal mill-prezzijiet jaħdem kif suppost Prezz aktar għoli
tal-karbonju joħloq inċentivi aktar b’saħħithom għall-investiment fit-teknoloġiji
ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iżda jistgħu jżidu r-riskju
tat-tnixxija. Tali tnixxija tal-karbonju huwa ta’ tħassib partikulari għal dawk
is-setturi tal-industrija soġġetti għall-kompetizzjoni globali u x-xejriet tal-prezzijiet
globali. Skont l-isforzi ta’ pajjiżi terzi, sistema effiċjenti tal-ipprezzar
tal-karbonju għandha tkompli tinkludi mekkaniżmi bħall-inċentivazzjoni
tat-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet barra mill-Ewropa, u kwoti mingħajr
ħlas ibbażati fuq punti ta’ riferiment għall-prevenzjoni ta’ riskji sinifikanti
ta’ tnixxija tal-karbonju. Ir-riskji tal-investiment
jeħtieġ li jitħallsu mill-investituri privati, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet
ċari sabiex dan ma jsirx. Xi investimenti fis-sistema tal-enerġija għandhom
karattru pubbliku tajjeb. Għalhekk, xi appoġġ għal dawk li jaġixxu
kmieni jista’ jkun meħtieġ (eż. karozzi elettriċi, teknoloġiji nodfa). Passi
lejn finanzjament akbar u aktar adattat permezz ta’ istituzzjonijiet pubbliċi
finanzjarji, bħall-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) jew il-Bank Ewropew
għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-mobilizzazzjoni tas-settur bankarju
kummerċjali fl-Istati Membri jistgħu jgħinu wkoll biex isir ix-xogħol tat-tranżizzjoni. L-investituri privati se
jibqgħu l-aktar importanti fl-approċċ ibbażat fuq is-suq għall-politika tal-enerġija.
Ir-rwol tal-utilitajiet jista’ jinbidel b’mod sostanzjali fil-futur,
notevolment fir-rigward tal-investimenti. Filwaqt li fil-passat, ħafna investimenti
ta’ ġenerazzjoni setgħu jsiru mill-impriżi pubbliċi tas-servizzi waħedhom, xi
wħud jargumentaw li dan huwa inqas probabbli fil-futur, minħabba l-iskala tal-ħtiġijiet
tal-investiment u l-innovazzjoni. Investituri ġodda fit-tul jeħtieġ
li jiġu introdotti. L-investituri istituzzjonali jistgħu jsiru atturi akbar
fil-finanzjament tal-investimenti tal-enerġija. Il-konsumaturi se jkollhom ukoll
rwol aktar importanti, li jeħtieġ aċċess għall-kapital bi spiża raġjonevoli. L-appoġġ (eż. sussidji tal-enerġija) jista’ jibqa’ meħtieġ
wara l-2020 biex jiġi żgurat li s-suq jinkoraġġixxi
l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u jeħtieġ li jitneħħa gradwalment meta
t-teknoloġiji u l-katini tal-provvista jimmaturaw u l-fallimenti tas-suq jiġu riżolti. Għandhom ikunu meħtieġa skemi pubbliċi
ta’ appoġġ fl-Istati Membri, immirati b’mod ċar, prevedibbli, b’ambitu
limitat, proporzjonali u b'dispożizzjonijiet ta’ tneħħija gradwali. Kwalunkwe
miżura ta’ appoġġ għandha tiġi implimentata f’konformità mas-suq intern u r-regoli
rilevanti tal-UE tal-għajnuna mill-Istat. Il-proċess ta’ riforma għandu jkompli
javvanza b’ħeffa sabiex jiġu żgurati skemi ta’ appoġġ aktar effettivi. Fit-tul,
it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'valur miżjud għoli, li
l-Ewropa hija mexxejja fihom, għandu jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir u
l-impjieg. 3.4 Huwa kruċjali li jiġi involut
il-pubbliku Id-dimensjoni soċjali
tal-Pjan Direzzjonali tal-enerġija hija importantissma. It-tranżizzjoni se
tolqot l-impjieg, se teħtieġ tagħlim u taħriġ, u se tirrekjedi djalogu soċjali
ħafna iktar b'saħħtu u fil-miftuħ. Biex tiġi ġġestita sew il-bidla,
l-involviment tal-imsieħba soċjali fuq kull livell se jkun mill-aktar meħtieġ,
bi qbil ma' prinċipji ekwi u sodi ta’ tranżizzjoni u ta’ ħidma. Jeħtieġu
mekkaniżmi li jgħinu lill-ħaddiema jitfaċċaw it-tranżizzjonijiet minn rwol għal
ieħor, sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom u jibqgħu jaħdmu. Se jkollhom jinbnew impjanti tal-enerġija ġodda u ħafna aktar installazzjonijiet ta’
enerġija rinnovabbli. Jeħtieġu faċilitajiet ġodda tal-ħżin, inkluż għas-CSS, aktar
piluni u aktar linji ta’ trażmissjoni. Speċjalment għall-infrastruttura, proċeduri
aktar effiċjenti għall-ksib tal-permessi huma kruċjali bħala l-prekundizzjoni
għat-tibdil tas-sistemi ta’ forniment u l-bidla lejn id-dekarbonizzazzjoni f'waqtha.
It-tendenza attwali, fejn kważi kull teknoloġija tal-enerġija hija kkontestata
u hemm dewmien fl-użu jew l-iskjerament tagħha, tqajjem problemi serji
għall-investituri u jqiegħed it-tibdil fis-sistema ta’ enerġija f’riskju. L-enerġija
ma tistax tiġi pprovduta mingħajr it-teknoloġija u l-infrastruttura. Barra minn
hekk, l-enerġija iktar nadifa għandha l-prezz tagħha. Jistgħu jenħtieġu
mekkaniżmi u inċentivi ġodda ta’ pprezzar, iżda għandhom jittieħdu miżuri biex
jiġi żgurat li l-iskemi ta’ prezzijiet jibqgħu trasparenti, kif ukoll li
l-konsumaturi aħħarija jkunu jistgħu jifhmuhom. Iċ-ċittadini jeħtieġ li jiġu
infurmati u involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-għażliet
teknoloġiċi jeħtieġ li jikkunsidraw bis-sħiħ l-ambjent lokali. L-għodod biex wieħed jirrispondi għal żidiet fil-prezzijiet
billi titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tal-konsum għandhom ikunu
fis-seħħ, speċjalment fil-perijodu medju, meta l-prezzijiet x’aktarx jiżdiedu, indipendentement
minn liema politiki jiġu segwiti. Filwaqt li kontroll
akbar u tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija jistgħu jkunu inċentiv, l-aċċess
għall-kapital u forom ġodda ta’ servizzi tal-enerġija se jkunu kruċjali. Il-konsumaturi
vulnerabbli b’mod partikolari jistgħu jeħtieġu appoġġ speċifiku biex ikunu
jistgħu jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa sabiex jitnaqqas il-konsum
tal-enerġija. Dan il-kompitu se jiżdied fl-importanza iktar ma tissawwar
fir-realtà t-trasformazzjoni tal-enerġija. Suq intern effiċjenti, u miżuri
għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, huma ta’ importanza partikulari
għall-konsumaturi. Il-konsumaturi vulnerabbli jiġu protetti l-aħjar mill-faqar
tal-enerġija permezz ta’ implimentazzjoni sħiħa, min-naħa tal-Istati Membri,
tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, kif ukoll bl-użu ta' soluzzjonijiet
innovattivi għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Billi l-faqar enerġetiku huwa
wieħed mis-sorsi tal-faqar fl-Ewropa, l-aspetti soċjali tal-ipprezzar
tal-enerġija għandhom jiġu riflessi bil-politika tal-enerġija tal-Istati Membri. 3.5 It-tħeġġiġ tal-bidla fuq il-livell internazzjonali Fit-tranżizzjoni għall-2050,
l-Ewropa jeħtieġ tiżgura u tiddiversifika l-provvista tagħha tal-karburanti
fossili filwaqt li fl-istess ħin tiżviluppa l-kooperazzjoni biex tibni sħubiji
internazzjonali fuq bażi aktar wiesa’. Aktar ma d-domanda tal-Ewropa tiżviluppa
lil hinn mill-karburanti fossili, u l-produtturi tal-enerġija jiżviluppaw
ekonomiji aktar diversifikati, l-istrateġiji integrati mal-fornituri attwali jeħtieġ
li jindirizzaw il-benefiċċji ta’ kooperazzjoni f’oqsma oħra bħall-enerġiji
rinovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u teknoloġiji oħrajn b’livell baxx tal-karbonju.
L-UE għandha tuża din l-opportunità biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-imsieħba
internazzjonali tagħha, b’mod konformi mal-aġenda l-ġdida stabbilita
f’Settembru 2011[25].
Dan se jkun importanti għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni fi sħubija mill-qrib
mal-imsieħba tal-enerġija tal-UE, notevolment il-pajjiżi ġirien, bħan-Norveġja,
il-Federazzjoni Russa, l-Ukraina, l-Ażerbajġan u t-Turkmenistan, il-Magreb u
l-pajjiżi tal-Golf, filwaqt li jiġu stabbiliti gradwalment sħubijiet ġodda enerġetiċi
u industrijali. Dan pereżempju huwa l-għan tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija UE-Russja
2050. L-enerġija tikkontribwixxi b'mod importanti wkoll lejn il-politika
tal-iżvilupp, minħabba l-impatt ta’ tkattir li jkollha fuq l-ekonomiji
tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jeħtieġ ħidma kontinwa għall-aċċess universali
għall-enerġija mad-dinja kollha, mingħajr eċċezzjoni[26]. L-UE jeħtieġ li tespandi u tiddiversifika r-rabtiet
bejn in-netwerk Ewropew u l-pajjiżi ġirien, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika ta’
Fuq (bil-ħsieb li jiġi sfruttat bl-aħjar mod il-potenzjal tal-enerġija solari
tas-Saħara). L-UE jeħtieġ ukoll li tindirizza
l-importazzjoni ta’ enerġija intensiva fil-karbonju, b’mod partikulari l-elettriku.
Teħtieġ kooperazzjoni mtejba lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi
għar-regolamentazzjoni tas-suq u tal-emissjonijiet tal-karbonju, speċjalment għas-settur tal-enerġija, filwaqt li jiżdied il-kummerċ u
l-kwistjoni tat-tnixxija tal-karbonju tiġi fuq quddiem.
4.
It-triq ’il quddiem
Il-Pjan Direzzjonali
tal-Enerġija 2050 juri li d-dekarbonizzazzjoni hija
fattibbli. Ikun xi jkun ix-xenarju li jintgħażel,
numru ta’ għażliet “mingħajr dispjaċir” joħorġu li jistgħu jbaxxu
l-emissjonijiet b’mod effettiv u b'mod li jkun ekonomikament vijabbli.
It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija
Ewropea hija essenzjali għal raġunijiet ta’ klima, sigurtà u
l-ekonomija. Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum diġà jsawwru
s-sistema tal-enerġija tal-2050. Biex issir it-trasformazzjoni meħtieġa tas-sistema
tal-enerġija fil-ħin, l-UE għandha bżonn ambizzjoni politika ferm akbar u sens akbar
ta’ urġenza. Il-Kummissjoni se tiddiskuti ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE,
Stati Membri u partijiet interessati fuq il-bażi ta’ dan il-Pjan
Direzzjonali. Il-Kummissjoni se taġġornah regolarment, billi
tevalwa mill-ġdid dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-progress u
l-bidliet, u tipprevedi proċess iterattiv bejn l-Istati Membri, permezz
tal-politiki nazzjonali tagħhom, u bejn l-UE, li jirriżulta f’azzjoni f'waqtha
biex tinkiseb trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija li twassal
għad-dekarbonizzazzjoni, sigurtà akbar tal-provvista, u żieda
fil-kompetittività għall-benefiċċju ta’ kulħadd. L-ispejjeż tas-sistema ġenerali ta’ trasformazzjoni
tas-sistema tal-enerġija huma simili fix-xenarji kollha. Approċċ komuni tal-UE jista’ jgħin biex iżomm l-ispejjeż baxxi. Il-prezzijiet tal-enerġija
qed jiżdiedu madwar id-dinja. Il-Pjan Direzzjonali juri li filwaqt li
l-prezzijiet se jiżdiedu sa xi l-2030, is-sistemi ġodda tal-enerġija jistgħu jwasslu
għal prezzijiet aktar baxxi wara l-2030. It-tagħwiġ tas-suq intern
tal-enerġija, inkluż bi prezzijiet irregolati li jkunu artifiċjalment baxxi,
għandhom jiġu evitati, għax jibagħtu sinjali żbaljati lis-swieq u jneħħu l-inċentivi
għall-iffrankar tal-enerġija u għal investimenti oħra fl-enerġija b'emissjonijiet
baxxi tal-karbonju – u dan iżomm lura t-trasformazzjonijiet li mbagħad,
min-naħa tagħhom, inaqqsu l-prezzijiet fit-tul. Is-soċjetà jeħtieġ li tkun
ippreparata u tadatta għal prezzijiet ogħla tal-enerġija fis-snin li
ġejjin. Il-klijenti vulnerabbli u l-industriji li jużaw ħafna enerġija jistgħu
jeħtieġu appoġġ f’perjodu tranżitorju. Il-messaġġ ċar hu li l-investimenti
se jagħtu r-riżultati, f’termini ta’ tkabbir, impjiegi, sigurtà akbar
fl-enerġija u spejjeż tal-karburanti aktar baxxi. B'hekk
jinħoloq pajsaġġ ġdid għall-industrija Ewropea, u l-kompetittività tista' tibda
tiżdied. Biex tinkiseb din is-sistema ġdida tal-enerġija
ġdida, għandhom jintlaħqu għaxar kundizzjonijiet: (1)
Il-prijorità immedjata hija li
tiġi implimentata b’mod sħiħ l-Istrateġija Ewropa 2020 tal-UE. Il-leġiżlazzjoni
kollha eżistenti jeħtieġ li tiġi applikata, u l-proposti attwalment fid-diskussjoni,
b’mod partikulari dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-infrastruttura, is-sikurezza
u l-kooperazzjoni internazzjonali, jeħtieġ li jiġu adottati malajr. It-triq lejn sistema ġdida tal-enerġija fiha wkoll dimensjoni
soċjali; il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ id-djalogu soċjali u
l-involviment tal-imsieħba soċjali, biex tgħin fi tranżizzjoni ġusta u ekwa, u
f'ġestjoni effiċjenti tal-bidla. (2)
Is-sistema tal-enerġija u s-soċjetà kollha jeħtieġ
li jkunu bil-wisq aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-benefiċċji
paralleli tal-kisba tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-kuntest ta' aġenda
għal firxa usa' ta' riżorsi għandhom jikkontribwixxu lejn l-ilħiq tal-miri
b'mod iktar mgħaġġel u iktar kosteffettiv. (3)
Għandha tkompli tingħata attenzjoni partikulari
lill-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Ir-rata tal-iżvilupp tagħhom,
l-impatt fis-suq u s-sehem dejjem jikber tad-domanda tal-enerġija, isejħu
għall-modernizzazzjoni tal-qafas tal-politika. Il-mira tal-UE li 20 %
mill-enerġija tiġi minn sorsi rinnovabbli s'issa wriet li tħeġġeġ tajjeb
l-iżvilupp tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-UE, u għandhom jitqiesu
f'waqthom l-għażliet għall-miri tal-2030. (4)
Investimenti pubbliċi u privati ogħla fir-R&Ż
u l-innovazzjoni teknoloġika huma kruċjali fit-tħaffif
tal-kummerċjalizzazzjoni tas-soluzzjonijiet kollha b’emissjonijiet baxxi
tal-karbonju. (5)
L-UE impenjata għal suq integrat għalkollox sal-2014. Minbarra
l-miżuri tekniċi diġà identifikati, hemm nuqqasijiet regolatorji u
strutturali li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Jeħtieġu strumenti mfassla sew
tal-istruttura tas-suq u modi ġodda ta’ kooperazzjoni biex is-suq intern
tal-enerġija jagħti l-potenzjal sħiħ tiegħu fit-tul, hekk kif it-taħlita
tal-enerġija għaddejja tevolvi b’mod sostanzjali. (6)
Il-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġ li
jirriflettu aħjar l-ispejjeż, b’mod partikulari
tal-investimenti ġodda meħtieġa fis-sistema kollha tal-enerġija. Aktar ma
l-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż minn kmieni, aktar tkun faċli
t-trasformazzjoni fit-tul. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aktar
gruppi vulnerabbli, għax l-addattament għas-sistema ġdid tal-enerġija se
tkunilhom ta' sfida. Għandhom jiġu definiti miżuri speċifiċi fuq
il-livelli nazzjonali u lokali biex jiġi evitat il-faqar enerġetiku. (7)
Sens ġdid ta’ urġenza u responsabbiltà kollettiva
għandu jiġi eżerċitat fuq l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida tal-enerġija u
kapaċitajiet ġodda ta’ ħażna madwar l-Ewropa u mal-ġirien tagħna. (8)
Ma għandu jkun hemm l-ebda kompromess
għas-sikurezza u għas-sigurtà, la għas-sorsi tal-enerġija tradizzjonali u
lanqas għas-sorsi l-ġodda. L-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-qafas tas-sikurezza
u s-sigurtà, u għandha tmexxi l-isforzi internazzjonali f’dan il-qasam. (9)
Approċċ aktar wiesa’ u kkoordinat tal-UE għar-relazzjonijiet
internazzjonali tal-enerġija għandu jsir in-norma, inkluż bl-irduppjar
tal-ħidma azzjoni internazzjonali fir-rigward tal-klima. (10)
L-Istati Membri u l-investituri għandu jkollhom miri
konkreti fiż-żmien. Il-Pjan Direzzjonali għal ekonomija b'emissjonijiet
baxxi tal-karbonju diġà indika miri konkreti fejn jidħlu l-emissjonijiet
tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-pass li jmiss hu li jiġi ddefinit qafas
ta' politika għall-2030, li jkun raġunevolment vjabbli u prevedibbli, u li jkun
il-fokus tal-biċċa l-kbira mill-investituri attwali. Fuq din il-bażi,
il-Kummissjoni se tkompli tippreżenta inizjattivi, billi tibda b’proposti
komprensivi s-sena d-dieħla dwar is-suq intern, l-enerġija rinnovabbli u
s-sigurtà nukleari. [1] Il-Kunsill Ewropew, Ottubru 2009. [2] COM(2011) 112, it-8 ta’ Marzu. [3] COM(2011) 144, it-28 ta’ Marzu. [4] Il-Kunsill Ewropew Straordinarju, l-4 ta’ Frar 2011. [5] Il-Kunsill Ewropew, 8/9 ta’ Marzu 2007: Sal-2020, mill-inqas tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet
tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-1990 (30 % jekk il-kundizzjonijiet
internazzjonali jkunu tajba, il-Kunsill Ewropew, 10-11 ta’ Diċembru 2009); b’iffrankar ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE meta mqabbel
mal-projezzjonijiet għall-2020; sehem ta’ 20 % tal-enerġiji rinnovabbli
fil-konsum tal-enerġija fl-UE, sehem ta’ 10 %
fit-trasport. [6] Ara wkoll “Enerġija 2020 -
Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà” COM(2010) 639,
Novembru 2010. [7] AIE (2011), World Energy Outlook 2011. [8] Il-mudell użat għal dan l-għan huwa l-mudell tas-sistema
tal-enerġija PRIMES. [9] Ara l-anness “Xenarji ta’ Partijiet Interessati
Magħżula”, inklużi xenarji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija,
Greenpeace/EREC, il-Fondazzjoni tal-Klima Ewropea u Eurelectric. Studji u
rapporti ulterjuri ġew analizzati mill-qrib, bħal eż. ir-rapport indipendenti
tal-Grupp ta’ Konsulenza Ad hoc dwar il-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050. [10] Dawn
l-inċertezzi jinkludu fost oħrajn ir-ritmu tat-tkabbir
ekonomiku, l-estent tal-isforzi globali għall-mitigazzjoni
tat-tibdil fil-klima, l-iżviluppi ġeopolitiċi,
il-livell tal-prezzijiet tal-enerġija fid-dinja, id-dinamika
tas-swieq, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji futuri, id-disponibbiltà tar-riżorsi
naturali, il-bidliet soċjali u l-perċezzjoni pubblika. [11] Is-soċjetajiet Ewropej jistgħu
jkunu meħtieġa li jifformulaw mill-ġdid il-mod kif l-enerġija tiġi kkonsmata,
eż. billi jibdlu l-mudelli tal-ippjanar urban u tal-konsum. Ara l-Pjan
Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (COM(2011)
571). [12] Għal dettalji dwar ix-xenarji, ara l-Valutazzjoni
tal-Impatt. [13] L-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija llum u fl-2050 mhumiex
direttament paragunabbli. Filwaqt li l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni jidħlu
bis-sħiħ fil-kontabilità tal-prezzijiet, iż-żieda fil-valuri tad-djar hija
relatata mal-assi u kunsiderazzjonijiet tal-istokk kapitali li mhumiex parti
mill-analiżi tal-enerġija. Peress li l-ispejjeż koperti tal-vetturi ma jistgħux
jiddistingwu bejn spejjeż relatati mal-enerġija u spejjeż oħra, dawn huma
l-ogħla valuri stmati. [14] Pereżempju, huwa stmat li l-prezzijiet tal-elettriku
fl-Ewropa huma 21 % ogħla milli fl-Istati Uniti, jew 197 % ogħla milli
fiċ-Ċina. [15] Ngħidu aħna, iktar minn 5 000 petajoule ta' enerġija jistgħu
jiġu ffrankati fl-UE (iktar minn tliet snin konsum tal-enerġija fil-Finlandja
(SEC(2011) 1067) [16] Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu
tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. [17] Min-naħa l-oħra, it-tisħin bil-gass jista’ jkun aktar
effiċjenti fl-enerġija milli tisħin bl-elettriku jew forom oħra ta’ tisħin
bil-karburanti fossili, li jimplika li l-gass jista’ jkollu potenzjal għal
tkabbir fis-settur tat-tisħin f’xi Stati Membri. [18] Inklużi l-ispejjeż imnissla mill-bżonn ta' aktar
reżiljenza għad-diżastri naturali u għall-istraġijiet ikkaġunati mill-bniedem. [19] Din is-sitwazzjoni mhix indirizzata fix-xenarji:
fl-immodellar il-mekkaniżmu tal-ipprezzar huwa mfassal sabiex l-investituri
jiġu remunerati bis-sħiħ (irkupru tal-ispejjeż kollha permezz tal-prezzijiet
tal-elettriku) li jwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku fit-tul. [20] L-integrazzjoni sħiħa tas-suq sal-2014,
kif deċiż mill-Kunsill Ewropew fl-4 ta’ Frar 2011, appoġġjata
mill-iżviluppi tal-infrastruttura u l-ħidma teknika fuq il-Linji Gwida ta’
Qafas u l-Kodiċi tan-Netwerks. [21] Proposta għal regolament dwar il-linji gwida
għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (COM(2011) 658) u proposta
għal regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011) 665).. [22] Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’
Trażmissjoni tal-Elettriku. [23] Ix-xenarji għall-Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija b’Livell
Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju ta’ Marzu 2011 juru l-ispejjeż
addizzjonali tal-azzjoni mdewma. Ukoll, l-AIE (2011) World Energy Outlook 2011
targumenta li fuq livell gloabli għal kull $1 ta’
investiment evitat fis-settur tal-enerġija qabel l-2020 $ 4.3 addizzjonali
jeħtieġ li jintnefqu wara l-2020 sabiex jikkompensaw għaż-żieda
fl-emissjonijiet. [24] Ix-xenarju tal-CPI jirriżulta f’valur tal-karbonju ta’
madwar EUR 50 fl-2050, ix-xenarji tad-dekarbonizzazzjoni
sostanzjalment iktar. [25] Komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija
u l-kooperazzjoni internazzjonali (COM(2011) 539). [26] "Increasing the Impact of EU Development Policy: an
Agenda for Change" (COM(2011) 637, 13.10.2011).