This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0545
Commission Working Paper - EU Report on Policy Coherence for Development {SEC(2007)1202}
Dokument ta’ hidma tal-Kummissjoni - Rapport ta' l-UE dwar Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp {SEC(2007)1202}
Dokument ta’ hidma tal-Kummissjoni - Rapport ta' l-UE dwar Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp {SEC(2007)1202}
/* KUMM/2007/0545 finali */
Brussel 20.9.2007 KUMM(2007) 545 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Rapport ta' l-UE dwar Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp {SEC(2007)1202} WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Sejbiet ewlenin 3 2.1. Il-Kummerċ 5 2.2. L-Ambjent 5 2.3. Il-tibdil fil-klima 6 2.4. Is-Sigurtà 6 2.5. L-Agrikoltura 7 2.6. Is-sajd 7 2.7. Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, l-impjieg u x-xogħol deċenti 8 2.8. Il-Migrazzjoni 8 2.9. Ir-Riċerka 8 2.10. Is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni 9 2.11. It-Trasport 9 2.12. L-Enerġija 10 3. Konklużjoni 10 1. INTRODUZZJONI Mhux biss il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha impatt qawwi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kunċett ta' l-Unjoni Ewropea (UE) ta' Koerenza Politika għall-Iżvilupp (PCD) għandu l-għan li jibni s-sinerġiji bejn dawk il-politiki u l-għanijiet ta' żvilupp. Dan għandu jwassal għal żieda fl-effettività ta' l-għajnuna għall-iżvilupp. Fuq l-isfond ta' l-impenn ta' l-UE għal żieda sostanzjali ta' l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, l-importanza li jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi ma jsirux ineffiċjenti jew jiġu moħlija minħabba nuqqas ta' koerenza politika hija ikbar. L-għan ta' dan ir-rapport[1] huwa li jagħti ftit dawl fuq il-progress li sar mill-UE fil-promozzjoni ta' grad ogħla ta' koerenza bejn il-politiki prinċipali li jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll biex jidentifika l-kwistjonijiet pendenti ewlenin li jeħtieġu azzjoni ulterjuri. Il-qafas politiku li jservi bħala referenza għal dan ir-rapport tfassal fl-2005, bħala parti mill-pakkett ta' miżuri adottati biex jitħaffef il-progress lejn l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp[2]. Dawn l-impenji ġew ikkonfermati fl-ogħla livell politiku fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[3]. Dan ir-rapport jipprovdi bażi għall-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni tal-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp. Dan għandu jgħin biex iżid l-għarfien u jinforma dibattiti mal-partijiet interessati kollha fi ħdan l-UE, inkluż il-Parlamenti Nazzjonali u Ewropew, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fl-iżvilupp kif ukoll f'oqsma oħra ta' politika relevanti, bil-għan li jippromwovu iktar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp. Dan jikkonċerna l-Istati Membri u l-UE indaqs. Għalhekk, huwa mistenni li jqajjem id-dibattitu internament f'kull Stat Membru. 2. SEJBIET EWLENIN Għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmi organizzazzjonali implimentati mill-UE għat-titjib tal-grad ta' koerenza tal-politika tagħha ma' l-għanijiet ta' żvilupp, is-sitwazzjoni hija sfumata: - Għarfien ta' l-impatt estern tal-politika ta' l-UE lilhinn mill-iżvilupp żdied fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u l-importanza tal-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp jidher mifrux, kif jidher mill-bosta mekkaniżmi ta' Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp implimentati fil-livelli ta' Stati Membri, l-UE u l-Kummissjoni. Oqfsa adegwati ta' politika, proċeduri u strumenti għall-promozzjoni ta' Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp twaqqfu u issa għandhom jintużaw b'mod iktar sistematiku u, jekk hemm bżonn, jittejbu u jiġu adattati skond l-esperjenza. - Fi ħdan il-Kummissjoni hemm serje ta' mekkaniżmi relevanti b'mod partikolari il-Konsultazzjonijiet Inter-Servizzi, is-Sistema ta' Valutazzjoni ta' Impatt u l-Grupp Inter-Servizz bil-mandat speċifiku li jippromwovi l-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp. Fi ħdan il-Kunsill s'issa sar ħafna progress minħabba l-azzjonijiet tal-Presidenza, imma, kif enfasizzat mill-Istati Membri, il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp m'hijiex istituzzjonalizzata biżżejjed fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Iżvilupp huwa involut dejjem iktar fil-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp permezz tal-publikazzjoni ta' rapporti, tad-difiża tal-pożizzjonijiet fis-sessjonijiet plenarji u f'attivitajiet relatati. - Minkejja dawn l-isforzi, l-UE għadha fi stadju bikri ta' l-iżvilupp tal-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp. Il-kapaċità hija spiss nieqsa u l-għarfien fost id-dipartimenti mhux ta' l-iżvilupp għadu baxx. Jista' jkun li l-proċess tat-tħejjija ta' dan ir-rapport stess ikkontribwixxa għal taqlib fix-xejra. - B'mod ġenerali, l-evalwazzjoni ta' l-Istati Membri tindika li progress lejn il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp kien iktar qawwi fil-livell ta' l-UE milli fil-livell nazzjonali. - L-ostakli prinċipali għall-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp huma l-prijoritajiet politiċi kunfliġġenti fost il-politiki jew interessi differenti fost l-Istati Membri kif ukoll fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Progress li sar fit-twaqqif tal-Mekkaniżmi tal-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp [pic] Sors: ECDPM, ICEI, Particip. 2.1. Il-Kummerċ - Il-kummerċ huwa magna b'saħħitha għat-tkabbir ekonomiku u l-pajjiżi jiddependu fil-parti l-kbira fuq il-kummerċ fil-ġlieda kontra l-faqar. Għalkemm il-kummerċ waħdu ma jistax isolvi l-problemi ta' żvilupp, il-ftuħ għall-kummerċ u l-għajnuna għall-kapaċità tal-provvista huma elementi importanti fi kwalunkwe strateġija għall-iżvilupp koerenti. - Ir-reġim eżistenti ta' l-aċċess għas-suq ta' l-KE huwa diġà favorevoli mhux ħażin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minkejja dan, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw għadd ta' ostakli. Bħala konsegwenza, is-sehem li għandhom il-pajjiżi l-iktar fqar fil-kummerċ internazzjonali jibqa marġinali. Biex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija, l-UE ħadet għadd ta' inizjattivi. Pereżempju l-UE keinet waħda mill-proponituri ewlenin li kkontribwiet biex tressaq l-iżvilupp f'pożizzjoni ewlenija fin-negozjati tal-WTO u kompliet tkun attiva fil-kisba ta' riżultati pożittivi għall-Aġenda tad-Doha għall-Iżvilupp. Il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika li qed jiġu nnegozjati mal-pajjiżi ACP huma maħluqa bħala sħubijiet għal terminu twil ibbażati fuq approċċ komprensiv għall-iżvilupp. - Bl-approvazzjoni tar-riforma fl-2005, is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) issa tipprovdi wkoll iktar stabilità, tbassir u opportunitajiet għall-kummerċ għal dawk li juzawha. Barra minn hekk, huma pprovduti iktar preferenzi lil pajjiżi li rratifikaw u implementaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli, drittijiet ta' l-impjieg u governanza tajba. - B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tirrevedi r-Regoli Preferenzjali ta' Oriġini tagħha bil-għan li tissimplifikahom, tagħmilhom iktar trasparenti u iktar faċli biex jintużaw u għalhekk tippromwovi l-iżvilupp u tipprevjeni ċ-ċirkumvenzjoni. - L-UE tikkumplementa l-aġenda tagħha għan-negozjati ma' l-Għajnuna għall-Kummerċ, b'impenn biex tilħaq 2 biljun euro fis-sena sa' l-2010, sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta' kummerċ ġodda u eżistenti, biex tgħinhom bl-implementazzjoni ta' ftehimiet ġodda u, jekk jeħtieġ, biex tgħinhom jadattaw għal ambjent kummerċjali estern li jinbidel. 2.2. L-Ambjent - B'effett fuq kulħadd, il-kobor ta' l-isfidi ambjentali jvarja b'mod konsiderevoli minn reġjun jew pajjiż għal ieħor. Bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, jekk mhux il-parti l-kbira, huma direttament mhedda minn degradazzjoni ambjentali u l-foqra huma spiss dawk li jbatu l-iktar mill-problemi ambjentali. - L-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli mġedda ta' l-UE (SDS)[4] tenfasizza li l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali jsaħħu lil xulxin u tisħaq l-importanza ta' kooperazzjoni ma' sħab esterni. - L-effetti pożittivi tal-Politika Ambjentali ta' l-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma spiss indiretti u jintlaqħu permezz ta' riperkussjonijiet bħal preservazzjoni tal-bijodiversità jew l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda għall-ħarsien tal-konsumatur minn perikli ambjentali. L-UE tappoġġja wkoll bis-sħiħ it-twettiq tal-'prodotti pubbliċi ambjentali' li huma s-suġġett ta' Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (MEA). B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' l-UE jappoġġjaw il-parteċipazzjoni effettiva fil-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-UE hija wkoll lesta li tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadattaw għat-tibdil li jikkonċernaw l-istandards ambjentali ta' l-UE. 2.3. Il-tibdil fil-klima - Filwaqt li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-pajjiżi kollha, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-popolazzjonijiet l-iktar fqar ser jintlaqtu l-ewwel u bl-ikbar impatt. Għalhekk, l-isforzi kollha tal-politika ambizzjuża ta' l-UE għall-ambjent immirata bħala għan għal terminu twil għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima għal medja ta' 2°C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali, jibbenefikaw direttament jew indirettament dawn il-pajjiżi. - L-effetti pożittivi sekondarji tal-programmi ta' riċerka xjentifika u investimenti fit-tekonoloġiji xierqa jibbenefikaw indirettament lil pajjiżi sħab. - L-iżvilupp tal-politika tal-bijokarburanti fil-livell internazzjonali jistgħu jkollhom kemm impatti pożittivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kapaċità tagħhom bħala produtturi kif ukoll impatti negattivi jekk il-kriterji ta' sostenibbiltà ma jiġux osservati, pereżempju rigward ir-rata ta' deforestazzjoni, it-telf tal-fertilità tal-ħamrija, id-disponibilità ta' l-ilma u s-sigurtà ta' l-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. - Iktar titjib huwa meħtieġ rigward l-integrazzjoni tat-tħassib tat-tibdil fil-klima fid-djalogu tal-politika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fil-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' Alleanza dwar il-Bidla Klimatika Dinjija (GCCA) bejn l-UE u s-sħab li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-inqas żviluppati u pajjiżi vulnerabbli oħra li qed jiżviluppaw ikun pass importanti f'din id-direzzjoni. 2.4. Is-Sigurtà - Għalkemm naqas in-numru ta' kunflitti fid-dinja, gwerrer ċivili interni huma devastanti u n-nuqqas ta' sigurtà tfixkel l-aspirazzjonijiet leġittimi tan-nies. - L-UE tuża firxa wiesgħa ta' strumenti kemm għas-sigurtà kif ukoll għall-iżvilupp. Fil-passat reċenti, ħadmet biex issaħħah ir-rabtiet bejn dawn iż-żewġ oqsma. Madanakollu, l-iżgurar ta' koerenza bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija importanti daqs kemm hija diffiċli. Diffikultajiet strutturali minħabba n-natura tal-problemi u s-sitwazzjonijiet li jridu jiġu indirizzati, id-diversità tal-kuntesti li fihom joħorġu kif ukoll il-kumplessità tas-sistema istituzzjonali ta' l-UE bħala attur fis-sigurtà jikkostitwixxu sfidi importanti. - L-isforzi dejjem għaddejjin li jvarjaw mill-integrazzjoni ta' l-analiżi tal-prevenzjoni tal-kunflitt u azzjonijiet fil-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, bl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' fraġilità, il-promozzjoni tat-trasparenza u ekwità fil-ġestjoni ta' riżorsi naturali, l-appoġġ għall-programmi tad-Diżarmament, tad-Demobilizzazzjoni u tar-Reintegrazzjoni kif ukoll għar-Riforma tas-Sigurtà tas-Settur, jew il-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi, it-traffikar illeċitu ta' armi żgħar u armi ħfief kif ukoll ta' persuni, narkotiċi u splussivi. - Hija essenzjali l-kooperazzjoni ma' atturi oħra, b'mod partikolari n-NU u l-OSCE, organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana (AU), u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. - Madanakollu, għad jeħtieġ titjib fil-koordinazzjoni bejn is-sigurtà u l-iżvilupp. Dan jimplika t-tisħiħ tal-mekkaniżmi organizzazzjonali fil-Kummissjoni u fil-Kunsill biex jitqiesu aħjar il-problemi ta' l-iżvilupp fid-deċiżjonijiet ta' sigurtà, biex isiru sistematikament analiżi dwar is-sigurtà fl-ambitu ta' l-informazzjoni u tal-ġestjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex titjieb it-tranżazzjoni bejn id-diversi strumenti finanzjarji u biex ikompli l-bini u l-appoġġ ta' sħubiji ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali diversi u mas-soċjetà ċivili. - Inizjattivi konkreti għandhom ikunu kkunsidrati fil-qafas tas-sħubija strateġika konġunta futura bejn l-UE u l-Afrika bil-għan li jilqgħu b'mod sodisfaċenti l-ħtiġijiet tal-kontinent Afrikan permezz ta' pakkett ta' miżuri għall-iżvilupp u s-sigurtà dejjem iktar integrati u mifruxa. 2.5. L-Agrikoltura - L-Agrikoltura hija ta' importanza partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għandha rwol ewlieni fit-tkabbir ekonomiku, fit-tnaqqis tal-faqar u fis-sigurtà ta' l-ikel tagħhom. - Il-KE ħadmet ħafna biex il-Politika Agrikola Komuni tkun iktar kompatibbli ma' l-iżvilupp. B'tariffi baxxi jew mingħajr tariffi, l-aċċess għas-suq tal-KE huwa ġeneralment favorevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Progress deċiżiv sar fuq sussidji għall-esportazzjoni u l-effetti ta' tgħawwiġ fuq il-prezzijiet tas-sussidji ta' agrikoltura domestika permezz ta' riformi suċċessivi li jipprovaw jirrikonċiljaw il-ħtiġijiet ta' agrikoltura interna ma' l-għanijiet tal-PCD. - Mill-2003, is-sussidji għall-esportazzjoni u s-sussidji interni li jfixklu l-kummerċ tnaqqsu b'mod konsiderevoli. Minn issa sa l-2011, meta r-riformi tal-PAK imnedija fl-2003 u l-2005 jkunu implimentati bis-sħiħ, kważi 90% tal-pagamenti diretti mill-UE jkunu diżakkoppjati mill-produzzjoni. Fil-kuntest tan-negozjati mal-WTO, l-UE offriet li telimina s-sussidji għall-esportazzjoni kollha sa l-2013 u tnaqqas b'70% l-appoġġ intern li jfixkel il-kummerċ. - Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE jinvolvi l-appoġġ għall-iżvilupp agrikolu u rurali b'mod partikolari ma' l-Afrika. Inizjattivi dejjem għaddejjin għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' l-SPS huma wkoll pass importanti f'dak ir-rigward. 2.6. Is-sajd - Is-sajd hija attività ekonomika importanti f'bosta pajjiżi mal-kosta li qed jiżviluppaw u tista' tkun kontribut importanti għas-sigurtà ta' l-ikel. - Il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd (FPA) jipprovdu lill-flotta ta' l-UE b'aċċess għar-riżorsi marittimi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li ma jagħmlux użu sħiħ mir-riżorsi tas-sajd tagħhom. Mir-riforma tal-Politika tas-Sajd tal-KE fl-2002 u l-2004, il-koerenza ta' dawn il-ftehimiet ma' l-għanijiet ta' l-iżvilupp tjiebet b'mod sostanzjali. - Kwistjonijiet ewlenin jinkludu l-kwalità ta' l-evalwazzjoni xjentifika tal-ħażniet tal-ħut u l-kwantitajiet żejda ta' ħut u l-integrazzjoni ta' żvilupp sostenibbli u ħtiġijiet tal-bijodiversità; il-mod kif jagħmlu użu mill-kontribut finanzjarju li jirċievu taħt l-FPA il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-iżvilupp ta' l-attivitajiet ta' sajd tagħhom stess; u l-miżuri li ttieħdu kontra s-sajd illegali mhux irrappurtat u mhux regolat. 2.7. Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, l-impjieg u x-xogħol deċenti - Il-foqra li jaħdmu jirrappreżentaw nofs il-foqra tad-dinja u x-xogħol tat-tfal jaffettwa miljuni ta' tfal. L-isforzi ta' l-UE għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni huma fondamentalment favorevoli għall-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. - Il-promozzjoni ta' impjieg, koeżjoni soċjali u xogħol deċenti hija parti mill-Aġenda Ewropea għall-Politika Soċjali u mill-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp. - Filwaqt li pajjiżi li qed jiżviluppaw m'humiex direttament affetwati mill-impjieg intern u l-politika soċjali, l-azzjonijiet ta' l-UE f'dan il-qasam għandhom impatt pożittiv importanti permezz ta' żewġ kanali. L-ewwelnett l-UE qed tippromwovi l-aġenda internazzjonali għad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u x-xogħol deċenti. It-tieni, fil-livell reġjonali u nazzjonali, l-UE qed tintegra dejjem iktar fid-djalogu tagħha il-kwistjonijiet ta' impjieg u l-kwistjonijiet soċjali, il-programmi ta' kooperazzjoni u r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi u r-reġjuni li qed jiżviluppaw. - L-appoġġ ta' l-UE għall-Kummerċ Ġust kif ukoll l-iskema GSP+ huma eżempji ta' azzjonijiet ta' l-UE li jistgħu jkollhom effetti qawwija speċjalment meta jsiru flimkien ma' programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp korrespondenti. 2.8. Il-Migrazzjoni - Issa hemm fehma ċara li l-migrazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp u viċe versa. Għalhekk huwa importanti li jkunu użati r-rabtiet pożittivi u s-sinerġiji li jeżistu bejn iż-żewġ oqsma politiki. - Il-progress fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp s'issa kien tajjeb f'dak li jirrigwarda t-twaqqif ta' qafas ta' politika u djalogu politiku fil-livell reġjonali u tal-pajjiż, partikolarment ma' l-Afrika. - Bit-twaqqif ta' qafas sod, il-progress issa huwa meħtieġ biex jinbidlu f'azzjonijiet konkreti li jkollhom impatt ġenwin l-orjentazzjonijiet politiki, il-ftehimiet u l-pjanijiet ta' azzjoni. S'issa, ftit azzjonijiet biss ittieħdu biex iraħħsu, iħaffu u jiżguraw il-flussi ta' fondi għall-appoġġ ta' kooperazzjoni mal-komunitajiet tad-dijaspora u biex it-telf ta' l-imħuħ jinbidel f'ċirkolazzjoni ta' l-imħuħ, oqsma fejn il-parti l-kbira ta' Stati Membri għadhom qed jibdew jiżviluppaw miżuri adegwati. Djalogu politiku u l-Istrateġija futura ġdida bejn l-UE u l-Afrika għandha tiftaħ toroq ġodda għall-kooperazzjoni fil-futur. 2.9. Ir-Riċerka - Il-kapaċità ta' ġenerazzjoni, assorbiment u applikazzjoni ta' għarfien ġdid huwa fattur dejjem iktar importanti li jiddetermina l-kompetittività internazzjonali ta' l-ekonomiji moderni kif ukoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Madanakollu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment l-Afrika, spiss hemm nuqqas ta' riżorsi umani u istituzzjonali neċessarji biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. - Il-Politika ta' Riċerka ta' l-UE tikkontribwixxi għall-għanijiet ta' l-iżvilupp b'żewġ mezzi ewlenin. L-ewwelnett, tappoġġja l-programmi ta' riċerka f'oqsma ta' interess globali, inkluż għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. It-tieni, billi tappoġġja proġetti ta' kooperazzjoni internazzjonali speċifiċi li jinvolvu ċentri ta' riċerka, universitajiet u partijiet interessati oħra minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għarfien speċifiku għall-kuntest u l-bini tal-kapaċitajiet fin-Nofsinhar. - B'mod simili, il-Politika Ewropea għall-Ispazju (ESP) tikkontribwixxi għall-iżvilupp u tkun il-bażi ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Ewropa u l-Afrika rigward l-użu ta' l-assi u r-riċerka spazzjali għall-iżvilupp sostenibbli. In-Navigazzjoni, l-osservazzjoni tad-Dinja (prinċipalment is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà), il-komunikazzjoni bis-satelliti u x-xjenzi jistgħu jkunu kkunsidrati bħala għodda trasversali li tgħin fl-impenn ta' l-Ewropa għall-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. - Is-7 Programm Qafas għar-Riċerka (FP7-2007-2013) huwa kompletament miftuħ għall-pajjiżi kollha tad-dinja. Madanakollu, il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod partikolari dawk l-inqas żviluppati huwa mfixkel minn ħiliet insuffiċjenti umani u istituzzjonali ta' xjenza u tekonoloġija. L-isforzi tal-pajjiżi għall-bini tal-ħiliet fix-xjenza u t-teknoloġija għandhom għalhekk ikunu appoġġjati mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'sinerġija ma' strumenti u programmi oħra. - Kwistjoni oħra ta' preokkupazzjoni mill-perspettiva ta' l-iżvilupp hija l-effet tat-tluq ta' l-imħuħ tal-politika ta' riċerka ta' l-UE, li tirriżulta fl-attrazzjoni ta' riċerkaturi ta' livell għoli lejn l-Ewropa. Bil-għan li tindirizza din il-kwistjoni, il-Kummissjoni tkompli s-sistema ta' l-azzjoni Marie Curie 'Għotjiet Internazzjonali għar-Reintegrazzjoni' (IRG) sabiex tippermetti lir-riċerkaturi li jirritornaw lejn pajjiżhom ikomplu l-attività ta' riċerka tagħhom stess. 2.10. Is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni - L-ICT tista' tkun għodda b'saħħitha għall-iżvilupp, biex tmexxi l-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali, kif ukoll biex tiftaħ kanali ġodda għall-flussi liberi ta' ideat u opinjonijiet li jistgħu jippromwovu d-demokrazjina, il-libertà tal-kelma, id-drittijiet tal-bniedem u l-komprensjoni reċiproka bejn in-nies. Madanakollu l-ICT tista' tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir bejn id-differenzi li hemm bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, kif ukoll id-diviżjoni bejn dawk sinjuri fl-għarfien u dawk li huma foqra fl-għarfien. - Il-promozzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw teħtieġ approċċ bilanċjat li jgħaqqad, min-naħa l-investiment privat fl-infrastrutturi ICT, u min-naħa l-oħra azzjoni mill-gvern immirata lejn il-ħolqien ta' ambjent regolatorju favorevoli u soċjetà u forża tax-xogħol litterata fl-ICT. - Id-djalogu politiku u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet għandhom ikunu iktar imħeġġa. Dan għandu jkun ikkumplementat bl-estensjoni ta' aċċess għan-netwerks ta' riċerka u edukazzjoni, u parteċipazzjoni ikbar fl-FP7 mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għandha tingħata enfażi partikolari lill-Afrika 'l isfel mis-Saħara. 2.11. It-Trasport - Il-proviżjoni ta' infrastruttura ta' trasport effettiva u effiċjenti hija meħtieġa bien jinkisbu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp, u dan huwa element ewlieni li jirfed il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli hija, għalhekk, parti importanti tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE, li jkopru l-mezzi kollha ta' trasport kif ukoll is-servizzi għall-faċilitazzjoni taċ-ċaqliq ta' l-oġġetti u tan-nies. - Il-politika interna trasparenti ta' l-UE taffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' żewġ mezzi ewlenin. L-ewwelnett, permezz ta' azzjoni ta' l-UE fi ħdan korpi internazzjonali għall-twaqqif ta' standards internazzjonali, ftehimiet fil-qasam ta' l-avjazzjoni, jew kooperazzjoni fi proġetti internazzjonali bħal Galileo. It-tieni, permezz tal-politika ta' l-UE għall-iżvilupp ta' livelli għolja ta' sigurtà ambjentali, soċjali, ta' sigurtà u sikurezza li japplikaw għall-mezzi ta' l-ajru, il-vapuri u l-mezzi ta' l-art li jidħlu fit-territorju tagħha u l-flottot tagħha. 2.12. L-Enerġija - Għaż-żewġ biljuni ta' nies tad-dinja li jiddependu fuq il-karburanti tradizzjonali tal-bijomassa għat-tisjir u/jew m'għandhom l-ebda aċċess għas-servizzi moderni ta' enerġija, l-elettrifikazzjoni u d-disponibbiltà ta' karburanti ndaf għat-tisjir jistgħu jtejjbu b'mod sostanzjali l-kundizzjonijiet sanitarji u ta' saħħa u jgħollu l-livelli ta' għajxien[5]. - L-UE hija impenjata f'bosta inizjattivi ewlenin immirati lejn l-appoġġ tal-proviżjoni ta' servizzi ta' enerġija xierqa, sostenibbli u bi prezzijiet raġunevoli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawk l-iktar imporanti huma l-Inizjattiva ta' l-UE ta' l-Enerġija għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli (EUEI), is-Sħubija ta’ Insfrastruttura UE-Afrika u s-Sħubija ta' Enerġija UE-Afrika. - Il-'Politika Ewropea għall-Enerġija' ġdida[6], li għandha l-għan li twettaq enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva għall-Istati Membri kollha ta' l-UE, timmira wkoll għall-integrazzjoni tal-politika ta' enerġija u żvilupp ta' l-UE fejn jirbaħ kulħadd. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fl-Afrika, jibbenefikaw mill-isforzi ta' l-UE għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-elettriku u għall-iżvilupp ta' teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u li jiġġeddu. - L-indirizzar ta' kwistjonijiet trasversali bħall-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-aċċess tan-nies foqra għas-servizzi ta' l-enerġija, inkluż fiż-żoni rurali, tkun il-parti ewlenija tas-suċċess globali ta' l-inizjattivi ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. 3. KONKLUżJONI L-oqsma kollha ta' politika analizzati f'dan ir-rapport għandhom effett fuq is-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew politċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Anke politiki li jitqiesu prinċipalment bħala interni, bħall-politiki soċjali jew tat-trasport, jistgħu jinfluwenzaw il-proċessi b'mod pożittiv jew negattiv. L-effetti tagħhom jiddependu fuq il-kuntest globali li qed jevolvi u fuq sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Pereżempju, it-tibdil fil-klima u l-enerġija qed isiru prijoritajiet ewlenin mhux biss mill-aspett intern ta' l-UE imma wkoll mill-perspettiva ta' l-iżvilupp. B'żieda ma' dan, b'bidla fil-bilanċ tal-poter fix-xena internazzjonali, il-politika ta' l-UE ta' promozzjoni ta' valuri soċjali f'livelli globali, reġjonali u tal-pajjiż għandha ssir dejjem iktar importanti fil-futur. Għalhekk dan ir-rapport jikkonferma r-relevanza ta' ħarsa viġilanti fuq il-firxa kollha ta' l-oqsma politiki mill-perspettiva tal-PCD. Barra minn dan, xi oqsma li għandhom potenzjal sostanzjali għall-iżvilupp, bħall-ICT u r-riċerka għandhom jiġu sfruttati b'mod iktar effettiv. Għal kull waħda mit-tnax-il qasam analiżżati, ġew identifikati kwistjonijiet pendenti, fejn sinerġiji mal-politika ta' żvilupp jistgħu jiġu studjati iktar. F'oqsma partikolarment sensittivi, bħall-migrazzjoni jew is-sigurtà, il-promozzjoni ta' l-interessi Ewropej u l-identifikazzjoni tal-ħsibijiet tal-pajjiżi sħab stess għandhom ikunu bbilanċjati, bil-għan li jinsabu soluzzjonijiet fejn jirbaħ kulħadd. B'mod ġenerali, l-UE ħadet passi konkreti għat-titjib tal-grad tal-PCD. Tejbet il-mekkaniżmi organizzazzjonali tagħha b'dan il-għan, fil-livelli ta' Stati Membri, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. It-tfassil ta' dan ir-rapport, fih innifsu, kien strumentali fiż-żieda ta' l-għarfien tal-politika interna dwar l-effetti li għandhom il-politiki tagħhom fuq l-iżvilupp. Iżda għal dak li jirrigwarda riżultati konkreti, il-progress għadu taħt l-ambizzjoni mfassla fil-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp. Għad hemm nuqqas ta' kuxjenza u għarfien. L-involviment ta' atturi lilhinn mill-komunità ta' żvilupp għadha limitata, kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet u fis-soċjetà ċivili kif ukoll fis-settur privat. Impenn politiku kontinwu ta' livell għoli huwa meħtieġ biex ikun żgurat iktar progress sabiex l-aġenda ta' koerenza, effettività u viżibilità ta' 'L-Ewropa fid-Dinja'[7] ssir realtà. Dan iġib miegħu żieda fil-kuxjenza dwar il-fatt li l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar huma finalment fl-interess ta' l-Ewropa stess. F'termini konkreti, il-kwistjonijiet ewlenin pendenti li ħarġu mill-kummenti li ntbagħtu huma kif ġej: - kif enfasizzat mill-Istati Membri, reviżjoni u titjib tal-proċeduri tal-Kunsill, - intensifikazzjoni ta' l-inklużjoni tal-PCD fl-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-kooperazzjoni, - titjib fit-tixrid ta' l-informazzjoni, - aħjar użu tal-proċess ta' Evalwazzjoni ta' l-Impatt, - azzjoni biex il-Programm ta' Ħidma tal-PCD isir iktar operazzjonali. Għad fadal ukoll għadd ta' rabtiet potenzjali li għandhom jiġu studjati iktar fid-dettal. Djalogu mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar l-effetti tal-politika ta' l-UE apparti mill-għajnuna għandu jitijieb, fil-livelli tal-pajjiż u dawk reġjonali kif ukoll globali. Il-proċess ta' tfassil ta' Dokumenti Strateġiċi għall-Pajjiż joffri qafas li fih il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw djalogu politiku ta' dan it-tip. Ir-rilevanza ta' l-approċċ PCD għall-politiki tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha wkoll tiġi kkunsidrata, minħabba li fil-parti l-kbira ta' l-oqsma ta' politika l-effett pożittiv tal-politiki ta' l-UE jiddependu fuq sforzi paralleli min-naħa ta' pajjiżi sħab. L-inklużjoni tal-PCD fl-Istrateġija Konġunta ġdida UE-Afrika li qed tiġi mħejjija hija pass importanti f'dik id-direzzjoni. [1] Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-kontributi tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri miġburin permezz ta' kwestjonarju li ntbagħat f'Jannar 2007. [2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Koerenza Politika għall-Iżvilupp - It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millennju' – COM(2005)134 fnali tat-12 ta' April 2005 u Mejju 2005 Il-Kunsill dwar Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (GAERC) Konklużjonijiet dwar l-Għanjiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (Doc. 9266/05). [3] Stqarrija Konġunta tal-Kunsill u rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri fil-laqgħa mal-Kummissjoni - 'Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp', Diċembru 2005 (ĠU 2006/C 46/01). [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 10917/06 tas-26 ta' Ġunju 2006. [5] L-Evalwazzjoni ta' l-Enerġija Dinjija: Ħarsa Ġenerali - Aġġornament 2004', UNDP, UNDESA u l-Kunsill Dinji għall-Enerġija. ara:http://www.undp.org/energy/weaover2004.htm [6] COM(2007) 1 finali tat-10 ta’ Jannar 2007. [7] COM(2006) 278 tat-8 ta' Ġunju 2006 'L-Ewropa fid-Dinja - Proposti Pratiċi għal iktar Koerenza, Effettività u Viżibilità' u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2006.