This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0689
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on telemedicine for the benefit of patients, healthcare systems and society
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà
/* KUMM/2008/0689 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà /* KUMM/2008/0689 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.11.2008 KUMM(2008)689 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà INTRODUZZJONI It-telemediċina – il-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa mill-bogħod – tista' tgħin biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Iċ-ċittadini Ewropej qed jixjieħu u qed jgħixu dejjem aktar b'mard kroniku. Il-kundizzjoni ta' saħħithom ta' spiss tkun teħtieġ attenzjoni medika avvanzata. L-appoġġ mediku jaf ma jkunx disponibbli f'żoni remoti u għal ċerti kuri speċjalizzati jaf ma jkunx daqshekk faċli jew disponibbli daqskemm tkun teħtieġ il-kundizzjoni ta' saħħithom. It-telemediċina tista' ttejjeb l-aċċess għall-kura speċjalizzata f'żoni li jbatu minn nuqqas ta' esperti, jew f'żoni fejn l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa diffiċli. It-telemonitoraġġ jista' jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' pazjenti b'mard kroniku u jnaqqas it-tul taż-żmien taż-żjarat fl-isptar. Is-servizzi bħat-teleradjoloġija u t-telekonsultazzjoni jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-listi ta' stennija, u jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u jkun hemm żidiet fil-produttività. Il-benefiċċji jmorru lil hinn mit-titjib tal-kura tal-pazjenti u tal-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa. It-telemediċina tista' tagħti kontribut sinifikanti wkoll lill-ekonomija tal-UE. Dan is-settur, li fih l-industrija Ewropea – inklużi eluf ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) - tinsab f'qagħda tajba, kien qed jikber b'rata mgħaġġla matul l-għaxar snin li għaddew u mistenni li jibqa' jikber b'rata mgħaġġla. Minkejja l-potenzjal tat-telemediċina, il-benefiċċji tagħha u l-maturità teknika tal-applikazzjonijiet, l-użu tas-servizzi tat-telemediċina għadu limitat, u s-suq għadu fframmentat għall-aħħar. Għalkemm l-Istati Membri esprimew l-impenn tagħhom għal użu usa' tat-telemediċina, il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi tat-telemediċina mhuma xejn aktar ħlief proġetti ta' darba biss fuq skala żgħira li mhumiex integrati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Huwa fatt magħruf li l-integrazzjoni ta' dawn it-tipi l-ġodda ta' servizzi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa hija kompitu ta' sfida. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tappoġġa u tinkuraġġixxi lill-Istati Membri f'dan it-tentattiv, billi jiġi identifikat ix-xkiel ewlieni li qed itellef l-użu usa' tat-telemediċina u tingħata għajnuna fl-indirizzar tiegħu, u billi tiġi pprovduta evidenza biex titrawwem il-fiduċja u l-aċċettazzjoni. Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi għadd ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-komunità usa' tal-partijiet interessati. Hi tiffoka partikolarment fuq: - il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom - il-kisba taċ-ċarezza legali - is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq. Minkejja l-isforzi li lesti jagħmlu l-Kummissjoni u l-partijiet interessati l-oħra, huma l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri, li huma primarjament responsabbli għall-organizzazzjoni, l-iffinanzjar u l-għoti tal-kura tas-saħħa, li jibqgħu l-atturi prinċipali li għandhom il-ħila jagħmlu t-telemediċina realtà fil-ħajja tal-pazjenti Ewropej – b'rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-azzjonijiet proposti jibnu fuq il-kollaborazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti minn għadd ta' inizjattivi ta' politika tal-Kummissjoni[1],[2], b'mod partikolari l-Aġenda soċjali Mġedda li ġiet adottata dan l-aħħar[3]. Hija wkoll konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew[4] li tagħraf l-importanza tat-telemediċina. Hi tibni fuq il-konsultazzjoni estensiva mwettqa bejn Settembru 2007 u Ġunju 2008, li kienet tinvolvi lill-Istati Membri u l-gruppi prinċipali tal-partijiet interessati: il-professjonisti tas-saħħa, il-pazjenti u r-rappreżentanti tal-industrija. Dwar il-kwistjonijiet tal-privatezza u tas-sigurtà tad-dejta ġie kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta. Il-Kummissjoni Ewropea, wara li għarfet il-potenzjal tal-applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni (ICT) għas-Saħħa (is-Saħħa-e), u b'mod partikolari t-telemediċina, ilha għoxrin sena tiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni Ewropea ikkommettiet ruħha wkoll biex tappoġġa sistemi tas-saħħa dinamiċi u l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jkun ta' benefiċċju fl-Istrateġija tas-Saħħa[5] u fil-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa-e[6] tagħha. Dan l-impenn wassal ukoll għal azzjoni esterna permezz tal-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-użu tat-telemediċina f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. IT-TELEMEDIċINA – DEFINIZZJONI U EżEMPJI It-telemediċina hija l-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, permezz tal-użu tal-ICT, f'sitwazzjonijiet fejn il-professjonist tas-saħħa u l-pazjent (jew żewġ professjonisti tas-saħħa) ma jkunux fl-istess post Hi tinvolvi t-trażmissjoni sigura ta' dejta u informazzjoni medika, permezz ta' testi, ħsejjes, immaġni jew permezz ta' forom oħra bżonnjużi għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u s-segwitu tal-pazjenti. It-telemediċina tkopri varjetà wiesgħa ta' servizzi. Dawk li jissemmew ta' spiss f'valutazzjonijiet mill-pari huma t-teleradjoloġija, it-telepatoloġija, it-teledermatoloġija, it-telekonsultazzjoni, it-telemonitoraġġ, it-telekirurġija u t-teleoftalmoloġija. Servizzi oħrajn ta' potenzjal jinkludu ċ-ċentri għas-sejħiet/iċ-ċentri ta' informazzjoni onlajn għall-pazjenti, il-konsultazzjoni mill-bogħod/iż-żjarat-e jew il-vidjokonferenzi bejn il-professjonisti tas-saħħa. Il-portali ta' informazzjoni dwar is-saħħa, is-sistemi ta' reġistri tas-saħħa elettroniċi[7], it-trażmissjoni elettronika tar-riċetti jew tar-referenzi (ir-riċetti-e, ir-referenzi-e) mhumiex meqjusin bħala servizzi tat-telemediċina għall-iskop ta' din il-Komunikazzjoni. Fit-taqsimai jmiss, is-servizzi tat-telemonitoraġġ u tat-teleradjoloġija huma deskritti f'aktar dettall peress li flimkien ikopru l-biċċa l-kbira tal-isfidi li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina b'mod ġenerali. It-telemonitoraġġ: opportunità kbira għall-ġestjoni tal-mard kroniku It-telemonitoraġġ huwa servizz tat-telemediċina li għandu l-għan li jimmonitorja l-istat ta' saħħa tal-pazjenti mill-bogħod[8]. Id-dejta tista' tinġabar jew awtomatikament permezz ta' tagħmir personali għall-monitoraġġ tas-saħħa[9] jew permezz tal-kollaborazzjoni attiva tal-pazjent (per eż. billi jdaħħal il-piż jew il-kejl tal-livell taz-zokkor fid-demm ta' kuljum f'għodda bbażata fuq l-internet) Id-dejta, ladarba tkun ġiet ipproċessata u mqassma lill-professjonisti tas-saħħa rilevanti, tista' tintuża biex jiġu ottimizzati l-protokolli ta' monitoraġġ u ta' trattament tal-pazjent. It-telemonitoraġġ huwa partikolarment utli fil-każ ta' individwi b'mard kroniku (bħad-dijabete jew il-kollass kardijaku kroniku – ara wkoll il-kaxxa t'hawn taħt). Ħafna minn dawn il-pazjenti – li ħafna drabi jkunu anzjani - jkollhom bżonn ta' monitoraġġ regolari minħabba li l-marda tagħhom tieħu fit-tul, in-natura tal-kundizzjoni ta' saħħithom u l-mediċini li jkunu qed jieħdu. It-telemonitoraġġ jappoġġa l-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa. L-użu tiegħu jippermetti li sintomi u parametri tas-saħħa anormali jkunu nnutati aktar malajr milli matul konsultazzjoni ta' rutina jew ta' emerġenza, u b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri korrettivi qabel ma jibdew jidhru kumplikazzjonijiet iktar serji. Dan jista' jirriżulta wkoll fi żjarat anqas frekwenti fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, u b'hekk tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti. It-telemonitoraġġ intgħażel bħala eżempju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu: - Jista' jagħti kontribut fl-organizzazzjoni u fl-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa, per eżempju billi jitnaqqsu ż-żjarat fl-isptar, u b'hekk jikkontribwixxi għal aktar effiċjenza fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. - Huwa wera li jżid il-kwalità tal-kura tal-pazjenti, partikolarment ta' dawk b'mard kroniku. Fil-kuntest ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u ta' piż tal-mard kroniku li qiegħed jiżdied, il-benefiċċji li jista' jipprovdi l-użu usa' tiegħu huma kruċjali. - Hu jirrikjedi approċċ koerenti u sħubija li tinvolvi lill-pazjenti, lill-professjonisti tas-saħħa, lill-fornituri tal-kura tas-saħħa, lil dawk li jħallsu u lill-industrija, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-servizzi. L-investiment tal-industrija fl-iżvilupp tas-servizzi tat-telemonitoraġġ kien sinifikanti, u rriżulta f'applikazzjonijiet teknikament maturi. Ir-rispons tal-pazjenti huwa pożittiv ħafna u ċerti awtoritajiet tal-kura tas-saħħa diġà għarfu l-bżonn ta' dawn is-servizzi. Madankollu, ħafna mis-servizzi tat-telemonitoraġġ xorta għadhom limitati għall-istatus ta' proġetti temporanji mingħajr prospetti ċari għall-użu usa' u integrazzjoni sewwa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Hemm bżonn ta' impenn min-naħa tal-fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' azzjoni kkonċertata mill-partijiet interessati kollha sabiex jiġi żgurat użu usa' ta' dawn it-tipi ta' servizzi madwar l-UE kollha. Eżempju ta' kollass kardijoku kroniku u l-użu tat-telemonitoraġġ Aktar minn sitt miljun ruħ fl-Ewropa jsofru mill-kollass kardijoku kroniku. Il-piż fuq il-kwalità tal-ħajja u l-mortalità tal-pazjenti u fuq l-ispejjeż tas-sistemi tal-kura tas-saħħa huwa konsiderevoli[10]. Is-servizzi tat-telemonitoraġġ għall-pazjenti b'mard tal-qalb kroniku jippermettu monitoraġġ eqreb tal-marda tagħhom u jikkontribwixxu għal trattament fl-iktar stadju bikri possibbli. Id-dispnea (id-diffikultà biex wieħed jieħu n-nifs) u/jew żieda mgħaġġla fil-piż, li huma l-parametri ewlenin li għandhom jiġu mmonitorjati ta' kuljum, ta' spiss juru aggravament tal-marda. Il-modifikazzjoni bikrija tat-trattament ibbażata fuq id-dejta miġbura mill-monitoraġġ tista' ġġib il-kundizzjoni stabbli, tneħħi l-ħtieġa għall-konsultazzjonijiet u tevita jew tnaqqas iż-żjarat fl-isptar. Żewġ ktibiet ta' analiżi analizzaw sistematikament publikazzjonijiet xjentifiċi maħruġin bejn l-1966 u l-1993 [11] u bejn l-1966 u l-2006 [12] rispettivament dwar it-telemonitoraġġ tal-kollass kardijoku kroniku. Abbażi tad-dejta disponibbli, l-istudji kkonkludew li t-telemonitoraġġ jista' jkun strateġija effettiva għall-ġestjoni tal-mard, b'mod speċjali għall-pazjenti b'riskju għoli ta' kollass kardijoku Iż-żewġ artikoli nnutaw ukoll li l-bażi tal-evidenza tat-telemonitoraġġ tal-kollass kardijoku xorta għadha limitata ħafna u li l-effettività f'termini tan-nefqa ,il-ħila tas-sistema li tikber skont il-ħtiġijiet, is-sikurezza u l-aċċettabilità għall-pazjenti jeħtieġ li jkunu vvalutati aktar. It-teleradjoloġija: mod kif isir l-aħjar użu mill-ġestjoni ta' riżorsi skarsi It-teleradjoloġija hija servizz tat-telemediċina li jinvolvi t-trażmissjoni elettronika ta' immaġni radjografiċi minn post ġeografiku għall-ieħor għal skopijiet ta' interpretazzjoni u konsultazzjoni[13]. It-teleradjoloġija żviluppat flimkien mal-bidla gradwali fit-teħid tal-immaġni għal skop mediku minn teknoloġiji ibbażati fuq il-film għal dawk diġitali. Organizzazzjonijiet professjonali strutturati sew u l-istabbiliment bikri tal-istandards appoġġaw dan l-iżvilupp. It-teleradjoloġija tista' tgħin lill-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jlaħħqu ma' volumi tax-xogħol estremi, jiżguraw servizzi f'kull ħin, inaqqsu l-listi ta' stennija għal eżaminazzjonijiet speċifiċi u, fuq kollox, inaqqsu l-ispejjeż. It-teleradjoloġija ġiet magħżula bħala eżempju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħha: - Attwalment hi s-servizz tat-telemediċina li qiegħed fl-aktar stadju avvanzat ta' użu. - Is-soltu tkun servizz imwetta minn entitajiet esterni, abbażi ta' kuntratt kummerċjali. - Dan is-servizz jista' jiġi offrut kemm b'mod nazzjonali kif ukoll b'mod transkonfinali bl-involviment ta' pajjiżi oħrajn tal-UE jew ta' pajjiżi terzi. L-aktar sfida importanti għat-teleradjoloġija hi biex jiġi żgurat li tiżviluppa b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-kura tal-pazjent u li jiżgura s-sikurezza ġenerali tal-pazjent, u li bl-ebda mod ma tnaqqas il-kwalità tas-servizzi tar-radjoloġija pprovduti liċ-ċittadini. Għalhekk, hemm bżonn tittieħed azzjoni urġenti sabiex tinkiseb iċ-ċarezza legali, inkluż l-iżgurar ta' kwalità għolja tal-kura tal-pazjenti. IT-TELEMEDIċINA: NAGħMLUHA REALTÀ!: Fid-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Saħħa-e f'Mejju 2008[14], ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għarfu l-urġenza li jiżguraw użu usa' tas-servizzi tat-telemediċina u ta' għodda innovattivi tal-ICT għall-ġestjoni tal-mard kroniku. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li jiġu appoġġati l-Istati Membri biex jiksbu użu tas-servizzi tat-telemediċina fuq skala kbira u li jkun ta' benefiċċju, billi jiffukaw fuq tliet gruppi strateġiċi ta' azzjonijiet: 1. il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom 2. il-kisba taċ-ċarezza legali 3. is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq. Dawn it-tliet gruppi ta' azzjonijiet huma parzjalment marbutin ma' xulxin. Il-bini ta' aċċettazzjoni fost il-professjonisti tas-saħħa, per eżempju, huwa relatat mill-qrib mal-eżistenza ta' qafas legali koerenti għat-twettiq ta' servizzi speċifiċi tat-telemediċina, bħat-teleradjoloġija. Il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom Hemm evidenza limitata dwar l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa tas-servizzi tat-telemediċina fuq skala kbira. L-għarfien, il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa, mill-professjonisti u mill-pazjenti xorta jeħtieġu li jissaħħu. 4. L-evidenza xjentifika tal-effettività u tal-effettività f'termini tan-nefqa f'kuntest ta' skala kbira Diversi studji wrew li hemm benefiċċji fuq skala żgħira għall-pazjenti u għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Metodoloġiji aċċettati b’mod komuni biex tiġi vvalutata l-effettività, bħal dawk użati biex jiġu vvalutati l-prodotti farmaċewtiċi, għandhom jiġu żviluppati aktar. Jista' jkun diffiċli li nagħtu valur monetarju preċiż lill-fatturi li qed jikkontribwixxu għall-kisbiet fl-effettività u fl-iffrankar fl-ispejjeż, bħal: anqas avvenimenti b'effetti negattivi fuq is-saħħa; inqas riċetti; aktar sigħat imqattgħin fuq il-post tax-xogħol jew kwalità ta' ħajja aħjar tal-pazjenti. Jista' jkun hemm iffrankar fl-ispejjeż marbutin mas-saħħa f'settur ieħor u mhux f'dak li fih ikun sar l-investiment. Per eżempju, investiment li jkun sar fit-telemonitoraġġ ta' pazjenti li jsofru minn kollass kardijoku kroniku fis-settur tal-kura primarja jista' jirriżulta fl-iffrankar fl-isptarijiet permezz ta' inqas żjarat l-isptar jew permezz ta' żjarat iqsar l-isptar. Il-benefiċċju tal-azzjoni, kif ukoll il-konsegwenzi sħaħ tan-nuqqas ta' azzjoni, xi kultant jistgħu jiġu osservati biss fuq perjodi twal ta' żmien u f'kuntest wiesa'. Biex jinkisbu programmi tat-telemediċina fuq skala kbira b'mod sostnut, se jkun essenzjali li jitħallsu lura l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi. Madankollu, il-prontezza tal-awtoritajiet tas-saħħa biex iħallsu lura xi wħud minn dawn is-servizzi, b'mod partikolari t-telemonitoraġġ, se tkun tiddependi ħafna fuq ir-riżultati tal-istudji dwar l-effettività u dwar l-effettività f'termini tan-nefqa. Azzjonijiet - Sal-2011 il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' linji ta' gwida għall-valutazzjoni konsistenti tal-impatt tas-servizzi tat-telemediċina, inklużi l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa. Dan se jkun ibbażat fuq ix-xogħol tal-esperti fil-qasam, fuq studji appoġġati mill-Kummissjoni, fuq skemi pilota fuq skala kbira u fuq il-proġetti ta' riċerka rilevanti. Il-parteċipanti fl-industrija tat-telemediċina, b'mod partikolari l-SMEs, ma għandhomx il-kapaċità finanzjarja li, waħidhom, jidħlu għal provi tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira kif jagħmlu l-kumpaniji farmaċewtiċi. Jidher li hu neċessarju intervent aktar qawwi mis-settur pubbliku, li jirrispetta b'mod sħiħ il-liġi tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat u x-xiri pubbliku. Is-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat ukoll jistgħu jkunu strument għall-użu ta' proġetti tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira. Azzjonijiet - Fl-2010, il-Kummissjoni se tappoġġa proġett pilota tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira permezz tal-Programm tagħha għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Dan se jkun jinkludi netwerk ta' xerrejja u pagaturi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. - Il-kunfidenza fis-soluzzjonijiet tat-telemediċina u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-professjonisti tas-saħħa, mill-pazjenti u mill-awtoritajiet tas-saħħa Is-sistemi tal-kura tas-saħħa jiffukaw fuq l-ilħiq tal-bżonnijiet tal-pazjenti. Għalhekk, il-kisba tal-potenzjal tat-telemediċina tiddependi fuq kemm il-pazjenti jkunu konvinti mill-abbiltà tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet tal-kura ta' saħħithom. L-aċċettazzjoni tal-pazjenti tiddependi b'mod kruċjali fuq l-aċċettazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa li jkunu qed jikkurawhom, minħabba l-livell għoli ta' fiduċja li dawk tal-ewwel għandhom f'dawk tal-aħħar. Fattur importanti biex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa huwa t-tixrid imtejjeb tal-bażi ta' evidenza dwar l-effettività tas-servizzi tat-telemediċina, il-karatteristiċi tas-sikurezza u l-faċilità tal-użu tagħhom. Kemm għall-professjonisti tas-saħħa kif ukoll għall-pazjenti, il-valutazzjoni xierqa tal-bżonnijiet u t-twettiq tal-azzjonijiet ta' taħriġ se jkollhom rwol importanti biex tiġi żgurata l-preżenza tal-ħiliet neċessarji u tal-familjarità mal-għodda, kif ukoll fehim xieraq tal-kuntest tal-interazzjoni li fihom se jiġu operati. L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-forniment u l-iffinanzjar tal-kura tas-saħħa nazzjonali. It-tmexxija tal-awtoritajiet tas-saħħa tagħhom hija essenzjali sabiex jinkiseb użu usa' tat-telemediċina. Il-ġbir tal-evidenza u l-iskambju ta' prassi tajba dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina u l-iskemi tal-ħlas lura b'hekk huma ta' importanza kritika sabiex jiġu żgurati l-aċċettazjoni neċessarja u l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa. L-użu usa' tat-telemediċina, u b'mod partikolari tat-telemonitoraġġ, iwassal għal kwistjonijiet etiċi ġodda, partikolarment minħabba l-mod kif se tiġi affetwata r-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib. Il-professjonisti tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti wrew l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu fuq linji ta' gwida mifruxin mal-Ewropa kollha biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Il-Kummissjoni se tilqa' kwalunkwe inizjattiva f'dan il-qasam li tkun iggwidata mill-bżonnijiet tal-utenti u li jkollha l-għan li ttejjeb il-fiduċja u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina fost il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa fl-aqwa interessi tas-sikurezza u tal-kura. Aspetti relatati mal-privatezza u mas-sigurtà wkoll huma komponenti ewlenin fil-bini tal-fiduċja u tal-kunfidenza fis-sistemi tat-telemediċina. Ir-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, bħad-drittijiet fundamentali għal ħajja privata u għall-ħarsien tad-dejta personali, għandhom jiġu ggarantiti matul il-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta personali, partikolarment meta din tkun relatata mas-saħħa.Bħal kwalunkwe trażmissjoni oħra ta' dejta personali relatata mas-saħħa, it-telemediċina tista' tkun ta' riskju għad-dritt għall-ħarsien tad-dejta (fis-sens li l-iżvelar ta' kundizzjoni medika jew ta' dijanjożi jista' jkollu effetti negattivi fuq il-ħajja personali u professjonali tal-individwu). L-aspetti tal-privatezza tad-dejta għandhom jiġu vvalutati sistematikament kull meta jkunu pprovduti s-servizzi tat-telemediċina. Fil-każijiet kollha huwa essenzjali li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Komunità dwar il-ħarsien tad-dejta. Azzjonijiet - Il-Kummissjoni se tkompli tagħti sehemha fil-kollaborazzjoni Ewropea bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti f'oqsma ewlenin b'potenzjal għal applikazzjoni akbar tat-telemediċina, sabiex tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif tista' tittejjeb il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina, filwaqt li jitqiesu l-aspetti relatati mal-etika u mal-privatezza. - L-Istati Membri huma mħeġġa biex jivvalutaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tat-telemediċina tagħhom sal-aħħar tal-2009. Dawn il-prijoritajiet għandhom jiffurmaw parti mill-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa-e tal-2010. - Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ġbir ta' prassi tajba dwar l-użu tas-servizzi tat-telemediċina fl-Istati Membri differenti. Il-kisba taċ-ċarezza legali Għalkemm it-telemediċina tista' tkun għażla interessanti għal ħafna faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, in-nuqqas ta' ċarezza legali ssemmiet b'mod repetut waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati bħala xkiel għall-użu usa' tagħha. L-għan ewlieni għall-forniment taċ-ċarezza legali f'dan il-qasam hu sabiex jiġi żgurat li t-telemediċina tiviluppa b'mod li tkun ta' benefiċċju għall-kura tal-pazjenti filwaqt li jiġu żgurati l-privatezza u l-ogħla standards tas-sikurezza tal-pazjent. In-nuqqas ta' ċarezza legali – partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-liċenzjar, mal-akkreditazzjoni u mar-reġistrazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina u tal-professjonisti, mar-responsabbiltà, mal-ħlas lura, mal-ġurisdizzjoni - huwa sfida ewlenija għat-telemediċina u, partikolarment, għat-teleradjoloġija. Il-forniment transkonfinali tas-servizzi tat-telemediċina wkoll jeħtieġ kjarifika f'dak li għandu x'jaqsam mal-privatezza. Ftit Stati Membri biss għandhom oqfsa legali ċari li jippermettu t-telemediċina. F'xi wħud mill-Istati Membri, hija meħtieġa l-preżenza fiżika tal-pazjent u tal-professjonist tas-saħħa fl-istess post sabiex att mediku jkun legalment magħruf bħala tali; dan hu xkiel ċar għall-użu tat-telemediċina. Barra minn hekk, ta' spiss ikun hemm limitazzjonijiet fil-prassi legali jew amministrattiva dwar il-ħlas lura għas-servizzi tat-telemediċina. Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawn il-kwistjonijiet (ta' regolamentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-professjonisti u tal-ħlas lura) huma primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri, u b'hekk jeħtieġu azzjoni fil-livell tagħhom. Madankollu, minħabba l-kumplessità ta' dawn il-kwistjonijiet u l-interrelazzjoni tagħhom ma' aspetti tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati b'azzjoni fil-livell Komunitarju, bħall-iskambju ta' prassi tajba sabiex jittejbu l-oqfsa legali u amministrattivi. Azzjonijiet - Fl-2009, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju tat-tagħrif dwar l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali attwali li huma rilevanti għat-telemediċina u dwar il-proposti għal regolamenti nazzjonali ġodda. - Fl-2009, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tippubblika analiżi dwar il-qafas legali Komunitarju applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina. - Sa tmiem l-2011, l-Istati Membri għandhom ikunu vvalutaw u adattaw ir-regolamenti nazzjonali tagħhom li jippermettu aċċess usa' għas-servizzi tat-telemediċina. Kwistjonijiet bħall-akkreditazzjoni, ir-responsabbiltà, il-ħlas lura, il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta għandhom jiġu indirizzati. Il-kaxxa ta' hawn taħt tipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tal-leġiżlazzjoni eżistenti ewlenija tal-UE applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina. L-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-UE għas-servizzi tat-telemediċina It-telemediċina hi kemm servizz tas-saħħa kif ukoll servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni [15] Bħala tali, hi taqa' taħt it-Trattat tal-KE (l-Artikolu 49) u taħt il-leġiżlazzjoni sekondarja eżistenti tal-UE, partikolarment taħt id-Direttiva 2000/31/KE, minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-Direttiva dwar il-Kummerċ-e". Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li la n-natura speċjali tas-servizzi tas-saħħa u lanqas il-mod kif huma organizzati jew iffinanzjati ma jneħħihom mill-ambitu tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-moviment [16] . Dan jinkludi l-libertà ta' dawk li jirċievu s-servizzi tal-kura tas-saħħa li jfittxu u jirċievu trattament mediku fi Stat Membru ieħor, ikun liema jkun il-mod kif jingħata s-servizz, jiġifieri permezz tat-telemediċina wkoll. Id-Direttiva 98/34/KE kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tistabbilixxi proċedura li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni u lil xulxin b'kull abbozz ta' regolamenti tekniċi li jikkonċernaw prodotti u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni [17] , inkluża t-telemediċina, qabel ma jiġu adottati fil-liġi nazzjonali . Id-Direttiva dwar il-Kummerċ-e tiddefinixxi r-regoli għall-forniment ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Hi tapplika wkoll għat-telemediċina. Għal servizzi tat-telemediċina bejn in-negozji (bejn il-professjonisti), bħat-teleradjoloġija, japplika l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini: is-servizz offrut mill-professjonist għandu jkun konformi mar-regoli tal-Istat Membru fejn hu stabbilit. Fil-każ ta' attivitajiet bejn in-negozji u l-konsumaturi (li jistgħu jkunu rilevanti għas-servizzi tat-telemonitoraġġ) l-obbligi kuntrattwali huma eżentati mill-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini: jista' jkun li s-servizz ikollu jikkonforma mar-regoli tal-pajjiż ta' dak li qed jirċevih. Id-definizzjoni tal-atti mediċi hija responsabbiltà tal-Istati Membri. Bħala prinċipju ġenerali, il-klassifika tas-servizzi speċifiċi tat-telemediċina bħala atti mediċi għandha tiżgura li dawn jilħqu l-istess livell ta' rekwiżiti bħas-servizzi ekwivalenti li mhumiex tat-telemediċina (per eż.. it-teleradjoloġija vs. ir-radjoloġija). Dan il-prinċipju jiżgura li servizzi tas-saħħa rregolati kif jixraq ma jitbiddlux b'servizzi tat-telemediċina li mhumiex irregolati daqshom u jevita li jkun hemm diskriminazzjoni bejn il-fornituri tal-istess servizz li ma tkunx kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e. Id-Direttiva 95/46/KE, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-ħarsien tal-privatezza, tispeċifika għadd ta' rekwiżiti addizzjonali relatati mal-kunfidenzjalità u mas-sigurtà li t-telemediċina u kull tip ta' servizz onlajn interattiv ieħor għandhom jissodisfaw sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-individwi. Id-Direttiva 2002/58/KE, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fin netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal komunikazzjonijiet u s-sigurtà tan-netwerks tagħhom. Id-Direttiva 2005/36/KE tistabbilixxi l-kriterji għal grupp ta' professjonijiet irregolati skont liema mill-kwalifiki miksuba fi Stat Membru huma rrikonoxxuti minn Stat Membru ieħor. Ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċarju jkollu aċċess, f'dak l-Istat Membru, għall-istess professjoni li huwa kkwalifikat għaliha fl-Istat Membru tal-oriġini u li jsegwiha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu. It-telemediċina hija rrikonoxxuta wkoll fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali[18], li tindirizza l-mobbiltà transkonfinali tal-pazjenti, inkluża l-kapaċità tagħhom li jkollhom aċċess għal servizzi lil hinn mill-fruntieri. Din il-proposta hi mingħajr ħsara għad-Direttivi msemmijin hawn fuq, b'mod partikolari għad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e u għad-Direttiva 2005/36/KE. Jekk tiġi adottata, id-Direttiva tkun teħtieġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiżguraw l-interoperabbiltà tal-mezzi għall-forniment tas-servizzi tas-saħħa-e, inkluża t-telemediċina (l-Artikolu 16)[19] Is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq Għalkemm ċerti servizzi tat-telemediċina ilhom jeżistu għal żmien twil u ħafna mill-ICT ilha teżisti għal xi żmien, xorta għad hemm oqsma li fihom għandhom bżonn jiġu indirizzati kwistjonijiet tekniċi. L-aċċess għall-"broadband" u l-abbiltà tal-fornituri li jippermettu konnettività sħiħa hu prerekwiżit għall-użu tat-telemediċina. Bil-"broadband" disponibbli għal kulħadd, it-telemediċina tista' eventwalment issir prodott pubbliku, aċċessibbli għal kulħadd. Il-konnettività maż-żoni ġeografiċi kollha fl-UE, inklużi mar-reġjuni rurali u dawk ultraperiferali, hi prekundizzjoni għall-użu tat-telemediċina u għall-aċċess universali ta' kull individwu għall-kura tas-saħħa. Il-politika ta' koeżjoni tal-UE tappoġġa kemm l-aċċessibbiltà għall-"broadband" kif ukoll l-iżvilupp tal-kontenut, tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadini[20] L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tat-telemonitoraġġ huma kruċjali sabiex jippermettu użu b'firxa wiesgħa tat-teknoloġiji, li jippermettilhom jibbenefikaw mis-suq uniku[21] u jikkontribwixxu għat-tlestija tiegħu. L-użu tal-istandards eżistenti u l-adozzjoni ta' standards ġodda u ta' approċċi standardizzati biex tinkiseb l-interoperabbiltà għandu jiġi appoġġat minn organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards, bil-parteċipazzjoni attiva tal-industrija. Hemm bżonn ta' azzjoni Komunitarja kkoordinata, u fil-fatt din intalbet b'mod espliċitu fil-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali. Il-fiduċja u l-kunfidenza f'teknoloġiji ġodda u innovattivi u f'servizzi bbażati fuq l-ICT fi ħdan is-settur tas-saħħa għandhom bżonn jinbnew permezz ta' ttestjar rigoruż, ta' standards miftehma u ta' proċess ta' ċertifikazzjoni aċċettat b'mod wiesa'. Dan japplika partikolarment għat-tagħmir tat-telemonitoraġġ. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq, hemm bżonn ta' azzjoni kkonċertata fil-livell tal-UE biex jinstab qbil dwar sett ta' speċifikazzjonijiet komuni għal dawn is-sistemi u s-servizzi tat-telemediċina. Azzjoni kkonċertata bħal din tista' tgħaqqad għarfien espert u għarfien ieħor meħtieġ biex jiġi żgurat li s-servizzi tat-telemediċina li jkunu ta' kwalità tajba, bla periklu u siguri, li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti, ikunu disponibbli madwar l-UE kollha. Azzjonijiet - Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni qed tistieden lill-industriji u lill-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex joħorġu proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ, li tinkludi kemm l-istandards eżistenti kif ukoll dawk ġodda. - Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se toħroġ ktiba dwar strateġija ta' politika dwar kif jistgħu jiġu żgurati l-interoperabbiltà, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ imsejsin fuq standards eżistenti jew fuq dawk emerġenti fil-livell Ewropew. KONKLUżJONIJIET Il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li ġejjin mill-użu usa' tat-telemediċina huma potenzjalment kbar. Iżda, bħalissa, qegħdin ferm 'il bogħod milli jiġu apprezzati jew miksubin b'mod sħiħ. Issa ż-żmien għat-telemediċina biex ittejjeb il-ħajja tal-pazjenti u biex toffri għodda ġodda għall-professjonisti tas-saħħa. It-telemediċina tista' tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u biex jiġu offruti opportunitajiet kbar lill-industrija Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ kollu tagħha għall-ideat u għall-inizjattivi biex dan l-għan jinbidel f'realtà u hija lesta taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha biex jinkiseb dan il-għan. Hi tipproponi sett konkret ta' azzjonijiet għal dan il-qasam speċifiku. Kwistjonijiet oħrajn li mhumiex b'mod speċifiku fil-mira ta' din il-komunikazzjoni, bħad-disponibbiltà tal-"broadband" għal kulħadd u l-attenzjoni konsistenti għall-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-ħarsien tad-dejta personali, huma wkoll strumentali fl-użu tat-telemediċina b'mod li jkun ta' benefiċċju sħiħ. Madankollu, r-responsabbiltà biex din l-inizjattiva tkun ta' suċċess qiegħda f'idejn l-Istati Membri. Huma huma li qed jerfgħu r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni, il-forniment u l-iffinanzjar tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom. Il-potenzjal sħiħ tat-telemediċina se jitwettaq biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv biex jintegrawha fis-sistemi tas-saħħa tagħhom. ANNESS Tliet livelli ta' azzjoni għas-snin li ġejjin Azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri 5. L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tat-telemediċina tagħhom sa tmiem l-2009. Dawn il-prijoritajiet għandhom jiffurmaw parti mill-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa-e tal-2010. 6. Sa tmiem l-2011, l-Istati Membri għandhom ikunu diġà vvalutaw u adattaw ir-regolamenti nazzjonali tagħhom li jippermettu aċċess usa' għas-servizzi tat-telemediċina. Kwistjonijiet bħall-akkreditazzjoni, ir-responsabbiltà, il-ħlas lura, il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta għandhom jiġu indirizzati. Azzjonijiet tal-Istati Membri li se jkunu appoġġati fil-livell tal-UE 7. Fl-2009, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju tat-tagħrif dwar l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali attwali li huma rilevanti għat-telemediċina u dwar il-proposti għal regolamenti nazzjonali ġodda. 8. Fl-2009, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tippubblika analiżi dwar il-qafas legali Komunitarju applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina. 9. Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni qed tistieden lill-industrija u lill-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex joħorġu proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ, li tinkludi kemm l-istandards eżistenti kif ukoll dawk ġodda. 10. Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se toħroġ ktiba dwar strateġija ta' politika dwar kif jistgħu jiġu żgurati l-interoperabbiltà, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ ibbażati fuq standards eżistenti jew fuq dawk emerġenti fil-livell Ewropew. Azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni 11. Fl-2010, il-Kummissjoni se tappoġġa proġett pilota tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira permezz tal-Programm tagħha għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Dan se jkun jinkludi netwerk ta' xerrejja u pagaturi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. 12. Sal-2011 il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' linji ta' gwida għall-valutazzjoni konsistenti tal-impatt tas-servizzi tat-telemediċina, inklużi l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa. Dan se jissejjes fuq ix-xogħol tal-esperti fil-qasam, fuq studji appoġġati mill-Kummissjoni, fuq skemi pilota fuq skala kbira u fuq il-proġetti ta' riċerka rilevanti. 13. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti sehemha fil-kollaborazzjoni Ewropea bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti f'oqsma ewlenin b'potenzjal għal applikazzjoni akbar tat-telemediċina, sabiex tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif tista' tittejjeb il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina, filwaqt li jitqiesu l-aspetti relatati mal-etika u mal-privatezza. 14. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ġbir ta' prassi tajba dwar l-użu tas-servizzi tat-telemediċina fl-Istati Membri differenti. [1] COM(2005) 229 finali, 1.6.2005 [2] COM(2007) 860 finali, 21.12.2007 [3] COM(2008) 412 finali, 2.7.2008 [4] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2006/2275(INI) tat-23 ta' Mejju 2007 [5] COM(2007) 630 finali, 23.10.2007 [6] COM(2004) 356 finali, 30.4.2004 [7] Il-kwistjoni tar-reġistri tas-saħħa elettroniċi ġiet indirizzata f'Rakkomandazzjoni riċenti tal-Kummissjoni: C(2008) 3282 finali, 2.7.2008 [8] Paré G et al . . : naliżi sistematika tat-telemonitoraġġ mid-dar għall-mard kroniku: il-bażi tal-evidenza ]. J AM Med Inform Assoc. 2007;14:269-277. [9] Tagħmir elettroniku, li jista' jinġarr, jintlibes jew jiddaħħal fil-ġisem li jiġbor dejta dwar parametri tas-saħħa speċifiċi [10] McMurray et al . Il-piż tal-kollass kardijoku ]. Eur Heart J Suppl 4 (2002): D50-D58. [11] Louis AA et al . Analiżi sistematika tat-telemonitoraġġ għall-ġestjoni tal-kollass kardijoku ]. Eur J Heart Fail. 2003 Ott;5(5):583-90. [12] Chaudhry SI et al . : t-telemonitoraġġ għall-pazjenti li jbatu minn kollass kardijoku kroniku: analiżi sistematika ]. J Card Fail. 2007 Frar;13(1):56-62. [13] Is-Soċjetà Ewropea tar-Radjoloġija, Nov. 2006. [14] www.ehealth2008.si/ [15] Kif iddefinit fid-Direttiva 98/34/KE. [16] Ara b'mod partikolari Müller and Van Riet (il-każ C-385/99) [2003]; Smits and Peerbooms (il-każ C-157/99) [2001]; Watts (il-każ C-372/04) [2006]. [17] Sakemm mhumiex koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imniżżlin fid-Direttiva 98/34/KE kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE. [18] COM (2008) 414 finali, 2 7 2008 [19] Kif inhu stipulat fl-artikoli 3,5 u 11 tal-proposta [20] Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 [21] Network Ewropew dwar l-Informazzjoni tas-Saħħa (HINE) 2006 – Il-previżjonijiet Ewropej dwar is-Saħħa e (rapport)