Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0670

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea

    /* KUMM/2010/0670 finali */

    52010DC0670




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussell, 9.11.2010

    KUMM(2010) 670 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea

    {SEG(2010) 1334 finali}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea

    A. Introduzzjoni

    a) Applikazzjoni għas-sħubija

    Il-Montenegro ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Diċembru 2008. Sussegwentement, fit-23 ta' April 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kummissjoni biex tressaq l-opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tiddikjara li: " Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex jsir membru tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b'din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta' eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew."

    L-Artikolu 2 jiddikjara li " L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. "

    Dan huwa l-qafas legali li fih il-Kummissjoni tressaq l-Opinjoni preżenti.

    Il-Kunsill Ewropew ta' Feira f'Ġunju 2000 kien għaraf li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li qed jieħdu sehem fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kienu "kandidati potenzjali" għas-sħubija fl-UE. Il-perspettiva Ewropea ta' dawn il-pajjiżi kompliet tiġi kkonfermata mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki f'Ġunju 2003, li approva l-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent". Din l-aġenda għadha l-bażi li fuqha hija mibnija l-politika tal-UE fir-rigward rar-reġjun.

    Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 ġedded l-impenn tal-UE " li l-ġejjieni tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea " u tenna li " l-progress ta' kull pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea jiddependi fuq l-isforzi individwali tiegħu biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u mal-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Ir-rekord passat sodisfaċenti ta' pajjiż fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), inklużi dispożizzjonijiet relatatimal-kummerċ, huwa element essenzjali biex l-UE tikkunsidra kwalunkwe applikazzjoni għas-sħubija". Fil-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li saret f'Sarajevo fit-2 ta' Ġunju 2010, l-UE tenniet l-impenn inekwivoku tagħha lejn il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u saħqet li l-ġejjieni ta' dawn il-pajjiż jinsab fl-Unjoni Ewropea.

    B'konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat, il-valutazzjoni ta' bħalissa hija magħmula skont it-termini tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà preskritti mill-Kunsill Ewropew. F'Kopenħagen f'Ġunju 1993 l-Kunsill Ewropew ikkonkluda li:

    "L-adeżjoni se sseħħ hekk kif pajjiż ikun kapaċi jassumi l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi rikjesti.

    Is-sħubija tirrikjedi:

    - li l-pajjiż kandidat ikun kiseb stabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom;

    - l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li taħdem, kif ukoll il-kapaċità li l-pajjiż ikampa mal-pressjoni kompetittiva u mal-qawwiet tas-suq fl-Unjoni;

    - il-kapaċità li jerfa' l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomija u monetarja".

    Il-kapaċità tal-Unjoni li tassorbi membri ġodda, filwaqt li żżomm għaddej il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea, hija wkoll kunsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi kandidati.

    F'Diċembru 1995, il-Kunsill Ewropew ta' Madrid irrefera għall-ħtieġa "li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi [applikanti], b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, l-aġġustament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom u l-ħolqien ta' ambjent ekonomiku u monetarju stabbli".

    Il-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA) ġiet iddefinita mill-Kunsill fil-31 ta' Mejju 1999. Din tinkludi l-koperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (l-International Criminal Tribunal for the Former Yugoslavia, ICTY) u koperazzjoni reġjonali. Dawn il-kundizzjonijiet huma element fundamentali tal-PSA u huma integrati fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Montenegro, li daħal fis-seħħ f'Mejju 2010.

    F'Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li "l-istrateġija tat-tkabbir imsejsa fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, imħallta mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal konsensus imġedded dwar it-tkabbir".

    Fl-Opinjoni preżenti, il-Kummissjoni tanalizza l-applikazzjoni tal-Montenegro fuq il-bażi tal-kapaċità tal-pajjiż li jissodisfa l-kriterji ffissati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993 kif ukoll il-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Jiġi eżaminat ukoll ir-rekord passat tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ. L-Opinjoni tħejjiet b'metodoloġija simili għal dik li ntużat f'Opinjonijiet li saru qabel, b'xi adattamenti li jirriflettu l-elementi inklużi fil-"konsensus imġedded dwar it-tkabbir" tal-2006. Il-Kummissjoni organizzat għadd ta' missjonijiet esperti fil-Montenegro, li kienu kkonċentrati l-aktar fl-oqsma koperti mill-kriterji politiċi. Din l-istrateġija ppermettiet li ssir valutazzjoni tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-Montenegro u tal-mod li bih hija implimentata l-leġiżlazzjoni. Hija għenet ukoll biex jiġu identifikati aħjar il-bqija tal-isfidi u l-prijoritajiet għal azzjoni fil-futur. Il-Kummissjoni analizzat kemm is-sitwazzjoni ta' bħalissa kif ukoll il-prospetti fuq medda medja ta' żmien. Għall-fini ta' din l-Opinjoni, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe data futura tal-adeżjoni, il-perspettiva fuq medda medja ta' żmien ġiet iddefinita bħala perjodu ta' ħames snin.

    L-analiżi ddettaljata li fuqha hija msejsa din l-Opinjoni tinsab bħala dokument għalih ( Analytical Report accompanying the Opinion on Montenegro's application for membership of the European Union )[1]. F'konformità mal-konsensus imġedded dwar it-tkabbir, ir-rapport analitiku jipprovdi stimi inizjali tal-impatt tal-adeżjoni futura tal-Montenegro f'xi oqsma ewlenin ta' politika. Il-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni aktar iddettaljata tal-impatt għal dawn l-oqsma ewlenin ta' politika fi stadju aktar tard tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni. Barra minn dan, it-trattat ta' adeżjoni għall-Montenegro jkun jinvolvi adattament tekniku tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-dawl tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    b) Ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro

    Il-Montenegro ddikjara l-indipendenza tiegħu fit-3 ta' Ġunju 2006, wara referendum li sar fil-21 ta' Mejju 2006. F'Ġunju tal-2006 l-UE ddeċidiet li tistabbilixxi relazzjonijiet mal-Montenegro bħala stat sovran u l-Istati Membri kollha tal-UE rrikonoxxew l-indipendenza tal-Montenegro.

    F'Ottubru tal-2007, ġew iffirmati Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Montenegro[2] u Ftehim Interim dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ. Il-Ftehim Interim daħal fis-seħħ f'Jannar tal-2008 u l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni f'Mejju tal-2010 wara li ġie ratifikat mill-partijiet. Kollox ma' kollox, il-Montenegro implimenta bla skossi l-obbligi li jaqgħu taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kummerċ. Kull meta qamu problemi, il-Montenegro kien miftuħ u kostruttiv biex jidentifika mezzi biex jindirizzahom.

    Sħubija Ewropea mal-Montenegro ġiet adottata mill-Kunsill fit-22 ta' Jannar 2007.[3]

    Laqgħat ta' djalogu politiku f'livell ministerjali bejn l-UE u l-Montenegro ġew organizzati minn Frar tal-2007 'l hawn. Id-djalogu dwar il-politiki bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Montenegro ilu jseħħ minn mindu l-pajjiż sar indipendenti. Il-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim Interim iltaqa' darbtejn mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim 'l hawn. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni saret f'Ġunju 2010. Laqgħat annwali interparlamentari bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tal-Montenegro ilhom isiru mill-2006 u l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni saret f'Settembru tal-2010.

    Il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Montenegro ngħatat mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mid-19 ta' Diċembru 2009 'l quddiem. Din tapplika għad-detenturi ta' passaporti bijometriċi li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen. Din id-deċiżjoni kienet bażata fuq progress sostanzjali fl-oqsma tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà u fuq l-issodisfar ta' kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-pjan għal-liberalizzazzjoni tal-viża. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar l-ammissjoni mill-ġdid ilu fis-seħħ minn Jannar tal-2008.

    Il-Montenegro ffirma t-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija f'Ottubru tal-2005 u b'hekk sar membru sħiħ tal-Komunità tal-Enerġija tax-Xlokk tal-Ewropa. Il-Montenegro ffirma l-ftehim dwar l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni (European Common Aviation Area, ECAA) f'Ġunju 2006.

    Il-Montenegro ilu mill-2006 'l hawn jieħu sehem attiv fis-sorveljanza ekonomika u fiskali u fl-arranġamenti tar-rappurtaġġ tal-UE li japplikaw għall-pajjiżi li jistgħu jkunu kandidati.

    F'Ġunju tal-2008 l-Gvern tal-Montenegro adotta l-Programm Nazzjonali tiegħu għall-Integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2008-2012. Dan id-dokument jirrappreżenta pjan għall-adozzjoni tal- acquis, u jipprovdi prijoritajiet immedjati u għal terminu medju.

    L-Unjoni Ewropea hija l-aktar sieħeb importanti fil-kummerċ tal-Montenegro. Fl-2009, aktar minn 40% tal-importazzjonijiet tal-Montenegro ġew mill-UE u 48% tal-esportazzjonijiet tiegħu marru fl-UE.

    Il-Montenegro mill-1998 'l hawn irċieva assistenza finanzjarja mill-UE . Kollox ma' kollox, bejn l-1998 u l-2010 l-UE impenjat iktar minn EUR 408.5 miljun għall-Montenegro. Mill-1998 sal-2006, il-Montenegro bbenefika minn assistenza mill-CARDS tal-UE li kienet tiswa EUR 277.2 miljun. Mill-2007 'l hawn, minflok il-CARDS iddaħħal l-Istrument ta' Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (Instrument of Pre-Accession Assistance, IPA), li taħtu l-Montenegro rċieva assistenza li tiswa EUR 131.3 miljun mill-2007 sal-2010. L-IPA għandu l-għan li jsostni l-proċess ta' riforma fil-pajjiż fil-kuntest tal-integrazzjoni Ewropea b'fokus fuq il-bini tal-istituzzjonijiet, fuq l-introduzzjoni tal- acquis tal-UE u t-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi kif ukoll fuq il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli. Qed jingħata wkoll appoġġ finanzjarju lis-soċjetà ċivili.

    Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jipprovdi għall- parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-Programmi tal-UE . Il-Montenegro jipparteċipa b'mod attiv fi tliet programmi tal-UE taħt il-perspettiva finanzjarja 2007-2013 : is-7 Programm Qafas (7th Framework Programme, FP7) għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (2007-2013), il-Programm speċifiku għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni (Entrepreneurship and Innovation specific Programme, EIP) u l-Programm tal-Kultura. Il-fondi tal-IPA jintużaw biex titħallas parti mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fit-tliet programmi.

    B. Kriterji għas-sħubija

    KRITERJI POLITIċI

    Il-valutazzjoni preżenti hija magħmula fuq il-bażi tal-kriterji ta' Kopenħagen li huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, u tal-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Il-Montenegro huwa demokrazija parlamentari msejsa fuq qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa konformi mal-prinċipji u l-istandards Ewropej. Il-Montenegro organizza bla problemi r-referendum dwar l-indipendenza tiegħu fl-2006, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE, fuq il-bażi tar-regoli li ġew adottati b'kunsens politiku. Il-kunsens fost il-partijiet politiċi dwar kif jinbena l-istat qed isir dejjem aktar qawwi. Hemm ukoll kunsens politiku fir-rigward tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Madanakollu, filwaqt li l-bażi legali u istituzzjonali tal-pajjiż hija ġeneralment f'postha, hemm defiċjenzi fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u jippersistu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-kapaċità ġenerali tal-parlament li jiżgura kontroll adatt tal-gvern għadha limitata. Is-separazzjoni tas-setgħat mhix rispettata b'mod sħiħ fil-każ tal-ġudikatura. L-amministrazzjoni pubblika għadha dgħajfa u politiċizzata ferm.

    L-elezzjonijiet fil-Montenegro ġeneralment tmexxew skont l-istandards internazzjonali għall-elezzjonijiet demokratiċi. L-aħħar elezzjonijiet parlamentari li saru f'Marzu 2009 ġew valutati mill-OSCE-ODIHR bħala li ssodisfaw kważi l-istandards internazzjonali kollha, imma fadal xi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati. B'mod partikolari, il-liġi elettorali għadha ma ġietx armonizzata kompletament mal-kostituzzjoni.

    Fis-snin riċenti l-Montenegro saħħaħ il-qafas legali u istituzzjonali tal- istat tad-dritt . Madanakollu, l-implimentazzjoni hija defiċjenti. Il-preokkupazzjonijiet ewlenin huma relatati mal-politiċizzazzjoni tal-ġudikatura u n-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

    Qed jiġu segwiti riformi fil-ġudikatura. Ir-riżultati miksuba jinkludu t-twaqqif ta' istituzzjonijiet ġodda bħall-kunsilli tal-ġudikatura u l-prosekuzzjoni u miżuri adottati biex itejbu l-indipendenza u l-effiċjenza. Madanakollu, għad fadal tħassib serju dwar ir-rwol tal-parlament fil-ħatra ta' kunsilli tal-ġudikatura u tal-prosekuzzjoni u l-prosekuturi tal-istat. Hemm ukoll tħassib dwar l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-ġudikatura.

    Il-Montenegro b'mod ġenerali daħħal fis-seħħ il-qafas legali u istituzzjonali meħtieġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Minkejja dan, il-korruzzjoni hija komuni ħafna f'bosta oqsma u tikkostitwixxi probema partikularment serja. Il-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni mhux implimentata b'mod konsistenti. Barra minn hekk, l-oqfsa legali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interess u tal-iffinanzjar tal-partijiet politiċi u l-kampanji elettorali għandhom defiċjenzi importanti. L-awtoritajiet superviżjorji m'għandhomx is-setgħat legali sħaħ u l-kapaċità li jiżguraw l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt tal-interess u fuq il-kontroll fuq l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali. Hemm tħassib ukoll rigward is-superviżjoni tal-akkwisti pubbliċi, il-privatizzazzjoni, l-ippjanar tal-ispazji u l-permessi tal-kostruzzjoni. M'hemmx kontroll intern konsistenti biex jissorvelja l-korruzzjoni u jiżgura r-responsabbiltà u r-rispett għall-istat tad-dritt fi ħdan il-korpi statali. Dan japplika b'mod partikolari f'oqsma bħall-amministrazzjoni tat-taxxa u doganali, il-pulizija u l-ġudikatura u l-amministrazzjoni lokali. Il-kapaċitajiet tal-investigazzjoni u l-koordinament tal-infurzar tal-liġi għadhom dgħajfa. Hemm bżonn ta ' rieda politika qawwija biex jittejjeb b'mod sinifikanti r-rendiment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ir-rekord tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni konklussivi f'każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha għadu baxx.

    Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-qafas leġiżlattiv li żviluppa l-Montenegro b'mod ġenerali hu adegwat u l-kapaċitajiet tjiebu. Madanakollu, il-kriminalità organizzata għadha problema serja. Il-ħasil tal-flus u l-importazzjoni tad-drogi huma oqsma ewlenin ta' tħassib. Il-kapaċitajiet u l-koordinament tal-infurzar tal-liġi huma dgħajfa u r-rekord tal-implimentazzjoni jibqa' limitat. Il-kapaċitajiet investigattivi proattivi għadhom inadegwati. Il-valutazzjoni tat-theddid u l-ġbir u l-ipproċessar tal-intelligence kriminali m'humiex ta' livell sodisfaċenti. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-kapaċità tal-prosekuzzjoni li timplimenta b'mod sħiħ il-Kodiċi l-ġdid tal-Proċedura Kriminali. Jeħtieġ li l-koperazzjoni fil-livell internazzjonali tkompli tissaħħaħ, inkluż ma' pajjiżi ġirien.

    Il-qafas legali u tal-linji politiċi tal-Montenegro li jirregola d-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu hemm u jikkorrispondi fil-wisgħa mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas istituzzjonali huwa b'mod ġenerali adegwat. Madanakollu, hemm xi lakuni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji eżistenti u tal-pjanijiet ta' azzjoni. Huma meħtieġa żieda fil-kuxjenza u s-sensittività tal-amministrazzjoni, il-pulizija u l-ġudikatura għall-istandards f'dan il-qasam.

    B'mod ġenerali d-drittijiet tal-bniedem huma rrispettati fil-Montenegro. Madanakollu, jeżistu preokkupazzjonijiet relatati mal-effettività tal-politika kontra d-diskriminazzjoni, il-liberta tal-espressjoni u r-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili. Il-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni tjieb b'mod sostanzjali. Madanakollu, fil-prattika r-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani, il-persuni b'diżabbiltajiet, u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru (LGBT) għadhom isofru diskriminazzjoni, inkluż min-naħa tal-awtoritajiet statali. Il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ, is-sanzjonar u l-prosekuzzjoni f'każijiet ta' diskriminazzjoni jridu jissaħħu. Il-liġi ta' Lulju tal-2010 kontra d-diskriminazzjoni trid tiġi implimentata b'mod sħiħ. L-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika mhix żgurata. Il-libertà tal-midja, l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u multi sproporzjonati għad-difamazzjoni huma ta' preokkupazzjoni. Il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar id-difamazzjoni trid tiġi allinjata b'mod sħiħ mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-indipendenza tar-regolatur tal-midja għandha bżonn tiġi priservata. Rigward ir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, id-djalogu eżistenti mhux sodisfaċenti għal kollox. F'xi każijiet, l-aktar NGOs li jikkritikaw ġew esposti għal pressjonijiet politiċi u amministrattivi. Il-vjolenza domestika, it-trattament ħażin u kundizzjonijiet tal-ħabs sottostandard ukoll huma kwistjonijiet ta' tħassib.

    Ir-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom huma garantiti b'mod ġenerali. Madanakollu, il-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-kunsilli tal-minoranzi kif ukoll ir-rappreżentanza fis-servizzi pubbliċi, fl-awtoritajiet statali u fil-korpi awtogovernattivi lokali ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi jeħtieġ li jitjiebu. L-aċċess tar-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari għall-edukazzjoni u l-impjiegi, mhux sodisfaċenti. Rigward persuni spustjati mill-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo[4], stmati madwar 17,000, il-Liġi tal-2009 dwar il-barranin tippermetti li jkollhom aċċess għall-istejtus ta' resident. It-tnaqqis tat-taxxi amministrattivi f'Lulju tal-2010 ħoloq kundizzjonijiet aħjar għall-aċċess tagħhom għal dan l-istejtus. L-awtoritajiet tal-Montenegro adottaw ukoll, f'Lulju tal-2010, miżuri tranżizzjonali li jippermettu l-aċċess ta' persuni spustjati għad-drittijiet soċjali u ekonomiċi fil-perjodu qabel ma jiksbu l-istejtus ta' resident. Madanakollu, il-pjan ta' azzjoni ta' persuni spustjati mhux implimentat tajjeb fil-prattika. In-numru ta' persuni li ngħataw l-istejtus ta' resident għadu baxx, notevolment minħabba d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw biex jipprovdu d-dokumenti kollha meħtieġa. Il-liġijiet li jiggarantixxu l-aċċess għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali jeħtieġ li jiġu armonizzati mal-Liġi dwar il-barranin. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kamp Konik, fejn primarjament hemm nies Roma, Ashkali u Eġizzjani spustjati mill-Kosovo, huma ta' preokkupazzjoni serja.

    B'mod ġenerali l-Montenegro jissodisfa l-kundizzjonijiet tal- Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni . Il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja hija sodisfaċenti. Il-pajjiż huwa impenjat bis-sħiħ favur il-koperazzjoni reġjonali u jagħti sehem kostruttiv fir-reġjun. Huwa jipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali. Ir-relazzjonijiet bilaterali mal-ġirien kollha huma ġeneralment tajbin u qed jiżviluppaw aktar. Ir-relazzjonijiet mas-Serbja, wara li ġiet xolta l-Unjoni Statali, huma ġeneralment tajbin, iżda għadhom jeżistu xi kwistjonijiet pendenti. L-immarkar tal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien għadu ma ġiex finalizzat. Billi jibni fuq il-ftehim politiku li nkiseb s'issa, il-Montenegro jeħtieġ li jiffinalizza flimkien mal-Kroazja s-sottomissjoni konġunta għall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) tal-każ tal-peniżola Prevlaka. Il-Montenegro huwa parti għall-Istatut ta' Ruma. Madanakollu, il-pajjiż irratifika ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, li ma jikkonformax mal-Pożizzjonijiet Komuni u mal-prinċipji gwida rilevanti tal-UE. Jeħtieġ li l-pajjiż jallinea ruħu mal-pożizzjoni tal-UE.

    KRITERJI EKONOMIċI

    Il-valutazzjoni preżenti hija magħmula fuq il-bażi tal-kriterji ta' Kopenħagen li għandhom x'jaqsmu mal-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona , kif ukoll mal-kapaċità li l-pajjiż ikampa mal- pressjoni kompetittiva u mal-qawwiet tas-suq fl-Unjoni.

    Il-Montenegro kiseb konsensus domestiku wiesa' dwar il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika kif ukoll rekord passat fl-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi. L-istabbiltà ekonomika kisbet grad meqjus li hu biżżejjed biex jippermetti li l-operaturi ekonomiċi jieħdu deċiżjonijiet fi klima fejn wieħed jista' jbassar. Dan irriżulta f'rati għoljin tat-tkabbir li bħala medja kien aktar minn 5% fis-snin ta' qabel il-kriżi ekonomika. Id-defiċit tal-baġit u d-dejt pubblika nżammu f'livelli moderati. Il-qgħad tnaqqas għal anqas minn 12% fl-2009 u l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol ġiet modernizzata. L-azzjonijiet reċiproċi ħielsa tal-qawwiet tas-suq komplew jiżviluppaw fl-aħħar għaxar snin permezz tal-privatizzazzjoni u t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-prezzijiet, l-iskambju tal-muniti barrani u r-reġimi tal-kummerċ. L-investiment barrani ġie attirat minn titjib fl-ambjent tan-negozju. Il-proċess tar-ristrutturar tal-intrapriżi u s-setturi strateġiċi qed iseħħ. L-għajnuna mill-istat hija storikament baxxa, spiss relatata ma' klawsoli ta' privatizzazzjoni jew appoġġ għal kumpaniji li jkollhom problemi. L-ekonomija tal-Montenegro għadha miftuħa ferm u l-livell ta' integrazzjoni tal-kummerċ u l-investiment mal-UE u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent huwa għoli.

    Madanakollu, wara snin ta' dħul qawwi ta' kapital biex jappoġġja t-tkabbir ekonomiku mgħaġġel, il-kriżi globali żvelat żbilanċ intern u estern sinifikanti li jesponi lil-pajjiż u jhedded l-istabbiltà makroekonomika. Il-kriżi żvelat ukoll vulnerabbiltajiet fir-regolament u s-superviżjoni tas-settur bankarju, u saret talba għal rikapitalizzazzjoni kritika tal-banek. Fin-nuqqas ta' spazju fiskali, il-gvern jista' jirreaġixxi prinċipalment billi jipprovdi garanziji lil kumpaniji f'diffikultajiet, li jistgħu jimmaterjalizzaw minħabba d-dejn pubbliku li qed jikber. Il-persistenza fil-qgħad, u l-impjiegi informali, juru d-dgħjufija fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali kif ukoll xi riġidità fis-suq tax-xogħol. Il-pajjiż għad m'għandux biżżejjed infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport. Xi negozji żgħar b'mod partikolari jridu jaffaċċjaw finanzjament skars u għali. Dgħjufijiet persistenti fl-istat tad-dritt jaffettwaw b'mod negattiv l-ambjent tan-negozju. Is-settur informali għadu sfida importanti.

    L-ABBILTÀ TAL-PAJJIż LI JASSUMI L-OBBLIGI TAS-SħUBIJA

    L-abbiltà tal-Montenegro li jassumi l-obbligi tas-sħubija ġew evalwati skont l-indikaturi li ġejjin:

    - l-obbligi preskritti fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

    - il-progress li sar fl-adozzjoni, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal- acquis tal-UE.

    Kollox ma' kollox, il-Montenegro implimenta bla skossi l-obbligi li jaqgħu taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Minkejja dan, hemm xi lakuni f'ċerti oqsma (l-għajnuna tal-istat, it-traffiku fi tranżitu).

    Il-Montenegro fl-2008 adotta Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni, li huwa pjan komprensiv u ambizzjuż li jipprovdi għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal- acquis tal-UE. Sar progress importanti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni allinjata mal- acquis tal-UE, partikularment f'xi oqsma tas-suq intern, f'dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ, fid-dwana u fit-tassazzjoni. Madanakollu, il-pajjiż għandu quddiemu sfidi kbar fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Kollox ma' kollox, il-kapaċitajiet amministrattivi u ġudizzjarji għadhom limitati u l-pajjiż se jkun jeħtieġ sforzi sostnuti biex isaħħaħhom sabiex ikun kapaċi jassumi l-obbligi tas-sħubija fuq medda medja ta' żmien.

    Jekk jibqa' għaddej bl-isforzi tiegħu, l-Montenegro għandu, fuq medda medja ta' żmien, ikollu l-kapaċità li jikkonforma mar-rekwiżiti tal- acquis fl-oqsma li ġejjin:

    - - It-tassazzjoni

    - - L-intraprenditorija u l-politika industrijali

    - - Ix-xjenza u r-riċerka

    - - L-edukazzjoni u l-kultura

    - - L-unjoni doganali

    - - Ir-relazzjonijiet esterni

    - - Il-politika dwar l-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża

    - - Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji

    Il-Montenegro se jkollu jagħmel aktar sforzi sabiex jallinea mal- acquis u jimplimentah b'mod effettiv fuq medda medja ta' żmien fl-oqsma li ġejjin:

    - - Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema

    - - Id-dritt li wieħed jistabbilixxi ruħu u l-libertà li wieħed jipprovdi servizzi

    - - Il-moviment ħieles tal-kapital

    - - L-akkwist pubbliku

    - - Il-liġi tal-kumpaniji

    - - Il-politika dwar il-kompetizzjoni

    - - Is-servizzi finanzjarji

    - - Is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja

    - - Il-politika dwar it-trasport

    - - L-enerġija

    - - Il-politika ekonomika u monetarja

    - - In-netwerks transewropej

    - - Il-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa

    Fl-oqsma msemmijin hawn fuq, jeħtieġ li jsiru aktar aġġustamenti tal-qafas legali u istituzzjonali u b'mod partikulari li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u implimentattivi.

    Il-Montenegro se jkollu jagħmel sforzi konsiderevoli u sostnuti sabiex jallinja mal- acquis u jimplimentah b'mod effettiv fuq medda medja ta' żmien fl-oqsma li ġejjin:

    - - Il-moviment ħieles tal-prodotti

    - - Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali

    - - Il-biedja u l-iżvilupp rurali

    - - Il-politika dwar is-sikurezza tal-ikel, veterinarja u fitosanitarja

    - - Is-sajd

    - - L-istatistiki

    - - Il-politika soċjali u x-xogħol

    - - Il-Politika Reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali

    - - Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali

    - - Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

    - - Il-kontroll finanzjarju

    F'dawn l-oqsma jeħtieġ li jsiru aġġustamenti konsiderevoli tal-qafas legali u istituzzjonali u tisħiħ sinifikanti tal-kapaċitajiet amministrattivi u implimentattivi.

    Rigward l-ambjent, se jkun hemm bżonn li jsiru aktar sforzi sinifikanti u koordinati sabiex iseħħ allineament mal- acquis tal-UE u sabiex jiġi implimentat b'mod effettiv. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jkunu jinkludu investimenti sostanzjali u tisħiħ tal-kapaċitá amministrattiva għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni sabiex tinkiseb konformità rigward l-aktar kwistjonijiet importanti, fosthom it-tibdil fil-klima, fuq medda medja ta' żmien. Il-konformità sħiħa mal- acquis tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment.

    C. KONKLUżJONI U RAKKOMANDAZZJONI

    Il-Montenegro għamel progess lejn l-issodisfar tal-kriterji relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, kif ukoll tal-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Minkejja dan, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Montenegro kiseb ċertu grad ta' stabbiltà makroekonomika. Mandanakollu, biex isir ekonomija li tiffunzjona tajjeb, kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, il-Montenegro jrid jindirizza l-iżbilanċi interni u esterni, kif ukoll dgħjufijiet eżistenti, notevolement fis-settur finanzjarju u fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt. Sabiex ikun jista' jlaħħaq fuq medda medja ta' żmien mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni, il-Montenegro jeħtieġ li jsaħħaħ l-infrastruttura fiżika tiegħu u l-kapital uman u jkompli jimplimenta r-riformi strutturali.

    Ir-rekord passat tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa pożittiv b'mod ġenerali.

    Il-Montenegro jkun f'pożizzjoni li jerfa' l-obbligi tas-sħubija fuq medda medja ta' żmien, fil-parti l-kbira tal-oqsma tal- acquis , sakemm ikompli l-proċess ta' allinjament u sakemm isiru aktar sforzi konsiderevoli u sostnuti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Attenzjoni partikolari trid tingħata lill-oqsma tal-moviment ħieles tal-prodotti, lil-liġi tal-proprjetà intelletwali, lill-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, lis-sigurtà tal-ikel, lill-politika veterinarja u fitosanitarja, lis-sajd, lill-istatistiki, lill-politika soċjali u l-impjiegi, lill-politika reġjonali u l-koordinament tal-istrumenti strutturali, lid-drittijiet fundamentali u ġudizzarji, lill-ġustizzja, lil-libertá u s-sigurtà u lill-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa mal- acquis fil-qasam tal-ambjent tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment; l-isforzi f'dan il-qasam iridu jiżdiedu.

    L-adeżjoni tal-Montenegro jkollha impatt ġenerali limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u ma taffettwax il-kapaċità tal-Unjoni biex iżżomm u tfannad l-iżvilupp tagħha.

    Il-Kummissjoni tqis li n-negozjati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mal-Montenegro ġaladarba l-pajjiż jikseb il-grad meħtieġ ta' konformità mal-kriterji tas-sħubija u b'mod partikolari mal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen li jitolbu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu notevolment l-istat tad-dritt. F'dan ir-rigward il-Montenegro jeħtieġ b'mod partikolari li jissodisfa l-prijoritajiet ewlenin segwenti:

    Itejjeb il-qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE-ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja; Isaħħaħ ir-rwol leġiżlattiv u ta' kontroll tal-Parlament.

    Itemm il-passi essenzjali fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi emendi għal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva ġenerali u l-liġi dwar l-uffiċjali taċ-ċivil u l-impjegati tal-istat u t-tisħiħ tal-Awtorità għall-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u l-Istituzzjoni tal-Verifika tal-Istat, bil-għan li jitjieb il-professjonaliżmu u titnaqqas il-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u biex tissaħħaħ strateġija trasparenti u bażata fuq il-meriti għall-ħatriet u l-promozzjonijiet.

    Isaħħaħ l-istat tad-dritt, b'mod partikolari permezz ta' tnaqqis ta' politiċizzazzjoni u ħatriet bażati fuq il-merti ta' membri tal-ġudikatura u kunsilli ta' prosekuzzjoni u l-prosekuturi tal-istat kif ukoll permezz tar-rinfurzar tal-indipendenza, l-awtonomija, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-imħallfin u l-prosekuturi.

    Itejjeb il-qafas legali kontra l-korruzzjoni u jimplimenta l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-gvern kontra l-korruzzjoni; jistabbilixxi rekord solidu pożittiv għall-investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni konklussivi f'każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha.

    Isaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bażata fuq il-valutazzjoni tat-theddid u investigazzjonijiet proattivi, żieda fil-kooperazzjoni mas-sieħba reġjonali u tal-UE, proċessar effiċjenti tal-intelligence kriminali u żieda fil-kapaċitajiet u l-koordinazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Jiżviluppa rekord solidu pożittiv f'dan il-qasam.

    Iżid il-libertà tal-midja, notevolment billi jallinja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-defamazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili.

    Jimplimenta l-qafas legali u ta' politika kontra d-diskriminazzjoni f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali; jiggarantixxi l-istejtus legali ta' persuni spustjati, b'mod partikolari r-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani, u jiżgura r-rispett għad-drittijiet tagħhom. Dan ikun jinkludi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija sostenibbli għall-għeluq tal-kamp Konik.

    Il-Montenegro huwa mħeġġeġ ikompli l-involviment kostruttiv tiegħu fil-kooperazzjoni reġjonali u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien. Kwistjonijiet bilaterali pendenti jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-FSA irid ikompli jiġi implimentat gradwalment; f'dan il-kunest, hija meħtieġa attenzjoni partikolari għall-identifikar tal-lakuni f'oqsma bħall-għajnuna tal-istat u t-traffiku fi tranżitu. Barra minn hekk, il-pajjiż huwa mħeġġeġ b'mod qawwi li jkompli jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ġenerali tiegħu. Huma meħtieġa sforzi partikolari fir-rigward tal-effettività u l-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-istat f'oqsma sensittivi bħall-ħarsien tal-ambjent. Każijiet ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-attivisti fl-NGOs jeħtieġ li jitressqu l-qorti kif dovut. Kwistjonijiet ta' vjolenza domestika, trattament ħażin u kundizzjonijiet sottostandard tal-ħabs jeħtieġ li jiġu indirizzati wkoll.

    Fid-dawl tal-progress li sar s'issa, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jagħti l-istejtus ta' pajjiż kandidat lill-Montenegro.

    Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress tar-riformi meħtieġa fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tkompli tappoġġja l-isforzi permezz tal-istrument finanzjarju tal-IPA. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress tal-Montenegro fil-pakket tal-2011 dwar it-tkabbir. Dan ir-rapport se jiffoka b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati bil-għan li jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni.

    [1] SEC(2010) 1334 tad-09.11.2010.

    [2] ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.

    [3] ĠU L20, 27.1.2007, p. 16.

    [4] Skont UNSCR 1244/1999.

    Top