EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0850

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew - Rapport annwali tal-IPA 2007 {SEC(2008) 3026}

/* KUMM/2008/0850 finali */

52008DC0850

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew - Rapport annwali tal-IPA 2007 {SEC(2008) 3026} /* KUMM/2008/0850 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.12.2008

KUMM(2008) 850 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

RAPPORT ANNWALI TAL-IPA 2007 {SEC(2008) 3026}

Introdu zzjoni

Mill-1 ta’ Jannar 2007, il-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE ġie mwassal permezz ta' strument uniku u unifikat, l-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), imfassal biex joffri sostenn iffokat kemm għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-pajjiżi potenzjalment kandidati. L-IPA (Regolament tal-Kunsill Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006) jieħu post l-istrumenti preċedenti ta’ qabel l-adeżjoni, Phare, ISPA, SAPARD, l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni għat-Turkija, kif ukoll l-istrument finanzjarju għall-Balkani tal-Punent, CARDS. L-ammont ta’ referenza għall-appoġġ tal-IPA fil-perjodu 2007-2013 jammonta għal EUR 11,468 miljun.

L-IPA għandu l-għan li jipprovdi għajnuna mmirata lill-pajjiżi li huma kandidati jew potenzjalment kandidati għas-sħubija fl-UE. Biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kull pajjiż bl-iktar mod effiċjenti, l-IPA jikkonsisti f’ħames komponenti differenti:

I. L-Għajnuna ta’ Tranżizzjoni u l-Bini ta’ Istituzzjonijiet, immirat biex ikunu ffinanzjati miżuri tal-bini ta’ istituzzjonijiet u l-investiment assoċjat.

II. Il-Kooperazzjoni Transkonfinali (CBC), biex tkun appoġġjata l-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntieri bejn il-pajjiżi kandidati/potenzjalment kandidati u bejn dawn u l-pajjiżi tal-UE. Dan jista’ jiffinanzja wkoll il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi benefiċjarji fi programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tal-Fondi Strutturali kif ukoll fil-programmi tal-Baċiri tal-Baħar tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), kif jixraq.

III. L-Iżvilupp Reġjonali, li jiffinanzja investimenti u għajnuna teknika assoċjata f’oqsma bħalma huma t-trasport, l-ambjent u l-kompetittività reġjonali.

IV. L-Iżvilupp ta’ Riżorsi Umani, imfassal biex isaħħaħ il-kapital uman u jgħin biex tkun miġġielda l-esklużjoni.

V. L-Iżvilupp Rurali, li jemula programmi ta’ Żvilupp Rurali ta’ wara l-adeżjoni billi jiffinanzja miżuri tal-iżvilupp rurali, li huma simili għal dawn il-programmi, iżda huma ta’ skala iżgħar.

Il-komponenti I u II huma miftuħa għall-pajjiżi benefiċjarji kollha. Il-komponenti III, IV u V huma miftuħa għall-pajjiżi kandidati biss, u huma mfassla biex jirriflettu l-fondi Strutturali, ta’ Koeżjoni u ta’ Żvilupp Rurali bi preparazzjoni għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi mal-adeżjoni, permezz ta’ proċess ta’ tagħlim bl-għemil. Dan jeħtieġ li l-pajjiż ikollu l-kapaċitajiet amministrattivi u l-istrutturi biex ikun responsabbli għall-ġestjoni tal-għajnuna. Għall-pajjiżi potenzjalment kandidati, il-miżuri ta’ żvilupp reġjonali, ta’ riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali jiġu implimentati permezz tal-komponent tal-Għajnuna ta’ Tranżizzjoni u l-Bini ta’ Istituzzjonijiet.

Dan ir-rapport jittratta l-implimentazzjoni tal-IPA matul is-sena 2007. Informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-programmi tal-IPA fil-prattika, u dwar il-valutazzjoni tar-riżultati ta’ dawn il-programmi, hija kemmxejn limitata f’dan ir-rapport, minħabba l-fatt li l-2007 kienet l-ewwel sena ta’ programmar tal-IPA. Il-maġġoranza tal-programmi kienu adottati lejn tmiem is-sena u l-implimentazzjoni attwali se ssir mill-2008 ’il quddiem.

IS-SENA KKONĊERNATA

L-evoluzzjonijiet ewlenin tal-proċess tat-tkabbir

Fl-2007, ġie rreġistrat progress fuq il-bażi tal-kunsens imġedded għat-tkabbir, kif definit fil-Kunsill tal-Ewropa ta’ Diċembru 2006. L-2007 bdiet bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija. Is-sena rat ukoll numru ta’ żviluppi importanti fit-Turkija u l-Balkani tal-Punent: il-progress fin-negozjar għall-adeżjoni u fil-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, it-taħdidiet dwar l-istatus tal-Kosovo, u t-tnedija tal-istrument finanzjarju ġdid, l-IPA.

Fis-6 ta’ Novembru, il-Kummissjoni ppreżentat id-dokument annwali tal-istrateġija tagħha, flimkien mar-rapporti tal-progress dwar il-pajjiżi u l-proposti għall-Adeżjoni/Sħubija Ewropea għall-pajjiżi kandidati/pajjiżi potenzjalment kandidati[1] u għall-Kosovo skont il-UNSCR 1244/99[2]. Id-dokument tal-istrateġija tal-Kummissjoni kkonferma l-prinċipji u l-għanijiet tal-istrateġija tat-tkabbir. Dan ġibed l-attenzjoni għal numru ta’ sfidi sinifikanti fil-pajjiżi kkonċernati. Dan iddikjara li sa minn fażi bikrija għandha tingħata prijorità akbar għal kwistjonijiet bażiċi ta’ tmexxija, inkluż il-bini ta’ istituzzjonijiet, ir-riformi ġudizzjarji u amministrattivi kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Dan il-metodu huwa skont ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-evalwazzjoni interna tad-DĠ dwar ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi tat-tkabbir.

In-negozjati tas-sħubija mal-Kroazja u t-Turkija komplew jagħmlu progress. Għall-Kroazja, sa Diċembru 2007, kienu infetħu 16-il kapitolu, li tnejn minnhom ingħalqu provviżorjament. Fil-każ tat-Turkija, infetħu sitt kapitoli li wieħed minnhom biss ingħalaq. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2006, hemm tmien kapitoli ta’ negozjar li mhux se jinfetħu sakemm it-Turkija timplimenta l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Id-DĠ għat-Tkabbir issorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija, u tal-Ftehimiet ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kroazja u l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. Ħadd minn dawn it-tliet pajjiżi ma għamel progress biżżejjed biex ikunu indirizzati l-prijoritajiet stabbiliti.

Min-naħa l-oħra, fl-2007, il-Pajjiżi Kandidati għamlu progress sinifikanti biex jistabbilixxu strutturi u sistemi ta’ ġestjoni għall-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-IPA taħt il-komponenti III u IV, il-prekursuri tal-fondi strutturali. Dawn l-istrutturi se jkollhom rwol ewlieni fil-preparazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni u tal-istrumenti tagħha għall-adeżjoni, fi proċess ta’ tagħlim bl-għemil.

L-2007 rat progress fir-rigward tal-konklużjoni tal-Ftehimiet ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-Albanija kompliet bl-implimentazzjoni tal-Ftehim Provviżorju tagħha. F’Ottubru 2007, ġie ffirmat SAA mal-Montenegro. In-negozjati tal-SAA mas-Serbja tkomplew f’Ġunju 2007 u wasslu biex l-SAA jidħol fis-seħħ f’Novembru. SAA mal-Bożnja u Ħerzegovina nbeda f’Diċembru. L-iffirmar ta’ dawn il-Ftehimiet kien jiddependi minn jekk jiġux sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti.

Rigward il-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni kompliet tkattar il-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tikkoordina l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ Tessaloniki. Sa tmiem l-2007, ftehimiet li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi u l-ammissjoni mill-ġdid ġew konklużi mal-Albanija, mal-Bożnja u Ħerzegovina, mal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mal-Montenegro u mas-Serbja. Id-dokument ta’ strateġija ħabbar it-tnedija ta’ djalogu dwar il-kondizzjonijiet għall-ivvjaġġar mingħajr viża u l-ħruġ ta’ aktar boroż ta’ studju għal edukazzjoni ogħla għal studenti li ġejjin minn dak ir-reġjun.

It-taħdidiet dwar l-istatus tal-Kosovo li qed isiru taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Martti Ahtisaari, ġew konklużi fl-2007, iżda dawn ma wasslu għal ebda soluzzjoni dwar l-istatus finali. It-taħdidiet diretti dwar l-istatus tal-Kosovo li saru aktar tard bejn iż-żewġ partijiet, b’medjazzjonijiet li saru minn trojka bejn l-UE-l-Istati Uniti-ir-Russja, ma wasslux għal ftehim. Il-Kummissjoni kompliet tagħti pariri u sostenn għall-proċess tal-istatus.

Fis-summit ta’ Mejju dwar il-Proċess ta’ Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP) li sar f’Żagreb, ittieħdet id-deċiżjoni biex il-proċess ta’ kooperazzjoni reġjonali jkollu appartenenza reġjonali. Il-Patt ta’ Stabbiltà wettaq kważi kompletament il-missjoni tiegħu u jinsab fil-proċess li jinbidel b’Kunsill ta’ Kooperazzjoni Reġjonali ġdid (RCC) relatat mas-SEECP. Diġà nħatar Segretarju-Ġenerali tar-RCC, u Sarajevo intgħażlet bħala s-sede tas-Segretarjat ta’ dan. F’Lulju daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) il-ġdid.

L-2007 rat it-tnedija b’suċċess tal-Istrument finanzjarju ġdid għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-IPA. Ir-rabtiet f’għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi kandidati fl-2007 kienu jammontaw għal EUR 497.2 miljun għat-Turkija, EUR 141.2 miljun għall-Kroazja u EUR 58.5 miljun għall-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. Rigward il-pajjiżi kandidati, l-allokazzjonijiet tal-IPA kienu jammontaw għal EUR 61.0 miljun għall-Albanija, EUR 62.1 miljun għall-Bożnja u Ħerzegovina, EUR 68.9 miljun għall-Kosovo, EUR 31.4 miljun għall-Montenegro, u EUR 189.7 miljun għas-Serbja. Ammont ieħor ta’ EUR 109.0 miljun kien allokat għall-programmi reġjonali u għall-programmi orizzontali u multinazzjonali li minnhom jibbenefikaw kemm il-pajjiżi kandidati kif ukoll dawk potenzjalment kandidati.

Il-komunikazzjoni dwar it-tkabbir issoktat tkun ta’ prijorità. Biex jitfakkar it-tielet anniversarju tat-tkabbir tal-UE-10, l-attivitajiet tal-1 ta’ Mejju kienu jinkludu: taqsima speċjali fuq il-websajt EUROPA ddedikata għal studji tal-każ, taqsima dwar fatti u figuri u gallerija bl-istampi; materjal awdjoviżiv dwar l-Ewropa bis-Satellita; żjarat għall-ġurnalisti fi tlieta mill-Istati Membri l-ġodda; u sensiela ta’ seminars organizzati bejn il-Kmamar tal-Kummerċ ta’ seba’ Stati Membri.

Il-Kummissjoni bdiet ix-xogħol fuq faċilità ġdida għas-Soċjetà Ċivili, li tiffoka fuq tliet oqsma ta’ intervent: (i) sostenn għal inizjattivi ċiviċi lokali u għall-bini tal-kapaċità; (ii) programm ta’ djalogu bejn in-nies li jiffamiljarizza lill-partijiet interessati kollha mal-politiki, mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u (iii) sostenn għal azzjonijiet ta’ sħubija (internazzjonali).

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Kunsill tal-2007

Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta’ Diċembru 2007 laqa’ l-istrateġija tat-tkabbir bil-konklużjonijiet li ġejjin dwar l-istrateġija tat-tkabbir tal-2007:

" B’mod konformi mal-istrateġija tat-tkabbir li ntlaħaq qbil fuqha mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2006 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2007-2008 tas-6 ta’ Novembru u jieħu nota tajba tal-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet li hemm fiha. Il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, li huwa bbażat fuq il-konsolidazzjoni tal-impenji, il-kondizzjonalità ġusta u rigoruża u fuq komunikazzjoni aħjar, flimkien mal-kapaċità biex ikunu integrati membri ġodda, ikompli jifforma l-bażi tal-istrateġija tat-tkabbir tal-UE. Kwalità mtejba tal-proċess tat-tkabbir se tiżgura li dan ikompli jkattar il-paċi, id-demokrazija u l-istabbiltà fil-kontinent kollu u jġib benefiċċji konkreti f’termini ta’ aktar kummerċ, investiment u tkabbir ekonomiku.

Is-sena d-dieħla hija importanti ħafna biex tkun ikkonsolidata u implimentata aktar l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE u biex ikun appoġġjat il-proċess ta’ tranżizzjoni fil-Balkani tal-Punent. Il-Kunsill ifakkar fid-diversi proposti li saru dwar din il-kwistjoni u li l-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni Ewropea. F’dan l-isfond, l-implimentazzjoni konsistenti tal-kunsens imġedded huwa ħafna aktar importanti minn qatt qabel.

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid li l-pass tan-negozjar jiddependi l-aktar fuq il-progress tal-pajjiżi li qed jinnegozjaw biex jiġu indirizzati l-ftuħ u l-għeluq ta’ livelli ta’ referenza kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Qafas tan-Negozjar, inkluża l-implimentazzjoni tas-Sħubiji ta’ Adeżjoni, li bħalissa qed ikunu riveduti, b’kull pajjiż ikun iġġudikat skont il-meriti tiegħu stess. Il-Kunsill ifakkar li l-kapitoli li għalihom ġew konklużi l-preparazzjonijiet tekniċi se jinfetħu skont il-proċeduri stabbiliti, skont il-Qafas tan-Negozjar. F’dan il-kuntest, il-Kunsill iħares ’il quddiem lejn il-Konferenzi Intergovernattivi mat-Turkija u l-Kroazja aktar tard dan ix-xahar. Huwa importanti wkoll li l-politika tat-tkabbir iżżomm kondizzjonalità ġusta u rigoruża fl-istadji kollha tan-negozjar. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-proċess tat-tkabbir billi tittratta prijoritajiet ewlenin fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika u r-riforma ġudizzjarja kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni sa minn fażi bikrija, billi tagħmel użu sħiħ mil-livelli ta’ referenza u mill-istudji tal-impatt, u billi ġġib aktar trasparenza fil-proċess. Dan ikun strumentali biex ikun żgurat sostenn pubbliku wiesa’ u b’saħħtu għall-proċess tat-tkabbir."

Il-Kunsill tal-Ewropa ta’ Diċembru 2007 kompla billi approva dawn il-konklużjonijiet mogħtija hawn fuq:

" Il-Kunsill Ewropew ħa nota tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir u japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-10 ta’ Diċembru ."

L-IPPROGRAMMAR U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IPA: DESKRIZZJONI ĠENERALI

Ippjanar u Programmar Strateġiku

Il-pakkett annwali tat-tkabbir (Dokument Strateġiku, Rapporti ta’ Progress, il-Ftehimiet ta’ Adeżjoni jew ta’ Sħubija Ewropea u ta’ Stabbiltà u Assoċjazzjoni) jiġi ppreżentat kull ħarifa mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament, u jistabbilixxi l-qafas strateġiku ġenerali għall-proċess ta’ qabel l-adeżjoni li fih irid jopera l-IPA. Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali Indikattiv (MIFF) ukoll huwa parti minn dan il-pakkett u dan jittraduċi l-prijoritajiet definiti fi ħdan il-qafas politiku f’termini finanzjarji għall-pajjiżi u l-komponenti.

Fil-livell ta’ ppjanar strateġiku, id-Dokumenti tal-Ippjanar Multiannwali Indikattiv (MIPDs) jiġu stabbiliti għal kull pajjiż benefiċjarju (b’MIPD addizzjonali li jkopri l-programmi reġjonali u multinazzjonali) mill-Kummissjoni Ewropea f’konsultazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi kkonċernati, fejn ikunu koperti l-komponenti kollha tal-IPA li japplikaw għall-pajjiż. Dawn jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ tliet snin, b’reviżjonijiet annwali.

Fl-aħħar nett, fil-livell ta’ programmar, l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu programmi speċifiċi skont il-pajjiż u skont il-komponent (għall-komponent transkonfinali: programmi konġunti bejn żewġ pajjiżi benefiċjarji jew aktar u bejn dawn l-Istati Membri ġirien) – jew, fil-każ tal-komponent tal-iżvilupp reġjonali, skont it-tema. Il-programmi reġjonali u orizzontali jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali Indikattiv (MIFF)

Il-MIFF jifforma parti mill-pakkett annwali tat-tkabbir u huwa mfassal biex jipprovdi informazzjoni dwar it-tqassim indikattiv tal-envelopp ġenerali tal-IPA propost mill-Kummissjoni skont il-pajjiż u skont il-komponent għal perjodu ta’ tliet snin. Dan jaġixxi bħala rabta bejn il-qafas politiku fil-pakkett tat-tkabbir u l-proċess baġitarju. Il-MIFF jiġi stabbilit u ppreżentat kull sena lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament IPA (KE) Nru 1085/2006.

Il-MIFF jiġi bbażat fuq ċiklu ta’ programmar ta’ tliet snin. F’ċirkostanzi normali, MIFF għas-snin N, N+1 u N+2 jiġi ppreżentat fl-aħħar kwart tas-sena N-2 bħala parti mill-pakkett tat-tkabbir, li jirrappreżenta t-traduzzjoni finanzjarja proposta tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti fil-pakkett stess, filwaqt li jkun ikkunsidrat il-Qafas Finanzjarju. Minħabba dewmien fil-ftehim dwar Qafas Finanzjarju ġdid għall-2007-2013, kif ukoll minħabba dawk biex ikun adottat ir-Regolament IPA, ma kienx possibbli li l-MIFF għall-2007-2009 jiġi ppreżentat f’dan il-qafas ta’ żmien. Il-MIFF li jkopri s-snin 2008-2010, li kien adottat f’Novembru 2007 kien, għalhekk, l-ewwel MIFF taħt l-IPA u dan aġġorna wkoll il-figuri tal-2007, mogħtija lill-Kunsill u lill-Parlament, fl-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2007.

It-tabella li ġejja turi l-allokazzjonijiet tal-IPA għall-2007 f’miljuni ta’ euro skont il-pajjiż u skont il-komponent, kif ukoll għall-programmi reġjonali u multiannwali kif aġġornati fil-MIFF għall-2008-2010 (COM(2007)689 adottata fis-6 ta’ Novembru 2007).

Komponent tal-IPA | L-Albanija | IL-Bożnja u Ħerzegovina | Il-Kroazja | L-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja | Il-Kosovo | Il-Montenegro | Is-Serbja | It-Turkija | Programmi reġjonali u orizzontali |

Komponent I | 54.3 | 58.1 | 49.6 | 41.6 | 68.3 | 27.5 | 181.5 | 256.7 | 109.0 |

Id-Dokumenti tal-Ippjanar Multiannwali Indikattiv (MIPDs)

Ibbażati fuq l-allokazzjonijiet tal-MIFF, u fuq il-prijoritajiet identifikati fi ħdan il-qafas politiku, il-MIPDs jiġu ppreparati għal kull pajjiż u għall-programmi multibenefiċjarji. Il-MIPD jirrappreżenta l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar oqsma ewlenin ta’ intervent kif ukoll il-prijoritajiet ewlenin li l-pajjiż benefiċjarju huwa mistenni li jiżviluppa fid-dettall fid-dokumenti ta’ programmar.

Il-preparazzjoni għall-ewwel MIPDs ibbażati fuq il-pajjiż kif ukoll għall-MIPD multibenefiċjarju għas-snin 2007-2009 saret matul l-2006 u fil-bidu tal-2007 taħt ir-responsabbiltà tat-taqsimiet operattivi tad-DĠ għat-Tkabbir, flimkien mad-DĠs responsabbli għall-komponenti rilevanti. L-awtoritajiet nazzjonali kienu kkonsultati dwar l-abbozz tal-MIPDs u kienu involuti mill-qrib fil-preparazzjoni ta’ dan sabiex tkun żgurata l-appartenenza tal-proċess. Rigward l-MIPDs għall-pajjiżi kandidati, id-DĠs għall-Politika Reġjonali, għall-Impjiegi, għall-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kienu responsabbli għall-abbozzar tat-taqsimiet relatati mal-komponenti III, IV u V rispettivament. Barra minn hekk, l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) kif ukoll partijiet interessati rilevanti oħra (is-soċjetà ċivili) ukoll ġew ikkonsultati matul il-preparazzjoni tal-MIPDs.

Fl-ewwel nofs tal-2007, l-MIPDs kollha għall-2007-2009 ġew sottomessi lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-IPA għall-adozzjoni.

L-Oqfsa Strateġiċi tal-Koerenza u l-ipprogrammar multiannwali (Komponenti III u IV)

Fil-każ tal-komponenti III u IV, jintuża metodu simili bħal dak tal-Fondi Strutturali. L-ippjanar strateġiku jsir f’qafas ta’ 7 snin (2007-2013), fil-forma ta’ Oqfsa Strateġiċi tal-Koerenza (ekwivalenti għall-Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza għall-Fondi Strutturali), imħejjija mill-Pajjiżi Kandidati. Dawn id-dokumenti jistabbilixxu strateġija ta’ seba’ snin, li jikkostitwixxu dokument ta’ referenza għall-ipprogrammar tal-komponenti III u IV tal-IPA. L-Oqfsa Strateġiċi ta’ Referenza jiġu diskussi mal-Kummissjoni, iżda jibqgħu dokumenti nazzjonali. L-Oqfsa Strateġiċi tal-Koerenza għall-komponenti III u IV tħejjew minn kull Pajjiż Kandidat u sar qbil fuqhom mal-Kummissjoni matul l-ewwel semestru tal-2007. L-ipprogrammar tal-komponenti III u IV, imbagħad, sar permezz ta’ programmi multiannwali, li fil-bidu jiġu ppreparati għal tliet snin, iżda jistgħu jiġu estiżi biex ikopru aktar snin.

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, is-sħubija u l-koordinazzjoni huma prinċipji fundamentali li jiggwidaw il-preparazzjoni u l-approvazzjoni tal-oqfsa strateġiċi tal-koerenza u l-programmi operattivi multiannwali taħt il-komponenti III u IV. Il-prattiki tajba mitgħallma minn dawn u minn oqsma oħra se jkunu ta’ importanza kbira għall-preparazzjoni u n-negozjar ta’ dokumenti strateġiċi simili u ta’ programmi multiannwali għall-fondi strutturali mal-adeżjoni.

Il-Programmi tal-IPA

Il-programmi annwali u multiannwali huma mfassla skont l-MIPDs rilevanti. Il-komponent I jiġi implimentat permezz ta’ programmi annwali filwaqt li l-komponenti l-oħra jiġu implimentati permezz ta’ programmi multiannwali. Il-programmi jiġu adottati mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-pajjiżi benefiċjarji u partijiet interessati oħra u wara l-opinjoni pożittiva tal-kumitati tal-Istati Membri rilevanti: il-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-IPA għall-komponenti I u II, il-COCOF għall-komponenti III u IV, il-kumitat tal-FSE għall-komponent IV u l-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali għall-komponent V.

Il-Komponent I

L-għajnuna tal-komponent I tiġi pprogrammata mill-Kummissjoni fil-forma ta’ programmi nazzjonali annwali jew programmi reġjonali jew orizzontali, li jitmexxew jew mill-Kummissjoni, mill-pajjiż benefiċjarju jew flimkien ma’ donaturi oħrajn, kif jixraq. Il-programmi nazzjonali jikkonsistu fi proposti finanzjarji mħejjija mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ dokumenti tal-proġett sottomessi mill-pajjiż benefiċjarju, jew mill-Kummissjoni fil-każ ta’ programmi reġjonali u orizzontali.

L-implimentazzjoni ta’ proġetti fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, l-edukazzjoni u d-dwana kienet iffinanzjata permezz tal-allokazzjonijiet nazzjonali adottati fil-MIFF, iżda qed ikunu implimentati b’mod ċentrali fuq bażi orizzontali; il-finanzjament għal dawn il-proġetti, għalhekk, mhuwiex inkluż fil-programmi nazzjonali taħt il-komponent I. It-tabella turi l-kontribuzzjonijiet għal dawn il-proġetti skont il-pajjiż. Aktar dettalji huma disponibbli fit-taqsima tal-pajjiż tal-anness tekniku.

L-Albanija | Il-Boznja u Ħerzegovina | Il-Kroazja | L-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja | Il-Kosovo | IIl-Montenegro | Is-Serbja | It-Turkija | Reġjonali |

Programm Nazzjonali | 49.3 | 49.7 | 45.4 | 34.9 | 62.0 | 23.9 | 164.8 | 256.2 |

Allokazzjonijiet għas-Sigurtà Nukleari, Dwana u Edukazzjoni implimentati orizzontalment | 5.0 | 8.4 | 4.2 | 6.7 | 6.3 | 3.6 | 16.7 | 0.5 |

Total Komponent I – TAIB | 54.3 | 58.1 | 49.6 | 41.6 | 68.3 | 27.5 | 181.5 | 256.7 | 109.0 |

Il-programm nazzjonali tal-IPA 2007 għall- Albanija kien adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Settembru 2007. Il-programm jgħin lill-Albanija biex tikkonforma mal-kriterji politiċi permezz ta’ sostenn għall-missjoni tal-pulizija PAMECA III u għajnuna biex jitħejja l-akkreditar għall-amministrazzjoni deċentralizzata tal-fondi tal-UE. Fil-qasam ekonomiku, il-programm jappoġġja s-settur tal-SMEs permezz ta’ programm konġunt mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD). L-IPA 2007 jgħin ukoll lill-pajjiż biex jallinja ruħu mal- acquis permezz ta’ proġetti dwar l-allinjament tal-istatistiki, il-ġestjoni tal-ilma u sostenn għad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal-Albanija.

Il-programm nazzjonali tal-IPA 2007 għall- Bożnja u Ħerzegovina kien adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2007. Il-programm jgħin lill-Bożnja u Ħerzegovina biex tkun konformi mar-rekwiżiti politiċi tal-kriterji ta’ Kopenħagen billi appoġġja l-inklużjoni soċjali u r-ritorn tagħha, l-istat tad-dritt, u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u kostituzzjonali. Taħt kriterji ekonomiċi, il-programm joffri għajnuna għax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku kif ukoll għas-saħħa u l-edukazzjoni. L-IPA jgħin lill-pajjiż biex jallinja ruħu mal- acquis billi jappoġġja l-istabbiliment ta’ sistemi regolatorji fil-qasam finanzjarju, f’dak tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, infrastruttura ta’ kwalità aħjar, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni kif ukoll sistemi ta’ statistika u informazzjoni. L-IPA jgħin ukoll lill-pajjiż billi jappoġġja l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, kif ukoll l-oqsma tal-ambjent u t-trasport.

Il-programm nazzjonali tal-IPA 2007 għall- Kroazja kien adottatat fl-20 ta’ Diċembru 2007. Taħt kriterji politiċi, il-programm jindirizza l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jgħin fil-progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjonijiet tal-minoritajiet. Taħt kriterji ekonomiċi, il-programm jikkontribwixxi għat-titjib fl-ambjent tan-negozju. Il-proġetti tal-IPA għall-2007 fil-qasam tal-kapaċità li tassumi l-obbligi tas-sħubija jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal- acquis fil-kapitoli li ġejjin: il-politika dwar il-kompetizzjoni, is-soċjetà ta’ informazzjoni u l-medja, l-agrikoltura, l-enerġija, il-politika soċjali u l-impjiegi, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali.

Minħabba l-ħtieġa urġenti biex jissokta l-appoġġ għar-riforma tal-pulizija li kienet bdiet taħt il-programm CARDS, ġie deċiż li l-programm nazzjonali tal-IPA 2007 għall- eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti (għal EUR 12-il miljun) inkludiet proġetti marbuta mar-riforma tal-pulizija kif ukoll faċilità tat-tħejjija tal-proġett. It-tieni parti (EUR 22.94 miljun) kienet adottata mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2007. Din għandha l-għan li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma ġudizzjarja kif ukoll il-bini tal-kapaċità għall-amministrazzjoni deċentralizzata tal-fondi tal-UE. Skont rekwiżiti soċjoekonomiċi, il-programm jgħin lill-muniċipalitajiet biex jibnu l-infrastruttura essenzjali biex ikun appoġġjat kemm l-iżvilupp soċjali kif ukoll dak ekonomiku. Rigward attivitajiet relatati mal- acquis , għandu jingħata sostenn sostanzjali għall-amministrazzjoni fiskali, għall-uffiċċju tal-istatistika u d-dwana. Barra minn hekk, il-programm jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiż f’ċerti programmi Komunitarji.

Il-programm nazzjonali tal-2007 għall- Montenegro kien adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru 2007. Skont kriterji politiċi, il-programm jappoġġja s-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni kif ukoll ir-riforma ġudizzjarja. Skont rekwiżiti soċjoekonomiċi, il-programm jappoġġja l-istabbiliment ta’ qafas nazzjonali ta’ kwalifiki, l-iżvilupp tas-settur tat-trasport, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komuni Ewropew dwar l-Avjazzjoni u l-approssimazzjoni tas-suq tal-enerġija. Skont standards Ewropej, il-programm jinkludi proġetti dwar is-sottotaqsimiet li ġejjin: l-armonizzazzjoni legali, servizzi veterinarji, l-uffiċċju tal-istatistika MONSTAT, is-sistema tal-akkwisti pubbliċi, infrastruttura ta’ kwalità (standardizzazzjoni u metroloġija) u l-amministrazzjoni fiskali.

Il-programm nazzjonali tal-2007 għas- Serbja kien adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2007. Dan għandu l-għan li jgħin lis-Serbja biex timplimenta r-riformi meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-UE, biex isir progress fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u biex jitħejjew il-pedamenti ħalli jintlaħqu l-kriterji ta’ Kopenħagen. Skont kriterji politiċi, il-programm jagħti għajnuna b’rabta mal-proġetti li ġejjin: programm ta’ sostenn muniċipali, sostenn għar-refuġjati u persuni spustati internament, titjib fl-effiċjenza u t-trasparenza fis-sistema ġudizzjarja u fis-sistema ta’ pieni, ir-riforma tal-pulizija, sostenn għall-istabbiliment tal-Ombudsman u tal-uffiċċju tal-akkwisti pubbliċi, kif ukoll appoġġ lis-soċjetà ċivili. Il-programm annwali għall-2007 jagħmel enfażi fuq rekwiżiti soċjoekonomiċi permezz ta’ proġetti li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali reġjonali kif ukoll ir-riforma fis-settur tas-saħħa. Skont standards Ewropej, il-programm jinkludi proġetti dwar l-amministrazzjonijiet doganali u fiskali, kontrolli fuq il-fruntieri u standards tal-avjazzjoni, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komuni Ewropew dwar l-Avjazzjoni u l-bini tal-kapaċità biex ikunu implimentati politiki ta’ żvilupp rurali.

Il-programm tal-2007 għat- Turkija kien adottat fl-20 ta’ Diċembru 2007. Skont kriterji politiċi, l-għajnuna għandha tingħata biex jiġu kkonsolidati r-riformi li kienu adottati u biex titjieb l-implimentazzjoni b’mod prattiku. Dan jinkludi l-istituzzjonijiet ta’ sostenn li huma kkonċernati mar-riformi fis-servizzi ġudizzjarji, fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u f'partijiet tal-amministrazzjoni pubblika. Għandha tingħata għajnuna wkoll biex jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tat-tfal. Rigward l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal- acquis , l-għajnuna se tikkonċentra fuq oqsma ta’ attività b’volum kbir ta’ liġijiet li jridu jiġu trasposti u implimentati kif ukoll b’rekwiżiti ta’ investiment għoli. Skont l-IPA għall-2007, dawn l-oqsma huma: il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (b’mod partikolari l-ġestjoni tal-fruntieri; u l-politika dwar il-migrazzjoni u l-visa); l-ambjent u, sa ċertu punt, is-sikurezza fl-ikel kif ukoll id-dwana u t-taxxi. L-għajnuna se tingħata wkoll biex ikun żgurat l-allinjament u l-bini tal-istituzzjoni fl-oqsma tal-enerġija, il-kontroll finanzjarju, is-sajd, is-suq intern, il-politika soċjali u l-impjiegi, l-istatistika, it-trasport. Punti ta’ prijorità li jridu jiġu indirizzati taħt id-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-2007 huma l-kultura u l-arti, kif ukoll is-sajd u l-agrikoltura. Filwaqt li jkomplu jingħataw forom ta’ għajnuna li huma stabbiliti sew, qed jingħata appoġġ ukoll għall-parteċipazzjoni tat-Turkija fi programmi u f’aġenziji Komunitarji kif ukoll fil-programm ta’ boroż ta’ studju Jean Monnet.

Il-programm annwali tal-IPA għall- Kosovo taħt il-komponent I kien adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Novembru 2007. Skont rekwiżiti politiċi, il-programm jiffoka fuq li jintlaħqu l-kriterji politiċi tal-UE u fuq il-konsolidazzjoni tal-istabbiliment istituzzjonali, amministrattiv u ġudizzjarju tal-Kosovo. Dan jinkludi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi kif ukoll il-promozzjoni tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Taħt rekwiżiti soċjoekonomiċi, il-programm jiffoka fuq it-tisħiħ tal-klima tal-investiment tal-Kosovo u jappoġġja intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi jippromwovi l-iżvilupp rurali, jiżviluppa l-infrastruttura u jtejjeb il-kwalità tas-sistema edukattiva. Fl-aħħar nett, skont standards Ewropej, il-programm jindirizza l-ħtieġa li dan jibni kapaċità istituzzjonali effettiva partikolarment fl-akkwisti pubbliċi, is-sikurezza fl-ikel u s-servizzi veterinarji u standards fis-settur tal-enerġija.

Il- programm multibenefiċjarju huwa mfassal biex jikkumplimenta l-programmi nazzjonali u biex isaħħaħ l-esperjenzi multilaterali fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Dan jagħti sostenn permezz ta’ programmi reġjonali u orizzontali. Attivitajiet ta’ importanza partikolari taħt il-programm 2007 jinkludu appoġġ għal inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali, l-Iskola Reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika, amministrazzjonijiet temporanji ċivili, id-djalogu u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni u programmi għaż-żgħażagħ (Tempus, Erasmus Mundus u Youth in Action), istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, kif ukoll id-dwana u t-taxxi.

Il-Komponent II

Il-komponent tal-kooperazzjoni transkonfinali (CBC) huwa mmirat li jsaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta’ inizjattivi lokali u reġjonali, li jinkludu kemm għajnuna esterna kif ukoll għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tissokta l-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fiż-żoni konfinali, billi dawn jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni f’oqsma bħalma huma l-ambjent, il-patrimonju naturali u kulturali, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li jkunu żgurati fruntieri effiċjenti u bla periklu kif ukoll il-promozzjoni ta’ azzjonijiet konġunti fuq skala żgħira li jinvolvu atturi lokali mir-reġjuni konfinali. Il-kooperazzjoni transkonfinali tgħin fir-rikonċiljazzjoni u fir-relazzjonijiet tajbin bejn pajjiżi ġirien, filwaqt li tiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji fl-UE. Dan jgħodd b’mod partikolari għar-reġjun bi storja riċenti ta’ kunflitti.

Il-kooperazzjoni transkonfinali tal-komponent II tal-IPA tinkludi żewġ oqsma: il-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pajjiż kandidati/potenzjalment kandidati u l-kooperazzjoni transkonfinali bejn dawn u l-Istati Membri ġirien. Barra minn hekk, il-komponent II tal-IPA jista’ jappoġġja finanzjarjament ukoll il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi kandidati/potenzjalment kandidati fil-programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tal-Fondi Strutturali (iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali - ERDF, fil-kuntest tal-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea) u fil-programmi ta’ kooperazzjoni tal-Baċiri tal-Baħar tal-ENPI.

L-għajnuna għall-kooperazzjoni transkonfinali taħt il-komponent II issir fil-qafas ta’ programmi transkonfinali multiannwali li jitfasslu b’mod konġunt mill-pajjiżi parteċipanti. L-għajnuna tal-IPA tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament annwali, ħlief għall-programmi transkonfinali mal-Istati Membri, implimentati skont il-metodu integrat, fejn il-kontribuzzjoni sħiħa tal-UE għall-programm tiġi adottata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament multiannwali li jkopru tliet snin. Rigward il-parteċipazzjoni fil-programmi transnazzjonali tal-ERDF jew fil-programmi tal-Baċiri tal-Baħar tal-ENPI, l-għajnuna tal-IPA tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament annwali fuq bażi ta’ pajjiż-pajjiż. L-approprijazzjonijiet finali tal-2007 għal kull pajjiż taħt il-komponent II tal-IPA huma speċifikati fit-taqsima 2.1.1.

Il-komponent II tal-IPA jappoġġja l-parteċipazzjoni tal- Albanija f’żewġ programmi transkonfinali bilaterali mal-pajjiżi kandidati/potenzjalment kandidati ġirien: il-Montenegro u l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. Rigward il-kooperazzjoni transkonfinali mal-Istati Membri, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja programm bilaterali bejn l-Albanija u l-Greċja kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Albanija fil-programm transkonfinali multilaterali "Adrijatiku", fejn l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja jikkooperaw mal-Greċja, l-Italja u s-Slovenja fil-Baħar Adrijatiku. Barra minn hekk, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja wkoll programm unilaterali li jikkonċerna l-iżvilupp tar-reġjun Kukes fl-Albanija, li jikkonfina mal-Kosovo, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Albanija fil-programm transnazzjonali tal-ERDF "L-Ewropa tax-Xlokk".

Rigward il- Bożnja u Ħerzegovina , il-komponent II tal-IPA jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiż fi tliet programmi transkonfinali bilaterali mal-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja. Rigward il-CBC mal-Istati Membri, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-programm ta’ CBC “Adrijatiku” tal-IPA. Fl-aħħar nett, fl-2007 il-komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-programm transnazzjonali tal-ERDF "L-Ewropa tax-Xlokk".

Taħt il-komponent II tal-IPA, il- Kroazja qed tipparteċipa fi tliet programmi transkonfinali bilaterali ma’ pajjiżi ġirien li huma potenzjalment kandidati: il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja. Il-Kroazja hija involuta wkoll fi tliet programmi ta’ CBC tal-IPA ma’ Stati Membri ġirien: żewġ programmi bilaterali mas-Slovenja u l-Ungerija rispettivament, u l-parteċipazzjoni fil-programm transkonfinali multilaterali tal-IPA “Adrijatiku”. Fl-aħħar nett, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Kroazja f’żewġ programmi transnazzjonali tal-ERDF "L-Ewropa tax-Xlokk" u "Mediterran".

Bis-sostenn tal-komponent II tal-IPA, fl-2007 l- eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja se tipparteċipa fi programm bilaterali mal-Albanija u f’żewġ programmi bilaterali mal-Istati Membri ġirien, il-Bulgarija u l-Greċja. Il-komponent II tal-IPA jiffinanzja wkoll il-parteċipazzjoni tal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fil-programm transnazzjonali Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali tal-ERDF, "L-Ewropa tax-Xlokk".

Il-komponent II tal-IPA fil- Montenegro jikkonsisti f’erba’ programmi transkonfinali bilaterali mal-ġirien kandidati u potenzjalment kandidati tiegħu, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Albanija, kif ukoll fil-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm “Adrijatiku” tal-IPA mal-Istati Membri. Rigward il-parteċipazzjoni fil-programmi transnazzjonali tal-ERDF, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-programmi "L-Ewropa tax-Xlokk" u "Mediterran".

Il-programmi ta’ CBC fis- Serbja jinkludu tliet programmi bilaterali mal-Montenegro, mal-Kroazja u mal-Bożnja u Ħerzegovina, tliet programmi bilaterali mal-Istati Membri ġirien, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u l-parteċipazzjoni tas-Serbja fil-programm transkonfinali u multilaterali tal-IPA "Adrijatiku". Madankollu, il-komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tas-Serbja fil-programm transnazzjonali Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali tal-ERDF "L-Ewropa tax-Xlokk".

Fl-2007, il-komponent II tal-IPA appoġġja l-programm transkonfinali bejn it- Turkija u l-Bulgarija. Barra minn hekk, il-fondi tal-komponent II tal-IPA ingħataw lit-Turkija fl-2007 għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programm tal-Baċiri tal-Baħar, tal-ENPI.

Il-komponenti III, IV u V

L-ipprogrammar tal-komponenti III u IV isir permezz ta’ programmi multiannwali, li jiġu ppreparati inizjalment għal tliet snin, iżda li jistgħu jiġu estiżi biex ikopru aktar snin. Fuq il-bażi tal-Oqfsa Strateġiċi tal-Koerenza, il-pajjiżi kandidati benefiċjarji jabbozzaw programmi operattivi multiannwali għal kull komponent (il-komponent IV) jew għal kull tema (il-komponent III), f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, li mbagħad isir qbil fuqhom mal-Kummissjoni biex ikunu adottati formalment, wara l-konsultazzjonijiet tal-Kumitat tal-Istati Membri rilevanti: il-Kumitat tal-Koordinazzjoni għall-fondi (COCOF) għall-komponent III u l-COCOF u l-Kumitat tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-komponent IV.

Il-komponent III jkopri tliet oqsma ta’ għajnuna differenti: it-trasport u l-ambjent li jirriflettu l-interventi tal-Fond tal-Koeżjoni fl-Istati Membri, u l-kompetittività reġjonali li tkopri ċerti oqsma ta’ għajnuna, bħall-għan tal-kompetittività u l-impjiegi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Għalhekk, il-komponent III se jkun implimentat permezz ta’ programmi separati li jkopru kull waħda minn dawn it-temi (fil-każ tal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, għall-2007-2009 se jkun implimentat programm wieħed biss għall-ambjent u t-trasport). Dan implika tliet proċessi ta’ negozjar separati u l-adozzjoni ta’ programmi għal kull pajjiż, b’riperkussjonijiet simili għall-amministrazzjoni deċentralizzata kif deskritt hawn taħt.

B’mod simili għall-Fondi Strutturali, il-programmi multiannwali taħt il-komponenti III u IV joffru qafas finanzjarju stabbli fuq perjodu ta’ tliet snin. Dan huwa fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ investiment ta’ terminu medju fil-qasam tat-trasport, l-ambjent, il-kompetittività reġjonali u l-iżvilupp tar-riżorsi umani. B’mod simili għall-Fondi Strutturali, dan il-qafas finanzjarju għal perjodu twil jimxi flimkien ma’ ġestjoni finanzjarja rigoruża, biex ikun żgurat li l-assorbiment sħiħ tal-fondi li, inkella, jista’ jintilef minħabba r-regola tad-diżimpenn awtomatiku (N+3) stabbilità bir-Regolament Finanzjarju. Skont l-MIPDs, ir-riżorsi li ġejjin kienu disponibbli għall-ipprogrammar taħt il-programmi multiannwali għall-komponenti III, IV u V:

Komponent /sena | Il-Kroazja | L-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja | It-Turkija |

|2007 |2008 |2009 |Total |2007 |2008 |2009 |Total |2007 |2008 |2009 |Total | |Komponent III |45.1 |47.6 |49.7 |142.4 |7.4 |12.3 |20.8 |40.5 |167.5 |173.8 |182.7 |524.0 | |Komponent IV |11.4 |12.7 |14.2 |38.3 |3.2 |6.0 |7.1 |16.3 |50.2 |52.9 |55.6 |158.7 | |Komponent V |25.5 |25.6 |25.8 |76.9 |2.1 |6.7 |10.2 |19.0 |20.7 |53.0 |85.5 |159.2 | |Tliet programmi operattivi (PO) multiannwali (2007–2009) ġew adottati fl-2007 taħt il- komponent III għall- Kroazja , wara l-opinjoni favorevoli tal-Kumitat COCOF (Ottubru 2007). Il-programmi jkopru investimenti relatati mal- acquis fil-protezzjoni ambjentali (ilma ta’ skart, ilma tax-xorb u l-ġestjoni tal-iskart) u t-trasport sostenibbli (ferroviji u l-passaġġi tal-ilmijiet interni). Flimkien ma’ dawn l-isforzi diretti lejn infrastruttura bażika, aktar għajnuna hija mmirata biex timmodernizza u tirristruttura l-kapaċità produttiva ta’ reġjuni żvantaġġati, b’mod partikolari billi tipprovdi servizzi lill-intrapriżi, b’mod speċjali dawk żgħar u ta’ daqs medju.

Il- komponent IV tal-PO multiannwali għall-Kroazja kien adottat fis-7 ta’ Diċembru 2007. Dan jikkonsisti f’4 assi ta’ prijorità: "It-tisħiħ tal-aċċess għall-impjiegi u l-inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol", "L-infurzar tal-inklużjoni soċjali ta’ persuni żvantaġġati", "It-tisħiħ tal-kapital uman u tal-impjegabbiltà", u Għajnuna Teknika.

Il-programm multiannwali għall-Iżvilupp Rurali għall-2007–2013 tal-Kroazja ġie ppreparat, għalkemm ma kienx adottat matul l-2007 (adottat b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil- 25 ta’ Frar 2008). Dan jikkonsisti fi 3 assi ta’ prijorità: "Intejbu l-effiċjenza tas-suq u l-implimentazzjoni ta’ standards Komunitarji", "Azzjonijiet preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ miżuri agroambjentali u strateġiji ta’ żvilupp rurali lokali" u "L-Iżvilupp tal-ekonomija rurali".

Il- komponent III tal-PO għall- eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja "Żvilupp Reġjonali" għall-2007-2009 kien adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007. L-għan ġenerali tiegħu huwa li jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż bit-titjib fit-trasport u l-infrastruttura ambjentali. L-għajnuna fis-settur tat-trasport tiffoka fuq il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Ewlieni tal-Ewropa tax-Xlokk. Rigward l-għajnuna fis-settur ambjentali, investimenti mmirati b’mod ċar jiffokaw fuq it-trattament tal-ilma ħażin u fuq il-ġestjoni ta’ skart solidu fejn l-impatt għall-popolazzjoni u l-ambjent naturali huwa l-akbar.

Rigward il- komponent IV fl-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-PO "L-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani" kien adottat f’Diċembru 2007. Dan jinkludi tliet assi ta’ prijorità: "L-Impjiegi – Nattiraw u nżommu aktar persuni fl-impjieg", Edukazzjoni u Taħriġ – Ninvestu fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar", u "Inklużjoni Soċjali – Nippromwovu suq tax-xogħol inklużiv".

Il-programm multiannwali tal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 tħejja iżda ma kienx adottat matul l-2007 (adottat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)677 tal-25 ta’ Frar 2008). Dan jikkonsisti fi tliet assi ta’ prijorità: "Intejbu l-effiċjenza tas-suq u l-implimentazzjoni ta’ standards Komunitarji", "Azzjonijiet preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ miżuri agroambjentali u strateġiji ta’ żvilupp rurali lokali" u "L-Iżvilupp tal-ekonomija rurali".

Il-PO tal- komponent III għat- Turkija kienu adottati b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 (il-PO għall-Kompetittività Reġjonali u l-Ambjent) u fis-7 ta’ Diċembru 2007 (il-PO għat-Trasport). L-għan ġenerali tal-programm "Trasport" huwa li jżid il-kompetittività tat-Turkija billi jappoġġja investimenti fis-settur tal-infrastruttura tat-trasport. F’dan il-qafas, l-għan tal-intervent għat-Turkija jkopri l-infrastruttura tat-trasport, inkluż b’mod partikolari l-interkonnessjoni, l-interoperabbiltà u l-intermodalità tan-netwerks nazzjonali u man-netwerks trans-Ewropej. L-għan tal-programm "Ambjent" huwa li jżid il-kompetittività tat-Turkija billi jappoġġja investimenti fis-settur tal-infrastruttura ambjentali, partikolarment fil-provvista tal-ilma, id-drenaġġ u t-trattament tad-drenaġġ u fil-ġestjoni tal-iskart intergradat. L-għan ġenerali tal-programm "Kompetittività Reġjonali" huwa li jżid il-kompetittività tal-ifqar reġjuni tat-Turkija billi jappoġġja lill-intrapriżi. Dan l-għan jinkiseb permezz ta’ erba’ għanijiet speċifiċi: it-tisħiħ tal-infrastruttura fiżika u finanzjarja, li tiżdied il-ħażna tan-negozju, li tiżdied il-kapaċità fil-ħolqien ta’ impjiegi fis-settur tal-produzzjoni u li jissaħħaħ il-valur miżjud tal-bażi tal-produzzjoni.

Il-PO multiannwali tal- komponent IV tat-Turkija, L-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani, kien adottat b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2007. Dan jinkludi erba’ assi ta’ prijorità: "L-Impjiegi", "L-Edukazzjoni", "L-Adattabbiltà bil-Promozzjoni tat-Tagħlim ta’ Tul il-Ħajja" u "L-Inklużjoni Soċjali".

Taħt il-komponent V il-programm multiannwali għall-Iżvilupp Rurali għall-2007-2013 ġie ppreparat mit-Turkija fl-2007. Dan kien adottat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)691 fil-25 ta’ Frar 2008. Dan jikkonsisti minn tliet assi ta’ prijorità: "Intejbu l-effiċjenza tas-suq u nimplimentaw standards Komunitarji", "Azzjonijiet preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ miżuri agroambjentali u l-Metodu tal-Leader", "L-Iżvilupp tal-ekonomija rurali".

Modalitajiet u Strutturi tal-Implimentazzjoni

Il-punt ċentrali tal-IPA huwa li jittrasferixxi l-għarfien u l-esperjenza lill-pajjiżi benefiċjarji, billi jsaħħaħ l-appartenenza u r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-għajnuna min-naħa tal-pajjiżi. Min-naħa l-oħra, il-komponenti III u IV tal-IPA għandhom l-għan li jħejju lill-Pajjiżi Kandidati għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Komunità kif ukoll tal-istrumenti tagħha mal-adeżjoni. Għalhekk, dawn jikkontribwixxu biex ikunu stabbiliti strutturi u sistemi li għandhom jiżguraw il-ġestjoni xierqa u l-assorbiment tal-fondi strutturali implimentati permezz ta’ ġestjoni kondiviża, permezz ta’ proċess ta’ tagħlim bl-għemil. Il-benefiċċji ta’ dawn għandhom jitqiesu, għalhekk, f’perspettiva fit-tul, lil hinn mill-ħajja tal-programmi kurrenti tal-IPA.

Matul il-perijodu tal-istrument, għalhekk, huwa mistenni li l-amministrazzjoni deċentralizzata – jiġifieri l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji li jassumu appartenenza sħiħa fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni – issir in-norma fil-ġestjoni tal-IPA. L-ilħuq ta’ dan l-għan mill-ewwel jiddependi fuq il-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi reċipjenti individwali, u fuq il-kapaċità tagħhom biex jiżguraw li hemm fis-seħħ ġestjoni xierqa kif ukoll sistemi ta’ kontroll. Dan ifisser li kull pajjiż għandu, għalhekk, ikollu strateġiji speċifiċi, pjanijiet ta’ azzjoni u skedi fis-seħħ biex jersqu lejn aktar deċentralizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jippreparaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikollhom kapaċità adegwata għar-responsabbiltajiet miżjuda relatati ma’ dan.

Il-programmi annwali tal-2007 għall-pajjiżi potenzjalment kandidati taħt il-komponenti I u II (barra l-programmi ta’ CBC mal-Istati Membri implimentati permezz ta’ ġestjoni kondiviża) jiġu implimentati l-aktar fuq bażi ċentralizzata, b’attenzjoni ċara fuq li jiġu megħjuna dawk il-pajjiżi biex gradwalment jassumu aktar responsabbiltà u biex jimxu aktar ’il quddiem lejn amministrazzjoni deċentralizzata. Dan ifisser li l-programmi jiġu implimentati l-aktar mid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni (ġestjoni dekonċentrata ċentralizzata) jew mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-Kwartieri Ġenerali (essenzjalment programmi multibenefiċjarji u orizzontali).

Rigward il-preparazzjonijiet biex dawn jingħataw setgħat ta’ ġestjoni, il-pajjiżi potenzjalment kandidati jinstabu fi stadji differenti u uħud minnhom diġà bdew jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa tal-ġestjoni u ppreparaw it-triq tagħhom lejn amministrazzjoni deċentralizzata. F’Diċembru, l-Albanija adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-istrutturi u li tiddefinixxi l-irwoli għal amministrazzjoni deċentralizzata. Il-Montenegro stabbilixxa il-pjan ta' azzjoni għal amministrazzjoni deċentralizzata u qed jipprevedi li jkun akkreditat fi żmien tliet snin. Fis-Serbja, tfasslet strateġija għal amministrazzjoni deċentralizzata u huwa ppjanat li matul l-2008 jibdew it-tħejjijiet għal pjanijiet tal-bini tal-kapaċità għall-istituzzjonijiet tal-amministrazzjoni deċentralizzata.

Għall- pajjiżi kandidati , l-amministrazzjoni deċentralizzata, li fil-bidu se tkun b’kontroll ex-ante tal-Kummissjoni, se tkun in-norma, iżda l-għan huwa amministrazzjoni deċentralizzata mingħajr kontrolli ex-ante . Matul l-2007, il-Kroazja u t-Turkija ħadmu biex mill-akkreditazzjoni tad-DIS mogħtija taħt strumenti preċedenti ta’ qabel l-adeżjoni dawn jiksbu l-akkreditazzjoni tal-IPA u jingħataw is-setgħat ta’ amministrazzjoni deċentralizzata. Fl-2007, l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja ukoll ħadmet għall-akkreditazzjoni ta’ amministrazzjoni deċentralizzata tal-IPA.

L-akkreditazzjoni tal-IPA għal amministrazzjoni deċentralizzata trid tinkiseb seperatament għal kull komponent, jew fil-każ tal-komponent III għal kull programm. Iż-żmien biex jinkiseb dan l-għan jista’ jvarja skont il-komponent tal-IPA u l-kapaċitajiet tal-pajjiż benefiċjarju. Għall-Kroazja u t-Turkija, huwa mistenni li l-akkreditazzjoni tal-IPA għal amministrazzjoni deċentralizzata sseħħ qabel it-tmiem l-2008 (il-Kroazja) jew il-bidu tal-2009 (it-Turkija). Għall-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, dan l-għan għandu jinkiseb fl-ewwel nofs tal-2009. Madankollu, meta jitqies li l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja ma kellhiex l-akkreditazzjoni tad-DIS taħt l-istrumenti ta’ qabel l-IPA, f’fażi inizjali l-implimentazzjoni tal-komponenti I u II tista’ ssir fuq bażi ċentralizzata, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jiksbu l-akkreditazzjonijiet rilevanti tal-IPA. Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tal-komponenti III, IV u V hija soġġetta għall-akkreditazzjoni minn qabel. Ta’ min jinnota li l-għajnuna tal-komponent V tista’ tiġi implimentata biss permezz ta’ amministrazzjoni deċentralizzata mingħajr kontrolli ex-ante .

Għall-pajjiżi kandidati kollha, l-għan ta’ terminu medju huwa l-amministrazzjoni deċentralizzata sħiħa, jiġifieri b’kontrolli ex-post tal-Kummissjoni biss.

Il- programmi multibenefiċjarji jiġu ġestiti permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata u konġunta. Il-ġestjoni ċentralizzata hija essenzjalment fil-forma ta’ implimentazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-Kwartieri Ġenerali. Il-ġestjoni konġunta hija kumplimentari għall-ġestjoni ċentrali minħabba li l-Kummissjoni qed tmexxi l-fondi b’mod konġunt ma’ organizzazzjoni internazzjonali.

SORVELJANZA U RIŻULTATI

Sorveljanza

L-għan ġenerali tas-sorveljanza huwa li jissaħħu r-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-impatt u s-sostennibbiltà tal-għajnuna għall-Balkani tal-Punent u għat-Turkija. Is-sorveljanza tipprovdi lill-Kummissjoni b’valutazzjonijiet analitiċi regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi.

Fil-każ ta’ amministrazzjoni deċentralizzata , il-pajjiż benefiċjarju għandu jistabbilixxi kumitat ta’ sorveljanza tal-IPA biex jiżgura l-koerenza u l-koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-komponenti tal-IPA. Il-kumitat ta’ sorveljanza tal-IPA għandu jkun sodisfatt bl-effikaċja ġenerali, bil-kwalità u bil-koerenza tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-ħidmiet kollha biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-ftehimiet ta’ finanzjament kif ukoll fid-dokumenti ta’ ppjanar indikattiv multiannwali. Fost il-membri tiegħu, il-kumitat ta’ sorveljanza tal-IPA għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-koordinatur nazzjonali tal-IPA, l-uffiċjal nazzjonali li jawtorizza, ir-rappreżentanti tal-istrutturi operattivi tal-programmi kif ukoll il-koordinatur strateġiku għall-komponenti III u IV, u dan għandu jiltaqa’ minn tal-inqas darba fis-sena.

Il-kumitat ta’ sorveljanza tal-IPA huwa megħjun mill-kumitat ta’ sorveljanza settorjali stabbilit taħt kull komponent jew programm tal-IPA. Il-kumitati ta’ sorveljanza settorjali huma responsabbli biex jiżguraw l-effikaċja ġenerali u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programmi kkonċernati u dawn jirrapportaw lill-kumitat tal-IPA. Dawn ifornuh b’mod partikolari b’informazzjoni relatata mal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programmi, inklużi r-riżultati miksuba, l-indikaturi tal-implimentazzjoni finanzjarja u fatturi oħra, u jkunu stabbiliti bil-ħsieb li jtejbu l-implimentazzjoni tal-programmi.

Fl-2007 ma kien hemm l-ebda kumitat ta’ sorveljanza formali, peress li l-ewwel programmi tal-IPA ġew adottati fi tmiem l-2007 u l-implimentazzjoni ma kinitx għadha bdiet. Madankollu, il-Kumitati ta’ Sorveljanza Settorjali rigward kull programm taħt il-komponenti I, III, IV u V saru f’Novembru u f’Diċembru 2007 b’mod provviżorju sakemm isir l-iffirmar tal-ftehimiet qafas u tal-ftehimiet ta’ finanzjament ikkonċernati. L-istabbiliment formali tal-kumitati ta’ sorveljanza settorjali u tal-IPA fil-Kroazja, fit-Turkija u fl-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja huwa mistenni fir-rebbiegħa tal-2008.

Fil-każ tal-programmi taħt ġestjoni ċentralizzata jew konġunta , ir-regolament li jimplimenta l-IPA jistipula li l-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunke azzjoni meħtieġa biex tissorvelja l-programmi kkonċernati. Ma saret l-ebda sorveljanza ta’ proġetti tal-IPA matul l-2007, peress li l-programmi tal-IPA għall-2007 kienu ġeneralment adottati fi tmiem is-sena u l-implimentazzjoni attwali bdiet biss fl-2008.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjonijiet għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità, l-effikaċja u l-konsistenza tal-għajnuna mill-fondi Komunitarji kif ukoll l-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-programmi. L-MIPDs huma soġġetti għall-evalwazzjoni regolari ex ante , li ssir mill-Kummissjoni.

Il-programmi huma soġġetti għall-evalwazzjonijiet ex ante , kif ukoll għal dawk provviżorji u, fejn rilevanti, għall-evalwazzjonijiet ex post skont id-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti taħt kull komponent tal-IPA fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007. Matul il-perjodu tal-implimentazzjoni ta’ programm, għandha ssir minn tal-inqas evalwazzjoni provviżorja waħda, u speċifikament meta s-sorveljanza tal-programm tiżvela devjazzjoni sinifikanti mill-għanijiet stabbiliti fil-bidu. L-evalwazzjoni ex post tal-implimentazzjoni tal-għajnuna hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni. L-evalwazzjoni ex post għandha tinkludi riżultati identifikabbli speċifiċi għall-komponent tal-IPA. F’każ ta’ ġestjoni konġunta, l-evalwazzjoni ex post tista’ ssir b’mod konġunt ma’ donaturi oħra.

Matul l-2007, il-programmi operattivi multiannwali taħt il-komponenti III u IV kienu soġġetti għall-evalwazzjonijiet ex-ante li saru skont il-linji gwida u r-rekwiżiti tal-Fondi Strutturali, li jifformaw parti integrali mill-proċess biex ikunu adottati l-programmi. Bl-istess mod, il-programmi operattivi kollha li kienu adottati taħt il-komponent V kienu l-oġġett ta’ evalwazzjoni ex-ante .

Fl-2007 ma saret l-ebda evalwazzjoni provviżorja jew ex-post oħra peress li l-ewwel programmi tal-IPA kienu adottati fi tmiem l-2007 u l-implimentazzjoni attwali qed issir fl-2008.

IL-KOORDINAZZJONI TAD-DONATURI MAL-ISTATI MEMBRI U DONATURI BILATERALI

Qabel ma adottat il-programmi multiannwali taħt il-komponenti III u IV, il-Kummissjoni organizzat laqgħat f’kull pajjiż kandidat, mar-rappreżentant tal-Istati Membri u l-IFIs, biex tippreżenta l-istrateġiji u l-prijoritajiet tal-programmi u biex tiġbor l-opinjonijiet ta’ donaturi oħra. Dawn il-laqgħat kienu ta’ importanza partikolari fejn il-programmi jew l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Istati Membri u l-IFIs kienu kumplementari għal programmi jew azzjonijiet iffinanzjati mill-IPA, jew fejn il-kofinanzjament ikun meħtieġ biex ikunu implimentati ċerti proġetti.

Fit-13 ta’ Diċembru 2007, ġiet organizzata laqgħa ta’ koordinazzjoni tad-donaturi mad-donaturi tal-UE u mhux tal-UE, li fiha l-IFIs ħadu sehem bħala osservaturi. L-għan tal-laqgħa kien li tiġi skambjata informazzjoni dwar il-prijoritajiet u l-attivitajiet tad-donaturi fil-pajjiżi benefiċjarji tal-IPA u li jiġu identifikati azzjonijiet u sinerġiji kumplimentari. Kien element wieħed fil-kuntest tar-rekwiżiti tal-IPA biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ bejn id-donaturi. L-għan komuni huwa li jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza fil-prestazzjoni tal-għajnuna għall-pajjiżi kandidati u għal dawk potenzjalment kandidati, billi titjieb il-kumplimentarjetà u billi jiġi evitat xogħol doppju.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-laqgħa tal-koordinazzjoni tad-donaturi kienu dawn li ġejjin:

- koordinazzjoni msaħħa tad-donaturi hija ta’ prijorità fl-aġenda tal-komunità tad-donaturi. B’mod partikolari, il-laqgħa uriet li biex il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u d-donaturi li mhumiex tal-UE tkun waħda effettiva, irid ikun hemm proċess ta’ żewġ direzzjonijiet, fejn il-partijiet interessati jiddiskutu l-programmi u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom;

- sar progress sostanzjali b’rabta mal-koordinazzjoni tad-donaturi kemm fil-pajjiżi benefiċjarji kif ukoll f’livell Ewropew. Ir-rispons li ħareġ fil-laqgħa jenfasizza li l-proċess ta’ konsultazzjoni fil-kuntest tal-IPA – partikolarment f’livell lokali fil-pajjiżi benefiċjarji – li beda jseħħ matul l-2007, qed jaħdem ferm aħjar;

- is-sjieda tal-għajnuna mill-pajjiżi benefiċjarji hija importanti ħafna sabiex timmassimizza l-impatt tal-għajnuna. Il-koordinazzjoni tad-donaturi għandha fl-aħħar nett tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-pajjiżi benefiċjarji, għalkemm il-komunità tad-donaturi għandha tipprovdi gwida u għajnuna f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, il-kapaċitajiet tal-pajjiżi benefiċjarji biex jassumu s-sjieda jeħtieġu jissaħħu.

IL-KOORDINAZZJONI MAL-EIB U L-IFI

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) kienu strumentali biex jipprovdu aċċess għall-finanzjament tal-pajjiżi u t-territorji kandidati u potenzjalment kandidati u ħalluhom iwettqu investimenti meħtieġa. Fl-istess waqt, il-Benefiċjarji kienu obbligati jadottaw politiki fiskali u monetarji fiskali biex jinżamm it-tkabbir ekonomiku. Illum, dan iwassal għal sitwazzjoni fejn il-ħtiġijiet tal-investiment għadhom għoljin, waqt li l-kapaċitajiet tal-Benefiċjarji li jġarrab dejn estern dejjem ikbar qed jilħqu ċertu limitu. Għotjiet mhux rifondibbli kemm mill-UE kif ukoll minn donaturi oħra, inklużi l-Istati Membri flimkien mas-self tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, saru riżors importanti għall-iżvilupp tas-settur privat, għall-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, u għar-rimedjazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura mingħajr ma l-Benefiċjarji jkollhom piżijiet żejda bi djun eċċessivi.

Il-Kummissjoni hija impenjata biex tikkoordina aktar mill-qrib mal-EIB, l-EBRD, il-CEB u ma’ IFI oħra li jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Balkani tal-Punent. It-tieni laqgħa tal-Grupp Konsultattiv tal-IFI, li hija marbuta mal-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Fehim iffirmat f’nofs l-2006, kienet skedata għal Jannar 2008. Ġew stabbiliti l-laqgħat tal-Grupp Tekniku ta’ Ħidma għat-Trasport u l-Enerġija (Settembru 2007) u għall-Ambjent (Ottubru 2007). L-ewwel laqgħa għas-settur Soċjali ma kinitx possibbli fl-2007 iżda saret f’Jannar 2008. Laqgħa ta’ koordinazzjoni ta’ jumejn tal-IFI mal-parteċipanti tal-IFI ewlenin kollha, mat-timijiet u d-delegazzjonijiet ġeografiċi tad-DĠ għat-Tkabbir kif ukoll mad-DĠs tal-linja saret fl-10-11 ta’ Diċembru 2007.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, l-EIB, l-EBRD u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Kumsill tal-Ewropa huma impenjati li sal-2010 jistabbilixxu Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent ma’ IFI u donaturi oħrajn biex isaħħu aktar l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni fl-investimenti għall-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun.

Matul l-2007 saru wkoll sforzi sinifikanti biex tkun identifikata strateġija ta’ koordinazzjoni mal-IFI. B’mod partikolari, kien miftiehem li ssir attenzjoni fuq tliet oqsma ta’ prijorità: l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-effiċjenza tal-enerġija u l-infrastruttura. Ir-raġunijiet għall-kooperazzjoni mal-Istitutzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u r-raġunijiet biex, fis-snin li ġejjin, jintuża l-approċċ reġjonali huma spjegati f’aktar dettall hawn taħt għal kull settur:

- Settur I – L-iżvilupp tas-settur privat: Min-naħa tal-provvista, fl-imgħoddi l-għajnuna tal-UE biex tippromwovi l-aċċess għall-finanzjament ta’ intrapriżi mikro u żgħar ġiet indirizzata għar-reġjun permezz ta’ diversi ftehimiet individwali ma’ diversi Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Fl-2005 kienet inawgurata inizjattiva reġjonali ta’ diversi donaturi – il-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk (EFSE). Din wasslet sabiex fir-reġjun id-diversi ftehimiet ta’ mikrokreditu jiġu kkonsolidati fi strument uniku, forniet sostenibbiltà għall-finanzjament preċedenti u wasslet ukoll biex ikun hemm aktar effiċjenza fil-ġestjoni. L-iktar karatteristika importanti tal-EFSE huwa l-fatt li l-kopertura ta’ riskju tal-kontribuzzjoni tal-UE u tal-Istat Membru hija intiża biex tattira kapital privat għall-mikroself. L-EFSE s’issa rnexxielha sew.

- Settur II – L-effiċjenza tal-enerġija: Dan is-settur għandu l-għan li jippromwovi investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija li tiġġedded fis-settur tal-SMEs u f’dak pubbliku billi japprofitta minn azzjonijiet appoġġjati mill-programmi Nazzjonali, li għandhom l-għan li (i) iżidu l-għarfien pubbliku rigward l-effiċjenza tal-enerġija u l-potenzjal għall-iffrankar fl-enerġija; (ii) jimplimentaw leġiżlazzjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija fil-bini[3] kif ukoll dik dwar l-effiċjenza tal-użu finali tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija[4] (inkluż l-enerġija li tiġġedded). Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija tissodisfa r-rakkomandazzjoni tal- Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija[5] li tħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex jipprovdu finanzjament fit-tul biex jiġu ffinanzjati investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija.

- Settur III – Il-promozzjoni ta’ investimenti fl-infrastruttura: Netwerks u servizzi infrastrutturali adegwati fis-setturi tat-trasport, l-enerġija, l-ambjent u dak soċjali huma importanti ħafna biex jiżguraw żvilupp u stabbiltà soċjoekonomiċi sostenibbli fir-reġjun. Riżorsi finanzjarji insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ esperjenza min-naħa tal-Benfiċjarji fi tħejjija ta’ proġetti adattati biex ikunu kkunsidrati għall-finanzjament mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u minn donaturi oħrajn huma fost il-fatturi ewlenin li jostakolaw it-titjib fl-infrastruttura. Investiment adegwat fl-infrastruttura huwa importanti biex jiżgura li ħafna servizzi indispensabbli bħall-ilma u s-sanità, it-tisħin, il-forniment tal-enerġija, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni jkunu jeżistu biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies. Għal dan kollu, l-aċċess għall-finanzjament huwa essenzjali. Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ dan is-settur tinkludi l-istabbiliment ta’ Faċilità għal Proġetti ta’ Infrastruttura multisettorjali u multibenefiċjarja, li tappoġġja lill-istituzzjonijiet benefiċjarji f’livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali biex jippreparaw u jimplimentaw proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura ffinanzjati mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u/jew minn donaturi oħra. Din il-Faċilità tgħin biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, jintlaħqu ekonomiji ta’ skala biex ikunu mobilizzati l-ħiliet esperti tekniċi meħtieġa biex jitħejjew u jiġu appoġġjati proġetti ta’ investimenti fl-infrastruttura, tiffaċilita netwerking u skambju ta’ għarfien bejn il-benefiċjarji, u tillieva s-self tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali li jikkumplementaw l-għotjiet nazzjonali tal-IPA. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura għandha tkun ikkoordinata u żviluppata b’mod koerenti, sabiex tikkunsidra l-kuntest subreġjonali (jiġifieri, il-pajjiżi ġirien, partikolarment ir-reġjun tal-Viċinat).

[1] Il-Kandidati: il-Kroazja, l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, it-Turkija.Il-Kandidati potenzjali: l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja.

[2] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 tal-10 ta’ Ġunju 1999.

[3] Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002

[4] Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija tal-5 ta’ April 2006

[5] Nagħmlu iktar b’inqas: Green Paper dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. COM(2005) 265 finali tat-22 ta’ Ġunju 2005

Top