Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0047

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tieni rapport dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1931/2006

    /* KUMM/2011/0047 finali */

    52011DC0047

    /* KUMM/2011/0047 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tieni rapport dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1931/2006


    [pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 9.2.2011

    KUMM(2011) 47 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    It-tieni rapport dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1931/2006

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    It-tieni rapport dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1931/2006

    1. INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament tal-2006 li jippreskrivi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri[1] jippermetti li jsiru derogi, għal persuni li joqogħdu f'żona ta' mal-fruntiera, mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli tal-fruntiera ddikjarati fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. L-għan hu li jiġi evitat li jinħoloq xkiel għall-kummerċ, għall-iskambji soċjali u kulturali jew għall-koperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi ġirien. Ir-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi ġirien li mhumiex parti mill-UE, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konformi għal kollox mal-parametri ffissati mir-Regolament.

    Fl-ewwel rapport tagħha dwar it-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera (TLF)[2], il-Kummissjoni stqarret li 'informazzjoni aktar komprensiva se tkun disponibbli b’mod gradwali hekk kif aktar u aktar ftehim huma implimentati fil-prattika. Il-Kummissjoni hi lesta li tissottometti rapport ġdid dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2010.'

    Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri għal tagħrif dwar it-twettiq u l-effetti tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Dan it-tieni rapport tfassal fuq il-bażi tat-tweġibiet li taw tmintax-il Stat Membru. Sitt Stati Membri (NL, IT, CZ, EL, CY and BG) ma weġbux. Madanakollu, l-Istati Membri li m'għandhomx fruntieri esterni fuq l-art, jew li m'għandhomx il-ħsieb li jikkonkludu ftehimiet tat-TLF, m'għaddew l-ebda kummenti ġenerali dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-TLF.

    2. KONSULTAZZJONIJIET IMSEJSIN FUQ L-ARTIKOLU 13 TAR-REGOLAMENT TAT-TLF

    Din it-taqsima tipprovdi aġġornament dwar is-sitwazzjoni ta' bħalissa rigward il-ftehimiet bilaterali minn mindu ħareġ l-ewwel rapport f'Lulju 2009 'l hawn.

    2.1. Ftehimiet fis-seħħ

    Minn mindu ġie adottat ir-Regolament, daħlu fis-seħħ erba' ftehimiet tat-TLF: Bejn l-Ungerija u l-Ukraina f'Jannar 2008, bejn is-Slovakkja u l-Ukraina f'Settembru 2008, bejn il-Polonja u l-Ukraina f'Lulju 2009, u bejn ir-Rumanija u l-Moldova fl-2010. Huwa biss il-ftehim bejn ir-Rumanija u l-Moldova li jikkonforma għal kollox mar-Regolament tat-TLF. Il-ftehmiet l-oħrajn jew għandhom żona ta' mal-fruntiera li tmur lil hinn minn dak li huwa permess mir-Regolament (HU-UA; SK-UA, għalkemm f'żona limitata), jew jitolbu assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar kontra r-Regolament (PL-UA).

    Barra minn dan, is-Slovenja u l-Kroazja għandhom ftehim bilaterali dwar il-koperazzjoni dwar it-traffiku tal-fruntiera li ilu mill-2001 u li hu inkompatibbli mar-Regolament b'diversi modi importanti[3]. Il-Kummissjoni għal darba wara l-oħra talbet lis-Slovenja temenda l-ftehim sabiex iġġibu skont ir-Regolament. Madanakollu, il-Kummissjoni la ġiet mgħarrfa li saret xi emenda bħal din u lanqas ma rċeviet xi qafas ta' żmien għal xi emenda ppjanata.

    Il-ftehim dwar it-TLF bejn l-Awstrija u l-Liechtenstein se jaqa', minħabba li l-Liechtenstein jinsab fil-proċess li jingħaqad maż-żona tax-Schengen.

    2.2. Ftehimiet li dalwaqt jidħlu fis-seħħ

    - Bejn il-Polonja u l-Bjelorussja

    Il-Kummissjoni ġiet ikkonsultata dwar abboz ta' ftehim u indikat li l-assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar mitluba għall-qsim tal-fruntieri ma kinitx kompatibbli mar-Regolament. Minħabba li ma ġiet ipprovduta l-ebda mappa taż-żona Bjelorussa ta' mal-fruntiera, kien impossibbli li wieħed jivvaluta jekk dik iż-żona tikkonformax mar-Regolament. L-abbozz tal-ftehim ma ġiex emendat. Il-Polonja u l-Bjelorussja ffirmaw il-ftehim fit-12 ta' Frar 2010. Il-proċeduri tar-ratifikazzjoni mexjin fiż-żewġ pajjiżi. Il-ftehim hu mistenni jidħol fis-seħħ kmieni fl-2011.

    - Bejn il-Latvja u l-Bjelorussja

    F’Awissu 2009, abbozz ta’ ftehim bejn il-Latvja u l-Bjelorussja ġie trażmess għall-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni nnutat żewġ inkompatibbiltajiet mar-Regolament: Iir-rekwiżit li wieħed irid ikollu assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar kif ukoll in-nuqqas ta' kundizzjoni obbligatorja li wieħed jagħti prova tar-residenza tiegħu fiż-żona ta' mal-fruntiera u raġunijiet leġittimi għaliex jaqsam il-fruntiera ta' spiss. F'Diċembru 2010, il-Latvja għarrfet lill-Kummissjoni li l-ftehim kien iffirmat fit-23 ta' Awwissu 2010 u li l-Latvja rratifikatu f'Ottubru 2010. L-abbozz tal-ftehim ma ġiex emendat.

    - Bejn il-Litwanja u l-Bjelorussja

    Il-Kummissjoni ġiet ikkonsultata dwar abbozz ta' ftehim u qieset li kien jikkonforma mar-Regolament. Il-Litwanja u l-Bjelorussja ffirmaw il-ftehim dwar it-TLF fl-20 ta' Ottubru 2010. Il-proċeduri tar-ratifikazzjoni għaddejjin. Il-ftehim hu mistenni jidħol fis-seħħ fl-2011.

    - Bejn in-Norveġja u l-Federazzjoni Russa

    Il-Kummissjoni ġiet ikkonsultata dwar abbozz ta' ftehim u vvalutatu bħala li jikkonforma mar-Regolament. In-Norveġja u l-Federazzjoni Russa ffirmaw il-ftehim dwar it-TLF fit-2 ta' Novembru 2010. Il-proċeduri tar-ratifikazzjoni għaddejjin. Il-ftehim hu mistenni jidħol fis-seħħ fl-2011.

    2.3. Konsultazzjonijiet oħrajn

    Il-Kummissjoni kienet ġiet ikkonsultata dwar l-abbozz ta' ftehimiet bejn il-Latvja u l-Federazzjoni Russa, bejn il-Litwanja u l-Federazzjoni Russa, u bejn ir-Rumanija u l-Ukraina. Dawn il-ftehimiet instab li kienu inkompatibbli mar-Regolament, iżda għadhom ma ġewx iffirmati.

    F'Ottubru 2008 l-Kummissjoni kkummentat dwar l-abbozzi ta' ftehim bejn il-Bulgarija u s-Serbja u bejn il-Bulgarija u Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, iżda minn dakinhar 'l hawn ma ġietx ikkonsultata aktar dwar dawn l-abbozzi.

    3. IT-TħADDIM TAS-SISTEMA TAT-TLF FIL-PRATTIKA

    3.1. Miżuri ta' faċilitazzjoni użati mill-Istati Membri fi ftehimiet bilaterali

    Fl-ewwel rapport tagħha l-Kummissjoni sabet li l-ftehimiet tat-TLF jippreskrivu kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk permessi mir-Regolament tat-TLF. Sabet ukoll li l-ebda wieħed mill-ftehimiet fis-seħħ jew iffirmati ma juża l-firxa sħiħa tal-miżuri ta' faċilitazzjoni. Minn dakinhar 'l hawn ma nbidel xejn li jbiddel din il-valutazzjoni.

    B'mod partikulari, hemm il-ħsieb li jiddaħħlu restrizzjonijiet rigward it-tul ta’ żmien li persuna tista' toqgħod fl-UE. Fejn ir-Regolament jippermetti lil persuna li toqgħod fi Stat Membru sa tliet xhur f'perjodu partikulari, ċerti (abbozzi ta') ftehimiet inaqqsu l-permanenza massima għal 15-il jum f'perjodu partikulari, jew għal 90 jum f'180 jum. Tliet ftehimiet jitolbu li l-persuna tkun residenti fiż-żona ta' mal-fruntiera għal tliet snin; l-oħrajn jitolbu biss perjodu ta' residenza ta' sena, skont ir-Regolament. Fl-aħħar nett, il-permessi tat-TLF ma jinħarġux mingħajr ħlas, kif jippermetti r-Regolament, iżda huma suġġetti għal ħlas ta' bejn 20 u 35 Ewro.

    3.2. L-użu li jagħmlu r-residenti ta' mal-fruntiera mill-ftehimiet bilaterali

    Sabiex wieħed ikollu stampa ġenerali ta' kif iċ-ċittadini jużaw il-ftehimiet dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jibgħatulha informazzjoni dwar in-numri ta' permessi maħruġin b'rabta mal-popolazzjoni eliġibbli totali, L-għadd ta' applikazzjonijiet irrifjutati u r-raġuni għaliex, it-tul tal-permanenza u l-għadd ta' abbużi/irtirar.

    3.2.1. Għadd ta' permessi li nħarġu

    Għadd tal-permessi | Perjodu[4] | Popolazzjoni eliġibbli totali | Permessi maħruġin imqabblin mal-popolazzjoni eliġibbli |

    L-Ungerija | 58 055 | 1/2008- 5/2010 | 400 000 – 450 000 | madwar 13 % |

    Il-Polonja | 31 652 | 7/2009– 3/2010 | 1.2 miljun | madwar 2.7 % |

    Is-Slovakkja | 1 106 | 9/2008 -6/2010 | 415 000 | madwar 0.3 % |

    Ir-Rumanija | 20.308 | 10/2010-12/2010 | 1,2 miljun | madwar 2 % |

    Is-Slovenja | Bħalissa hemm 15 623 pass validu | 250 000 | madwar 6.2 % |

    Hemm użu kbir min-nies li joqogħdu fi nħawi li jmissu mar-Rumanija, minħabba rabtiet qawwijin bejn ir-Rumanija u l-Moldova, u l-Ungerija, għax il-biċċa l-kbira ta' dawn in-nies jappartjenu għall-minoranza etnika Ungeriża u għandhom rabtiet qawwijin mal-Ungerija. In-nies li joqogħdu qrib il-fruntieri tas-Slovenja u l-Polonja jagħmlu inqas użu mill-permessi tat-TLF, u n-nies li joqogħdu qrib il-fruntiera tas-Slovakkja huma l-inqas li jużawhom.

    3.2.2. Applikazzjonijiet irrifjutati

    L-Ungerija rrifjutat 838 applikazzjoni bejn Diċembru 2007 u Mejju 2010, fuq il-bażi biss ta' allerti tas-SIS jew ta' projbizzjonijiet fuq id-dħul u l-permanenza fil-pajjiż. Il-Polonja rrifjutat 272 applikazzjoni fil-perjodu ta' bejn Lulju 2009 u Marzu 2010, l-aktar fuq il-bażi tal-allerti tas-SIS, iżda wkoll minħabba li l-permess kurrenti tal-persuna kien għadu validu. Is-Slovakkja rrifjutat 169 applikazzjoni fil-perjodu bejn Settembru 2008 u Ġunju 2010, l-aktar minħabba li l-applikanti ma taw l-ebda raġuni ekonomika iffondata tajjeb għall-qsim frekwenti tal-fruntiera, kif jitlob il-ftehim. Ir-Rumanija rrifjutat 972 applikazzjoni bejn Ottubru u Diċembru 2010, l-aktar minħabba li l-applikanti ma tawx raġuni iffondata tajjeb għall-qsim frekwenti tal-fruntiera jew tqiesu bħala li jippreżentaw riskji relatati mal-immigrazzjoni irregolari.

    Il-persentaġġ ta' applikazzjonijiet irrifjutati b'dan il-mod ivarja minn 13% (SK), għal 4,7% (RO) għal 1.4% (HU) u 0.85% (PL). B'hekk jista' jitqies bħala relattivament għoli fis-Slovakkja, baxx fir-Rumanija u baxx ħafna fiż-żewġ Stati Membri l-oħrajn. Ir-raġunijiet ewlenin għar-rifjut huma allerti tas-SIS jew li l-applikanti ma jkunux f'pożizzjoni li jipprovdu raġunijiet leġittimi għall-qsim frekwenti tal-fruntiera.

    Is-Slovenja għarrfet lill-Kummissjoni li ma tagħmilx rifjuti formali: minflok, l-applikanti jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom jekk jiġu mgħarrfin li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtiġin.

    3.2.3. Tul tal-permanenza u għadd ta' qsim tal-fruntiera

    Ir-Regolament tat-TLF jippermetti permanenza massima ta' tliet xhur mhux interrotti. Minħabba li dan kien is-suġġett ta' diskussjoni waqt in-negozjati fl-2006, il-Kummissjoni kienet interessata li tirċievi tagħrif dwar kemm joqogħdu f'kull pajjiż dawk li f'isimhom jinħareġ il-permess tat-TLF. Minħabba li r-Regolament tat-TLF jeżenta wkoll lil min f'ismu jkun maħruġ il-permess mit-timbru fil-passaport, ovvjament kien impossibbli li tinġabar din l-informazzjoni billi jitqabblu t-timbri tad-dħul u tal-ħruġ.

    Sabiex jivverifikaw li dawk li jkollhom permess tat-TLF jikkonformaw mar-regola tat-tliet xhur, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija jużaw is-sistemi nazzjonali tagħhom li bihom jikkontrollaw id-dħul u l-ħruġ, li jippermettu li t-tul tal-permanenza jiġi kkalkulat. Għaldaqstant, dawn l-Istati Membri kienu kapaċi jipprovdu tagħrif utli dwar l-għadd ta' qsim u t-tul medju tal-qagħdiet.

    L-Ungerija m'għandhiex dettalji rigward l-għadd ta' qsim, iżda nnotat li fil-prattika l-permessi jintużaw kuljum jew ġurnata iva u ġurnata le, b'permanenza medja ta' jum wieħed. Fil-perjodu bejn Lulju 2009 u Frar 2010, kien hemm bejn wieħed u ieħor 1 550 000 qsim b'permess tat-TLF. F'termini tat-tul kumplessiv tal-qagħdiet f'perjodu ta' sitt xhur mill-ewwel dħul, dawk li f'isimhom ikun maħruġ il-permess kważi dejjem joqogħdu għall-perjodu massimu ta' tliet xhur.

    Il-Polonja rreġistrat 883 696 qsim bil-permessi tat-TLF fil-perjodu bejn Lulju 2009 u April 2010, u n-numri qed juru t-tendenza li jiżdiedu. L-għadd medju ta' żjarat fil-Polonja għal kull permess tat-TLF huwa 20.4 u l-permanenza medja hija madwar sitt sigħat.

    Is-Slovakkja rrappurtat li dawk li f'simhom ikun maħruġ permess tat-TLF normalment joqogħdu għal jum jew tnejn.

    Ir-Rumanija ma bagħtitx tagħrif dwar it-tul tal-qagħdiet u tal-għadd ta' qsim fil-prattika.

    Is-Slovenja m'għandha l-ebda informazzjoni preċiża dwar il-frekwenza tal-qsim taħt it-TLF. Dawk li jkun inħarġilhom f'isimhom permess tat-TLF jitħallew joqogħdu sa sebat ijiem wara xulxin fiż-żona indikata ta' mal-fruntiera, iżda l-biċċa l-kbira minnhom jerġgħu lura dakinhar stess jew l-għada.

    Mill-informazzjoni ta' hawn fuq, huwa ċar li dawk li jkollhom permess tat-TLF jaqsmu l-fruntieri rispettivi b'mod regolari ħafna biex joqogħdu biss fitt sigħat jew jum jew tnejn kull darba. Għalhekk, is-sistema tat-TLF, fejn hija applikata, tissodisfa l-iskop li tippermetti l-iskambju u l-koperazzjoni bejn naħa u oħra tal-fruntieri u ġenwinament tagħmel il-ħajja eħfef għal dawk li jgħixu fl-inħawi ta' mal-fruntiera.

    3.2.4. Każijiet ta' abbuż u rtirar tal-permessi

    L-Ungerija mmultat 16-il persuna ta' nazzjonalità Ukraina talli qagħdu iżjed milli suppost fil-perjodu bejn Jannar u April 2010, u rrifjutat id-dħul f'1231 każ minħabba li l-persuni kkonċernati kienu diġà qagħdu għal tliet xhur f'perjodu ta' sitt xhur. Żewġ permessi ġew irtirati fl-2009 u erba' oħra fl-ewwel ħames xhur tal-2010. Barra minn hekk, 18-il permess ġew meqjusin invalidi, minħabba li l-persuni li f'isimhom kienu maħruġin kienu pprojbiti milli jidħlu l-Ungerija u milli joqogħdu hemm wara li kienu nħarġu l-permessi.

    Il-Polonja identifikat 15-il każ ta' abbuż fil-perjodu bejn Lulju 2009 u April 2010. Dawn kienu jinvolvu disa' persuni li kienu qed joqogħdu 'l barra miż-żona tat-TLF, ħames persuni li baqgħu hemm wara li kien skada l-perjodu tal-permess u każ wieħed ta' involviment illegali f'attivitajiet ekonomiċi fil-Polonja. Dawn il-każijiet ta' abbuż irriżultaw f'deċiżjonijiet li ordnaw lill-persuni kkonċernati jitilqu mill-Poponja u li rrevokaw il-permessi tagħhom tat-TLF. Bejn Lulju 2009 u Marzu 2010, ittieħdu 39 deċiżjoni li jiġu irtirati permessi tat-TLF, jiġifieri 1% tal-għadd totali ta' permessi li nħarġu f'dak il-perjodu.

    Is-Slovakkja identifikat każ wieħed ta' abbuż fil-perjodu bejn Settembru 2008 u Ġunju 2010. Dan spiċċa bil-persuna kkonċernata tiġi espulsa. Fl-istess perjodu, ġew irtirati 11-il permess.

    Fl-2009 s-Slovenja identifikat 11-il każ ta' abbuż mit-TLF, li kienu jinvolvu l-kuntrabandu, l-immigrazzjoni illegali u qagħdiet barra miż-żona identifikata ta' mal-funtiera. Is-sanzjonijiet huma msejsin fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jinkludu t-teħid tal-permess għal xi żmien.

    L-Awstrija rrappurtat każ wieħed identifikat ta' abbuż minn permess tat-TLF maħruġ mis-Slovakkja lil persuna ta' nazzjonalità Ukraina. Barra minn hekk, uffiċjali Awstrijaċi li ħadu sehem f'operazzjonijiet konġunti identifikaw diversi każijiet ta' abbuż (qagħdiet iktar minn kemm permess) minn persuni ta' nazzjonalità Ukraina b'permessi tat-TLF maħruġin mill-Ungerija. Stati Membri oħrajn[5] ma identifikaw l-ebda każijiet ta' abbuż.

    Is-Slovakkja tirrapporta wkoll li ġew identifikati persuni ta' nazzjonalità Ukraina b'permessi tat-TLF minn diversi Stati Membri, li qed jintużaw biex isir qsim ta' ċerti fruntieri interni (HU-SK, PL-SK). Is-Slovakkja ħadet miżuri biex tikkastiga tali mġiba. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali qsim intern ma jmurx kontra s-sistema tat-TLF, dment li l-persuni kkonċernati jibqgħu fiż-żoni rispettivi ta' mal-fruntiera.

    Ir-Rumanija identifikat 27 każ ta' abbuż bejn Ottubru u Diċembru 2010. Ġew irtirati 22 permess u nħarġu ħames deċiżjonijiet li l-persuni involuti jintbagħtu lura.

    Miċ-ċifri ta' hawn fuq il-Kummissjoni tikkonkludi li jseħħu relattivament ftit abbużi fit-twettiq fil-prattika tal-ftehimiet tat-TLF. B'mod partikulari, m'hemm l-ebda evidenza li dawk li jinħarġilhom f'isimhom permess tat-TLF sistematikament jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn bi ksur tar-regoli.

    4. KWISTJONIJIET SPEċIFIċI BIEX TITTIEħED AZZJONI TA' SEGWITU WARA R-RAPPORT TA' QABEL

    4.1. Definizzjoni taż-żona ta' mal-fruntiera

    4.1.1. Ġenerali

    Il-Polonja[6] talbet għal bidla fil-mod li bih ir-Regolament jiddefinixxi ż-żona ta' mal-fruntiera[7]. Il-Polonja tqis li d-definizzjoni ta' bħalissa twassal għad-diviżjoni ta' żoni integrati u teskludi ċentri politiċi u ekonomiċi.

    Id-definizzjoni taż-żona eliġibbli ta' mal-fruntiera kienet wieħed mill-iktar punti ebsin matul id-diskussjoni dwar l-abbozz tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera fl-2006. Filwaqt li ċertament iċ-ċaqliq li jaqsam il-fruntieri għandu jiġi ffaċilitat, irid jingħata kas ukoll tar-rekwiżiti tas-sigurtà taż-żona tax-Schengen kollha kemm hi, minħabba li s-sistema tat-TLF hija eżenzjoni mir-regoli ġenerali għall-qsim tal-fruntieri esterni.

    Il-Kummissjoni indkat li kienet lesta tiddiskuti dwar jekk id-definizzjoni taż-żona ta' mal-fruntiera kinitx flessibbli biżżejjed. Madanakollu, ma qamet l-ebda diskussjoni ta' dan it-tip u l-ebda Stat Membru ħlief il-Polonja ma talab li jsiru bidliet taż-żona ta' mal-fruntiera b'reazzjoni għall-kwestjonarju li ntbagħat għal dan ir-rapport. Tabilħaqq, Stat Membru wieħed huwa tal-opinjoni li d-definizzjoni m'għandhiex tiġi emendata u li jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun viġilanti f'li taċċerta li l-ftehimiet bilaterali jkunu jikkonformaw mar-Regolament, speċjalment fejn għandha x'taqsam l-identifikazzjoni taż-żona ta' mal-fruntiera.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-definizzjoni ta' bħalissa taż-żona ta' mal-fruntiera (bħala żona ta' 30 km li tista' f'każijiet eċċezzjonali tiġi estiża sa 50 km) għadha kompromess ġust.

    4.1.2. Ir-reġjun ta' Kaliningrad

    Ir-reġjun ta' Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa sar territorju mdawwar b'artijiet tal-UE b'konsegwenza tat-tkabbir tal-UE fl-2004. Għandu popolazzjoni ta' kważi miljun ruħ, li minnhom madwar 430 000 jgħixu fil-kapitali, Kaliningrad.

    Fl-aħħar xhur, il-Polonja[8] (mhux biss unilateralment iżda wkoll flimkien mal-Federazzjoni Russa[9]) appellat biex isiru emendi għar-Regolament dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera li jkunu 'mfasslin għas-sitwazzjoni speċifika tar-reġjun ta' Kaliningrad'.

    Il-Polonja targumenta li konformità stretta mar-Regolament kieku taqsam id-distrett ta' Kaliningrad fi tliet żoni – waħda koperta minn ftehim dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera mal-Polonja, waħda minn ftehim mal-Litwanja, u waħda mingħajr l-ebda ftehim minħabba li taqa' barra miż-żona ta' mal-fruntiera. Għalhekk, il-Polonja tappella biex ir-Regolament jiġi emendat sabiex ikun jista' jiġi inkluż id-distrett ta' Kaliningrad kollu kemm hu.

    Il-Kummissjoni tfakkar lill-Istati Membri li, fl-aħħar ftit snin, l-UE ħadet għadd ta' miżuri konkreti li jixhdu r-rieda tagħha li tiffaċilita ċ-ċaqliq għar-residenti ta' Kaliningrad. Tali inizjattivi jinkludu d-Dokument ta' Transitu Faċilitat (DTF) u d-Dokument ta' Transitu Faċilitat bil-Ferroviji (DTFF)[10], li ssimplifikaw l-ivvjaġġar bejn Kaliningrad u l-art prinċipali tar-Russja, u l-Ftehim tal-2007 bejn l-UE u r-Russja dwar it-Tħaffif tal-Viża[11], li jiffaċilita l-ħruġ ta' viżi għal żmien qasir għall-persuni kollha ta' nazzjonalità Russa li jivvjaġġaw lejn pajjiżi tax-Schengen. Il-Kummissjoni rrakkomandat li jiġi nnegozjat mill-ġdid il-Ftehim ta' Tħaffif tal-Viża sabiex jitjieb il-mod kif jitħaddem u sabiex jiddaħħal aktar tħaffif għaċ-ċittadini kollha, inklużi r-residenti ta' Kaliningrad.

    Madanakollu, minħabba l-pożizzjoni speċifika ta' Kaliningrad, il-Kummissjoni tqis li jista' jkun ġustifikabbli li r-Regolament tat-TLF jiġi emendat sabiex id-distrett ta' Kaliningrad kollu kemm hu jiġi ttrattat bħala żona ta' mal-fruntiera. Dan ma jħallix li jkun hemm qasma artifiċjali ta' dak ir-reġjun li minħabba fiha xi abitanti ma jgawdux mill-iffaċilitar għat-traffiku lokali tal-fruntiera. Ikun jippermetti wkoll li sseħħ aktar koperazzjoni reġjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni hija miftuħa għal diskussjoni mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew dwar emenda bħal din.

    Sadattant, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Polonja u lill-Federazzjoni Russa, kif ukoll lil-Litwanja u lill-Federazzjoni Russa, jikkonkludu ftehimiet bilaterali skont it-termini tar-Regolament ta' bħalissa, li jiffaċilitaw minnufih iċ-ċaqliq għar-residenti ta' Kaliningrad. Hija twissi bil-qawwi kontra l-konklużjoni ta’ ftehimiet li ma jirrispettawx it-termini tar-Regolament.

    4.2. Assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar

    Mill-2008 'l hawn il-Polonja kienet qed titlob ukoll għal emenda li tkun titlob li min ikun inħariġlu permess tat-TLF jkollu assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. Huwa fatt li l-ftehimiet kollha li nnegozjat il-Polonja diġà jinkludu tali rekwiżit. Li jħasseb hu li, fin-nuqqas ta' tali assigurazzjoni, min ikun inħariġlu permess tat-TLF jkun jista' jaqsam il-fruntiera biss biex jikseb servizz mediku ta' emerġenza.

    Fl-ewwel rapport tagħha dwar it-twettiq tar-Regolament il-Kummissjoni stqarret li t-talba għal assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar fil-ftehim bilaterali tkun f'kunflitt mar-Regolament tat-TLF. La l-Artikolu 4 u lanqas l-Artikolu 9 ma jsemmu l-possibbiltà li tintalab assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. L-għan ta' dawn l-artikoli hu li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġu ssimplifikati l-kundizzjonijiet tad-dħul u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Huma jeskludu, b'mod partikulari, il-ħtieġa li wieħed jipprovdi prova ta' mezzi ta' għajxien. Barra minn dan, il-Kodiċi dwar il-Viżi jobbliga lill-applikanti għall-viża li jkollhom assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar, iżda dawk li jkun inħarġilhom permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera huma espressament eżentati mill-obbligu tal-viża. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri li l-ftehimiet tagħhom dwar it-TLF (b'konformità mar-Regolament) ma jitolbux assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar ma rrappurtaw l-ebda każ ta' persuni li nħarġilhom permess tat-TLF li ma kellhomx assigurazzjoni medika u li kisbu servizzi tas-saħħa ta' emerġenza waqt li kienu fit-territorju tagħhom.

    Meta tqis dan kollu, il-Kummissjoni ssostni fehmitha li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet oħrajn, bħall-konklużjoni ta' ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-rimborż ta' kwalunkwe spejjeż mediċi li jsiru.

    5. KONKLUżJONI

    Ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera ilu jeżisti erba' snin, u s'issa għad hemm fis-seħħ biss erba' ftehimiet tat-TLF li ġew innegozjati taħt ir-Regolament. Madanakollu, tliet ftehimiet oħrajn – bejn il-Polonja u l-Bjelorussja, bejn il-Litwanja u l-Bjelorussja, u bejn in-Norveġja u r-Russja – huma mistennijin jidħlu fis-seħħ fil-ftit xhur li ġejjin. Dan jixhed li l-pajjiżi kkonċernati jqisu li s-sistema hi utli biex jikbru l-kummerċ bejn iż-żewġ naħat tal-fruntiera, l-iskambji soċjali u kulturali, u l-koperazzjoni reġjonali.

    Mit-tagħrif relattivament limitat li għandha, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema tat-TLF qed taħdem tajjeb fil-prattika, ġaladarba qed tagħmel il-ħajja eħfef b'mod sinifikanti għan-nies li jgħixu qrib il-fruntieri esterni fuq l-art u ftit hemm evidenza li s-sistema qed tiġi abbużata.

    Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li r-Regolament tat-TLF joħloq il-bilanċ it-tajjeb bejn l-iffaċilitar u t-tħassib rigward is-sigurtà taż-żona tax-Schengen kollha kemm hi. Konsegwentament, il-Kummissjoni mhix qed tikkunsidra li temenda r-Regolament tat-TLF la biex tiddefinixxi mill-ġdid iż-żona ta' mal-fruntiera u lanqas biex titlob għal assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-Istati Membri li għandhom ftehimiet li ma jikkonformawx mar-Regolament biex jemendawhom, b'konformità mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 13 tar-Regolament. Jekk dawn il-ftehimiet ma jiġux emendati, il-Kummissjoni se tkun obbligata tagħmel użu mis-setgħat li jagħtiha t-Trattat sabiex tiżgura li jkun hemm twettiq konsistenti u korrett tad-dritt tal-UE.

    Fil-każ speċifiku ta' Kaliningrad, il-Kummissjoni hija favur li jiġi emendat ir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera sabiex ikun ikopri d-distrett ta' Kaliningrad kollu kemm hu, kemm-il darba jkun hemm eżitu favorevoli mid-diskussjoni bejn l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew.

    [1] Regolament Nru 1931/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006; ĠU L 29, 3.2.2007, p.3.

    [2] COM (2009) 383 finali tal-24 ta’ Lulju 2009.

    [3] Għad-dettalji, ara l-ewwel rapport dwar it-TLF, COM (2009) 383, p. 6-7.

    [4] Il-perjodi taż-żmien ivarjaw minħabba d-dħul fis-seħħ differenti tal-ftehimiet.

    [5] BE, CH, DE, EE, ES, FR, LT, LV, MT, NO, PT u SE.

    [6] Riċenti ħafna, permezz ta' ittra li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sikorski u l-Ministru tal-Intern u l-Amministrazzjoni Miller bagħtu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni f'Settembru 2010.

    [7] L-Artikolu 3, il-punt 2, tar-Regolament fih: 'żona tal-fruntiera' tfisser żona li ma testendix aktar minn 30 kilometru mill-fruntiera. Id-distretti amministrattivi lokali li għandhom jitqiesu bħala ż-żona tal-fruntiera għandhom jiġu speċifikati mill-Istati konċernati fil-Ftehim bilaterali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13. Jekk parti minn tali distrett tkun tinsab aktar minn 30 kilometru bogħod mil-linja tal-fruntiera, iżda mhux aktar minn 50, għandha xorta waħda titqies bħala parti miż-żona tal-fruntiera;'.

    [8] Ittra li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sikorski u l-Ministru tal-Intern u l-Amministrazzjoni Miller bagħtu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni f'Settembru 2010.

    [9] Dikjarazzjoni mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja u tar-Russja, Sikorski u Lavrov, 'dwar it-tħaddim tar-regoli tat-Traffiku Lokali tal-Fruntiera rigward ir-reġjun ta' Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa u t-territorji tar-Repubblika tal-Polonja li jmissu miegħu' tas-6 ta' April 2010.

    [10] Regolament Nru 693/2003 tal-14 ta’ April 2003, ĠU L 99, 17.4.2003, p. 8.

    [11] ĠU L 129, 17.5.2007, p 27.

    Top