Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0359

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà {SEK(2007) 861} {SEK(2007) 862}

    /* KUMM/2007/0359 finali */

    52007DC0359




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 27.6.2007

    KUMM(2007) 359 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà:

    Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà

    {SEK(2007) 861}{SEK(2007) 862}

    WERREJ

    1. l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni u l-bidla 3

    2. Approċċ integrat għall-flessigurtà 4

    3. Strateġiji politiċi għall-flessigurtà: l-esperjenza ta' l-Istati Membri 8

    4. Il-Flessigurtà u d-djalogu soċjali 8

    5. L-iżvilupp ta' prinċipji komuni ta' flessigurtà 9

    6. Mogħdijiet għall-flessigurtà 10

    7. Id-dimensjoni finanzjarja tal-flessigurtà 11

    8. Il-passi li jmiss : Il-Flessigurtà u l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi 13

    ANNESS I IT-TOROQ TAL-FLESSIGURTÀ 14

    ANNESS II EŻEMPJI TAL-FLESSIGURTÀ 21

    ANNESS III INDIKATURI TA' L-ISFOND RILEVANTI GĦALL-FLESSIGURTÀ 24

    1. L-ISFIDI U L-OPPORTUNITAJIET TAL-GLOBALIZZAZZJONI U L-BIDLA

    Il-mod kif iċ-ċittadini Ewropej jgħixu u jaħdmu qed jinbidel b'pass mgħaġġel[1]. Erba' raġunijiet ewlenin jistgħu jiġu enfażizzati: l-integrazzjoni ekonomika Ewropea u internazzjonali; l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-informazzjoni u l-komunkazzjoni; it-tixjiħ demografiku tas-soċjetajiet Ewropej, flimkien ma' rati ta' impjieg medji li għadhom relattivament baxxi u qgħad għoli fuq medda twila ta' żmien, li huma ta' riskju għas-sistemi ta' ħarsien soċjali; u l-iżvilupp ta' swieq tax-xogħol issegmentati f'ħafna pajjiżi[2] fejn kemm il-ħaddiema mħarsa kif ukoll dawk li mhumiex jgħixu flimkien ("dawk ta' ġewwa" u "l-barranin").

    B'mod ġenerali, il-globalizzazzjoni hija ta' benefiċċju għat-tkabbir u l-impjiegi, iżda l-bidla li ġġib teħtieġ reazzjonijiet rapidi mill-impriżi u l-ħaddiema. L-impjieg ilu jiżdied fl-UE u l-qgħad nieżel b'rata tajba. Hemm żviluppi pożittivi li fihom potenzjal, anki jekk għad hemm 17-il-miljun qiegħda fl-UE (2007) u l-ekonomiji Ewropej għad għandhom il-ħtieġa ta' ristrutturazzjoni. L-adattament jeħtieġ suq tax-xogħol aktar flessibbli flimkien ma' livelli ta' sigurtà li jindirizzaw fl-istess waqt il-ħtiġijiet ġodda ta' sidien u ħaddiema. L-Ewropa trid toħloq iktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar, biex tiflaħ il-bidla u r-riskji soċjali ġodda. Trid tnaqqas is-swieq tax-xogħol issegmentati u l-impjiegi prekarji, u ġġib 'il quddiem l-integrazzjoni sostenuta u l-akkumulazzjoni tal-ħiliet. In-nisa, iż-żgħażagħ u l-migranti diġa huma rrappreżentati żżejjed fost il-barranin fis-suq tax-xogħol u l-ħaddiema aktar anzjani jiffaċċjaw għadd ta' diffikultajiet biex jibqgħu f'xogħlhom jew isibu impieg[3]. Anki dawk fuq kuntratti miftuħa jistgħu jħossuhom mhedda ghax, jekk jingħataw is-sensja, jsibu ruħhom fl-istess diffikultajiet huma u jfittxu impjieg ta' kwalità tajba.

    Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Liżbona ta' aktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar jinħtieġu forom ġodda ta' flessibbiltà u sigurtà, għall-individwi u l-kumpaniji kif ukoll għall-Istati Membri u l-Unjoni. L-individwi dejjem aktar jeħtieġu sigurtà fl-impjieg aktar minn sigurtà tal-post tax-xogħol, peress li qed jonqsu dawk li jsibu xogħol għal għomorhom. Il-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, jeħtieġu li jkunu kapaċi jadattaw il-forza tax-xogħol tagħhom għall-bidla fil-kondizzjonijiet ekonomiċi. Għandhom ikunu kapaċi jimpjegaw nies li l-ħiliet tagħhom jaqblu aktar max-xogħol, li jkunu aktar produttivi u adattabbli u dan iwassal għal aktar innovazzjoni u kompetitività. Madankollu, l-Ewropa mhix tadatta ruħa daqs kemm tista' għax-xokkijiet imposti fuq l-ekonomija tagħha. Dan jista' jkompli jġib tħassib marbuta ma' l- outsourcing u r-rilokazzjoni[4], u jżid l-inugwaljanzi fid-dħul u d-differenzi bejn il-ħaddiema tas-sengħa u dawk bla sengħa[5]. L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jimxu aktar lejn ekonomija ta' għarfien dinamika u ta' suċċess filwaqt li jferrxu l-benefiċċji tal-prosperità b'mod aktar ġust mas-soċjetà kollha. Irid ikun hemm aktar rebbieħa mill-proċess ta' bidla u aktar mobilità 'l fuq. Aktar nies li m'għandhomx mezzi jridu jiġu ttrasformati f'nies li għandhom.

    Iċ-ċittadini Ewropej jaċċettaw il-ħtieġa ta' adattament u bidla. 76% ta' l-Ewropej jaqblu li impjieg tul il-ħajja kollha ma' l-istess sid huwa xi ħaġa tal-passat. 76% jaħsbu wkoll li jekk bniedem jista' jaqleb bla diffikultà minn impjieg għal ieħor dan huwa vantaġġ utli biex isib jaħdem illum-il-ġurnata. 72% tan-nies qalu li l-kuntratti tax-xogħol għandhom isiru aktar flessibbli biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' l-impjiegi. Fl-aħħarnett, 88% taċ-ċittadini qalu li t-taħriġ regolari jtejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol.[6]

    Ir-reazzjoni ta' l-UE bħala politika ġenerali għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni hija l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbbir u l-Impjiegi. Il-Kunsill Ewropew għamel sejħa lill-Istati Membri "biex jiżviluppaw b'mod aktar sistematiku fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali strateġiji komprensivi ta' politika biex titjieb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi". Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali, intalbet "tesplora l-iżvilupp ta' sett ta' prinċipji komuni dwar il-flessigurtà", bħala referenza ta' siwi fil-kisba ta' swieq tax-xogħol aktar miftuħa u responsabbli u aktar postijiet tax-xogħol produttivi[7].

    2. APPROċċ INTEGRAT GħALL-FLESSIGURTÀ

    Il-prinċipju ġustifikattiv għal approċċ integrat għall-sflessigurtà hija l-ħtieġa li jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona[8] , b'mod partikolari aktar impjiegi u impjiegi aħjar, u fl-istess waqt biex jiġu mmodernizzati l-mudelli soċjali Ewropej. Dan jitlob politika li tindirizza fl-istess waqt il-flessibilità tas-swieq tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dinja tax-xogħol, u sigurtà – sigurtà ta' impjieg u sigurtà soċjali.

    Il-Flessigurtà għandha l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini ta' l-UE jistgħu jgawdu livell għoli ta' sigurtà fl-impjieg, jiġifieri l-possibbiltà li jsibu xogħol malajr f'kull stadju tal-ħajja attiva u jkollhom prospett tajjeb ta' żvilupp ta' karriera f'ambjent ekonomiku li jinbidel ta' malajr. Hija timmira wkoll li tgħin kemm lill-ħaddiema u kif ukoll lis-sidien sabiex jisfruttaw kompletament l-opportunitajiet li tippreżentalhom il-globalazzizzajoni. Għalhekk toħloq sitwazzjoni li fiha s-sigurtà u l-flessibbiltà jistgħu jsaħħu lil xulxin.

    L-Istati Membri għandhom jirsistu aktar biex is-swieq tax-xogħol tagħhom jgħarfu aktar x'inhuma l-ħtiġiiet ta' l-impjieg: il-miżuri politiċi ta' spiss jitfasslu u jiġu implimentati ftit ftit u li ma jindirizzax il-problemi aktar wiesgħa fis-suq tax-xogħol. Wisq ta' spiss, l-istrateġiji politiċi għandhom bħala għan li jżidu jew il-flessibilità għall-intrapriżi jew is-sigurtà għall-ħaddiema; bħala riżultat ta’ dan, jinnewtralizzaw jew jikkontradixxu lil xulxin. Il-boom ekonomiku, bl-ogħla tkabbir ekonomiku f'dawn l-aħħar 6 snin u 7 miljun impjieg ġdid bejn l-2005 u l-2008, huwa opportunità għall-Unjoni u l-Istati Membri: issa huwa l-waqt li l-isforzi jirduppjaw u jsiru r-riformi meħtieġa sabiex l-impenji ta' l-Unjoni għat-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol jitwettqu, u għall-koeżjoni ekonomika u soċjali.

    X'inhi l-flessigurtà?

    Il-flessigurtà tista' tiġi ddefinita bħala strateġija integrata biex ittejjeb, fl-istess ħin, il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol.

    Il-flessibbiltà, fuq naħa, tfisser moviment minn post għall-ieħor b'suċċess (tranżizzjonijiet") matul il-kors tal-ħajja: mill-iskola għax-xogħol, minn impjieg għal ieħor, bejn li tkun bla xogħol jew mhux attiv lejn li taħdem, u mill-karriera għall-pensjoni. Mhix limitata għal aktar libertà għall-kumpaniji li jingaġġaw jew jagħtu s-sensja, u ma tfissirx li l-kuntratti bi skadenza miftuħa huma xi ħaġa tal-passat. Tfisser progress għall-ħaddiema lejn impjiegi aħjar, "mobilità 'l fuq" u żvilupp ottimali tat-talent. Il-flessibbiltà tfisser ukoll organizzazzjonijiet flessibbli tax-xogħol, li wieħed ikun kapaċi juri ċerta sengħa b'mod effettiv fil-ħtiġijiet u l-ħiliet ta' produzzjoni, u tfisser ukoll l-iffaċilitar tar-rabta tar-responsabbiltajiet professjonali ma' dawk privati. Is-sigurtà, min-naħa l-oħra, hija ħafna aktar mis-sigurtà biss li bniedem iżomm xogħlu: tfisser li l-in-nies tagħtihom il-ħiliet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu progress fil-ħajja tax-xogħol, u tgħinhom isibu impjieg ġdid. Tfisser ukoll benefiċċji xierqa ta' qgħad għall-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet. Fl-aħħar nett, tiġbor fiha l-opportunitajiet ta' taħriġ għall-ħaddiema kollha, speċjalment il-ħaddiema ta' ftit sengħa jew il-ħaddiema aktar anzjani.

    Għalhekk, kemm l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà u mis-sigurtà, eżempju, minn organizzazzjoni aħjar tax-xogħol[9], mill-mobilità 'l fuq li tiġi minn ħiliet aħjar, minn investiment fit-taħriġ li jagħti l-frott lill-intrapriżi filwaqt li jgħin lill-ħaddiema jadattaw u jaċċettaw il-bidla.

    Il-komponenti tal-flessigurtà

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, mill-esperjenza u mill-evidenza analitika, waslu għal qbil li l-politika ta' flessigurtà tista' titfassal u tiġi implimentata fuq erba' komponenti ta' politika:

    - Arranġamenti kuntrattwali flessibbli u ta' min jorbot fuqhom (mil-lat ta' min iħaddem u ta' l-impjegat, ta' "dawk ta' ġewwa" u l-"barranin") permezz ta' liġijiet moderni tax-xogħol, ftehim kollettiv u organizzazzjoni tax-xogħol;

    - Strateġiji komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja (LLL) sabiex ikunu żgurati l-adattabilità bla waqfien u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, b'mod partikolari dawk l-aktar li jintlaqtu malajr;

    - Strateġiji politiċi effettivi u attivi tas-swieq tax-xogħol (ALMP) li jgħinu n-nies ilaħħqu mal-bidla rapida, jnaqqsu l-perjodi ta' qgħad u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet għal postijiet tax-xogħol ġodda;

    - Sistemi moderni ta' sigurtà soċjali li jipprovdu appoċċ xieraq għad-dħul, jħeġġu x-xogħol u jiffaċilitaw il-mobilità tas-suq tax-xogħol. Dan jinkludi kopertura wiesgħa ta' dispożizzjonijiet ta' protezzjoni soċjali (benefiċċji għall-qgħad, pensjonijiet u kura tas-saħħa) li jgħinu n-nies jorbtu flimkien ir-responsabbiltajiet privati u tal-familja ma' dawk tax-xogħol bħal pereżempju l-kura tat-tfal.

    Kif taħdem il-flessigurtà

    L-analiżi ekonomika[10] tikkonferma li dawn l-erba' komponenti jistgħu jkunu ta' appoċċ għal xulxin, u jtejjbu l-impjieg (totali kif ukoll għan-nisa, iż-żgħażagħ u ħaddiema aktar anzjani), ir-rati fir-riskju ta' faqar, u l-kapital uman.

    Filwaqt li xi ħaddiema jafu xi tfisser flessibbiltà għolja u sigurtà baxxa, oħrajn jinsabu f' arranġamenti kuntrattwali li huma ta' qtigħ il-qalb jew ta' dewmien għat-trasferimenti. Dan huwa partikolarment il-każ bil-leġiżlazzjoni stretta ta' ħarsien ta' l-impjieg ( employment protection legislation =EPL) kontra s-sensja ekonomika. Skond evidenza analitika[11], l-EPL stretta[12] tnaqqas l-għadd ta' sensji iżda tnaqqas ir-rata ta' dħul mill-qgħad għall-impjieg. Huma u jiddeċiedu dwar l-ingaġġ ta' nies ġodda, id-ditti se jqisu l-probabbiltà li fil-ġejjieni se jeħlu spejjeż għolja minħabba s-sensji. Dan huwa speċjalment rilevanti għall-intraprżi ż-żgħar. L-analiżi tissuġġerixxi[13] wkoll li minkejja li l-impatt ta' EPL stretta fuq il-qgħad totali huwa limitat, dan jista' jkollu impatt negattiv fuq dawk il-gruppi li x'aktarx se jkunu dawk li l-aktar se jintlaqtu minn problemi ta' dħul fis-suq tax-xogħol, bħaż-żgħażagħ, in-nisa u l-ħaddiema anzjani u dawk li jkunu bla xogħol għal żmien twil. In-nisa, pereżempju, aktar mill-irġiel x'aktarx li jkunu dawk li jgħaddu minn xogħol għal qgħad, b'mod partikolari meta jippruvaw isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, u għalhekk huma l-aktar effettwati minn nuqqas ta' ingaġġ ikkawżat mill-EPL stretta. EPL stretta ta' sikwit tinkoraġġixxi r-rikors għal firxa ta' kuntratti temporanji li għandhom livell ta' ħarsien baxx - l-aktar fost in-nisa u ż-żgħażagħ – bi ftit progress lejn postijiet tax-xogħol għal żmien indeterminat[14]. Ir-riżultat huwa s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol li l-flessigurtà tfittex li tindirizza. L-EPL, naturalment, għandha wkoll effetti pożittivi; b'mod partikolari, tħeġġeġ l-intrapriżi jinvestu fit-taħriġ u ġġib 'l quddiem il-lealtà u produttività ogħla ta' l-impjegati.

    L-Strateġiji komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja u investiment aħjar fir-riżorsi tal-bniedem huma ta' ħtieġa fit-tweġiba għall-bidla rapida u l-innovazzjoni. Dan huwa fattur dejjem iżjed kruċjali kemm għall-kompetittività tad-ditti kif ukoll għall-impjegabilità tal-ħaddiema. Edukazzjoni iniżjali ta' kwalità għolja, kompetenzi ewlenin wiesgħa u investimenti bla waqfien fil-ħiliet itejbu l-opportunitajiet ta' l-intrapriżi biex ilaħħqu mal-bidla ekonomika u l-opportunitajiet ta' l-impjegati li jibqgħu fix-xogħol jew isibu impjieg ġdid. Il-parteċipazzjoni għolja fit-tagħlim tul il-ħajja hija marbuta b'mod pożittiv ma' rata għolja ta' impjieg u rata baxxa ta' qgħad (fuq medda twila ta' żmien)[15]. Madankollu, ta' sikwit dawn l-investimenti qed ikunu ta' benefiċċju biss għal dawk li għandhom sengħa ta' livell għoli[16]. dawk li għandhom l-akbar ħtieġa li jitgħallmu, bħall-ħaddiema li għandhom ħiliet ta' livell baxx, ħaddiema fuq kuntratti temporanji, ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u ħaddiema aktar anzjani, isofru l-aktar minn nuqqas ta' investiment fit-taħriġ. L-intrapriżi jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jinvestu fil-ħiliet minħabba li n-nies imħarrġa jistgħu jiġu ingaġġati minn sidien oħrajn. Li jinqasmu l-ispejjeż, pereżempju permezz ta' fondi fuq il-livell tal-fergħa, jista' jipprevieni xi ftit minn din il-problema. L-Istrateġiji inklużivi ta' tagħlim tul il-ħajja jeħtieġu l-involviment ta' gvernijiet, l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi u l-ħaddiema individwali.

    Is-sistemi moderni ta' sigurtà soċjali li joffru benefiċċji xierqa għall-qgħad, kif ukoll l-istrateġiji attivi għas-swieq tax-xogħol, huma komponenti essenzjali li jipprovdu sigurtà ta' dħul mill-qliegħ u appoġġ tul it-tibdil minn post tax-xogħol għal ieħor. Sistemi tajbin ta' benefiċċju għall-qgħad huma meħtieġa biex jinnewtralizzaw il-konsegwenzi negattivi fid-dħul mill-qliegħ matul it-trasferiment minn impjieg għal ieħor, iżda jista' jkollhom effett negattiv fuq l-intensità ta' l-attivitajiet ta' tfittxija ta' xogħol u jistgħu jnaqqsu l-inċentivi finanzjarji biex jiġi aċċettat ix-xogħol. Dan jista' jiġi newtralizzat l-aktar bit-twaqqif ta' appoġġ effiċjenti għat-tfittxija tax-xogħol u inċentivi ta' xogħol[17], bl-iżgurar ta' bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi. L-evidenza turi li l-għajnuna diretta fit-tfittxija għax-xogħol, bħal pereżempju korsijiet fit-tfittxija tax-xogħol u għaqdiet li jgħinuk issib ix-xogħol, jinsabu fl-ogħla postijiet fost il-miżuri effettivi ta' għajnuna għal min qiegħed ifittex ix-xogħol[18]. L-infiq fuq strateġiji politiċi attivi għas-swieq tax-xogħol huwa assoċjat ma' ammont aktar baxx ta' qgħad[19]. L-effikaċja ta' l-istrateġiji politiċi attivi għas-swieq tax-xogħol hija marbuta b'mod pożittiv ma' EPL anqas stretta[20].

    Biex l-istrateġija ta' flessigurtà tkun ta’ suċċess trid tibbilanċja bir-reqqa l-funzjoni ta' assikurazzjoni tad-dħul mill-qliegħ tas-sistema ta' benefiċċji għall-qgħad ma' strateġija xierqa ta' "attivazzjoni" imfassla biex tiffaċilita t-tranżizzjonijiet lejn il-qgħad u tagħti spinta lill-iżvilupp tal-karriera. L-evidenza empirika tagħti x'tifhem li l-ħaddiema jħossuhom iktar imħarsa meta jkollhom benefiċċji xierqa għall-qgħad milli ħarsien strett kontra s-sensja. L-istrateġiji politiċi attivi għas-swieq tax-xogħol, ukoll, għandhom effett pożittiv fuq is-sens ta' sigurtà fost il-ħaddiema[21]. Meta jiġu mistoqsija dwar l-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg ġdid wara li jitilfu x-xogħol, it-tweġiba tagħhom hija differenti ħafna minn post għal ieħor fl-Ewropa. Pereżempju, il-ħaddiema Franċiżi, b'EPL għolja, iqisu bħala baxxi ħafna l-opportunitajiet tagħhom filwaqt li l-ħaddiema Daniżi, b'EPL moderata, iqisuhom għoljin ħafna[22]. Dan juri li benefiċċji tajba għall-qgħad, strateġiji politiċi attivi u effettivi għas-swieq tax-xogħol u swieq tax-xogħol dinamiċi jżidu is-sens ta' sigurtà tan-nies.

    3. STRATEġIJI POLITIċI GħALL-FLESSIGURTÀ: L-ESPERJENZA TA' L-ISTATI MEMBRI

    F'dawn l-aħħar snin, id-dibattitu dwar il-flessigurtà kien ispirat minn impjieg u rendimenti soċjo-ekonomiċi favorevoli f'ċerti Stati Membri, kif enfasizzat mill-Istrateġija għall-Impjiegi imtennija mill-OECD[23]. L-OECD tikkaratterizza l-flessigurtà b'mod wiesgħa hekk kif ġej: EPL moderata; sehem qawwi fit-tagħlim tul il-ħajja; baġit għoli fuq strateġiji ta' politika għas-swieq tax-xogħol (kemm passiv kif ukoll attiv); sistemi ġenerużi ta' benefiċċji għall-qgħad li jibbilanċjaw drittijiet u doveri; kopertura wiesgħa tas-sistemi tas-sigurtà soċjali; kopertura għolja sindakali. Ir-riżultati soċjo-ekonomiċi huma kkaratterizzati minn rati għoljin ta' impjiegi, rati baxxi ta' qgħad, u rati baxxi ta' faqar relattiv meta mqabbel mal-medja ta' l-UE. Ix-xogħol imwettaq fl-OECD[24], l-ILO[25] u l-Kummissjoni Ewropea[26] juri li l-politika ta' flessigurtà kkontribwiet għal dawn ir-riżultati favorevoli.

    Bi qbil ma' l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, il-flessigurtà wieħed għandu jaraha f' kuntest aktar wiesgħa. Strateġiji politiċi makro-ekonomiċi tajbin u finanzjarjament sostenibbli u strateġiji mikro-ekonomiċi effettivi, kif ukoll prodotti, servizzi u swieq kapitali miftuħa u kompetittivi joħolqu ambjent fejn id-ditti jistgħu jaħtfu opportunitajiet emerġenti, jiffinanzjaw ideat kummerċjali ġodda u joħolqu postijiet tax-xogħol. Bl-istess mod, il-flessigurtà trid tkun ikkomplimentata minn strateġiji politiċi soċjali intiżi għal min hu anqas privileġġjat u dawk l-aktar il-bogħod mis-suq tax-xogħol.

    L-Anness II jenfażizza xi eżempji ta' pajjiżi li joperaw politika effettiva ta' flessigurtà jew jindirizzaw l-isfidi tagħhom b'mod komprensiv u orjentat lejn il-flessigurtà.

    Sabiex ikollhom stampa ċara ta' l-effikaċja tal-politika ta' flessigurtà, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jiddiskutu d-definizzjoni u l-użu ta' indikaturi rilevanti għall-flessigurtà; ir-riżultat s'issa ta' dan ix-xogħol li għadu għaddej qiegħed fl-Anness III.

    4. IL-FLESSIGURTÀ U D-DJALOGU SOċJALI

    L-involviment attiv ta' l-imsieħba soċjali għandu rwol ewlieni fl-iżgurar li l-flessigurtà ġġib benefiċċji għal kulħadd. Jeħtieġ ukoll li l-partijiet interessati kollha involuti jkunu lesti li jaċċettaw u jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltà tal-bidla. L-istrateġiji politiċi integrati ta' flessigurtà jinsabu ta' sikwit f'pajjiżi fejn id-djalogu – u qabel xejn il-fiduċja – bejn l-imsieħba soċjali, u bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi, kellu rwol importanti. Huma l-aktar l-imsieħba soċjali dawk li jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-sidien u l-ħaddiema u li jindunaw bis-sinerġiji ta' bejniethom, pereżempju fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja. L-appoġġ ta' l-imsieħba soċjali għall-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Liżbona huwa vantaġġ importanti; li dan l-appoġġ jinbidel f'inizjattivi ta' politika konkreta hija responsabbiltà tal-gvernijiet u l-imsieħba soċjali bl-istess mod. Approċċ komprensiv ta' flessigurtà – u mhux ta' miżuri separati ta' politika – huwa probabbilment l-aħjar mod kif tiżgura li l-imsieħba soċjali jidħlu f'dibattitu komprensiv dwar l-adattabilità.

    L-esperjenza turi li approċċ ta' sħubija huwa l-aħjar mod kif tiżviluppa politika ta' flessigurtà. Naturalment, jiddependi mill-partijiet interessati rilevanti, bħala organizzazzjonijiet awtonomi, biex jiddeċiedu huma stess kif għandhom jieħdu sehem fi djalogu soċjali dwar il-politika ta' flessigurtà.

    Fuq il-livell ta' l-Istati Membri, il-flessigurtà tipprovdi l-qafas għal proċess biex jiġu stabbiliti l-objettivi nazzjonali ta' adattament u bidla fil-qasam ta' l-impjieg, il-produttività, il-flessibbiltà u s-sigurtà. Dan il-proċess ikun jeħtieġ aktar għarfien tal-ħtiġijiet speċifiċi għall-bidla u t-titjib fl- istrateġija politika. Ikunu l-awtoritajiet pubbliċi li jibdewh, iżda bl-impenn ta' l-imsieħba soċjali, u ta' partijiet oħra interessati skond il-każ. Jista' jitwaqqaf djalogu nazzjonali b'rappreżentanti tas-sidien, il-ħaddiema, il-gvern u partijiet oħra, bil-kompitu li jifformulaw sensiela ta' approċċi ta' strateġija politika jew li jinnegozjaw pakkett ta' miżuri. Dan jista' jwassal għall-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali integrata ta' flessigurtà. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu ma' l-imsieħba soċjali bil-ħsieb li jinkludu l-approċċi tagħhom għall-flessigurtà fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali.

    5. L-IżVILUPP TA' PRINċIPJI KOMUNI TA' FLESSIGURTÀ

    Filwaqt li l-istrateġiji politiċi u l-miżuri ta' flessigurtà jridu jirriflettu s-sitwazzjonijiet nazzjonali li huma differenti ħafna minn xulxin, l-Istati Membri kollha għandhom quddiemhom l-istess sfida ta' modernizzazzjoni u adattament għall-globalizzazzjoni u l-bidla. Għalhekk, sabiex id-dibattiti nazzjonali jiġu ffaċilitati fi ħdan l-objettivi komuni ta' l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, jidher xieraq li jintlaħaq qbil fuq il-livell ta' l-UE dwar sensiela ta' "prinċipji komuni ta' flessigurtà".

    Dawn il-prinċipji komuni jistgħu jkunu referenza utli fil-kisba ta' swieq tax-xogħol aktar miftuħa u li jwieġbu għas-sejħa u postijiet tax-xogħol aktar produttivi. Għandhom jgħinu lill-Istati Membri fit-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' flessigurtà li jqisu fis-sħiħ l-isfidi speċifiċi u rispettivi tagħhom, opportunitajiet u ċirkustanzi, bl-involviment attiv tal-partijiet soċjali.

    Il-prinċipju komuni jista' jkun:

    1. Il-flessigurtà tinvolvi arranġamenti kuntrattwali flessibbli u ta' min jorbot fuqhom (mill-perspettiva tas-sid u ta' l-impjegat, ta' dawk ta' ġewwa u l-barranin); strateġiji komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja; strateġiji politiċi effettivi u attivi tas-suq tax-xogħol; u sistemi moderni ta' sigurtà soċjali. L-objettiv tagħha huwa li ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi, toħloq aktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar, u ssaħħaħ il-mudelli soċjali Ewropej, billi tipprovdi forom ġodda ta' flessibbiltà u sigurtà biex iżżid l-adattabilità, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali.

    2. Il-flessigurtà timplika bilanċ bejn id-drittijiet u r-responsabbiltajiet għas-sidien, il-ħaddiema, dawk li jfittxu x-xogħol u l-awtoritajiet pubbliċi.

    3. Il-flessigurtà għandha tkun adattata għaċ-ċirkustanzi speċifiċi, is-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali ta' l-Istati Membri. Il-flessigurtà ma tfissirx mudell wieħed ta' suq tax-xogħol jew strateġija waħda ta' politika.

    4. Il-flessigurtà għandha tnaqqas il-firda bejn dawk ta' ġewwa u l-barranin fis-suq tax-xogħol. Dawk li bħalissa qiegħdin ġewwa għandhom bżonn l-appoġġ biex ikunu mħejja u mħarsin fit-tranżizzjoni ta' bejn impjieg u ieħor. Dawk li bħalissa huma barranin – inklużi dawk bla xogħol, fejn fost dawn in-nisa, iż-żgħażagħ u l-migranti huma rrappreżentati ż-żejjed - jeħtieġu punti ta' dħul faċli u mezzi li jgħinuhom jimxu 'l quddiem f'arranġamenti kuntrattwali stabbli.

    5. Il-flessigurtà interna (ta' ġewwa l-intrapriża) kif ukoll dik esterna (minn intrapriża għal oħra) għandha tkun promossa. F'ingaġġ u tkeċċija jrid ikun hemm biżżejjed flessibbiltà flimkien ma' tranżizzjoni bla periklu minn impjieg għal ieħor. Il-mobilità 'l fuq jeħtieġ li tkun iffaċilitata, kif ukoll dik bejn il-qgħad jew in-nuqqas ta' attività u l-impjieg. Postijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja bi tmexxija ta' ħila, organizzazzjoni tajba tax-xogħol u aġġornament bla waqfien tal-ħiliet huma parti mill-objettivi tal-flessigurtà. Il-ħarsien soċjali jeħtieġ li jirfed, mhux ixekkel, il-mobilità.

    6. Il-flessigurtà għandha tappoġġja l-ugwaljanza tas-sessi billi ġġib 'il quddiem aċċess indaqs għall-impjieg ta' kwalità kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u billi toffri possibiltajiet ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja kif ukoll billi tipprovdi opportunitajiet indaqs lill-migranti, iż-żgħażagħ, ħaddiema diżabbli u lill-ħaddiema aktar anzjani.

    7. Il-flessigurtà teħtieġ klima ta' fiduċja u djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali, fejn kulħadd għandu jkun lest jieħu r-responsabbiltà tal-bidla, u jipproduċi pakketti ta' strateġija politika bbilanċjati.

    8. L-istrateġiji politiċi ta' flessigurtà fihom l-ispejjeż baġitarji tagħhom u għandhom jinkisbu bil-ħsieb li jsir kontribut lejn strateġiji baġitarji sodi u finanzjarjament sostenibbli. Għandhom ukoll jimmiraw lejn tqassim ġust ta' spejjeż u benefiċċji, speċjalment bejn ditti, individwi u baġits pubbliċi, b'attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni speċifika ta' l-SMEs Fl-istess waqt, strateġiji politiċi effettivi ta' flessigurtà jistgħu jikkontribwixxu lejn objettiv ġenerali bħal dan.

    6. MOGħDIJIET GħALL-FLESSIGURTÀ

    L-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta' flessigurtà fl-Istati Membri teħtieġ li jitwaqqfu azzjonijiet ta' tlaqqigħ u sekwenzi ppjanati u nnegozjati sewwa ta' strateġiji politiċi u ta’ miżuri. Peress li l-Istati Membri jvarjaw b'mod konsiderevoli fl-isfond istituzzjonali, kulturali u soċjo-ekonomiku tagħhom, it-tlaqqigħ speċifiku u s-sekwenzi se jvarjaw ukoll.

    Filwaqt li l-flessigurtà ma tfissirx mudell wieħed ta' suq tax-xogħol jew strateġija waħda ta' politika, l-aqwa eżempji ta' prassi minn madwar l-Unjoni tipprovdi opportunitajiet wiesgħa għall-Istati Membri li jitgħallmu minn xulxin billi janaliżżaw x'inhu l-aħjar fis-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

    Jistgħu jiġu identifikati għadd ta' azzjonijiet ta' tlaqqigħ u sekwenzjaturi wiesgħa u "tipiċi" tal-komponenti ta' strateġija politika ta' flessigurtà, biex ikunu jistgħu jintgħelbu l-isfidi tipiċi li l-pajjiżi għandhom quddiemhom fi triqthom lejn il-flessigurtà; dawn jissejjħu mogħdijiet għall-flessigurtà. L-erba' mogħdijiet tipiċi – u l-isfidi li jfittxu li jindirizzaw – deskritti fl-Anness I ma jirriflettux – u tabilħaqq ma jistgħux jirriflettu – is-sitwazzjoni konkreta ta' xi pajjiż speċifiku. Madankollu, kull mogħdija – anki għadd ta' mogħdijiet magħquda flimkien – tindirizza sfidi speċifiċi li huma pertinenti għal bosta Stati Membri.

    Dawn il-mogħdijiet ġew żviluppati fuq il-bażi tas-sitwazzjonijiet ta' l-Istati Membri, u tar-rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar il-Flessigurtà[27].

    L-Istati Membri, huma u jqisu s-sitwazzjoni partikolari tagħhom u l-isfond istituzzjonali, għandhom jistudjaw – f'konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u partijiet oħra interessati - l-isfidi speċifiċi tagħhom u l-mogħdijiet tipiċi li jistgħu jwassluhom għal soluzzjoni, sabiex ifasslu l-mogħdija komprensiva tagħhom stess lejn tlaqqigħ aħjar ta' flessibbiltà u sigurtà.

    Il-mogħdijiet tipiċi għandhom ukoll iservu bħala għodda għal tagħlim minn xulxin u kriterji ta' kejl komuni ġewwa l-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona.

    7. ID-DIMENSJONI FINANZJARJA TAL-FLESSIGURTÀ

    Il-bidliet ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol li dejjem iżidu l-pass jeħtieġu li l-ħaddiema jagħmlu tranżizzjonijiet bejn impjieg u ieħor aktar ta' sikwit matul il-karriera tagħhom. Dan jista' jitlob li wieħed jirrikorri għall-benefiċċji tal-qgħad filwaqt li jkollu l-appoġġ fit-tfittxija attiva għal impjieg u titjib fil-ħiliet tiegħu.

    F'pajjiżi fejn teżisti diġà sistema ta' benefiċċji tal-qgħad u l-benefiċċji huma ġenerużi, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dritt-u-d-dover għandha tikkontribwixxi biex is-sistema ssir waħda ta' nfiq effettiv. Għall-pajjiżi fejn is-sistemi ta' benefiċċju huma anqas żviluppati, l-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw li jaqilbu r-riżorsi pubbliċi lejn it-titjib ta' l-istrateġiji politiċi ta' flessigurtà u jifirxu l-ispejjeż addizzjonali bejn sorsi differenti, jew permezz ta' aktar taxxi jew kontribuzzjonijiet soċjali.

    Iżda, l-ispejjeż finanzjarji tal-flessigurtà għandhom dejjem jiġu mqabbla mal-benefiċċji baġitarji li jiġu minn dinamiżmu mtejjeb tas-suq tax-xogħol, aktar impjiegi u aktar produttività. Hemm studju[28] li juri li żieda ta' 10% fl-infiq għall-ALMP għal kull persuna bla xogħol tnaqqas ir-rata tal-qgħad b'0.4%. Intervent bikri jnaqqas l-ispejjeż tal-qgħad fuq medda twila ta' żmien, il-mard assoċjat miegħu u l-esklużjoni soċjali[29].

    It-tagħlim aħjar tul il-ħajja se jeħtieġ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u privati, u xi kultant użu ikbar, iżda dan għandu jiġi kkumpensat f'termini ta' aktar impjiegi u produttività ogħla tax-xogħol. Ġie stmat li l-persuni li jidħlu għal taħriġ vokazzjonali fuq il-post tax-xogħol jaqilgħu medja ta' 5% aktar minn dawk li ma jagħmlux dan[30]. Proporzjon sinifikanti ta' l-ispejjeż ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol jitħallas fil-preżent mis-sidien u dan se jissokta. Barra minn hekk, l-istrateġiji ta' politika pubblika jistgħu wkoll jistimulaw tagħlim tul il-ħajja ffinanzjat mill-individwi, eżempju permezz ta' tnaqqis fit-taxxa. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-ħaddiema jistgħu wkoll jingħataw ir-responsabbiltà għall-investimenti fit-tagħlim tul il-ħajja u t-teħid ta' l-offerti kurrenti ta' taħriġ. Għalhekk, il-ħaddiema jistgħu wkoll jieħdu fuq spallejhom l-ispejjeż, pereżempju billi jinvestu l-ħin tagħhom.

    It-tisħiħ ta’ l-istrateġiji politiċi attivi tas-suq tax-xogħol jista’ jeħtieġ li riżorsi ġodda jiġu kkonċentrati fuq strateġiji politiċi individwalizzati u preventivi. Iżda, dawn l-istrateġiji ma jsirux aktar effettivi sempliċement billi jogħla l-infiq totali. L-effikaċja tagħhom tiddependi fuq il-kwalità u r-rilevanza tagħhom fis-suq tax-xogħol, fuq kemm ikunu mfassla tal-qies, u fuq it-tlaqqigħ effettiv bejn is-sigurtà u r-rieda li wieħed jilqa’ t-tibdil u d-dinamiżmi tas-swieq tax-xogħol. Strateġiji politiċi effettivi anti-diskriminatorji jikkomplementaw ukoll il-politika attiva tas-suq tax-xogħol.

    Il-politika ta’ flessigurtà ta’ sikwit għandha wkoll spejjeż baġitarji u trid tibqa’ kompatibbli fis-sħiħ ma’ strateġiji politiċi baġitarji b’saħħithom u finanzjarjament sostenibbli. F’ċerti pajjiżi l-infiq marbut mal-flessigurtà fih innifsu huwa għoli biżżejjed iżda jeħtieġ li l-effikaċja tiegħu tiżdied, l-aktar bit-titjib ta’ l-istruttura tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol. F’pajjiżi oħra, hemm naturalment il-ħtieġa ta’ riżorsi żejda u allura ta’ aktar infiq pubbliku u privat, almenu fuq il-medda l-qasira; iżda, dan l-iffinanzjar żejjed ma jiġix bilfors minn aktar infiq totali pubbliku iżda wkoll minn tqassim ġust ta’ l-ispejjeż bejn id-ditti, l-individwi u l-baġits pubbliċi, u mill-infiq pubbliku li jintuża aktar għall-ċerti prijoritajiet politiċi.

    L-iffinanzjar ta' strateġiji politiċi għall-flessigurtà: il-kontribuzzjoni Komunitarja

    Il-Linjigwida tal-Komunità għall-Koeżjoni u dawk għall-iżvilupp rurali jenfasizzaw il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Iżvilupp Rurali lejn l-objettivi strateġiċi ta’ l-Unjoni, u b’mod partikolari lejn l-Istrateġija ta’ Liżbona. B’mod aktar speċifiku, il-miżuri kollha li jaqgħu fi ħdan il-Linjigwida dwar l-Impjiegi (inklużi għaldaqstant l-istrateġiji politiċi ta’ flessigurtà) huma eliġibbli għall- appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) , li se jqiegħed għad-disponibilità ta’ l-Istati Membri madwar € 70 biljun fil-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013, u f’ħafna każijiet il-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew jista’ wkoll jipprovdi għajnuna finanzjarja. Fost l-azzjonijiet li jistgħu jiġu ffinanzjati hemm it-taħriġ fuq livell tal-kumpaniji u miżuri attivi dwar is-suq tax-xogħol, inklużi l-għajnuna fit-tfittxija ta’ l-impjieg għal min hu bla xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-promozzjoni ta’ l-impjieg awtonomu u l-intrapriża. Il-Fond Ewropew għall-Adattament għall-Globalizzazzjoni jista’ wkoll jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għall-Komunità.

    8. IL-PASSI LI JMISS : IL-FLESSIGURTÀ U L-ISTRATEġIJA TA' LIżBONA GħAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

    L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li jkun iffaċilitat dibattitu komprensiv bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet oħra interessati, sabiex il-Kunsill Ewropew ikun jista’ jadotta, sa l-aħħar ta’ l-2007, sett ta’ prinċipji komuni ta’ flessigurtà. Dawn il-prinċipji komuni għandhom imbaghad jispiraw u jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tal-Linjigwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u b’mod partikolari l-Linjigwida dwar l-Impjieg.

    Ir-Rapport Konġunt li jmiss dwar l-Impjiegi ta’ l-2007/2008 għandu jiffoka l-analiżi tiegħu fuq kemm l-Istati Membri qiegħdin jiżviluppaw strateġiji politiċi komprensivi li jkopru l-erba’ komponenti tal-flessigurtà. Fl-analiżi tagħha tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali ta’ Liżbona ta’ din is-sena, il-Kummissjoni se tipprovdi kummenti inizjali dwar kif l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn prinċipji komuni u toroq ta’ flessigurtà biex ifasslu l-istrateġiji politiċi speċifiċi tagħhom.

    Matul iċ-ċiklu li jmiss tal-Linjigwida Integrati, l-Istati Membri se jiġu mistiedna jużaw il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom biex jirrappurtaw b'mod espliċitu dwar l-istrateġiji tagħhom ta' flessigurtà. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib dawn l-istrateġiji fir-Rapporti Annwali dwar il-Progress, u tirrapporta dwar il-Progress miksub fl-istrateġiji ta' flessigurtà fi tmiem iċ-ċiklu ta' Liżbona. Il-Kummissjoni se tipproponi programm imsaħħaħ u aktar iffukat ta' tagħlim reċiproku biex tiżgura li l-Istati Membri jibbenefikaw minn politika ta' flessigurtà li taħdem.

    Minħabba r-rwol tad-djalogu soċjali fit-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' suċċess ta' flessigurtà, il-Kummissjoni tistieden l-imsieħba soċjali Ewropej jimpenjaw ruħhom fi djalogu fuq livell Komunitarju, abbażi tal-prinċipji komuni ta' flessigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew. Dan id-dibattitu jikkomplementa r-rwol ċentrali ta' l-imsieħba soċjali fil-kuntesti nazzjonali rispettivi tagħhom u jikkontribwixxi fih. Is-Samit Soċjali Tripartitiku ta' l-2008 jista' b'hekk jikkonċentra d-diskussjoni tiegħu dwar il-flessigurtà.

    ANNESS I IT-TOROQ TAL-FLESSIGURTÀ

    Triq 1: l-indirizzar tas-segmentazzjoni kuntrattwali

    Din it-triq tipika hija ta' interess għall-pajjiżi fejn l-isfida ewlenija hija s-swieq segmentati tax-xogħol, kemm b'dawk ta' ġewwa kif ukoll bil-barranin. Din it-triq ikollha l-għan li tiddistribwixxi l-flessigurtà u s-sigurtà b'mod aktar ugwali bejn il-forza tax-xogħol. Hija tipprovdi punti tad-dħul għall-impiegi għal impjegati ġodda u tippromwovi l-progress tagħhom għal ftehimiet kuntrattwali aħjar

    F'dawn il-pajjiżi, kuntratti bla tmiem ġew meqjusa bħala l-punt ta' aċċess għall-ħarsien mil-liġijiet tax-xogħol u mill-ftehimiet kollettivi. L-opportunitajiet tat-taħriġ u d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali wkoll jiddeppendu fuq kuntratt bla tmiem. Minħabba tentattivi biex tiżdied il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol, ġew żviluppati numru kbir ta' kuntratti bi żmien fiss, kuntratti ta' xogħol fuq sejħa, xogħol minn aġenziji, eċċ. Spiss il-ħaddiema jkollhom numru ta' kuntratti fissi qabel ma jiksbu impjieg b'kuntratt bla żmien fiss. Flok bħala skaluni, dawn il-kuntratti hemm ċans li jservu ta' nasbiet. F’dawn il-pajjiżi, is-sigurtà għandha t-tendenza li tiddependi fuq il-ħarsien ta’ l-impjieg flok fuq il-benefiċċi soċjali. Bħala konsegwenza, il-benefiċċji tal-qgħad huma aktarx baxxi u s-sistemi ta’ għajnuna soċjali m’humiex żviluppati tajjeb. L-amministrazzjonijiet tal-benefiċċji u s-servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar, fis-sitwazzjoni preżenti tagħhom, għandhom bżonn ta’ rinfurzar istituzzjonali sabiex joffru immaniġġjar tajjeb u politiki tas-suq tax-xogħol effettivi u attivi lill-persuni qiegħda.

    Il-beneffiċji għaċ-ċittadini u s-soċjetà jkomplu jiżdiedu jekk jinħolqu skaluni li jippermetti lill-ħaddiema li jidħlu u jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol.

    Fi ħdan arranġamenti kuntrattwali , din it-triq ikollha l-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ħaddiema li għandhom kuntratti bi żmien fiss, xogħol ta’ aġenziji, xogħol fuq sejħa eċċ. Din tiżgura li jiġi offrut ħarsien adegwat lil dawn il-ħaddiem, per eżempju ħlas ugwali u numru minimu ta’ sigħat ta’ xogħol għal ħaddiema fuq sejħa. Kundizzjonijiet sekondarji ta’ l-impjegar, bħal kopertura b’fondi tal-pensjoni tax-xogħol u aċċess għat-taħriġ, ikunu japplikaw ukoll għal dawn il-ħaddiema. Il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi jkunu jillimitaw użu kollettiv ta’ kuntratti non-standard u jippromwovu progress f’waqtu għal kuntratti aħjar.

    Strateġija kumplimentari tkun li jiġi mfassal mill-ġdid il-kuntratt bla żmien fiss. F’din l-għażla, il-ħaddiema jkollhom kuntratt bla żmien fiss mill-bidu tar-relazzjoni ta' xogħol tagħhom ma’ min jimpjegahom u ma jkollhomx bżonn, kif inhu l-każ bħalissa, li jibdew b’serje ta’ kuntratti bi żmien fiss jew xogħol ma' aġenziji. Il-kuntratt bla żmien fiss jiġi mfassal mill-ġdid biex jinkludi akkumulazzjoni progressiva ta’ ħarsien għall-impjieg. Ikun jibda b’livell bażiku ta’ ħarsien ta’ l-impjieg, u l-ħarsien jiżdied progressivament hekk kif jinżamm l-impjieg, sakemm jinkiseb ħarsien ‘sħiħ’. Din ‘l-istrateġija taż-żamma' tiggarantixxi progress awtomatiku f'kundizzjonijiet kuntrattwali aħjar, u r-riskju li wieħed ‘jeħel’ f’kuntratti ta' anqas ħarsien għalhekk jitnaqqas.

    It-tfassil mill-ġdid għat-tkeċċijiet għal raġunijiet ekonomiċi jkunu previsti għal kuntratti bla żmien fiss, li tiġi indirizzata l-burokrazija, il-perjodu tal-proċeduri, it-titjib tat-trasparenza tar-riżultati u li l-proċess isir aktar affidabbli.

    Dwar it-tagħlim tul il-ħajja , min jimpjega u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-faċilitajiet tat-taħriġ għall-ħaddiema temporanji. Fil-preżent, dawn il-kategoriji rari jirċievu opportunitajiet ta' taħriġ minħabba li min iħaddem ma jkunx ċert kemm se jżomm il-ħaddiema miegħu. Il-fondi għat-taħriġ u l-istituti tar-riċerka fuq livell reġjonali jew ta’ fergħa jiġu installati biex jiżguraw li kulħadd ikun jista’ jibbenefika mit-taħriġ. L-inċentivi għall-ħaddiema u għall-intrapriżi, inkluż kuntribuzzjonijiet finanzjarji u tnaqqis fit-taxxa, jiġu msaħħa biex iżidu l-parteċipazzjoni.

    Politiki attivi tas-suq tax-xogħol jibdew billi jissaħħu s-servizzi ta’ l-impjegar pubbliku f’termini ta’ personal u ħiliet. Il-kooperazzjoni mas-sieħba tas-suq, bħal aġenziji ta’ xogħol temporanju, ikunu kkunsidrati. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol jitfasslu biex jappoġġaw mhux biss qgħad (fuq medda twila ta’ żmien) imma wkoll lil dawk li jesperjenzaw intervalli frekwenti ta’ qgħad.

    Is-sistemi tas-sigurtà soċjali jiżguraw il-possibbiltà għall-ħaddiema temporanji biex jakkumulaw id-drittijiet u jtejbu l-portabilità tad-drittijiet bejn il-fruntieri tal-kumpaniji u l-fergħat. Dawn jiġu mmudellati mill-ġdid sabiex jipprovdu benefiċċji ogħla waqt perjodi iqsar ta’ qgħad. L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ għajnuna soċjali tkun ikkunsidrata biex iżżid il-mobbiltà taċ-ċittadini u tagħmilhom anqas dipendenti fuq appoġġ informali għall-familja.

    Il-fiduċja bejn is-sieħba soċjali tissaħħaħ aktar billi jinħolqu opportunitajiet sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu bidliet viżibbli ta’ benefiċċju għall-kostitwenzi tagħhom.

    Dwar is- sekwenzar u l-iffinanzjar , tingħata prijorità lill-indirizzar tas-segmentazzjoni, li tfisser spejjeż diretti limitati. Il-miżuri taħt it-tagħlim tul il-ħajja u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol huma ta’ l-akbar importanza imma jdumu biex jagħtu riżultati. Huma jeħtieġu wkoll investimenti pubbliċi u privati. It-titjib fis-sigurtà soċjali, speċjalment it-twaqqif ta’ għajnuna soċjali, jista' jeħtieġ nefqa pubblika akbar li trid timxi flimkien ma’ aktar sorveljanza u kundizzjonalità tal-benefiċċji sabiex jiġi żgurat li nfiq simili jipprovdi benefiċċji. B’mod parallel, it-tfassil mill-ġdid tar-regoli tat-tkeċċija jsiru flimkien mat-tqegħid fis-seħħ ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

    ***

    Triq 2: l-iżvilupp tal-flessigurtà fi ħdan l-intrapriżi u offerta tat-tranżizzjoni tas-sigurtà.

    Din it-triq tipika hija ta' interess għall-pajjiżi bi flussi ta’ xogħol relattivament baxx. Hija żżid l-investimenti fl-impjegabbiltà biex tippermetti lill-ħaddiema fi ħdan l-intrapriżi biex kontinwament jaġġornaw il-kapaċitajiet tagħhom u għalhekk ikunu preparati aħjar għall-bidliet futuri fil-metodi tal-produzzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol. Din it-triq tkun ukoll tħares lilhinn mix-xogħol proprju u min proprjament iħaddem, billi ddaħħal fis-seħħ sistemi li jipprovdu tranżizzjonijiet b’suċċess minn xogħol għal xogħol fil-każ ta’ ristrutturar u tnaqqis tan-nies mill-kumpanija.

    Il-pajjiżi li huma indirizzati b’din it-triq huma dominati b’intrapriżi akbar, li joffru livelli għoljin ta’ ħarsien ta’ l-impjieg. Il-ħaddiema huma marbuta b'mod qawwi ma’ l-intrapriża tagħhom u d-dinamiżmu fis-suq tax-xogħol huwa x’aktarx baxx. Fis-snin reċenti, din it-tradizzjoni ġiet taħt pressjoni minħabba li r-ristrutturar u x-xogħol li jsir barra l-kumpanija saru aktar frekwenti. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali f’dawn il-pajjiżi huma b’mod ġenerali żviluppati sew u l-benefiċċji huma adegwati. Li benefiċċji tajba jiġu magħquda ma’ inċentivi qawwija sabiex wieħed jaċċetta impjieg tibqa’ sfida. L-infiq fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol spiss żdied b’mod qawwi, imma l-programmi m'humiex dejjem effettivi, speċjalment meta jiġu għal offerti ta' toroq lura lejn ix-xogħol għal dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil.

    Il-benefiċċji għaċ-ċittadini u s-soċjetà jakkumulaw minn mobbiltà mtejba tal-ħaddiema bejn l-intrapriżi. Il-ħaddiema jkunu aktar lesti li jieħdu riskji assoċjati ma’ trasferimenti fl-impjieg jekk il-benefiċċji jkunu adegwati matul il-perjodi ta’ tranżizzjoni u jekk il-prospetti għal impjieg ġdid u aħjar ikunu reali.

    Arranġamenti kuntrattwali jsiru biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) strateġija preventiva, b’investiment kontinwu fit-tagħlim tul il-ħajja (ara hawn taħt), flessibbiltà mtejba tal-ħinijiet tax-xogħol u arranġamenti biex jingħaqdu r-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-ħarsien tat-tfal; (b) intervenzjoni bikrija, jiġifieri li t-tiftix għal impjieg ġdid ma jdumx ma jibda sakemm il-ħaddiem ikun twaqqaflu l-impjieg, imma immedjatament meta dan isir probabbli, u (c) azzjoni konġunta minn dawk kollha konċernati. Min iħaddem, is-sieħba soċjali, is-servizzi ta’ impjegar pubbliku u l-aġenziji ta’ xogħol temporanju jkunu jaħdmu flimkien biex jorganizzaw tranżizzjonijiet u jevitaw li l-ħaddiema li tilfu xogħolhom jibqgħu qiegħda għal żmien twil. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, il-proċeduri għat-tkeċċija jkunu ferm eħfef, jiswew anqas u jieħdu anqas ħin.

    L-intrapriżi jkunu obbligati li jagħmlu investimenti fit- tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol tagħhom. Dan isir b’mod li jieħdu kont tad-diversità ta’ l-intrapriżi u d-daqs tagħhom. Irid ikun hemm programmi li jiżviluppaw il-ħiliet biex jiġu offruti taħriġ personali u programmi dwar il-karriera lil kull ħaddiem. Programmi simili jridu jkunu parti minn kuntratt ta’ xogħol, li jikkostitwixxi obbligazzjoni reċiproka sabiex isir dak kollu possibbli ħalli jiġu sodisfatti il-kundizzjonijiet tal-ħiliet maqbula. L-impjegabbiltà ssir ukoll kwistjoni ta’ negozjati fuq livell ta' intrapriża jew fergħa. Il-ftehimiet kollettivi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ ħiliet għal kull professjoni rilevanti, jipprovdu faċilitajiet ta’ taħriġ sabiex jinkisbu dawn il-ħiliet, u jistabilixxu perjodi għall-ħaddiema biex jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. F’fergħat dominati mill-SMEs, il-kooperazzjoni fuq livell ta’ fergħa tkun utli sabiex jinħolqu politiki effettivi għall-iżvilupp tal-kapital uman.

    Politiki attivi tas-suq tax-xogħol , mħaddma mis-servizzi pubbliċi għall-impjegar, jikkontribwixxu għal tranżizzjonijiet b’suċċess minn impjieg għal impjieg (ara hawn fuq). Barra minn dan, is-servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar jiffokaw fuq qgħad għal perjodu twil ta’ żmien. Dawn joffrulhom programmi li jipprovdu aktar rispons għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u taħriġ personalizzat lil dawk li jfittxu impjieg.

    Is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ikunu jiffukaw sabiex jiżguraw il-kundizzjonalità tal-benefiċċji u sorveljanza effettiva ta’ l-isforzi għal tiftix ta’ xogħol. Il-livelli ta’ benefiċċji, għalkemm ġeneralment adegwati, jista’ jkollhom bżonn jogħlew matul l-ewwel perjodi ta’ qgħad, sabiex tittejjeb il-qagħda tal-ħaddiema fi tranżizzjoni.

    Għalkemm id-djalogu soċjali istituzzjonalizzat huwa żviluppat tajjeb, hemm bżonn urġenti li l-fiduċja bejn is-sieħba soċjali tissaħħaħ, speċjalment fuq livell nazzjonali. Fejn possibbli, livelli deċentralizzati jkunu implikati fin-negozjati.

    Fir-rigward tas- sekwenzjar u ffinanzjar , tingħata prijorità lill-miżuri u l-investimenti mill-intrapriżi u l-fergħat, biex jiġu żviluppati aktar il-flessigurtà interna u t-tranżizzjoni tas-sigurtà. Dan ikun jimxi id f’id ma’ l-iffokar mill-ġdid tal-proċeduri lejn intervenzjoni u tranżizzjoni kmieni. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol imtejba jkunu jeħtieġu nfiq aħjar flok aktar infiq.

    ***

    Triq 3: immirar fuq il-ħiliet u d-differenzi ta’ opportunitajiet fost il-forza tax-xogħol

    Din it-triq tipika hija ta’ interess għall-pajjiżi fejn l-isfida ewlenija hija differenzi kbar fil-ħiliet u l-opportunità fost il-popolazzjoni. Din tkun tippromwovi opportunitajiet għal persuni b’ħiliet bażiċi biex jidħlu fix-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom sabiex jiksbu pożizzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol

    F’dawn il-pajjiżi, ir-rati ta’ impjegar għandhom it-tendenza li jkunu għoljin, madankollu mhux il-gruppi kollha jkunu fl-istess livell. Il-mobbiltà ‘l fuq għandha bżonn tiġi promossa. L-arranġamenti kuntrattwali għandhom it-tendenza li jkunu flessibbli biżżejjed, imma f’xi każijiet għandhom bżonn li jipprovdu iktar ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. Id-differenzi fil-ħiliet u l-opportunità jistgħu jwasslu għas-segmentazzjoni fis-setturi u l-postijiet tax-xogħol kif ukoll fis-suq tax-xogħol. Hemm riskji li gruppi speċifiċi (nisa, ommijiet waħedhom, migranti, persuni bi bżonnijiet speċjali, u ħaddiema żgħażagħ u kbar fl-età) qed jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol. Dan jista’ jirriżulta fi grupp kbir ta’ persuni li jibqgħu b’mod permanenti fuq il-benefiċċji u l-faqar jista’ jiżdied. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jipprovdu inċentiv qawwi għall-aċċettazzjoni tax-xogħol, imma jista’ jkun hemm bżonn ta’ sforzi biex jiġi żgurat il-progress f’termini ta’ kwalità ta’ l-impjieg u l-livelli ta' ħiliet.

    Il-benefiċċji għaċ-ċittadini u s-soċjetà jakkumulaw permezz ta’ possibbiltà mtejba ta’ mobbiltà soċjali għal dawk b’ħiliet bażiċi billi l-persuni jiġu mħejjija biex javvanzaw fi professjonijiet differenti b’opportunitajiet differenti.

    Arranġamenti kuntrattwali jippermettu lil ħaddiema b’ħiliet bażiċi li jidħlu fix-xogħol b’kundizzjonijiet li huma favorevoli għal dawk li jistgħu potenzjalment iħaddmuhom, kif ukoll jippermettulhom li javvanzaw għal arranġamenti kuntrattwali aktar stabbli meta jtejbu l-ħiliet tagħhom u relazzjoni tax-xogħol tikseb karattru aktar permanenti.

    Il-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja jindirizzaw id-differenzi ta’ opportunità fost il-forza tax-xogħol, billi jibdew fis-sistema edukattiva inizjali. Issir ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola u b'hekk il-kwalifiki ġenerali ta’ dawk li jħallu l-iskola jitjiebu. Jiġu indirizzati wkoll il-problemi ta’ l-illitteriżmu u l-innumeriżmu fost il-popolazzjoni adulta. It-taħriġ għall-forza tax-xogħol jiġi mmirat b'mod speċifiku fuq dawk li għandhom biss ħiliet bażiċi. Tiġi promossa l-għaqda bejn ix-xogħol, it-taħriġ u l-mobbiltà bejn is-sistemi tat-taħriġ. It-tagħlim informali jiġi rikonoxxut u vvalidat u jiġi organizzat taħriġ fuq il-kompjuter bażiku, b’lingwaġġ li jinftiehem kemm barra l-post tax-xogħol kif ukoll fih. Filwaqt li jittieħed kont tad-diversità u d-daqs tagħhom, l-intrapriżi jiżviluppaw strateġiji ta’ ħiliet komprensivi, li jippermetti lill-personal tagħhom li jitħarrġu u jiksbu ħiliet ġodda. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jtejbu l-inċentivi lill-intrapriżi biex jinvestu fil-forza tax-xogħol tagħhom billi jużaw inċentivi ta’ taxxa jew strumenti oħra. Imma jkunu jistgħu wkoll iżidu l-inċentivi lill-ħaddiema, per eżempju billi jdaħħlu fis-seħħ sistema ta’ kontijiet ta' taħriġ individwali. Kontijiet simili jkunu jippermettu lill-ħaddiema li jonfqu ċertu ammont ta’ ħin tax-xogħol u flus fuq l-iżvilupp personali tagħhom, b’kooperazzjoni ma’ min iħaddimhom.

    Politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu jiddistingwu b’mod ċar bejn dawk li jfittxu impjieg li huma mħarrġa biżżejjed, u dawk li għandhom bżonn isaħħu l-ħiliet tagħhom. Għall-ewwel grupp, l-enfasi jista’ jkun fuq appoġġ individwali fit-tiftix ta’ l-impjieg. Għat-tieni grupp madankollu, politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu jiffokaw fuq li jiġi provdut taħriġ adegwat biex jappoġġa l-mobbiltà ‘l fuq u integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli aktar milli mgħaġġla.

    Is-sistemi tas-sigurtà soċjali jkunu joffru inċentivi lil dawk b’ħiliet bażiċi u jissorveljaw il-kundizzjonalità ta’ benefiċċji simili sabiex jiżguraw li x-xogħol irendi, jekk ikun hemm bżonn billi jipprovdu benefiċċi supplimentari jew bit-tneħħija gradwali tal-benefiċċji. Għalhekk ikunu qed jikkontribwixxu biex jevitaw problemi ta’ ħaddiema foqra. Ikunu qed jikkontribwixxu wkoll sabiex inaqqsu spejjeż tax-xogħol mhux relatati mal-paga ta’ ħaddiema b’ħiliet bażiċi.

    Fejn ir-rwol ta’ sħubija soċjali m’huwiex żviluppat b’mod qawwi, id-djalogu soċjali jista’ jingħata ħajja mill-ġdid billi jinġiebu kwistjonijiet ġodda fid-diskussjoni, bħar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni u l-ħiliet.

    Dwar l-issekwenzjar u l-iffinanzjar, it-titjib fl-edukazzjoni inizjali jiġi implimentat bħala prijorità, imma jdum aktar ma jagħti riżultati. Taħriġ imtejjeb fuq il-post tax-xogħol ikun jeħtieġ investimenti privati, appoġġati b’inċentivi pubbliċi. Politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u politiki fil-qasam tas-sigurtà soċjali biex iżidu l-attraenza ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema b’ħiliet bażiċi, iridu jittejbu.

    ***

    Triq 4: titjib ta' l-opportunitajiet għal dawk li jirċievu l-benefiċċji u ħaddiema impjegati informalment.

    Din it-triq tipika hija ta’ interess għal pajjiżi li kellhom esperjenza sostantiva tar-ristrutturar ekonomiku fil-passat reċenti, li rriżulta f’numru kbir ta’ persuni fuq benefiċċji għal perjodu twil ta’ żmien u b’perspettivi diffiċli li jirritornaw fis-suq tax-xogħol. L-għan tagħha jkun li ttejjeb l-opportunitajiet għal dawk li jirċievu l-benefiċċji u jgħaddu minn impjieg informali għal formali permezz ta’ żvilupp ta’ politiki attivi ta’ suq tax-xogħol effettivi u sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja magħquda flimkien ma’ livell adegwat ta’ benefiċċji tal-qgħad

    F’dawn il-pajjiżi, tradizzjonali, spiss industrijalizzati, l-intrapriżi kienu sfurzati li jkeċċu numru kbir ta’ ħaddiema. Ħaddiema qiegħda jirċievu benefiċċji li spiss huma mfassla bħal ‘benefiċċji għall-ħruġ mis-suq tax-xogħol’ minflok ‘tranżizzjoni għal impjieg ġdid’. L-investimenti f’politiki attivi tas-suq tax-xogħol huma limitati u l-probabbiltà li jsibu impjieg ġdid hija baxxa. Amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar benefiċjarji jeħtieġu rinfurzar istituzzjonali biex jipprovdu politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi. Attività ekonomika ġdida qed tiżviluppa, l-aktar fis-servizzi. Għall-benefiċċji tar-reċipjenti, huwa diffiċli li jinħatfu opportunitajiet ta’ impjegar assoċjati ma’ dan l-iżvilupp ekonomiku. Impjiegi ġodda spiss ikollhom livelli baxxi ta’ ħarsien, filwaqt li xi miżuri li japplikaw għal impjiegi qodma jistgħu jkunu ristrettivi wisq. Id-differenzi bejn is-sessi jibqgħu. Bosta persuni qed jirrikorru għall-ekonomija informali. Sistemi dgħajfa ta’ taħriġ vokazzjonali jagħmluha diffiċli għal ħaddiema b’ħiliet bażiċi u għaż-żgħażagħ mingħajr esperjenza ta’ xogħol li jaġġustaw għall-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

    Il-benefiċċji għaċ-ċittadini u s-soċjetà jakkumulaw mill-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-persuni qiegħda u mill-fatt li jinġiebu minn attività ta’ ekonomija informali għal dik formali.

    Bl- arranġamenti kuntrattwali , ikun żgurat li l-ħaddiema impjegati fis-setturi emerġenti ta’ l-ekonomija, li ħafna minnhom jaħdmu fuq terminu fiss jew fuq bażi ta’ sejħa, ikunu offruti livelli adegwati ta’ ħarsien. Ir-regolarizzar tax-xogħol informali jista’ jsir aktar attraenti billi jittejbu d-drittijiet informali tal-ħaddiema u jiġi provdut aċċess għat-taħriġ professjonali. Livell ogħla ta’ impjiegi regolarizzati jwasslu għal żieda fid-dħul tat-taxxa u kontribuzzjonijiet soċjali. It-tranżizzjonijiet mill-impjegar formali ikunu jeħtieġu wkoll aktar riformi għat-tassazzjoni tax-xogħol, kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tan-negozji kif ukoll it-tisħiħ ta’ l-ispettorati tax-xogħol u ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji li jikkumbattu x-xogħol informali. Ħaddiema b’kuntratti mingħajr żmien fiss jibbenefikaw minn żieda fl-investimenti fit-taħriġ tagħhom u azzjoni bikrija fil-każ ta’ theddida ta’ tkeċċija. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu fis-seħħ, ikun hemm anqas bżonn li jiġu applikati regoli stretti fir-rigward ta’ tkeċċijiet ekonomiċi.

    It-tagħlim tul il-ħajja , l-edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-intrapriżi, immirati lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. L-investimenti tal-kumpaniji fit-tagħlim tul il-ħajja jiżdiedu. Fin-negozjati kollettivi jista’ jkun hemm diskussjoni dwar obbligu għal min iħaddem li jinvesti fl-impjegati tiegħu. L-iżvilupp ta’ tagħlim tul il-ħajja u sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jkun jeħtieġ sħubija mill-qrib bejn il-kumpaniji privati u l-awtoritajiet pubbliċi. Għaqda aħjar bejn l-allokazzjoni tar-riżorsi u r-riżultati ta’ l-edukazzjoni hija meħtieġa għal dawn is-sistemi biex jiġġustifikaw l-ispejjeż.

    Il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar tkun prijorità. Dan jeħtieġ titjib f’termini ta’ numru ta’ personal, ħiliet, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijeit u l-organizzazzjoni tax-xogħol. Kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar benefiċjarji tiġi msaħħa sabiex tipprovdi politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu jikkonċentraw fuq qgħad għal żmien twil u ħaddiema bi bżonnijiet speċjali u ħaddiema mhedda bi tkeċċija. Dawn ikunu jipprovdu għajnuna mfassla apposta, inkluż programmi li jwieġbu aktar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u impjegar mill-ġdid b’suċċess ta’ dawk li jfittxu xogħol. Is-sħubija pubblika-privata tal-partijiet kollha interessati (awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, fornituri ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, sieħba soċjali, kumpaniji, NGOs, aġenziji privati ta’ l-impjegar) jistgħu jikkontribwixxu għall-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

    Dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali , il-benefiċċji tal-qgħad jinġiebu għal livell adegwat, biex jippermettu tiftix għax-xogħol mingħajr ma l-ħaddiema jidħlu f’impjiegi informali. Fl-istess ħin inċentivi tax-xogħol u l-kundizzjonalità tal-benefiċċji, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, jeħtieġ li jiġu mtejba. Min-naħa dawn ikunu jinkoraġġixxu persuni li jieħdu l-benefiċċji li jistgħu jaħdmu biex ifittxu l-impjiegi u min-naħa l-oħra lil min iħaddem biex joħloq impjiegi ġodda. Il-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali fis-suq tax-xogħol tiġi faċilitata. Il-portabilità għal jeddijiet tas-sigurtà soċjali tiġi mtejba.

    Il-kapaċità tas-sieħba soċjali tiġi msaħħa, eż. bl-estensjoni tad-drittijiet għal negozjar ta’ elementi ewlenin tal-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż il-ħin tax-xogħol. Il-gvernijiet jippromwovu il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u jgħaqqadhom f’korpi akbar. Id-djalogi soċjali jistgħu jiġu msaħħa. Id-djalogu soċjali jista’ jiġi żviluppat ukoll fuq livell ta’ fergħa u reġjun.

    Dwar l-issekwenzjar u l-iffinanzjar , tingħata prijorità sabiex ix-xogħol informali jinġieb fis-sistema formali. L-infurzar mill-ġdid istituzzjonali tas-servizzi pubbliċi ta’ l-impjegar u t-titjib fis-sigurtà soċjali għalhekk ikunu jistgħu jsiru. L-investimenti fit-tagħlim tul il-ħajja ikunu jeħtieġu sforzi konġunti mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-intrapriżi. It-tfassil mill-ġdid tal-proċeduri jkun jista’ jsir b'mod parallel mat-titjib tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u s-sigurtà soċjali.

    ANNESS IIEŻEMPJI TAL-FLESSIGURTÀ

    L-eżempji li ġejjin juru kif jistgħu jaħdmu l-politiki ta’ flessigurtà. Huma jissottolineaw il-merti ta’ strateġija integrata tul għall-anqas uħud mill-erba’ komponenti tal-flessigurtà, fejn il-flessibbiltà u s-sigurtà huma ta’ benefiċċju reċiproku.

    Is-sistema ta’ ħlas Awstrijaka għat-temma ta' l-impjiegi. L-Awstrija tgħaqqad flessibbiltà tas-suq tax-xogħol kemmxejn għolja ma' livell medju ta' benefiċċji soċjali, akkumpanjati b’politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi u dipendenza qawwija fuq is-sħubija soċjali. Il-liġijiet tax-xogħol Awstrijaċi jipprevedu livell de facto relattivament baxx ta’ ħarsien ta’ l-impjiegi, għalkemm l-istatistiċi juru indiċi medju. Din id-diskrepanza hija marbuta ma’ l-aspetti proċedurali, li jappoġġaw proċeduri ta’ tkeċċija relattivament mingħajr problemi. Relattivament ftit hemm bżonn li min iħaddem jirrikorri għal kuntratti bi żmien fiss, li s-sehem tagħhom huwa taħt il-medja (9% fl-2006 kontra l-14.4% bħala medja ta’ l-UE). Ir-rata ta’ qgħad hija fost l-aktar baxxa ta’ l-Ewropa (4.8%). Il-qgħad fuq medda ta' żmien twil huwa 1.3%. Ir-rati ta' impjegar jissodisfaw il-mira ta' Liżbona (70.2% bħala total u 63.5% għan-nisa). Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja qabżet il-mira ta' l-UE u hija 12.9% (2005) u r-rata ta' faqar hija baxxa, 12%.

    F'dan il-kuntest, innovazzjoni ġdida importanti seħħet fl-2003, meta s-sistema l-ġdida ta' ħlas daħlet fis-seħħ. Bis-sistema l-antika, il-ħlas lil ħaddiema li tkeċċew kien jiddependi fuq it-tul ta' żmien tar-relazzjoni tax-xogħol. Dan kien ifisser li l-ħaddiema, meta jimxu minn impjieg għal ieħor, kienu jitilfu d-drittijiet akkumulati tagħhom. Is-sistema l-ġdida tobbliga lil min iħaddem li jħallas somma kull xahar f'kont personalizzat li għandhom il-ħaddiema. Il-ħaddiema jistgħu jiġbdu minn dan il-kont f'każ ta' tkeċċija. Is-sistema l-ġdida telimina l-effetti ta' skuraġġiment għall-mobbiltà u ma tħallix li l-ħaddiema jitilfu l-jeddijiet tagħhom f'każijiet li huma jagħżlu li jtemmu r-relazzjoni tax-xogħol. Aktar minn hekk, il-Fondazzjonijiet tax-xogħol (Arbeitsstiftungen) huma mudell partikolarment ta' suċċess biex itaffu l-konsegwenzi tar-ristrutturar. Huma jservu bħala aġenziji ta' tranżizzjoni biex jappoġġaw sejbiet ta' postijiet minn impjieg għal impjieg f'każ ta' theddid ta' tkeċċija tal-massa, billi japplikaw il-prinċipji ta' intervenzjoni bikrija u azzjoni konġunta mill-partijiet pubbliċi u privati kollha kkonċernati.

    It-Trijanglu tad-Deheb Daniż . Is-suq tax-xogħol Daniż juri għaqda b'suċċess tal-flessibbiltà u s-sigurtà, joffri liġijiet tax-xogħol flessibbli u ħarsien relattivament baxx ta' l-impjiegi, sforzi estensivi fuq it-tagħlim tul il-ħajja u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u sistema ġeneruża tas-sigurtà soċjali. Dan imur lura għal dak li huwa hekk imsejjaħ 'il-ftehim ta' Settembru' ta' l-1899, li nnegozja d-dritt ta' reklutaġġ u tkeċċija ma' l-iżvilupp ta' sistema pubblika ta' benefiċċji għall-impjegar. Fis-sittinijiet, bl-istabbiliment tas-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi, l-istat ħa fuq spallejh il-parti l-kbira tar-riskju tal-qgħad. Lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol ġew miżjuda, bil-għan li jimmotivaw lil dawk li jfittxu u jaċċettaw xogħol kif biex jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom. L-iżvilupp tal-ħiliet ġie stimulat b'sistema ta' rotazzjoni ta' l-impjiegi, li tippermetti lill-ħaddiema li jitħarrġu filwaqt li persuni qiegħda jissostitwuhom temporanjament. Flimkien, dawn l-elementi jiffurmaw dak l-hekk imsejjaħ Trijanglu tad-Deheb ta' l-arranġamenti kuntrattwali flessibbli, skemi ta' sigurtà soċjali u benesseri ġenerużi u politiki attivi tas-suq tax-xogħol estensivi. Id-Danimarka hija kkaratterizzata minn rati għolja ferm ta' impjegati (77.4% fl-2006), qgħad (3.9%), qgħad fost iż-żgħażagħ (7.7%) u qgħad għal perjodu twil ta' żmien (0.8%) ferm baxxi, bdil għoli ta' l-impjiegi (kwart ta' l-impjegati ilhom jaħdmu ma' l-istess imgħallem għal anqas minn sena), parteċipazzjoni għolja fit-tagħlim tul il-ħajja (27.4%), rata baxxa ta' riskju ta' faqar (12%) u l-parti l-kbira tal-popolazzjoni jħossuhom sikuri ferm.

    Xogħol temporanju fl-Olanda . Il-'Ftehim Wassenaar' Olandiż (1982) innegozja moderazzjoni fil-pagi għall-impjegar, u wetta' t-triq għall-iżvilupp ta' impjiegi part-time fil-kuntest tal-ftehimiet kollettivi. L-impjiegi part-time huma fil-parti l-kbira tagħhom kuntratti bla żmien fiss u m'għandhomx jitħaltu ma' 'impjiegi prekarji'. Il-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time , li huma l-aktar nisa, jagħmlu dan b'mod volontarju. Matul id-disgħinijiet, l-inflessibbiltà relattiva tas-suq tax-xogħol kienet qed tqajjem tħassib, imma l-awtoritajiet ma setgħux jilħqu ftehim dwar l-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol. Is-Sieħba Soċjali (fil-Fondazzjoni tax-Xogħol) fl-aħħar ġew mistiedna li jinnegozjaw pakkett. L-isforzi tagħhom ikkonċentraw fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ħaddiema fuq kuntratti temporanji, u b'hekk tnaqqset il-prekarjetà mingħajr ma tneħħa l-aspett tal-flessibbiltà. Dan kien jinkludi tliet ingredjenti ewlenin: (1) l-illimitar ta' użu konsekuttiv ta' kuntratti fuq żmien fiss għal tlieta (il-kuntratt li jmiss ikun b'terminu mhux fiss); (2) it-tneħħija ta' l-ostakoli għall-aġenziji temporanji; (3), għarfien ta' kuntratti ta' aġenziji għal żmien fiss u temporanji fil-kodiċi tax-xogħol u l-introduzzjoni tal-ħarsien minimu u l-ħlas. Il-ħaddiema temporanji ta' l-aġenziji jkunu koperti bi ftehim kollettiv li jipprovdi garanziji tal-paga, taħriġ u pensjoni supplimentari. Il-ftehim iddaħħal fil-leġiżlazzjoni; l-Att dwar il-Flessibbiltà u s-Sigurtà daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999. Matul id-disgħinijiet, l-Olanda rat tnaqqis drastiku fil-qgħad u ħolqien qawwi ta' l-impjiegi. Ir-rati tax-xogħol huma għoljin, b'mod ġenerali (74.3% fl-2006) kif ukoll għan-nisa (67.7%). Ix-xogħol li huwa ekwivalenti għal full-time huwa anqas minħabba rata għolja ta' part-time . Il-qgħad huwa baxx (3.9%), kif ukoll il-qgħad fost iż-żgħażagħ (6.6%) u l-qgħad għal żmien twil (1.7%). Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija relattivament għolja (15.9%). Ir-rata ta' riskju ta' faqar hija relattivament baxxa 11%.

    Tnaqqis ta' kuntratti bi żmien fiss fi Spanja. Spanja tesperjenza b'mod kontinwu sehem għoli ta' kuntratti fissi, li jkopru 34% ta' l-impjiegi totali. Ftehim komprensiv ġie ffirmat f'Mejju 2006, li jkopri sat-tmiem ta' l-2007, bejn is-sieħba soċjali u li huwa appoġġat mill-Gvern, dwar l-użu eċċessiv ta' kuntratti fuq żmien fiss u jnaqqas il-kundizzjonijiet għal min iħaddem. Kull ħaddiem li jkun iffirma żewġ kuntratti jew aktar għal żmien fiss ma' l-istess kumpanija, u li jkun serva fl-istess kariga għal aktar minn 24 xahar fi żmien perjodu ta' 31 xahar, awtomatikament jikseb kuntratt mingħajr żmien fiss; F'dan il-kuntratt il-ħlas obbligatorju f'każ ta' tmiem ta' l-impjieg jitnaqqas minn 45 għal 33 għal kull sena li tinħadem.

    Il-Ftehim tas-Sieħba Soċjali 'Lejn l-2016' fl-Irlanda . L-ekonomija Irlandiża u s-suq tax-xogħol għaddew minn perjodu ta' bidla mgħaġġla fis-snin reċenti. L-Irlanda għaddiet mill-bidla ta' ekonomija bi dħul baxx u tkabbir bil-mod għal ekonomija b'rati għoljin ta' xogħol f'pajjiż bi tkabbir għoli, dħul għoli u rata baxxa ta' qgħad. L-Irlanda għandha suq tax-xogħol flessibbli u qed issaħħaħ l-investiment tagħha fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (0.75% tal-PGD meta kkumparat mal-medja ta' l-UE ta' 0.5%). Riżultati baxxi ta' l-edukazzjoni mill-ħaddiema kbar fl-età (41.7% ta' dawk bejn il-45-54 li l-aktar li għandhom hija l-edukazzjoni sekondarja) jirriflettu n-nuqqas ta' investiment li kien hemm qabel fl-edukazzjoni, imma dan qed jitjieb b'mod konsiderevoli fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja xorta għadha anqas minn dawk li huma fuq quddiem fl-UE u tirrifletti diffikultajiet fl-iżgurar ta' opportunitajiet għal ħaddiema b'ħiliet baxxi u ħaddiema kbar fl-età. Il-ftehim ta' l-2006 'Lejn l-2016' qed jiffaċċja dawn l-isfidi bi strateġija komprensiva. Qed jidentifika l-bżonn ta' aktar parteċipazzjoni, produttività u attivazzjoni, b'iffokar akbar fuq il-qgħad għal żmien twil, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u dawk li huma l-aktar 'il-bogħod mis-suq tax-xogħol. Huwa jissottolinea wkoll li l-ħiliet ta' l-aġġornar iridu jiffokaw fuq tagħlim fil-post tax-xogħol (inkluż ħiliet bażiċi) u fuq dawk li għandhom ħiliet bażi u ħaddiema vulnerabbli kif ukoll migranti. Huwa juri l-pjanijiet sabiex jinfirex aktar it-tagħlim fuq il-post tax-xogħol u jiżdied l-iffinanzjar għall-Fond Bażiku Edukattiv fuq il-post tax-Xogħol immirat fuq problemi ta' l-illitteriżmu u l-innumeriżmu.

    ANNESS IIIINDIKATURI TA' L-ISFOND RILEVANTI GĦALL-FLESSIGURTÀ

    L-indikaturi elenkati hawn taħt, li l-maġġoranza tagħhom huma meħuda mill-lista maqbula ta' indikaturi għall-monitoraġġ tal-Linjigwida Ewropej għax-Xogħol, jistgħu jidhru rilevanti għal kull wieħed mill-erba' komponenti, kif ukoll għar-riżultati ġenerali tas-suq tax-xogħol.

    A. Arranġamenti kuntrattwali flessibbli;

    - Dixxiplina għall-ħarsien tax-xogħol, totali, għal impjegati permanenti u non-permanenti (OECD)

    - Diversità ta' u raġunijiet għall-arranġamenti kuntrattwali u tax-xogħol. (EUROSTAT)

    B. Strateġiji komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja

    - Perċentwali tal-popolazzjoni adulta bejn il-25 u l-64 sena li qed tipparteċipa fl-edukazzjoni u t-taħrig (EUROSTAT)

    - Kisba fl-edukazzjoni ta' dawk ta' l-età bejn il-45-54 u l-25-34 sena (sehem tal-popolazzjoni li għall-anqas għandha edukazzjoni post-sekondarja (EUROSTAT)

    C. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi

    - Nefqa fuq politiki attivi u inattivi tas-suq tax-xogħol bħala perċentwali tal-PGD (EUROSTAT)

    - Nefqa fuq politiki attivi u inattivi tas-suq tax-xogħol għal kull persuna qiegħda (EUROSTAT)

    - Numru ta' parteċipanti fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, skond it-tip ta' miżura (OECD)

    - Sehem ta' persuni qiegħda żgħażagħ jew adulti li ma ġewx offruti impjieg jew miżura ta' attivazzjoni fi ħdan 6 jew 12-il xahar rispettivament (EUROSTAT)

    D. Sistemi moderni tas-sigurtà soċjali

    - Rati netti ta' sostituzzjoni fl-ewwel kif ukoll wara 5 snin (OECD)

    - Nasba ta' qgħad, li tidher bħala miżuri tal-livelli ta' benefiċċji (OECD-EUROSTAT)

    E. Riżultati tas-suq tax-xogħol

    - Rata ta' xogħol, totali, għan-nisa, u għal ħaddiema kbar fl-età (EUROSTAT)

    - Rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (15-24 sena) (EUROSTAT)

    - Ir-rata ta’ qgħad fit-tul (EUROSTAT)

    - Tkabbir fil-produttività tax-xogħol (EUROSTAT)

    - Kwalità tax-xogħol (qed issir)

    - Riskju ta' rati ta' faqar (EUROSTAT)

    [1] BEPA (2007): Ir-Realtà Soċjali ta' l-Ewropa

    [2] Il-Kummissjoni Ewropea, L-Impjiegi fl-Ewropa 2004, Kapitolu 4

    [3] OECD (2006): Għix aktar fit-tul, aħdem aktar. Ara wkoll l-OECD (2007) Ħarsa ġenerali lejn l-Impjiegi

    [4] BEPA (2006): Il-kompetittività u l-lokazzjoni industrijali ta' l-UE

    [5] J. Hudson: Inequality and the Knowledge economy: Running or standstill?

    [6] Politika Ewropea Soċjali u ta' l-Impjiegi , Eurobarometru Speċjali 261, Ottubru 2006.

    [7] Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill Ewropew 23/24 ta' Marzu 2006 u 8 ta' Marzu 2007

    [8] Rapporti dwar il-Progress Annwali ta' Jannar u Diċembru 2006: Linja-gwida 21

    [9] OECD (2006): Għix aktar fit-tul, aħdem aktar

    [10] Il-Kummissjoni Ewropea, L-Impjiegi fl-Ewropa 2006, Kapitolu 2

    [11] OECD (2007) Ħarsa ġenerali lejn l-Impjiegi, paġni 69-72

    [12] L-OECD tevalwa l-istrettezza ġenerali ta' l-EPL. Ara pereżempju l-OECD (2004): Ħarsa ġenerali lejn l-Impjiegi

    [13] P.eż. Algan and Cahuc (2004), Job Protection: the Macho Hypothesis, IZA DP no. 1192 and Nickell and Layard, (1999), Labour Market Institutions and Economic Performance, fi: Ashenfelter and Card (Eds.), Handbook of Labour Economics.

    [14] Il-Kummissjoni Ewropea, L-Impjiegi fl-Ewropa 2004

    [15] L-Impjiegi fl-Ewropa 2006: p. 108

    [16] OECD (2005): Il-Promozzjoni tat-Tagħlim għall-Adulti

    [17] OECD (2005): Mill-qgħad għax-xogħol

    [18] Jochen Kluve, The Effectiveness of Active Labour Market Policy, Paper ta' Diskussjoni IZA, Marzu 2007

    [19] OECD (2006): Strateġija ta' Impjiegi OECD: Tagħlimiet minn esperjenza ta' għaxar snin

    [20] Jochen Kluve (Ara hawn fuq)

    [21] OECD (2004, ara hawn fuq) u Postel-Vinay u Saint-Martin (2004) 'Comment les salariés perçoivent-ils la protection de l'emploi?'

    [22] Il-Politika Ewropea Soċjali u ta' l-Impjiegi , Eurobarometru Speċjali 261, p. 27.

    [23] OECD (2006), Spinta lill-Impjiegi u d-Dħul mill-Qliegħ, Tagħlimiet ta' Politika mill-Evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-Istrateġija għall-Impjiegi ta' l-OECD.

    [24] Ibidem

    [25] Is-Seba' Laqgħa Reġjonali Ewropea ta' l-ILO, 14-18 ta' Frar 2005: konklużjonijiet uffiċjali nru. 18; ILO, Mudelli ta' Xogħol li qed Jinbidlu, Rapport tad-Direttur Ġenerali, Ġunju 2006: paġna 33-35. Kif ukoll: S. Cazes u A. Nesporova, Flexicurity: A relevant approach in Central and Eastern Europe, ILO 2007

    [26] OECD (2006), Spinta lill-Impjieg u d-Dħul mill-Qliegħ, Tagħlimiet ta' Politika mill-Evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-Istrateġija għall-Impjiegi ta' l-OECD. Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ EMPL, L-Impjiegi fl-Ewropa 2006

    [27] Mogħdijiet għall-flessikurtà, rapport mill-Prof. Ton Wilthagen, rapporteur tal-Grupp ta' Esperti dwar il-Flessigurtà, Mejju 2007

    [28] Bassani and Duval, "Employment Patterns in OECD Countries: Reassessing the Role of Policies and Institutions", OECD WP n° 35, 2006

    [29] Iskra Beleva, Long-Term Unemployment as Social Exclusion, Human Development Report, UNDP 1997

    [30] De la Fuente and Ciccone, "Human capital in a global and knowledge-based economy", Mejju 2002

    Top