Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo
Doiciméad 52007DC0414
Communication from the Commission to the European Parliament and the Council - Addressing the challenge of water scarcity and droughts in the European Union {SEC(2007) 993} {SEC(2007) 996}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea {SEG(2007) 993} {SEG(2007) 996}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea {SEG(2007) 993} {SEG(2007) 996}
/* KUMM/2007/0414 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 18.7.2007 KUMM(2007) 414 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL- KUNSILL Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea {SEG(2007) 993}{SEG(2007) 996} KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea (test b'rilevanza għaż-ŻEE) L-aċċess għal ilma ta' kwalità tajba fi kwantità suffiċjenti huwa fundamentali għall-ħajja ta' kuljum ta' kull bniedem u għal biċċa l-kbira ta' l-attivitajiet ekonomiċi. Iżda l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa issa tfaċċaw bħala sfida ewlenija - u l-bidla fil-klima mistennija tagħmel il-qagħda waħda aktar imwiegħra. Din hija problema li tifrex mad-dinja kollha, u l-Unjoni Ewropea mhijiex ħielsa minnha. Matul dawn l-aħħar tletin sena, in-nixfa żdiedet drammatikament fin-numru u fl-intensità fl-UE. In-numru ta' oqsma u nies affettwati min-nixfa żdied bi kważi 20% bejn l-1976 u l-2006. Waħda mill-aktar nixfiet li nfirxet seħħet fl-2003 meta kienu affettwati 'l fuq minn 100 miljun ruħ u terz tat-territorju ta' l-UE. L-ispiża tal-ħsara lill-ekonomija Ewropea kienet mill-anqas ta' € 8.7 biljuni. L-ispiża totali tal-perjodi ta' nixfa matul dawn l-aħħar tletin sena tammonta għal € 100 biljun. L-ispiża annwali medja kkwadruplikat matul l-istess perjodu[1]. Filwaqt li "n-nixfa" tfisser tnaqqis temporanju fid-disponibilità ta' l-ilma minħabba pereżempju nuqqas ta' xita, "skarsezza ta' l-ilma" tfisser li t-talba għall-ilma taqbeż ir-riżorsi ta' l-ilma li jistgħu jintużaw f'kondizzjonijiet sostenibbli. Sal-lum mill-anqas 11% tal-popolazzjoni Ewropea u 17% tat-territorju tagħha kienu affettwati mill-iskarsezza ta' l-ilma. Xejriet riċenti juru estensjoni sinifikanti ta' l-iskarsezza ta' l-ilma madwar l-Ewropa kollha. Għalhekk l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa mhumiex biss kwistjoni għall-amministraturi ta' l-ilma. Huma għandhom impatt dirett fuq ċittadini u setturi ekonomiċi li jużaw l-ilma u jiddependu fuqu bħalma huma l-agrikoltura, it-turiżmu, l-enerġija u t-trasport. B'mod partikolari, l-idroenerġija li hija sors ta' enerġija nieqsa mill-karbonju, tiddependi ħafna fuq id-disponibilità ta' l-ilma. L-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa jħallu wkoll impatti usa' fuq ir-riżorsi naturali b'mod ġenerali permezz ta' effetti negattivi sekondarji fuq il-bijodiversità, il-kwalità ta' l-ilma, ir-riskji miżjuda ta' nirien fil-boskijiet u t-tfaqqir tal-ħamrija. F'kuntest fejn il-bidla fil-klima hija mbassra minkejja l-isforzi sinifikanti ta' taffija ta' l-UE, din ix-xejra mistennija tissokta u saħansitra tmur għall-agħar, kif enfasizzat fil- Green Paper tal-Kummissjoni adottata dan l-aħħar dwar il-bidla fil-klima. Skond il-Bord Intergovernamentali dwar il-Bidla fil-Klima[2], il-bidla fil-klima għandha ġġib l-iskarsezza ta' l-ilma lil bejn 1.1 u 3.2 biljun ruħ jekk it-temperaturi jitilgħu b'2 jew 3°C. Żoni affettwati min-nixfa probabbli jiżdiedu fil-firxa. F'dawn iċ-ċirkustanzi, saret prijorità ta' l-UE sabiex tfassal strateġiji effettivi ta' ġestjoni tar-riskju tan-nixfa. Fl-10 ta' Jannar 2007 l-Kummissjoni adottat pakkett ta' Enerġija u Klima sabiex jiggwida lill-UE lejn politika ta' l-enerġija li hija sostenibbli, kompetittiva u sigura. Waħda mit-temi ċentrali tiegħu hija li jittratta l-isfida ta' l-enerġija billi l-ewwel isir l-isforz li l-enerġija tintuża b'mod aktar effiċjenti qabel ma nibdew inħarsu lejn alternattivi. Din l-istrateġija hija valida wkoll għall-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa. Sabiex nikkonfrontaw l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, l-ewwel prijorità hija li nersqu lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-ilma u li tiffranka l-ilma. Li tiffranka l-ilma tfisser ukoll li tiffranka l-enerġija, minħabba li l-estrazzjoni, it-trasport u t-trattament ta' l-ilma jġibu magħhom prezz għoli għall-enerġija. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li ntejbu l-ġestjoni tat-talba ta' l-ilma. L-istess bħall-enerġija, l-ilma huwa meħtieġ għall-attivitajiet kollha umani, ekonomiċi u soċjali. Għalhekk għandha titqies firxa wiesgħa ta' alternattivi ta' politika. Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni ppreżentat sett inizjali ta' alternattivi ta' politika fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali sabiex tindirizza u ttaffi l-isfida ppreżentata mill-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa fi ħdan l-Unjoni. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata bis-sħiħ sabiex tkompli tindirizza l-kwistjoni fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Diżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima. Il-Komunikazzjoni tirreaġixxi wkoll għat-talba għal azzjoni dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa mill-Kunsill Ambjentali f'Ġunju 2006. 1. IT-TħEJJIJA TAL-KUNTEST L-isfidi li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati: - L-ipprogressar lejn implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma [3] (minn issa 'l quddiem "DQI"), id-Direttiva prominenti ta' l-UE dwar il-politika ta' l-ilma, huwa prijorità sabiex tiġi indirizzata l-ġestjoni ħażina tar-riżorsi ta' l-ilma. - Din il-kwistjoni spiss hija riżultat ta' politiki ineffettivi ta' pprezzar ta' l-ilma li ġeneralment ma jirriflettux il-livell ta' sensittività ta' riżorsi ta' l-ilma fil-livell lokali. Il-prinċipju ta' ‘min juża jħallas’ bilkemm huwa implimentat lil hinn mis-setturi tal-provvista ta' l-ilma tajjeb għax-xorb u t-trattament ta' l-ilma għar-rimi. L-introduzzjoni ta' dan il-prinċipju fil-livell ta' l-UE għandha ttemm dan it-telf u din il-ħela bla bżonn u tiżgura li l-ilma jibqa' disponibbli għall-użi essenzjali madwar l-Ewropa kollha, inklużi l-partijiet kollha ta' baċiri intrakonfinali tax-xmajjar. Fi kliem ieħor, għandha tħeġġeġ l-użu effiċjenti ta' l-ilma. [pic] - L-ippjanar ta' l-użu ta' l-art huwa wkoll wieħed mill-muturi ewlenin ta' l-użu ta' l-ilma. L-allokazzjoni inadegwata ta' l-ilma bejn setturi ekonomiċi twassal għal żbilanċi bejn il-ħtiġijiet ta' l-ilma u r-riżorsi attwali ta' l-ilma. Tinħtieġ bidla pragmatika sabiex jinbidlu l-mudelli ta' tfassil ta' politika u sabiex isir progress fl-ippjanar effettiv ta' l-użu ta' l-art fil-livelli xierqa. - Hemm potenzjal enormi għall- iffrankar ta' l-ilma madwar l-Ewropa kollha. L-Ewropa għadha taħli mill-anqas 20%[4] ta' l-ilma tagħha minħabba l-ineffiċjenza. L-iffrankar ta' l-ilma jrid isir prijorità u għalhekk iridu jiġu esplorati l-possibilitajiet kollha għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-ilma. It-tfassil tal-politika għandu jkun ibbażat fuq ġerarkija ċara ta' l-ilma . Għandhom jitqiesu infrastrutturi addizzjonali tal-provvista ta' l-ilma bħala alternattiva meta jkunu spiċċaw alternattivi oħra, inklużi l-politika ta' pprezzar effettiv ta' l-ilma u alternattivi li huma ta' nfiq effettiv. L-użi ta' l-ilma għandu wkoll jiġi pprijorizzat: jidher ċar li l-provvista pubblika ta' l-ilma għandha dejjem tibqa' l-ogħla prijorità sabiex tiġi żgurata provvista adegwata ta' l-ilma. - Integrazzjoni ulterjuri ta' tħassib relatat ma' l-ilma fil-politiki settorjali relatati ma' l-ilma hija vitali sabiex nersqu qrib kultura ta' ffrankar ta' l-ilma. Il-kisbiet ta' integrazzjoni fil-livell ta' l-UE, f'dak nazzjonali u f'dak internazzjonali jvarjaw minn settur għall-ieħor. F'termini ġenerali, hemm nuqqas ta' konsistenza u, f'xi każijiet, saħansitra effetti kuntrarji fil-ħarsien tarriżorsi ta' l-ilma. - Fl-aħħar nett, sabiex ikunu kompletament effettivi, l-azzjoni politika dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa jeħtieġ li jkunu bbażati fuq tagħrif u għarfien ta' kwalità għolja tal-firxa ta' l-isfida u x-xejriet imbassra. Il-programmi attwali Ewropej u nazzjonali ta' monitoraġġ u valutazzjoni la huma integrati u lanqas huma kompluti. Għalhekk huwa prerekwiżit li nimlew il-lakuni ta' l-għarfien u li niżguraw il-komparabilità tad- data madwar l-UE. F'dan il-kuntest, ir-riċerka għandha rwol sinifikanti billi tipprovdi għarfien u appoġġ fit-tfassil tal-politika. 2. L-INDIRIZZAR TA' L-ISFIDA: ORJENTAZZJONIJIET TA' POLITIKA GħAL AZZJONI FUTURA Mill-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni proporzjonata ta' l-impatt imwettqa għal din il-Komunikazzjoni joħroġ li strateġija integrata bbażata fuq taħlita ta' alternattivi għandha tkun l-aktar strateġija xierqa għall-indirizzar ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, meta mqabbla ma' alternattivi bbażati fuq il-provvista ta' l-ilma jew fuq strumenti ekonomiċi biss. Analiżi ekonomiċi u legali ulterjuri se jinħtieġu fix-xhur li ġejjin sabiex jispeċifikaw fid-dettall il-potenzjal, il-fattibilità u l-iskeda possibbli għal kull waħda mill-għażliet meqjusa. Il-valutazzjonijiet ta' l-impatt għandhom jitwettqu qabel l-introduzzjoni ta' kwalunkwe miżura proposta. 2.1. Il-prezz ta' l-ilma kkalkulat sewwa Il-kwistjoni: Il-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq f'kutest ambjentali, kif enfasizzat fil- Green Paper dwar Strumenti Bbażati fuq is-Suq[5] adottata dan l-aħħar. Il-qafas legali attwali fid-DQI joffri spazju abbundanti għat-trattar kemm ta' l-iskarsezza ta' l-ilma kif ukoll għall-perjodi ta' nixfa permezz ta' dawn l-istrumenti. Minkejja r-rekwiżiti speċifiċi tad-DQI (l-Artikolu 9), l-istrumenti ekonomiċi s'issa ma ntużawx b'mod wiesa' mill-Istati Membri. Il-politiki ta' l-ipprezzar li jistgħu jidhru bħala mfassla tajjeb ħafna jistgħu jirriżultaw totalment ineffettivi jekk il-biċċa l-kbira ta' l-estrazzjoni ta' l-ilma lanqas biss tkun regolata permezz ta' mijter jew irreġistrata mill-awtoritajiet. Id-DQI (l-Artikolu 11) tirrikjedi l-implimentazzjoni ta' kontroll sistematiku fuq l-estrazzjoni ta' l-ilma. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell nazzjonali, sa l-2010: - Jiġu stabbiliti tariffi ta' l-ilma bbażati fuq valutazzjoni ekonomika konsistenti ta' użi ta' l-ilma u ta' valur ta' l-ilma, b'inċentivi adegwati għall-użu effiċjenti ta' riżorsi ta' l-ilma u kontribut adegwat ta' l-użi differenti ta' l-ilma għall-irkupru ta' l-ispejjeż tas-servizzi ta' l-ilma, f'konformità mar-rekwiżiti tad-DQI. Il-prinċipju ta' min juża jħallas jeħtieġ li jsir ir-regola, irrispettivament minn fejn joriġina l-ilma. Minkejja dan, l-unitajiet domestiċi privati, irrispettivament mir-riżorsi finanzjarji tagħhom, għandu jkollhom aċċess għal provvista adegwata ta' l-ilma. - Jissaħħu l-isforzi għal introduzzjoni obligatorja ta' programmi ta' regolazzjoni permezz tal-mijter fis-setturi kollha ta' l-ilma. - B'mod usa', tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-DQI sabiex tiggarantixxi jew tirkupra riżorsi sostenibbli ta' l-ilma. Il-Prassi t-tajba: Fi Franza, il-persuni responsabbli mill-irrigazzjoni jridu jkunu mgħammra b'mijters ta' l-ilma kull darba li jaqbżu l-limiti massimi ta' l-estrazzjoni. Fil-perjodu 2000-2003, il-livell tat-tagħmir tela' minn 54% sa 71%, li jirrappreżenta 85% taż-żona sħiħa irrigata. 2.2. L-allokazzjoni ta' l-ilma u l-finanzjament relatat ma' l-ilma b'mod aktar effiċjenti 2.2.1. It-titjib ta' l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art Il-kwistjoni: L-iżvilupp ekonomiku ta' wħud mill-baċiri tax-xmajjar jista' jwassal għal effetti negattivi fuq id-disponibilità tar-riżorsi ta' l-ilma. Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-baċiri tax-xmajjar li qegħdin jiffaċċjaw qagħda kważi permanenti ta' diffikultajiet fil-provvista ta' l-ilma jew skarsezza ta' l-ilma. Il-politiki attwali ta' l-UE kellhom it-tendenza li jiggravaw is-sensittività ta' dawn il-baċiri. L-iżvilupp estensiv ta' kumplessi turistiċi f'baċiri sensittivi tax-xmara, pereżempju, wassal għal impatti sinifikanti fuq ir-riżorsi lokali ta' l-ilma. Il-bidja wkoll għandha impatti sinifikanti notevolment marbuta ma' l-irrigazzjoni. L-estrazzjoni żejda tibqa' tħassib anki minħabba skonnettjar inkomplet minn uħud mill-Istati Membri. Ir-riformi suċċessivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u b'mod partikolari l-appoġġ ta' l-iżvilupp rurali diġà taw kontribut għat-titjib tal-qagħda. Aġġustamenti futuri tal-PAK u l-'Verifika sanitarja' ta' l-2008 jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-eżaminazzjoni ta' kif jiġu integrati aktar il-kwistjonijiet ta' kwantità ta' l-ilma ma' l-istrumenti relevanti tal-PAK. F'dan il-kuntest, għandu jitqies pereżempju sa liema punt il-PAK u l-"Verifika sanitarja" ta' l-2008 jistgħu jippromwovu użu aktar sħiħ ta' skonnettjar u appoġġ miżjud għall-ġestjoni ta' l-ilma fi ħdan programmi rurali ta' l-iżvilupp. Se jkun importanti wkoll li jiġi analizzat l-impatt taż-żieda fil-bijokarburanti fuq id-disponibilità ta' l-ilma. Il-produzzjoni kollha inkluża l-produzzjoni irrigata u dik tal-bijomassa u l-attivitajiet ekonomiċi kollha għandha tiġi adattata għall-ammont ta' ilma disponibbli lokalment. Din hija kondizzjoni ewlenija għall-ippjanar ta' użu sostenibbli ta' l-art madwar l-Ewropa kollha. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell Ewropew: - L-enfasi miżjuda fuq l-agrikoltura sostenibbli matul dawn l-aħħar għaxar snin tipprovdi pjattaforma konvenjenti għal dibattitu politiku dwar progress ulterjuri sabiex tiżdied is-sostenibilità tal-ġestjoni ta' l-ilma. Dan għandu jkun ta' importanza partikolari fil-perjodu li jwassal sa l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-ġestjoni tal-baċiri tax-xmara fl-2010. - Il-verifika ulterjuri ta' l-interkonnessjonijiet bejn l-iżvilupp tal-bijokarburant u d-disponibilità ta' l-ilma. Fil-livell nazzjonali - L-iżgurar ta' implimentazzjoni stretta tad-Direttiva[6] dwar Valutazzjoni Strateġika ta' l-Ambjent fis-setturi ekonomiċi kollha. L-Istati Membri għad għandhom il-ħtieġa li jsaħħu l-proċeduri nazzjonali tagħhom u jiżguraw li l-kondizzjonijiet marbuta mad-deċiżjonijiet finali jipprevjenu b'mod adegwat kwalunkwe impatt ambjentali. - It-tħeġġiġ ta' Stati Membri sabiex jidentifikaw il-baċiri tax-xmara li jiffaċċjaw qagħda kważi permanenti jew permanenti ta' diffikultajiet fil-provvista ta' l-ilma jew skarsezza ta' l-ilma. - Għal dawk il-baċiri tax-xmara, jiġu stabbiliti regolamenti xierqa sabiex iwaqqfu mill-ġdid bilanċ sostenibbli. L-iskemi volontarji jistgħu jagħtu kontribut pożittiv u jeħtieġ li jiġu promossi. Jekk ir-riżultati juru li mhumiex biżżejjed f'żoni sensittivi ħafna, għandhom jiġu introdotti miżuri obbligatorji dwar l-iffrankar ta' l-ilma u l-effiċjenza ta' l-ilma. Il-miżuri kollha eventwalment se jkunu parti mill-programmi tad-DQI. Il-prassi t-tajba: Fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, il-Greċja ħarġet Programm Nazzjonali ta' Azzjoni li jqis miżuri speċifiċi sabiex jindirizza l-iżbilanċi bejn it-talba u l-provvista. 2.2.2. Il-finanzjament ta' l-effiċjenza ta' l-ilma Il-kwistjoni: Il-potenzjal għall-effiċjenza ta' l-ilma mhuwiex sfruttat sa l-aħħar fl-UE. Minkejja li wħud mill-miżuri huma ta' infiq effettiv, ma jittieħdux kollha minħabba nuqqas ta' fondi.. L-indirizzar tal-konsegwenzi tal-bdil fil-klima b'mod partikolari l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-politika reġjonali ta' l-UE għall-perjodu 2007-2013. Il-qafas ġdid leġiżlattiv jipprevedi investimenti fl-infrastruttura relatati mal-ġestjoni ta' l-ilma (ħażna, distribuzzjoni, trattament), teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-użu ta' l-ilma kif ukoll miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju. Il-fondi Ewropej u l-għajnuniet statali joffru opportunitajiet sinifikanti sabiex jilħqu din l-isfida, iżda l-baġits huma bla dubju insuffiċjenti sabiex ikopru dawn il-kwistjonijiet kollha. Il-prijoritajiet nazzjonali jistgħu wkoll ikunu kontraproduttivi bil-promozzjoni ta' infrastruttura tal-provvista ta' l-ilma bħala l-alternattiva primarja, billi jmorru kontra l-loġika tal-ġerarkija ta' l-ilma u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati miżuri ta' ffrankar u effiċjenza ta' l-ilma l-ewwel u qabel kollox. Jibqa' punt essenzjali li jiġi żgurat li l-allokazzjoni tal-finanzjament tkun tiddependi biżżejjed fuq evidenza indipendenti u ex-ante ta' l-utilizzazzjoni sħiħa ta' l-iffrankar u l-effiċjenza ta' l-ilma, politika effettiva ta' pprezzar ta' l-ilma u kejl bil-mijter, prestazzjoni minima tan-netwerks tal-provvista ta' l-ilma jew irkupru ta' l-ispejjeż ta' proġetti mill-utenti kkonċernati ta' l-ilma. Il-miżuri nazzjonali ta' appoġġ iridu wkoll jirrispettaw kompletament ir-regoli ta' għajnuna Statali fejn applikabbli. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell ta' l-UE: - Ir-raffinar ta' linji gwida strateġiċi attwali tal-Komunità għall-infrastrutturi ta' l-ilma u fil-kuntest tal-politiki reġjonali u rurali, id-determinazzjoni dwar jekk huwiex meħtieġ li jsir progress ulterjuri fir-rigward ta' prekondizzjonijiet ambjentali relatati mal-ġestjoni effettiva ta' l-ilma qabel ma jista' jingħata appoġġ għal kwalunkwe infrastruttura jew tagħmir addizzjonali tal-provvista ta' l-ilma. - L-esplorazzjoni dwar kif il-politiki settorjali jistgħu jikkontribwixxu aħjar u b'mod aktar avvanzat għal ġestjoni effettiva ta' l-ilma, filwaqt li jintużaw fondi assoċjati għat-tħeġġiġ tat-twassil ta' servizzi ambjentali mill-utenti ta' l-ilma b'mod effiċjenti. Fil-livell nazzjonali: - Użu effiċjenti tal-fondi ta' l-UE u dawk nazzjonali sabiex titjib il-ġestjoni tat-talba ta' l-ilma, b'mod partikolari permezz ta' miżuri ta' adattament, prassi sostenibbli, aktar iffrankar ta' l-ilma, sistemi ta' monitoraġġ u għodod adattati ta' ġestjoni tar-riskju. - L-iżvilupp ta' inċentivi fiskali għall-promozzjoni ta' mezzi u prassi b'mod partikoari f'żoni li huma skarsi mill-ilma, filwaqt li jitqies il-kuntest soċjali u d-differenzi reġjonali potenzjali. Il-prassi t-tajba: Ċipru ħadet miżuri ta' konservazzjoni fil-livell tar-residenzi privati billi ħeġġet l-użu mill-ġdid ta' "ilma griż" (jiġifieri ilma mill-ħasil u mill- washingmachines ) għat-tisqija tal-ġonna u għall- flushing , u naqqset il-konsum per capita sa 40%. Fl-2007, is-sussidji tal-gvern qegħdin ikopru 75% ta' l-ispiża tas-sistema. Fil-Ġermanja, għoxrin fil-mija ta' l-akbar ħamest ibliet ilhom jappoġġjaw il-ġbir ta' l-ilma tax-xita għal aktar minn 10 snin bl-għan li jagħmlu provvista ta' 15% tad-djar sa l-2010. 2.3. It-titjib tal-ġestjoni tar-riskju tal-perjodi ta' nixfa 2.3.1. L-iżvilupp tal-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-perjodi ta' nixfa Il-Kwistjoni: Wara ż-żieda fil-perjodi ta' nixfa f'dawn l-aħħar snin, uħud mill-Istati Membri mxew minn ġestjoni ta' kriżi għal-ġestjoni tar-riskju ta' perjodi ta' nixfa. Il-miżuri assoċjati spiss jirriżultaw fi pjanijiet komprensivi ta' ġestjoni tar-riskju ta' perjodi ta' nixfa bit-tfassil ta' mapep ta' żoni ta' diffikultajiet fil-provvista ta' l-ilma, livelli ta' allarm, sistemi ta' twissija, eċċ. Id-DQI għandha l-flessibilità kollha meħtieġa sabiex tiżviluppa pjanijiet speċifiċi ta' ġestjoni ta' perjodi ta' nixfa fil-baċiri rilevanti tax-xmara. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell Ewropew: It-trawwim ta' tagħrif u ta' l-aqwa prassi fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta' perjodi ta' nixfa. L-identifikazzjoni għal limiti massimi u tfassil ta' mapep ta' żoni ta' nixfa. Sa l-aħħar ta' l-2008, l-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet. Fil-livell nazzjonali: - Sa l-2009, jitwaqqfu pjanijiet speċifiċi ta' ġestjoni ta' perjodi ta' nixfa sabiex jissupplementaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmara tad-DQI, fejn meħtieġ, skond id-dispożizzjonijiet tad-DQI (l-Artikolu 13(5)). Prassi tajba: Spanja u l-Olanda diġà implimentaw pjanijiet nazzjonali sabiex jindirizzaw riskji ta' nixfa. In-Netwerk Ewropew ta' l-Esperti mwaqqaf bħala parti mill-Istrateġija ta' l-Implimentazzjoni Komuni tad-DQI qiegħed jaħdem fuq l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni tan-nixfa. Tlaqqa' l-ewwel workshop dwar l-inizjattiva ta' Spanja f'Ġunju 2007. 2.3.2. L-iżvilupp ta' sistema ta' osservazzjoni u ta' twissija bikrija dwar il-perjodi ta' nixfa Il-Kwistjoni: Il-Kummissjoni attwalment qed tiżviluppa Osservatorju Ewropew tan-Nixfa li se jsaħħaħ l-għarfien dwar din il-kwistjoni. Sistemi effiċjenti ta' twissija huma wkoll dimensjoni essenzjali tal-ġestjoni tar-riskju. Għalhekk għandha ssegwi sistema ta' twissija bikrija sabiex tittejjeb it-tħejjija ta' l-awtoritajiet rilevanti. Din is-sistema għandha tintegra d- data rilevanti u r-riżultati tar-riċerka , il-monitoraġġ tan-nixfa, l-iżvelar u t-tbassir fuq skali spazjali differenti, minn attivitajiet lokali u reġjonali għal perspettiva kontinentali fil-livell ta' l-UE, u għandu jkun possibbli li avvenimenti futuri jiġu evalwati. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali: - Sa l-2012, jiġu żviluppati prototipi u jitwaqqfu proċeduri ta' implimentazzjonu għal Osservatorju Ewropew tan-Nixfa operattiv u sistema ta' twissija bikrija. Prassi tajba: Fi ħdan il-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda Kontra d-Diżertifikazzjoni, is-Slovenja qiegħda tospita Ċentru ta' Ġestjoni tan-Nixfa għax-Xlokk ta' l-Ewropa li jaħdem fuq it-tħejjija, il-monitoraġġ, it-tbassir u l-ġestjoni tan-nixfa. Fi ħdan il-kuntest ta' l-FP5, ġie propost Ċentru Ewropew għan-Nixfa. Dan huwa ċentru virtwali ta' l-għarfien, li jippromwovi kollaborazzjoni u bini tal-kapaċità bejn ix-xjenzati u tal-komunità ta' l-utenti, u permezz ta' hekk iżid il-grad ta' tħejjija u l-adattament tas-soċjetà għan-nixfa. 2.3.3. Iktar ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE u l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili Il-kwistjoni: S'issa, l-Istati Membri affettwati minn nixfiet qawwija qatt ma applikaw għall-għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (EUSF). Lanqas ma talbu għal għajnuna ta' protezzjoni ċivili biex jiksbu fornimenti urġenti ta' ilma. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell ta' l-UE: - It-tennija li l-Kummissjoni lesta teżamina fis-sħiħ kull talba għal appoġġ mill- EUSF ikkomunikat minn Stat Membru affettwat serjament minn nixfa filwaqt li tiżgura li t-talba ma tkunx ir-riżultat indirett ta' ġestjoni ta' l-ilma ineffiċjenti u li l-pjanijiet xierqa tal-ġestjoni tan-nixfa qegħdin fis-seħħ. - Fil-kuntest tar-regolament EUSF, jinstab jekk hemmx bżonn li jsir iktar progress fir-rigward tad-definizzjoni tal-kriterji u l-operazzjonijiet eliġibbli sabiex il-Fond ta' Solidarjetà jwieġeb aħjar għall-avvenimenti tan-nixfa. - Il- Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili se jqis l-opportunitajiet kollha biex il-kwistjonijiet tan-nixfa jiġu inkorporati fi programm ta' ħidma annwali. Wieħed mill-għanijiet se jkun li jiġu identifikati l-possibilitajiet kollha ta' għajnuna f'każijiet ta' nixfiet qawwija li jkollhom konsegwenzi bħal nirien fil-foresti, u li jkun hemm il-mira għal użu u kumplimentazzjoni bl-aħjar mod tar-riżorsi skarsi disponibbli. - Il-Grupp ta' Esperti tal-Protezzjoni Ċivili dwar Sistemi ta' Twissija Bikrija se jintalbu jiżviluppaw approċċ biex jottimizzaw l-użu tas-sistema ta' twissija bikrija ta' nixfa fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali u biex jantiċipaw kwalunkwe azzjoni preparatorja ta' protezzjoni ċivili. 2.4. Il-kunsiderazzjoni ta' infrastrutturi addizzjonali għall-forniment ta' l-ilma Il-kwistjoni: F'reġjuni fejn il-miżuri ta' prevenzjoni kollha ġew implimentati skond il-ġerarkija ta' l-ilma (minn iffrankar ta' l-ilma għal politika tal-prezzijiet ta' l-ilma u soluzzjonijiet alternattivi) u meta titqies sew id-dimensjoni spiża-benefiċċju, u fejn id-domanda xorta tkun ikbar mid-disponibilità ta' l-ilma, infrastruttura addizzjonali għall-forniment ta' l-ilma tista' f'ċerti ċirkostanzi tkun identifikata bħala mod ieħor possibbli biex jitnaqqas l-impatt ta' nixfa qawwija. Hemm bosta modi possibbli ta' kif tiżviluppa infrastrutturi addizzjonali ta' l-ilma, bħall-ħażna ta' l-ilma tal-wiċċ jew ta' l-art, trasferimenti ta' l-ilma, jew użu alternattiv tas-sorsi. Il-bini ta' digi ġodda għall-forniment ta' l-ilma u t-trasferimenti ta' l-ilma huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' l-UE. Interruzzjoni jew trasferimenti tal-fluss tax-xmara jibdlu l-istat tal-massa ta' l-ilma u għalhekk huma suġġetti għal kriterji speċifiċi u stretti. Barra minn hekk, proġetti kbar spiss jipprovokaw kunflitt soċjali u politiku bejn baċiri donaturi u baċiri li se jilqgħu l-ilma, li jitfa' dubji dwar is-sotenibilità tagħhom. Għażliet alternattivi bħad-desalinizzazzjoni jew l-użu mill-ġdid ta' l-ilma tar-rimi qegħdin iktar u iktar jitqiesu bħala soluzzjonijiet potenzjali madwar l-Ewropa. Kull pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar dawn l-alternattivi għandha tkun bbażata fuq iktar xogħol fuq stima ta' l-impatt u tar-riskju, li jqisu ċ-ċirkostanzi bijo-ġeografiċi speċifiċi ta' l-Istati Membri u r-reġjuni. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell ta' l-UE: - Sa tmiem l-2008, tħejjija ta' stima tal-Kummissjoni ta' l-għażliet alternattivi kollha Fil-livell nazzjonali: - Żgurar li l-effetti kuntrarji kollha marbuta ma' kwalunkwe infrastruttura addizzjonali tal-forniment ta' l-ilma bħad-digi jew l-impjanti ta' desalinizzazzjoni - jitqiesu fis-sħiħ fl-istima ambjentali. Il-bidliet mistennija bħala konsegwenza tal-bidla fil-klima u l-għanijiet li jridu jintlaħqu fi ħdan il-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa jridu jitqiesu fis-sħiħ sabiex tiġi evitata kull inkompatibilità Prassi tajba: Proġetti ta' riċerka bħal MEDINA[7] u MEDESOL[8] (is-6 Programm Qafas ta' Riċerka) bħalissa jinsabu għaddejjin bil-ħsieb li jimminimizzaw il-volum ta' ilma mielaħ jew inaqqsu l-konsum ta' l-enerġija f'każ ta' desalinizzazzjoni. 2.5. It-trawwim ta' prassi u teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-ilma Il-kwistjoni: Is-setturi ekonomiċi kollha hemm bżonn li jkomplu jiżviluppaw teknoloġiji u prassi effiċjenti fl-użu ta' l-ilma. L-użu effiċjenti ta' l-ilma xorta jista' jitjieb konsiderevolment madwar l-UE. F'xi reġjuni, sa 30% tal-volum ta' l-ilma kkonsmat fil-bini jista' jiġi ffrankat[9]. F'xi bliet, it-tnixxijiet min-netwerks tal-provvista pubblika ta' l-ilma jistgħu jaqbżu l-50%. Ħela simili ta' ilma ġiet rreġistrata f'netwerks ta' irrigazzjoni. Barra minn hekk għat-tijib fit-teknoloġiji, l-aġġornament tal-prassi tal-ġestjoni ta' l-ilma huwa strument neċessarju fis-setturi kollha meta jintużaw kwantitajiet kbar ta' ilma (eż. l-agrikoltura, il-manifattura u t-turiżmu). It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell ta' l-UE: - Jitqies l-iżvilupp ta' l-istandards għal dispożittivi li jużaw l-ilma bħal sistemi ta' irrigazzjoni u tagħmir ieħor tal-biedja li juża l-elettriku. - Jitqies l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni li tkopri prodotti li ma jużawx l-elettriku inklużi dispożittivi li jużaw l-ilma (viti, shower heads , toilets ). - Jiġu inklużi kriterji ta' effiċjenza dwar l-ilma fl-istandards ta' prestazzjoni għall-bini meta jiġu armonizzati l-Valutazzjonijiet taċ-Ċikli tal-Ħajja u Dikjarazzjonijiet ta' Prodotti Ambjentali. - Jitqies l-iżvilupp ta' direttiva ġdida simili għad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni ta’ l-Enerġija tal-Bini[10] għall-prestazzjoni ta' l-ilma fil-bini. Din tkun tista' tkopri l-viti, id-doċċi u t- toilets , il-ħażna ta' l-ilma tax-xita u l-użu mill-ġdid ta' "ilma griż". - Titqies l-adozzjoni ta' indikatur tal-prestazzjoni għall-użu ta' l-ilma fir-reviżjoni tar-Regolament EMAS li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. Il-ħidma gradwali lejn ċertifikazzjoni possibbli tal-bini kollu ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej matul is-snin li ġejjin. - Titħeġġeġ riċerka aħjar fl-adozzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi għall-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, l-effiċjenza ta' l-ilma u għodod ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Fil-livell nazzjonali: - Titħeġġeġ l-adozzjoni ta' prestazzjonijiet li jorbtu għall-bini l-ġdid u għan-netwerks pubbliċi u privati, b'sistemi ta' multi għall-ħela eċċessiva ta' l-ilma. Fil-livell nazzjonali u ta' l-UE: - L-iżvilupp ta' ftehimiet volontarji mas-setturi ekonomiċi kollha li jeħtieġu l-ilma (bennejja, maniġers tal-kostruzzjoni, produtturi, professjonisti fit-turiżmu, bdiewa, l-awtoritajiet lokali) biex jiġu żviluppati prodotti, bini, netwerks u prassi li ma jaħlux l-ilma. Prassi tajba: Fi Spanja, programmi proattivi għall-iffrankar ta' l-ilma tnedew f'bosta bliet u pproduċew riżultati sinifikattivi. Fl-1997, Zaragoza nediet programm komprensiv ibbażat fuq dispożittivi u tagħmir ta' l-ilma aġġornati, l-introduzzjoni ta' mezzi għall-kejl u t-tqajjim ta' kuxjenza pubblika. L-implimentazzjoni tiegħu rriżultat f'1.2 biljun litru ilma fis-sena u l-inqas konsum ta' ilma għal kull abitant kuljum fi Spanja (96 l/persuna/jum). 2.6. It-trawwim ta' l-emerġenza ta' kultura li tiffranka l-ilma fl-Ewropa Il-kwistjoni: L-iżvilupp ta' kultura responsabbli li tiffranka l-ilma u li hija effiċjenti jeħtieġ politika attiva ta' tqajjim ta' kuxjenza fejn l-atturi kollha fis-settur ta' l-ilma jeħtieġ li jkunu involuti. Tagħrif, edukazzjoni u taħriġ huma oqsma prijoritarji biex issir azzjoni. Il-konsumaturi jitolbu dejjem iktar tagħrif fuq kif jintuża l-ilma fl-istadji kollha tal-proċess industrijali jew ta' l-agri-ikel. L-ittikkettjar huwa mod effiċjenti biex jiġi pprovdut tagħrif immirat lill-pubbliku dwar il-prestazzjoni ta' l-ilma u dwar prassi sostenibbli għall-ġestjoni ta' l-ilma. It-tqegħid fis-suq ta' dispożittivi dejjem iktar effiċjenti jew prodotti li ma jaħlux ilma għandu jkun imħeġġeġ. B'konformità mar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR), l-operaturi ekonomiċi involuti fi skemi ta' kwalità jew ċertifikazzjoni għandhom jiġu mħeġġa biex jippromwovu l-prodotti tagħhom abbażi ta' l-użu effiċjenti ppruvat ta' l-ilma. It-triq li rridu nieħdu: Fil-livell ta' l-UE: - Esplorazzjoni, flimkien ma' l-Alleanza Ewropea tan-Negozju dwar is-CSR, tal-possibilità ta' tnedija ta' inizjattiva ta' l-Alleanza dwar l-użu effiċjenti ta' l-ilma. - Tħeġġiġ ta' l-inklużjoni ta' regoli dwar il-ġestjoni ta' l-ilma fi skemi futuri ta' kwalità u ċertifikazzjoni. - Esplorazzjoni tal-possibilità ta' espansjoni ta' skemi eżistenti ta' l-UE għall-ittikkettjar fejn xieraq biex tippromwovi dispożittivi iktar effiċjenti fl-ilma u prodotti li ma jaħlux ilma. Fil-livell nazzjonali: - Tħeġġiġ iktar ta' l-iżvilupp ta' programmi edukattivi, servizzi konsultattivi, skambji ta' l-aħjar prassi u kampanji ta' komunikazzjoni kbar u mmirati li jiffukaw fuq kwistjonijiet tal-kwantità ta' l-ilma. Prassi tajba: Fis-Sajf 2006, Franza nediet kampanja nazzjonali intitolata "Kulħadd se jkollu ilma biżżejjed?" Din il-kampanja bbażata fuq reklami fuq it-televixin u r-radju ħeġġet sforzi individwali għall-iffrankar ta' l-ilma. Il-pubbliku kien tal-fehma li l-messaġġi kienu konvinċenti. 88% qalu li jagħmlu sforzi biex jiffrankaw l-ilma. 2.7. Titjib fl-għarfien u l-ġbir ta' data 2.7.1. Sistema ta' tagħrif dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa madwar l-Ewropa Il-kwistjoni: Tagħrif affidabbli dwar l-estensjoni u l-impatti ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa hija indispensabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Definizzjonijiet maqsuma huma bżonnjużi għall-iżgurar tal-konsistenza tad- data fil-livell ta' l-UE. Is-Sistema ta' Tagħrif dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE)[11] li ġiet ippubblikata dan l-aħħar tipprovdi l-pjattaforma ideali għall-integrazzjoni u t-tqassim ta' tagħrif bħal dan. It-triq li rridu nieħdu: - Il-preżentazzjoni ta' valutazzjoni annwali Ewropea, abbażi ta' indikaturi mqabbla u data pprovduta mill-Istati Membri u l-partijiet interessati lill-Kummissjoni jew l-Aġenzija Ambjentali Ewropea kull sena. - L-isfruttament sħiħ tas-servizzi ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) għat-twassil ta' data bbażata fl-ispazju u għodod ta' monitoraġġ li jappoġġjaw l-politiki ta' l-ilma, l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art u prassi mtejba ta' irrigazzjoni. 2.7.2. Opportunitajiet ta' riċerka u żvilupp ta' teknoloġija Il-kwistjoni: Appoġġ, koordinament u tqassim ta' sforzi ta' riċerka bejn il-livell nazzjonali u ta' l-UE se jiżguraw l-aqwa qbil bejn il-bżonnijiet ta' riċerka u x'qed jiġi offrut lis-soċjetà inklużi l-professjonisti u min ifassal il-politika. LIFE+ u l-programmi transkonfinali taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) dwar il-ġestjoni ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa għandhom ikunu kkoordinati. Iridu jinstabu sinerġiji bejn il-politika u r-riċerka f'dan ir-rigward. It-triq li rridu nieħdu - It-tixrid u l-iffaċilitar ta' l-użu u l-isfruttament tar-riżultati ta' riċerka dwar kwistjonijiet ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa. - L-esplorazzjoni, it-titjib u t-tħeġġiġ ta' attivitajiet teknoloġiċi u ta' riċerka f'dan il-qasam, inkluż in-netwerking, bl-opportunitajiet li jista' joffri s-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka Komunitarja. Dawn ir-riżultati ta' riċerka jistgħu jibdew ikunu operattivi u integrati fil-politika sa l-2009. 3. KONKLUżJONIJIET L-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfiet jeħtieġ li tiġi indirizzata kemm bħala kwistjoni ambjentali kif ukoll bħala prekondizzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Ewropa. Hekk kif l-UE qiegħda tagħmel ħilitha biex tagħti nifs ġdid u ħajja ġdida lill-ekonomija tagħha u tkompli tkun minn ta' quddiem fit-trattament tal-bidla fil-klima, it-tfassil ta' strateġija effettiva għall-effiċjenza fl-ilma jista' jagħti kontribut sostanzjali. Il-Komunikazzjoni tidentifika l-ewwel sett ta' alternattivi politiċi bil-ħsieb li jinfetaħ dibattitu b'firxa wiesgħa fuq kif taddatta ruħek għall-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, żewġ fenomeni li jistgħu potenzjalment jiżdiedu fil-kuntest tal-bidla fil-klima. L-alternattivi proposti mill-Komunikazzjoni jistgħu diġà jibdew iħallu l-frott fil-futur qrib.. Il-Kummissjoni għalhekk temmen li jrid isir iktar biex dawn il-miżuri jiġu introdotti malajr fil-livell ta' l-UE. F'dan is-sens huwa importanti li jitqies ir-rwol li jista' jkollhom ir-riżultati ta' l-istat l-aktar avvanzat tar-riċerka fit-tfassil tal-politiki. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress lejn l-orjentazzjonijiet stabbiliti u se tirrapporta dwarhom lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport se jkun ippreżentat fil-kuntest ta' Forum tal-Partijiet Interessati li se jsir fl-2008. Fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar din il-Komunikazzjoni fil-Kunsill tal-Ministri - li jibdew bill-Kunsill Ambjentali Informali fl-1 ta' Settembru 2007- u l-Parlament Ewropew u tar-riżultati tar-rapport imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni se tqis inizjattivi u azzjoni ta' segwitu fil-ftit snin li ġejjin. [1] http://ec.europa.eu/environment/water/pdf/1st_report.pdf 2 IPPC WGII Fourth Assessment Report, 6 ta' April 2007. [2] Id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma. [3] Ecologic, Report on EU water saving potential, Ġunju 2007. [4] Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet relatati ta' politika, KUMM(2007) 140. [5] Id-Direttiva 2001/42/KE (ĠU L 197, 21.7.2001 p. 30). [6] MEDINA: Membrane based desalination: an integrated approach (Desalinizzazzoni bbażata fuq il- membrane : strateġija integrata). [7] MEDESOL: Seawater desalination by innovative solar-powered membrane distillation system (Desalinizzazzjoni ta' l-ilma baħar permezz ta' sistema ta' distillazzjoni tal- membrane li taħdem bil-qawwa tax-xemx). [8] Ecologic, Ġunju 2007. [9] Id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini. [10] http://water.europa.eu