EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0791

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE

/* KUMM/2008/0791 finali */

52008DC0791

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE /* KUMM/2008/0791 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.11.2008

KUMM(2008) 791 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE

INTRODUZZJONI

Fl-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Blue Paper li tipproponi Politika Marittima Integrata (PMI) għall-UE[1] u Pjan ta' Azzjoni[2] dettaljat. Il-Kunsill Ewropew approva l-PMI u l-Pjan ta’ Azzjoni fl-14 ta’ Diċembru 2007.

L-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM)[3] huwa strument ewlieni għall-PMI. Jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu mit-territorju tal-baħar sabiex jibbenefikaw minn żvilupp ekonomiku u dak tal-ambjent tal-baħar. L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni hu li tiffaċilita l-iżvilupp tal-ISM lill-Istati Membri u li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tiegħu fuq livell nazzjonali u tal-UE[4]. Tistipula l-prinċipji ewlenin għall-ISM u tara, permezz ta’ dibattitu, li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ approċċ komuni fost l-Istati Membri.

MOTIVAZZJONI

Għalfejn ippjanar marittimu spazjali?

Fl-Ewropa, iż-żieda fl-attività tal-ibħra twassal għal kompetizzjoni bejn l-interessi tas-setturi, bħan-navigazzjoni u t-trasport marittimu, il-produzzjoni tal-enerġija ’l barra mill-kosta, l-iżvilupp tal-portijiet, is-sajd u l-akkwakultura, u kwistjonijiet ambjentali.

Il-bidla fil-klima, b'mod partikolari l-livelli telgħin tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, iż-żieda fit-temperaturi tal-ilma, u l-frekwenza tal-avvenimenti estremi kkawżati minħabba t-temp għandhom mnejn jikkawżaw bidla fl-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni marittimi u fl-ekosistemi tal-baħar. L-ISM jista’ jkollu rwol importanti fil-mitigazzjoni, billi jippromwovi l-użu effiċjenti tal-ISMazju marittimu u l-enerġija rinovabbli, u f’manjiera ekonomikament effiċjenti għall-impatt tal-bidla fil-klima f’żoni marittimi u l-ilmijiet ta’ mal-kosta.

L-ISM hija għodda għat-teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar. Jipprovdi qafas għal arbitraġġ bejn l-attivitajiet umani li jikkompetu u l-immaniġjar tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent tal-baħar. L-għan tiegħu hu li jsib bilanċ bejn l-interessi tas-setturi u li jikseb użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar skont l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE[5].

L-ISM għandu jkun imsejjes fuq l-ISMeċifikazzjonijiet tar-reġjuni individwali tal-baħar jew tas-subreġjuni. Huwa proċess li jikkonsisti fi ġbir ta’ dejta, konsultazzjoni mal-partijiet interessati u żvilupp parteċipattiv ta’ pjan, il-fażijiet sussegwenti tal-implimentazzjoni, infurzar, evalwazzjoni u reviżjoni.

Vantaġġi ta' approċċ Ewropew

L-implimentazzjoni tal-ISM hija fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika, imma azzjoni fuq livell ta’ UE tista' tagħti valur addizzjonali sinifikanti.

L-użu tal-ISM għandha tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija marittima tal-UE, li tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi skont l-aġenda ta’ Liżbona. L-ekonomija marittima hija importanti għall-Ewropa, minħabba li tirrappreżenta ħames miljun impjieg[6]. Huwa stmat li bejn 3 u 5% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) huwa ġġenerat minn industriji u servizzi marittimi, xi wħud b’potenzjal ta’ tkabbir qawwi[7]. Qafas stabbli għall-ippjanar li jipprovdi ċertezza legali u prevedibbiltà se jippromwovi investiment f'dawn is-setturi, li jinkludu l-iżvilupp tal-enerġija fuq il-baħar, in-navigazzjoni u t-trasport marittimu, l-iżvilupp tal-portijiet, l-isfruttar taż-żejt u l-gass u l-akkwakultura, li jħeġġu l-qawwa tal-Ewropa li tattira investiment barrani.

L-approċċi settorjali għall-użu tar-riżorsi marittimi jwasslu għat-tfassil frammentat tal-politika. Dan ipoġġi limitazzjonijiet fuq attivitajiet marittimi, billi jnaqqas il-potenzjal tagħhom li jikbru u jdgħajjef il-ħila ta' entitajiet pubbliċi biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar. Xogħol konġunt li jsir fuq l-ISM jipprovdi qafas li jikkoordina l-approċċi settorjali. Iżid l-effikaċja u l-koerenza tal-UE u l-politiki nazzjonali, inaqqas l- ispejjeż ekonomiċi minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni [8].

Attivitajiet marittimi għandhom dimensjoni transkonfinali . Deċiżjonijiet nazzjonali għandhom impatt fuq il-pajjiżi li jmissu magħhom. L-Istati Membri li għandhom approċċ komuni dwar il-ġestjoni tat-territorju tal-baħar fl-istess baċir se jsibuha iktar faċli biex jilħqu dawn l-isfidi. Ir-rwol tal-UE hu li tippromwovi fost l-Istati Membri approċċ komuni li jqis l-impatti transkonfinali.

Għas- Suq Intern , l-ISM jipprovdi sisien għal sistemi ssimplifikati ta' kif jinħarġu l-permessi u sabiex jitnaqqsu l-ISMejjeż ta’ proċeduri regolatorji u amministrattivi, u jipprovdi qafas għall-ippjanar trasparenti u ta' min joqgħod fuqu.

Il-baħar huwa ekosistema kumplessa li ma tistax tkun definita bi fruntieri amministrattivi. Għal ġestjoni bbilanċjata fit-tul, ikollhom jitqiesu l-ekosistema u l-fatturi kollha li jiddeterminawha . L-ippjanar għandu jfittex li jħares u jtejjeb l-ambjent tal-baħar. Xogħol għall-ISM fuq livell ta’ UE jipprovdi forum xieraq għall-Istati Membri sabiex jiddiskutu u jiżviluppaw approċċ ħolistiku għall-ġestjoni ta’ attivitajiet marittimi skont ir-rekwiżiti tal-ekosistema.

Kif tista’ tinkiseb din il-mira?

Din il-Komunikazzjoni tistipula l-kwistjonijiet ewlenin għal dibattitu dwar l-ISM fuq livell ta’ UE. Tipprovdi tagħrif dwar:

- approċċi li jeżistu għall-ISM fl-Istati Membri u eżempji internazzjonali oħra, jinkludu tagħlimiet minn proġetti tal-UE, b'mod partikolari l-INTERREG u l-Programmi Qafas tar-Riċerka (kapitlu 3);

- strumenti internazzjonali u tal-UE li jħallu impatt fuq l-ISM (kapitlu 4).

Imsejsa fuq dawn l-eżempji, il-Komunikazzjoni tidentifika prinċipji ewlenin għall-ISM (kapitlu 5) li jservu bħala bażi għal dibattitu wiesa’ dwar approċċ komuni għall-ISM fl-UE.

APPROċċI GħALL-IPPJANAR ĠENERALI U PROġETTI

L-ISM huwa proċess sa ċertu punt ġdid. Għadd ta’ Stati Membri dejjem jiżdied qegħdin jużawh jew qegħdin iħejju biex jużawh, u l-proġetti tal-UE bdew jiżviluppaw firxa ta' għodod u kriteri għall-ISM.

Approċċi li jeżistu għall-ippjanar spazjali marittimu

Ir-Renju Unit ħejja Abbozz dwar il-Baħar bħala qafas leġiżlattiv tal-politika li jħaddan kollox fih, li jistabbilixxi sistema ta’ ppjanar marittimu għall-ilmijiet kollha tar-Renju Unit[9]. L-Iskozja ħejjiet Abbozz dwar il-Baħar għall-ġestjoni tal-ibħra tagħha[10]. Iż-żewġ Abbozzi taw struttura amministrattiva ġdida (l-Organizzazzjoni tal-Ġestjoni tal-Baħar) sabiex jissimplifikaw il-proċeduri ta' kif jinħarġu l-permessi u l-liċenzji. Fl-Iżvezja l-adozzjoni tal-Abbozz dwar il-Baħar hu skedat għall-bidu tal-2009. Dawn l-abbozzi għandhom approċċ integrat komuni fir-rigward tal-politika marittima, inkluż l-użu tal-ISM.

Fil-Portugall, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ibħra (2006) tfittex li tintegra l-politiki tas-setturi u li tiddefinixxi l-prinċipji għall-ISM u għall-Ġestjoni Integrata taż-Żona tal-Kosta (ICZM). Twaqqaf Kumitat Interministerjali għall-Affarijiet relatati mal-Baħar fl-2007.

Il-Ġermanja estendiet il-liġi tal-ippjanar terrestri u allura anke s-setgħat federali għall-ISM u għaż-ŻEE. Din l-estensjoni tqanqlet mill-iżvilupp tas-settur tal-enerġija tar-riħ ’il barra mill-kosta. Il-pjan spazjali marittimu li ġie żviluppat dan l-aħħar ikopri t-tliet dimensjonijiet kollha tal-ISM (il-wiċċ, il-kolonna tal-ilma), u jidentifika żoni għal attivitajiet marittimi speċifiċi. Il-pjanijiet se jidħlu fis-seħħ bl-adozzjoni ta’ ordinanza legali. Bħalissa m’hemm ippjanat l-ebda proċess ta’ evalwazzjoni[11].

Il-Belġju jqassam it-territorji f’żoni fi “Pjan Regolatorju” sabiex jalloka territorju tal-baħar għal użi marittimi speċifiċi. L-elementi importanti għat-tmexxija huma r-ramel u l-estrazzjoni taż-żrar u tal-enerġija tar-riħ fuq il-baħar. It-tieni fażi ta' ppjanar se tiddetermina siti għal żoni protetti tal-baħar (netwerk NATURA 2000). Il-pjan jagħti lok sabiex jinħarġu permessi u liċenzji biss għal xi tip ta' attività li ssir fiż-żoni identifikati u huwa suġġett għall-monitoraġġ u evalwazzjoni regolari[12].

Il-Polonja tirregola l-ippjanar spazjali f’żoni tal-baħar permezz tal-Att dwar iż-Żoni tal-Baħar tar-Repubblika tal-Polonja u l-Amministrazzjoni Marittima. Għadu kif intemm proġett pilota dwar l-ISM fil-bajja ta’ Puck inkluż studju dwar l-iżvilupp spazjali tal-art li tmiss magħha fl-ambitu tal-Interreg IIIB. Il-Polonja għandha l-ħsieb li tibdel il-liġi nazzjonali tal-ippjanar sabiex tagħti status legali lill-pjanijiet spazjali marittimi u sabiex tiżviluppa dawn il-pjanijiet għall-ilmijiet Pollakki kollha[13]. Ir-riżultati tal-proġett qegħdin jintużaw sabiex jagħtu direzzjoni lill-gvern f'dan il-proċess.

Xi Stati Membri u pajjiżi Ewropej oħra żviluppaw pjanijiet dwar il-ġestjoni marittima integrata, liema pjanijiet jagħtu direzzjoni ta' kif għandhom jittieħdu deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu maż-żona konċernata tal-baħar. L-Olanda żviluppat Pjan dwar il-Ġestjoni Integrata għall-2015 tal-Baħar tat-Tramuntana. Il-motivazzjoni ewlenija hija l-ħtieġa li tkun ippjanata l-produzzjoni tal-enerġija tar-riħ ’il barra mill-kosta. Il-pjan jintroduċi qafas ta’ valutazzjoni integrata għall-attivitajiet kollha li jeħtieġu permess. Qed jitfasslu mapep ta’ opportunitajiet għal użi marittimi li huma marbuta ma’ lokazzjonijiet fissi u mistennija juru l-aqwa tkabbir[14].

In-Norveġja żviluppat Pjan dwar il-Ġestjoni Integrata għall-Baħar Barents u għat-territorju tal-baħar lil hinn mill-Gżejjer Lofoten. Jipprovdi qafas għall-użu sostenibbli tar-riżorsi u għall-attivitajiet ġodda u dawk li diġà jeżistu. Jikkunsidra li l-vulnerabilità tal-ambjent tal-baħar tvarja matul iż-żmien u jenfasizza l-importanza tal-għarfien xjentifiku. In-Norveġja għandha l-ħsieb tiżviluppa pjanijiet dwar il-ġestjoni integrata għall-Baħar Norveġiż u l-parti Norveġiża tal-Baħar tat-Tramuntana[15].

Franza introduċiet il-schéma de mise en valeur de la mer[16] għal-Lag Thau fil-Mediterran u l-Baċir Arakon fl-Atlantiku . L-iskema tiffoka fuq l-iżvilupp taż-żona ta’ mal-kosta li tinkludi miżuri bħat-tqassim taż-żoni, u tidentifika żoni għal użi marittimi partikolari. Franza bħalissa qiegħda tiżviluppa liġi qafas għall-ambjent li se jinkludi dISMożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni ta' attivitajiet marittimi.

Bosta Stati Membri u reġjuni bdew jimplimentaw strateġiji ICZM li jistgħu jkunu relevanti għall-ISM. Fost dawn hemm ir-reġjun ta’ Emilia-Romagna fl-Italja, li qiegħed jiżviluppa strateġija ta’ implimentazzjoni għall-prinċipji ICZM fl-ambitu tal-proġett INTERREG-IIIB[17]. Is-Slovenja qiegħda tipparteċipa wkoll f’dan il-proġett u qiegħda turi interess sabiex tikkoopera mal-Italja u l-Kroazja dwar l-ISM.

Fl-2007 Spanja adottat Strateġija dwar is-Sostenibbiltà tal-Kosta. Ir-reġjuni Spanjoli tal-Asturias, Cantabria u Andalucia żviluppaw pjanijiet integrati sabiex jimmaniġġjaw iż-żoni ta’ madwar il-kosta tagħhom. Spanja nediet ukoll studju dwar it-tqassim tal-ibħra territorjali tagħha f'żoni għall-użu tal-enerġija tar-riħ fuq il-baħar[18].

Il-Kanada adottat approċċ imsejjes fuq l-għanijiet għall-ġestjoni tal-attivitajiet marittimi, li jservi ta' gwida biex jissolvew kunflitti transkonfinali. L-Awstralja hija ’l quddiem fit-tqassim tridimensjonali ta’ żoni marittimi u tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati f’dan il-proċess.

Proġetti ffinanzjati b’mezzi Ewropej

Permezz tal-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Fond tal-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF) jista' jappoġġja proġetti ta' żvilupp spazjali li ħafna minnhom huma relevanti għall-ISM[19]. Huma jkopru t-tfassil tal-mapep, il-kriterji komuni għall-ISM, approċċi transnazzjonali dwar il-ġestjoni tal-użu tal-baħar.

Il-Programmi ta’ Riċerka tal-UE ilhom mis-snin tmenin jappoġġjaw riċerka multidixxiplinarja f’dak li għandu x’jaqsam max-xjenzi tal-kosta u tal-baħar. Riċerka dwar l-erożjoni u l-għargħar mal-kosta, il-bidu ta' ekosistema tal-baħar u tal-ICZM hija relevanti b’mod partikolari. Il-MESMA qed tiffoka sabiex timmonitorja u tevalwa żoni li huma mmaniġġjati fuq livell ta’ spazju, u se tiżviluppa metodi innovattivi u strateġiji integrati tal-ippjanar. L-iskop tal-HERMES hu li tikseb stampa minn ġewwa tal-ekosistemi skont il-marġini tal-partijiet fondi tal-oċean[20].

Fil-programm TEN-T, il-proġetti ta' prijorità u l-istudji preparatorji għall-“Awtostradi tal-Ibħra” jistgħu jkunu appoġġjati permezz ta’ MARCO POLO II, fondi reġjonali u għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Bħalissa, proġetti għall-“Awtostradi tal-Ibħra” jkopru l-Baħar Baltiku, l-Ewropa tal-Lvant, il-Punent u x-Xlokk tal- Mediterran, u l-Baħar l-Iswed. Programmi ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali għall-Inizjattiva Ewropea tal-Viċinat u tas-Sħubija (ENPI) għall-perjodu ta’ bejn l-2007-2013 se jkunu jistgħu jappoġġjaw proġetti f’reġjuni eliġibbli fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed[21].

STRUMENTI INTERNAZZJONALI U TAL-UE LI JħALLU IMPATT FUQ L-IPPJANAR SPAZJALI MARITTIMU

Strumenti Internazzjonali

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS)[22] issib bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi ta’, pereżempju, l-istati tal-bandiera, l-istati ta’ mal-kosta u l-istati tal-port. Il-qsim tal-ibħra u l-oċeani f’żoni marittimi hu relevanti b’mod partikolari minħabba li xi stati tal-kosta għandhom jitolbu xi wħud minn dawn iż-żoni sabiex ikollhom effett ġuridiku.

Il-prinċipju garantit tal-libertà tan-navigazzjoni fl-ambitu tal-UNCLOS huwa ta’ importanza wkoll, minħabba li hu kkundizzjonat minn konformità mar-regoli u l-istandards dwar is-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar.

L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi regoli u standards li huma rikonoxxuti fuq livell internazzjonali dwar in-navigazzjoni u t-trasport marittimu bħal skemi ta’ separazzjoni tat-traffiku. Il-Protokoll tal-Konvenzjoni ta' Londra (2006) jintroduċi l-prinċipju ta' prekawzjoni li jikkostitwixxi bidla kbira fl-approċċ lejn ir-regolament dwar ir-rimi ta’ skart fil-baħar[23].

Strumenti tal-UE

Leġiżlazzjoni ambjentali

Id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Ibħra (MFSD)[24] hija pilastru fil-qasam ambjentali tal-PMI[25]. Titlob lill-Istati Membri jiksbu status tajjeb tal-ambjent tal-baħar sal-2020, japplikaw approċċ ekosistemiku, u jiżguraw li l-pressjoni mill-attivitajiet tal-bniedem hija kompatibbli mal-istatus tajjeb tal-ambjent. L-Istati Membri huma mitluba jikkooperaw fejn ikunu qegħdin jaqsmu reġjun jew subreġjun tal-baħar u jużaw strutturi reġjonali li diġà jeżistu għal skopijiet ta' koordinazzjoni, inklużi mal-pajjiżi terzi.

L-MFSD ma tirregolax attivitajiet marittimi direttament, imma l-impatt tagħhom għandu jitqies sabiex jiġi determinat status tajjeb tal-ambjent. L-Anness VI jelenka eżempji ta’ miżuri possibbli, inkluż kontrolli ta’ tqassim skont l-ISMazju u l-ħin u għodod għal ġestjoni kkoordinata. Xi Stati Membri ddikjaraw li se jużaw l-ISM sabiex jimplimentaw l-MFSD (e.ż. ir-Renju Unit).

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)[26], b’dISMożizzjonijiet li japplikaw għall-ilmijiet ta’ mal-kosta u dawk tranżizzjonali, titlob lill-Istati Membri jippubblikaw Pjanijiet ta’ Ġestjoni għall-Baċir tax-Xmara (RBMP) sa Diċembru 2009. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri stabbilixxew korpi tal-ilma li għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw li jkunu konformi mal-WFD f'dak li għandu x’jaqsam mad-distretti transkonfinali tal-fruntieri tal-baċiri tax-xmajjar.

Id-Direttiva dwar il-Ħabitati u d-Direttiva dwar l-Għasafar (NATURA 2000)[27] jitolbu lill-Istati Membri jidentifikaw u jħarsu żoni għall-konservazzjoni tal-ISMeċijiet jew tal-ħabitati li jilqgħu ġewwa pajjiżhom. Bħalissa qiegħda ssir l-għażla taż-żoni ta’ mal-kosta u tat-territorji tal-baħar u hemm il-ħtieġa ta’ miżuri xierqa dwar il-ġestjoni. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats teħtieġ valutazzjoni ta’ pjanijiet jew proġetti li jistgħu jħallu impatt sinifikanti fuq sit tan-NATURA 2000.

Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika tal-Ambjent (SEA)[28] teħtieġ valutazzjoni ambjentali ta' ċerti pjanijiet u programmi, dISMożizzjonijiet dwar il-konsultazzjoni (inklużi dawk transkonfinali), valutazzjoni ta' alternattivi, u miżuri li jimpedixxu u/jew itaffu l-effetti kontrihom. Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali tistabbilixxi rekwiżiti simili għall-proġetti[29].

Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)

Il-PKS hija kompetenza esklussiva tal-UE. Eżempju tajjeb tal-ġestjoni integrata tat-territorju tal-baħar fil-politiki tas-setturi hija d-deċiżjoni (imsejsa fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Bażiku tal-PKS)[30], adottata mill-Kummissjoni fuq it-talba tal-gvern Olandiż sabiex tħares ħabitat fuq il-Kosta Olandiża tal-Baħar tat-Tramuntana (iż-żona Voordelta)[31]. Minħabba l-interazzjoni tas-sajd mal-ekosistema u l-mobilità tal-istokkijiet tal-ħut, il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd fl-ibħra tal-UE għandha tibbenefika mill-ISM koerenti.

Il-Kummissjoni ħabbret Komunikazzjoni dwar strateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akwakultura Ewropea. L-isfidi ewlenin għall-iżvilupp tal-akkwakultura huma iktar kompetizzjoni għat-territorju tal-baħar u ta’ mal-kosta, u l-kwalità tal-ilma. L-ISM tista’ tagħti pariri u dejta ta' min wieħed joqgħod fuqha għal-lokazzjoni tal-attivitajiet.

Strumenti oħrajn

Ir-Rakkomandazzjoni ICZM[32] tal-UE tistipula prinċipji komuni (inkluż il-koerenza tal-ippjanar spazjali fil-fruntiera ta’ bejn l-art u l-baħar) u ddur fuq l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji ICZM. Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkooperaw mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom.

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-enerġija tar-riħ ’il barra mill-kosta[33]. L-ISM jista’ jgħin l-iżvilupp tas-sorsi rinovabbli tal-enerġija fuq il-baħar billi tipprovdi qafas regolatorju stabbli.

Konvenzjonijiet Reġjonali

Ix-xogħol li jsir fl-ambitu tal-konvenzjoni OSPAR tal-1992 huwa msejjes fuq l-approċċ ekosistematiku u hu organizzat madwar sitt strateġiji. Wara l-Ħames Konferenza dwar il-Baħar tat-Tramuntana[34], l-OSPAR isservi ta' pjattaforma għall-iskambju ta' tagħrif dwar l-ISM u avvanzat dan il-kunċett fil-kuntest tal-Istrateġija dwar id-Diversità u l-Ekosistema Bijoloġiċi tiegħu.

Il-Kummissjoni ta’ Ħelsinki (HELCOM) ilha taħdem sabiex tħares l-ambjent tal-baħar fil-Baħar Baltiku sa mill-1974. Ta' relevanza partikolari huwa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-HELCOM għall-Baħar Baltiku li ġie adottat fl-2007 mar-Rakommandazzjoni 28E/9 dwar l-iżvilupp tal-prinċipji tal-ISM għar-reġjun tal-Baħar Baltiku.

Fl-1975, il-Mediterran sar l-ewwel reġjun li adotta Pjan ta’ Ġestjoni (Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran – MAP), fl-ambitu tal-Programm Ambjentali tan-NU. Il-MAP għandu jiġi implimentat permezz tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Il-Protokoll tal-ICZM[35] li ġie adottat dan l-aħħar mill-Konvenzjoni jeħtieġ partijiet kontraenti sabiex jistabbilixxu qafas komuni li jitratta l-ġestjoni integrata taż-żoni ta' mal-kosta tal-Meditteran.

Il-Konvenzjoni ta’ Bukarest tal-1992 tenfasizza fuq il-ħarsien tal-ambjent tal-Baħar l-Iswed. Bħalissa għaddej xogħol fuq Protokoll u Pjan ta' Azzjoni strateġiku għall-ICZM.

PRINċIPJI EWLENIN LI JOħORġU MILL-PRATTIKA TAL-IPPJANAR SPAZJALI MARITTIMU

Il-kapitoli preċedenti jagħtu lok għall-identifikazzjoni ta’ sett ta’ prinċipji komuni rilevanti għall-ISM fl-UE kif ġej:

Il-ġestjoni sostenibbli tar-reġjuni tal-baħar tiddependi mill-kundizzjoni tal-ekosistema rISMettiva. Skont il-PMI, l-approċċ ekosistemiku huwa prinċipju li jiġbor dak kollu li għandu x'jaqsam mal-ISM. Għalkemm l-attivitajiet fuq l-art jista’ jkollhom impatt dirett fuq ir-reġjuni tal-baħar, l-ISM imexxi attivitajiet marittimi u attivitajiet fl-ilmijiet ta’ mal-kosta biss. Fil-kuntest tal-kundizzjonijiet reġjonali, l-ISM ikollha tvarja l-kopertura ġeografika tagħha. L-iżvilupp tal-ISM għandu jqis, u fejn xieraq jikkontribwixxi, għall-implimentazzjoni ta’ bosta strumenti internazzjonali u tal-UE li għandhom relevanza diretta, speċjalment fil-qasam ambjentali. L-implimentazzjoni tal-MFSD se tkun relevanti b’mod partikolari f’dan il-kuntest.

L-użu tal-ISM skont iż-żona u t-tip tal-attività

Il-ġestjoni tal-ISMazji marittimi permezz tal-ISM għandha tkun imsejsa fuq it-tip ta’ attivitajiet ippjanati jew li jeżistu u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Pjan spazjali marittimu jista’ ma jkollux bżonn ikopri żona sħiħa (e.ż. ŻEE ta’ Stat Membru).

Jista’ jkun li jkun hemm bżonn ta’ pjan spazjali marittimu iktar preskrittiv għal żoni li jintużaw ħafna jew żoni partikolarment vulnerabbli, filwaqt li prinċipji ta’ ġestjoni ġenerali jistgħu jissodisfaw żoni li jintużaw inqas. Id-deċiżjoni li wieħed jieħu approċċ iktar riġidu jew iktar flessibbli għandha tkun suġġetta għal proċess ta’ evalwazzjoni.

L-ISM jopera fi tliet dimensjonijiet, jindirizza attivitajiet li jsiru (a) fil-qiegħ tal-baħar; (b) fil-kolonna tal-ilma; u (c) fil-wiċċ. Dan jagħti lok għall-użu tal-istess spazju għal skopijiet differenti. Iż-żmien għandu jiġi kkunsidrat bħala r-raba’ dimensjoni, hekk kif il-kompatibilità tal-użi mal-"ħtieġa ta' ġestjoni" ta' reġjun marittimu partikolari tista' tvarja matul iż-żmien.

L-iffissar tal-miri għat-tmexxija tal-ISM

L-ISM għandu jintuża sabiex jitmexxew l-attivitajiet li jkunu għaddejjin u sabiex jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp ta’ żona fil-baħar għall-ġejjieni. Pjan strateġiku għall-ġestjoni ġenerali ta’ żona partikolari fil-baħar għandu jinkludi miri ddettaljati. Dawn il-miri għandhom jagħtu lok għal arbitraġġ fil-każ li l-interessi tas-setturi jkunu f’kunflitt bejniethom.

L-iżvilupp tal-ISM f’manjiera trasparenti

It-trasparenza hija meħtieġa għad-dokumenti u l-proċeduri kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ISM. L-istadji differenti tiegħu għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu faċilment mill-pubbliku ġenerali. Dan għandu jagħti tagħrif sħiħ lill-partijiet kollha konċernati u b'hekk itejjeb il-prevedibbiltà u jżid l-aċċettazzjoni.

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati

Il-fatt li l-aċċettazzjoni wiesgħa, is-sjieda u l-appoġġ għall-implimentazzjoni jkunu garantiti, huwa importanti daqs il-fatt li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti, inkluż ir-reġjuni ta’ mal-kosta, fl-istadju l-iktar bikri possibbli tal-proċess tal-ippjanar. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati hija wkoll sors ta’ għarfien li tista’ tgħolli b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ISM.

Il-koordinazzjoni fl-Istati Membri – Proċessi ssimplifikati ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet

L-ISM jissimplifika l-mod ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u jgħaġġel il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji u tal-permessi, għall-benefiċċju tal-utenti marittimi u tal-investiment marittimu bl-istess mod. Pjanijiet ikkoordinati u li jolqtu diversi oqsma jeħtieġu proċess ta’ applikazzjoni wieħed jew issimplifikat u għandhom jitqiesu l-effetti kumulattivi. Il-koordinazzjoni interna tal-affarijiet marittimi fl-Istati Membri proposta fil-Linji Gwida għall-Istrateġija Integrata għall-Politika Marittima[36] għandha tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-implimentazzjoni tal-ISM. Żviluppi fl-Istati Membri (e.ż. l-Abbozz tar-Renju Unit u tal-Iskozja dwar il-Baħar) juru li l-awtoritajiet nazzjonali huma lesti jieħdu li jistgħu minn dawn il-benefiċċji permezz tat-twaqqif ta’ entità amministrattiva li tikkoordina.

L-iżgurar tal-effett legali tal-ISM nazzjonali

L-ISM ma joffrix ippjanar terrestri fil-baħar, minħabba t-tridimensjonalità tiegħu u minħabba l-fatt li l-istess żona tal-baħar tista’ tilqa’ bosta użi ladarba jkunu kompatibbli. Madankollu, bl-istess mod li l-ippjanar terrestri jistabbilixxi qafas li jorbot legalment għall-ġestjoni tal-art, l-ISM għandu jorbot legalment sabiex ikun effettiv. Dan jista’ jqajjem ukoll il-kwistjoni tal-qafas amministrattiv li jixraq lill-ISM.

Il-kooperazzjoni u konsultazzjoni transkonfinali

Kooperazzjoni fil-fruntieri hija meħtieġa sabiex tiżgura koerenza ta’ pjanijiet fl-ekosistemi. Dan se jwassal għall-iżvilupp ta' standards u proċessi komuni u jqajjem il-kwistjoni tal-kwalità ġenerali tal-ISM. Xi organizzazzjonijiet bħall-HELCOM diġà bdew dan ix-xogħol.

L-inkorporar ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fil-proċess tal-ippjanar

L-ISM jaħdem f'ambjent li hu espost għal bidla kostanti. Hu msejjes fuq dejta u tagħrif li x’aktarx ivarja maż-żmien. Il-proċess tal-ippjanar għandu jkun flessibbli biżżejjed sabiex jirreaġixxi għal dawn il-bidliet u jippermetti pjanijiet li għandhom ikunu riveduti fil-ħin opportun. Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni regolari trasparenti għandu jagħmel parti mill-ISM sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ rekwiżiti.

Il-ksib ta’ koerenza bejn l-ippjanar spazjali terrestri u marittimu - relazzjoni mal-ICZM

Il-kisba tal-konsistenza bejn l-sistemi ta’ ppjanar terrestri (inkluż iż-żoni ta’ mal-kosta) u sistemi ta’ ppjanar marittimi hija sfida. Iż-żoni ta' mal-kosta huma l-"fulkru" bejn l-iżvilupp marittimu u dak terrestri. Żoni tal-ilqugħ tal-ilma jew attivitajiet li jħallu impatt fuq l-art bħat-tkabbir agrikolu u urban huma relevanti fil-kuntest tal-ISM. Din hija r-raġuni għalfejn l-ippjanar spazjali għandu jkun ikkoordinat mal-ISM. Sabiex il-koerenza tkun żgurata s-servizzi rISMettivi għandhom jikkooperaw u jinvolvu partijiet interessati.

Il-ħażna effettiva tad-dejta u l-għarfien

L-ISM għandha tkun imsejsa fuq tagħrif u għarfien xjentifiku sod. L-ippjanar jeħtieġ jevolvi flimkien mal-għarfien (ġestjoni ta’ adattazzjoni). Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq bosta għodod xjentifiċi u li jiġbru d-dejta li se jgħinu lill-ISM f’dan il-proċess. Dawn jinkludu n-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-Ibħra (EMODNET), ħażna ta’ dejta integrata għall-istatistika soċjoekonomika marittima (li bħalissa qiegħda tiġi żviluppata mill-ESTAT), l-Atlas Ewropew tal-Ibħra (li għandu jasal fl-2009) u l-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (Kopernikus).

KONKLUżJONIJIET U PROSPETTIVI GħALL-ġEJJIENI

L-ISM huwa għodda importanti għall-iżvilupp ta’ Politika Marittima Integrata fl-Ewropa. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni hu li tfassal l-ewwel passi lejn approċċ komuni dwar l-ISM. Sabiex ikunu identifikati l-prinċipji ewlenin kemm min-naħa tal-prattika li qed titħaddem bħalissa u kemm mir-regolamenti li jeżistu, il-Komunikazzjoni tfittex li tinkoraġġixxi dibattitu li jgħin imexxi l-iżvilupp tal-ISM fl-UE.

Sabiex tgħin dan id-dibattitu, fil-bidu tal-2009, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi programm ta’ ħidma, li jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

- l-organizzazzjoni ta’ sensiela ta’ 4 laqgħat ta’ ħidma fl-2009. Dawn il-laqgħat ta’ ħidma se jġibu flimkien partijiet interessati rappreżentattivi mill-oqsma kollha li għandhom x'jaqsmu. L-għan tagħhom se jkun li jiddiskutu l-prinċipji ssuġġeriti minn din il-Komunikazzjoni,

- l-organizzazzjoni ta’ proġetti pilota bil-ħsieb li jiżviluppaw l-aspetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-ISM fl-2009.

- it-tħejjija ta’ rapport li jiġbed konklużjonijiet imsejsa fuq ir-riżultati tal-laqgħat ta’ ħidma, u li jipproponi passi u azzjonijiet oħra li jimxu fuqu.

L-approċċ tal-Politika Marittima Integrata tal-UE dwar it-tfassil tal-politika huwa wieħed innovattiv. L-ISM huwa wieħed mill-għodda li jista’ jintuża biex dan l-approċċ jitmexxa ’l quddiem.

[1] COM(2007) 575.

[2] SEC(2007) 1278.

[3] It-terminu ippjanar marittimu spazzjali se jintuża fid-dokument kollu anke jekk hemm it-tendenza li jintużaw termini differenti b’mod sinonimu, e.ż. mill-Istati Membri, fil-prattika attwali. It-terminu ppjanar marittimu spazjali joqgħod iktar minn ippjanar tat-territorju tal-baħar għax jenfasizza l-approċċ ħolistiku min-naħa għall-oħra tal-proċess.

[4] Il-Komunikazzjoni hi skont it-Taqsima 3.2 tal-Blue Paper.

[5] http://ec.europa.eu/environment/eussd/

[6] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/study_employment_en.html

[7] Dan ma jinkludix il-valur tal-materja prima bħal żejt, gass jew ħut. http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/pdf/com_2006_0275_en_part2.pdf.

[8] Hawn probabbilment wieħed jirreferi għal-linji gwida dwar l-iżvilupp tal-portijiet kif għadhom kif tħejjew minn DG ENV u DG TREN

[9] http://www.defra.gov.uk/marine/legislation/index.htm.

[10] www.scotland.gov.uk/marinebill.

[11] http://www.bsh.de/en/The_BSH/Notifications/Spatial_Planning_in_the_German_EEZ.jsp.

[12] http://www.mumm.ac.be/EN/Management/Sea-based/index.php.

[13] http://www.plancoast.eu/.

[14] http://www.noordzee.org/nz/index.jsp.

[15] http://www.regjeringen.no/en/dep/md/Selected-topics/Svalbard_og_polaromradene/Integrated-Management-of-the-Barents-Sea.html?id=87148.

[16] Skema għat-Titjib tal-Baħar (SES)

[17] http://www.plancoast.eu/.

[18] http://www.mityc.es/Electricidad/Seccion/InstalacionesEolicas/EstudioEstrategico/.

[19] Pereżempju, proġetti ffinanzjati minn programmi transnazzjonali għall-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u ż-żoni tal-Baħar Ċentrali, Adrijatiċi, Danubjani u tan-naħa tax-Xlokk (CADSES).

[20] www.eu-hermes.net

[21] http://ec.europa.eu/world/enp/funding_en.htm

[22] Adottat fl-1992, daħal fis-seħħ fl-1994. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħmlu parti mill-UNCLOS.

[23] http://www.imo.org/Conventions/contents.asp?topic_id=258&doc_id=681

[24] Il-Premessa 3 tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar.

[25] 2008/56/KE

[26] 2000/60 KE

[27] 79/409/KEE, ĠU L 103, 25.04.1979 (Direttia dwar l-Għasafar) u 92/43/KEE, ĠU L 206, 22.07.1992 (Direttiva dwar il-Ħabitats).

[28] 2001/42/KE, ĠU L 197

[29] 97/11/KE, ĠU L 073, 14.03.1997 (li jemenda 85/337/KEE).

[30] Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

[31] http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/management_resources/environment/natura_2000_en.htm: Il-linji gwida għall-miżuri tas-sajd tad-DĠ MARE u d-DĠ ENV għas-siti tal-baħar Natura 2000.

[32] 2002/413/KE, ĠU L 148

[33] COM(2008) 736

[34] Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-Ħarsien tal-Baħar tat-Tramuntana. Marzu 2002, Kapitlu XI. Kooperazzjoni fil-Proċess tal-Ippjanar Spazjali fil-Baħar tat-Tramuntana.

[35] Iffirmat f’Madrid nhar il-21.01.2008.

[36] COM(2008) 395 finali.

Top