Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0243

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar

    /* KUMM/2006/0243 finali */

    52006DC0243

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar /* KUMM/2006/0243 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.5.2006

    KUMM(2006) 243 finali

    2006/0078 (CNS)

    2006/0079 (CNS)

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar

    1. Ġeneral

    Pericles, il-programm tal-Komunità ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar, kien ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2001 (2001/923/KE), ‘id-Deċiżjoni Pericles’, kif emendata u estiża mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE – programm li ġie mfassal biex isostni u jintegra l-inizjattivi li ħadu l-Istati Membri u previsti fil-programmi eżistenti għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar. Dawn l-inizjattivi jinkludu skambji ta’ informazzjoni (seminars, laqgħat ta’ ħidma, laqgħat oħra u konferenzi), allokazzjonijiet u bdil ta’ staff, kif ukoll sostenn tekniku, xjentifiku u operattiv.

    L-Artikolu (13(3)(a) tad-Deċiżjoni Pericles jesiġi li l-Kummissjoni tissottometti rapport ta’ valutazzjoni tal-Programm flimkien ma’ proposta xierqa dwar it-tkomplija jew l-adattament tal-programm. Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-Programm Pericles inħareġ fit-30 ta’ Novembru 2004 u ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fit-8 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li biha bħala bażi l-Kunsill estenda l-Programm għas-sena 2006 b’pakkett finanzjarju ta’ miljun euro.

    L-Artikolu 13(3) (b) jesiġi wkoll rapport dettaljat biex ikun sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sat-30 ta’ Ġunju 2006, dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-Programm. Ir-rapport preżenti huwa bi tweġiba għal dan l-obbligu.

    2. Żviluppi fl-iffalsifikar ta’ l-euro

    Mill-bidu tas-sajf ta’ l-2003, in-numru ta’ karti tal-flus foloz fil-valuta ta’ l-euro li nqabdu fiċ-ċirkolazzjoni stabbilizza għal madwar 50 000 fix-xahar - numru anqas minn dak ta' qabel ma ġie introdott l-euro; inqas ukoll minn dak fil-każ tal-valuta tad-dollaru Amerikan u numru baxx ħafna meta mqabbel mad-disa’ biljun karta ta’ l-euro ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-istess ħin, in-numru ta’ muniti foloz ta’ l-euro qed ikompli jikber imma xorta għadu baxx meta mqabbel ma’ standards storiċi. Barra dan, il-forzi tal-pulizija wettqu b’suċċess diversi operazzjonijiet u kixfu zekki klandestini u kkonfiskaw kwantitajiet kbar ta’ karti tal-flus u muniti foloz qabel ma laħqu ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

    It-Tabelli 1a u 1b jagħtu tagħrif fil-qosor dwar l-iżvilupp ta’ l-iffalsifikar tal-karti tal-flus u l-muniti fil-valuta euro.

    Tabella 1a | Tabella 1b |

    Karti tal-flus euro foloz maqbuda fiċ-ċirkolazzjoni | Muniti euro foloz maqbuda fiċ-ċirkolazzjoni |

    2002 - 2005 | 2002 - 2005 |

    Jan-Ġun 2002 | 21965 | Jan-Ġun 2002 | 68 |

    Lul-Diċ 2002 | 145153 | Lul-Diċ 2002 | 2271 |

    Sena 2002 | 167118 | Sena 2002 | 2339 |

    Jan-Ġun 2003 | 230534 | Jan-Ġun 2003 | 8100 |

    Lul-Diċ 2003 | 311925 | Lul-Diċ 2003 | 18091 |

    Sena 2003 | 542459 | Sena 2003 | 26191 |

    Jan-Ġun 2004 | 307000 | Jan-Ġun 2004 | 36191 |

    Lul-Diċ 2004 | 287000 | Lul-Diċ 2004 | 38309 |

    Sena 2004 | 594000 | Sena 2004 | 74500 |

    Jan-Ġun 2005 | 293442 | Jan-Ġun 2005 | 184007 |

    Lul-Diċ 2005 | 287459 | Lul-Diċ 2005 | 78677 |

    Sena 2005 | 580901 | Sena 2005 | 262684 |

    Din is-sitwazzjoni li, b’mod ġenerali, hija favorevoli, hija riżultat ta’ tħejjija twila kemm fuq livell leġiżlattiv u istituzzjonali u hija prova tal-livell għoli ta' kooperazzjoni miksub fuq il-livelli internazzjonali u dawk ta’ l-UE. Il-Kummissjoni stabbiliet l-ideat bażiċi għall-ħarsien ta’ l-euro fil-Komunikazzjoni li diġà kienet ippubblikat fl-1998[1]. Fuq dan il-bażi, il-Kunsill adotta Regolament bażiku fl-2001[2], li bena l-pedament istituzzjonali għall-istruttura ta’ tħaris; Qabel dan kienet ħarġet Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill[3], adottata fis-sena 2000, li biha l-ħarsien ta' l-euro ssaħħaħ u, sa ċertu punt, ġie armonizzat permezz ta' penalizzar kriminali. Fl-1999 il-madat ta’ l-Europol ġie estiż biex jinkludi l-iffalsifikar tal-flus[4] u kompla ġie msaħħaħ fl-2005 meta l-Europol sar l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta’ l-euro. Fir-rigward ta’ sanzjonijiet kriminali, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ rapporti[5] dwar l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, li jirrappurtaw livell sodisfaċenti ta' eżekuzzjoni.

    Bl-iskop li jiġu żgurati struttura ċara fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar monetarju u kooperazzjoni mill-qrib u ċirkolazzjoni effikaċi ta’ informazzjoni, twaqqfu Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali (NCO) fl-Istati Membri kollha. Fil-BĊE u l-Europol qegħdin joperaw databases u sistemi ta’ komunikazzjoni. Inħolqu wkoll organiżmi apposta għall-analiżi teknika tal-flus foloz fl-Istati Membri, fil-BĊE għall-karti u fil-Kummissjoni għall-muniti.

    Il-programm Pericles għandu rwol importanti ħafna fil-kisba tar-riżultati preżenti tal-ħarsien ta’ l-euro u l-ġlieda kontra r-reati relatati ma’ l-iffalsifikar tal-flus, permezz ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni. Tinħtieġ sorveljanza kontinwa biex jinżammu r-riżultati miksuba bħalissa u biex jinbena fuqhom suċċess aktar fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta’ l-euro. It-taħriġ u l-għajnuna teknika għandhom rwol importanti f’dan l-aspett u għalhekk huwa meħtieġ li l-programm Pericles jitkompla.

    3. Ir-rapport ta’ valutazzjoni

    F’konformità ma’ l-Artikolu 13(3)(a) tad-Deċiżjoni Pericles, il-valutazzjoni tal-programm Pericles kien ġie assenjat lill-awditur indipendenti ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) li ssottometta r-rapport ta’ valutazzjoni fit-30 ta’ Novembru 2004.

    Il-valutatur eżamina l-fajls tal-21 azzjoni tal-programm Pericles li twettqu sa Marzu 2004, fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri jew il-Kummissjoni. Fuq il-bażi ta’ kwestjonarji magħmula lil organizzaturi u parteċipanti, kif ukoll fuq diskussjonijiet ma’ partijiet intesssati, il-valutatur wasal għall-konklużjonijiet ewlenin li ġejjin[6]:

    - Il-programm ikkontribwixxa għal titjib fl-għarfien tad-dimensjoni Komunitarja ta’ l-euro u żviluppa wkoll kif il-parteċipanti jifhmu aħjar il-liġijiet u l-istrumenti relatati u, b’mod partikolari, il-liġi Komunitarja u dik aktar wiesgħa Ewropea.

    - Fir-rigward tal-firxa ta’ bdil ta’ informazzjoni u metodoloġiji/miżuri, fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu ġew ippreżentati fid-diversi laqgħat ta’ ħidma, laqgħat oħra u seminars.

    - Il-gruppi li għalihom huwa mmirat il-programm intlaħqu biss parzjalment u pparteċipaw għadd kbir ħafna ta’ uffiċjali tas-sigurezza pubblika filwaqt li l-attendenza ta’ rappreżentanti mis-settur tal-banek kummerċjali, ta’ avukati speċjalizzati u ta’ rappreżentanti mill-kmamar tal-kummerċ ma kenitx kbira biżżejjed.

    - L-attivitajiet eżaminati kienu meqjusa bħala relevanti u korrispondenti għall-għanijiet ewlenin tal-programm.

    - Fejn jidħlu spejjeż, il-valutatur sab li xi wħud mill-proġetti kienu partikolarment għoljin u ġibed l-attenzjoni għal xi elementi speċifiċi ta’ dawn l-ispejjeż.

    Il-valutatur għamel diversi rakkomandazzjonijiet li ġew meqjusa għall-programm Pericles ta' l-2006. B’mod partikolari:

    - Il-programm għandu jitkompla almenu għal 4 snin oħra bl-istess baġit (miljun euro kull sena) u bl-istess miżuri u bl-istess gruppi fil-mira tiegħu. Wara erba’ snin għandha ssir it-tieni valutazzjoni.

    - Għandu jkun enfasizzat il-taħriġ prattiku. Il-prijorità għandha tkun favur skambji ta’ staff u taħriġ speċifiku, inklużi studji ta’ każi. Dawn l-attivitajiet huma wkoll aktar effiċjenti mil-lat ta’ spejjeż.

    4. Eżekuzzjoni tal-programm

    Fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ referenza ta’ 4 miljun euro għall-perjodu 2002-2005 u miljun euro għall-2006, l-approprjazzjonijiet annwali awtorizzati mill-programm Pericles, kienu: € 1.2 miljun għall-2002, € 0.9 miljun għall-2003, € 0.9 miljun għall-2004, € 1 miljun għall-2005 u € 1 miljun għall-2006.

    L-eżekuzzjoni tal-Programm bdiet bil-lajma, l-aktar minħabba li l-programm kien ġie adottat f’Diċembru 2001. Għalhekk, ma kienx qabel Ottubru 2002 li twettaq l-ewwel proġett ta’ Pericles u l-ammont kommess fl-2002 kien ftit anqas minn 40% ta’ l-allokazzjoni baġitarja inizjali (l-allokazzjoni tnaqqset tul il-medda tas-sena). Suċċessivament, il-programm qabad ir-rotta u l-allokazzjoni baġitarja kienet ogħla għas-snin 2003, 2004 u 2005. L-Istati Membri pprevedew li l-eżekuzzjoni tal-programm ilestuha fl-2006.

    Skond dawn l-istatistiċi u tbassir, il-livell ġenerali ta’ l-impenji matul il-perjodu 2002-2006 mistenni jilħaq 80% ta’ l-ammont ta’ referenza inizjali.

    L-aggregati ewlenin fl-eżekuzzjoni ta’ Pericles jidhru fit-Tabella 2.

    TABELLA 2 | PERICLES—EżEKUZZJONI 2002 – 2005 FIL-QOSOR U TBASSIR GħALL-2006 |

    MS | 5 |

    COM | 2 |

    2003 | 16 | PT, IT, DE, ES, FR, FI, EL | Pulizija, settur ġudizzjarju, finanzjarju, kummerċjali | 753 | 847 168 | 900 000 | 94.1 % |

    MS | 12 |

    COM | 4 |

    2004 | 15 | AT, FR, DE, EL, IT, ES, PT, | Pulizija, settur ġudizzjarju, finanzjarju, bankarju | 586 | 774 926 | 900 000 | 86.1% |

    MS | 11 |

    COM | 4 |

    2005 | 12 | FR, DE, , IT, ES | Settur finanzjarju, banek, pulizija, settur ġudizzjarju, kummerċjali | 738 | 921 912 | 1 000 000 | 92.1% |

    MS | 7 |

    COM | 5 |

    2006 (tbassir) | 15 | B, DE, ES, FR, HU, IT, IR, PO | Settur tekniku, finanzjarju, bankarju, ġudizzjarju | 700 | 980 000 | 1 000 000 | 98.0% |

    MS | 14 |

    COM | 1 |

    TOTAL (stimi) | 65 | 3143 | 3 998 911 | 5 000 000 | 80.0% |

    MS | 49 |

    COM | 16 |

    5. Valur miżjud tal-programm

    Il-programm Pericles offra valur miżjud sostanzjali għat-tħaris ta’ l-euro mill-iffalsifikar. Dan ġie konkretizzat bil-firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet imwettqa, bil-miri preċiżi li kellhom dawn l-azzjonijiet u permezz tan-numru kbir ta’ parteċipanti. Ġiet enfażizzata d-dimensjoni Ewropea tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta’ l-euro u, apparti l-Istati Membri ta’ l-UE biss, kien possibbli li fil-mira jkun hemm ukoll żoni ġeografiċi sensittivi. Fl-aħħarnett, il-programm Pericles ikkontribwixxa b’mod sostanzjali biex ikomplu jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fuq livell internazzjonali, Ewropew u ta’ l-Istati Membri, u biex jinħolqu strutturi aktar sodi għall-ħarsien tal-munita Ewropea.

    Firxa wiesgħa ta’ Azzjonijiet

    Matul l-ewwel erba’ snin tal-programm tnidew 50 proġett; għall-2006 hemm previsti 15-il azzjoni oħra mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Minn total ta’ 65 proġett, 49 joriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, filwaqt li 16 kienu inizjattivi tal-Kummissjoni/OLAF.

    Il-biċċa l-kbira ta’ l-azzjonijiet imwettqa kienu konferenzi. Seminars u laqgħat ta’ ħidma, kif ukoll korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat. L-iskambju ta’ staff, madankollu, kompla jikber fl-importanza u issa sar karatteristika standard tal-programm Pericles. Wara t-tkabbir, dan it-tip ta’ attività x’aktarx se jiżviluppa aktar, u dan ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-valutatur ta’ Pericles. Taħt il-programm kurrenti twettaq studju tekniku wieħed biss u tnejn oħra jinsabu fil-proċess ta’ eżekuzzjoni għal matul l-2006. Fit-Tabella 3 jidher analiżi ta’ Pericles skond it-tip ta’ proġett.

    TABELLA 3 | PERICLES – ANALIżI FUQ IL-BAżI TAT-TIP TA’ AZZJONI 2002 - 2006 |

    Sena finanzjarja | Konferenza u simili | Skambju ta’ staff | Studji | Total |

    2002 | 6 | 1 | - | 7 |

    2003 | 11 | 4 | 1 | 16 |

    2004 | 10 | 5 | - | 15 |

    2005 | 8 | 3 | 1 | 12 |

    2006 (tbassir) | 9 | 4 | 1 | 14 |

    TOTAL (stimi) | 44 | 17 | 3 | 64 |

    Gruppi fil-mira u parteċipanti magħżula

    F’dawn l-avvenimenti pparteċipaw madwar 3150 espert. Matul l-ewwel snin tal-programm, il-parti l-kbira mill-parteċipanti kienet magħmula minn rappreżentanti tal-forzi tal-pulizija, li normalment ma kinux involuti fl-isforzi Komunitarji biex l-euro jitħares mill-iffalsifikar. Dan l-iffukar jirrifletti l-prijorità li fil-bidu kienet tingħata biex jinħoloq kuntatt aktar b’saħħtu bejn il-professjonisti biex il-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta’ l-euro ssir iżjed effikaċi. F’dan ir-rigward, ir-rapport ta' valutazzjoni (p. 10 u 11) juri li, sa Marzu 2004, 65% tal-parteċipanti kienu l-biċċa l-kbira rappreżentanti tal-forzi tal-pulizija. Mill-2003 ’l quddiem, wieħed josserva involviment akbar min-naħa ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji, filwaqt li mill-2004 u l-2005 ġiet irreġistrata żieda fin-numru ta’ parteċipazzjoni min-naħa tar-rappreżentanti tas-settur finanzjarju (l-intermedjarji finanzjarji tas-settur pubbliku, il-Banek Ċentrali Nazzjonali, l-istituzzjonijiet bankarji u istituzzjonijiet finanzjarji oħra).

    Dan l-iżvilupp huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-valutatur, filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ aktar seminars tekniċi qiegħda wkoll tiġi promossa. Fl-immaniġġjar tal-programm raw li ma jkunx hemm duplikazzjoni fil-parteċipazzjoni; u r-rapport ta’ valutazzjoni jinnota li dan il-għan intlaħaq.

    Fir-rigward ta’ l-oriġini tal-parteċipanti, mir-rapport ta’ valutazzjoni jirriżulta li dawn kienu ġejjin minn 76 pajjiż, il-maġġoranza mill-Istati Membri. Ġiet innutata l-parteċipazzjoni fqira ta’ xi pajjiżi fosthom uħud mill-pajjiżi li jinsabu fiż-żona ta’ l-euro. Dan jista’ jirrifletti sitwazzjoni ta’ natura organizzattiva aktar milli strutturali, u qed isir sforz biex tiġi bbilanċjata din is-sitwazzjoni. Xi pajjiżi huma aktar attivi fl-organizzazzjoni ta’ l-avvenimenti: l-Italja, pereżempju, tirrappreżenta ’l fuq minn 21% tan-numru totali ta’ l-attivitajiet. Mill-2005 ’l quddiem, l-Istati Membri l-ġodda bdew jorganizzaw azzjonijiet relatati mal-programm Pericles.

    Dimensjoni Ewropea

    Ir-rapport ta’ valutazzjoni jsemmi wkoll (p. 14) li l-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet relatati mal-programm Pericles tkopri ż-żoni kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-euro (il-forzi tal-pulizija, is-settur ġudizzjarju, finanzjarju u tekniku), filwaqt li jippromwovi b’mod partikolari l-ħolqien ta’ netwerks biex tinkiseb effikaċja akbar fil-ġlieda kontra r-reati ta' ffalsifikar. Id-dimensjoni Ewropea tat-tħaris ta’ l-euro hija enfasizzata permezz ta’ l-involviment sistematiku tal-BĊE, l-Europol u organizzazzjonijiet Ewropew u internazzjonali oħra fl-azzjonijiet ta’ Pericles. L-Europol jikkomplementa r-rwol ta’ l-OLAF permezz ta’ l-involviment tiegħu fil-fażijiet tal-valutazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-programm Pericles. L-Europol jikkollabora ma’ l-OLAF fit-tfasssil u l-eżekuzzjoni ta' proġetti speċjalizzati bħal m’huwa t-taħriġ imsejjaħ ‘Bitmap’; L-Europol issupplixxa l-kompetenzi tekniċi filwaqt li l-Kummissjoni/OLAF ipprovdew l-infrastruttura u finanzjament ta' Pericles. Fir-rigward ta' l-aspetti tat-tħaris ta’ l-euro, meta r-responsabbiltà tkun ta’ l-Istati Membri, jkunu kkonsultati b’mod sistematiku l-esperti tas-servizzi speċjali rispettivi.

    Enfasi Geografiku

    L-azzjonijiet tal-programm Pericles twettqu l-aktar ġewwa l-UE. Imma wħud minnhom ġew organizzati f’pajjiżi terzi jew f’pajjiżi kandidati għall-adeżjoni biex jiġu riflessi l-ħtiġiet speċifiċi għat-tħaris ta’ l-euro. Ingħataw prijorità l-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi kandidati qabel l-adeżjoni. Fil-proċess ta’ l-identifikar ta’ żoni li għandhom impatt maġġuri fuq il-produzzjoni ta’ karti ta’ flus foloz, l-Amerka ta’ Isfel, partikolarment il-Kolumbja, saru l-mira ta’ konċentrazzjoni maġġuri għall-azzjonijiet ta’ Pericles, bħal ma saru hekk ukoll pajjiżi li għandhom il-konfini tagħhom imissu ma’ l-UE, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija.

    Għaż-żoni ġeografiċi koperti u l-gruppi fil-mira diversifikati milħuqa, kienu rispettati d-dimensjonijiet tranżnazzjonali u multidixxiplinari previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Pericles. Id-dimensjoni multidixxiplinari nkisbet billi ġie żgurat il-livell ta’ kompetenza billi ġie kkontrollat l-isfond professjonali tal-parteċipanti, kif ukoll billi ġie verifikat il-kontenut ta’ l-azzjonijiet.

    Koordinazzjoni fost l-Organizzazzjonijiet Ewropej u ġol-Kummissjoni

    B’mod konformi ma' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Pericles, il-programm ġie eżegwit u kkoordinat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri b'ħidma flimkien mill-qrib. Il-koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet tal-programm u ta’ attivitajiet oħra ta’ taħriġ hija fdata lill-Grupp ta' Esperti dwar l-Iffalsifikar ta' l-Euro li għandha l-Kummissjoni; dan il-grupp iħaddan esperti mill-Istati membri u l-pajjiż’ kandidati kollha, u jipparteċipaw fih ukoll l-Europol, il-BĊE u l-Interpol. Dan il-forum jiżgura l-iżjed użu effikaċi tar-riżorsi u l-isforzi tat-tħaris ta’ l-euro. L-azzjonijiet ta’ taħriġ u għajnuna teknika mwettqa mill-BĊE u l-Europol huma kkoordinati strettament ma’ Pericles. Din il-koordinazzjoni hija wkoll konformi mal-Premessa (7) tad-Deċiżjoni ta’ Pericles.

    Illum il-programm Pericles prattikament iċċentralizza l-inizjattivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq livell Komunitarju għal dak li jirrigwarda t-tħaris ta’ l-euro kif ukoll issostitwixxa kważi għal kollox il-linja baġitarja speċifika tal-Kummissjoni ‘It-Tħaris ta’ l-euro’. Numru żgħir ta’ azzjonijiet imfassla għat-tħaris mill-iffalsifikar tal-munita jitwettaq taħt programmi oħra Komunitarji, bħal m'huwa t-TAIEX u l-programm ta’ ġemellaġġ (il-programm Twinning ). Dawn l-azzjonijiet huma, fil-parti kbira tagħhom, azzjonijiet ta’ pajjiż wieħed jew azzjonijiet b’suġġett wieħed (jiġifieri azzjonijiet li mhumiex eliġibbli għall-finanzjament tal-programm Pericles) u huma sistematikament ikkoordinati ma’ Pericles mis-servizz kompetenti tal-Kummissjoni f’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri.

    Kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri

    Il-kooperazzjoni aktar effikaċi fost l-aġenti tas-sigurezza pubblika u, aktar reċenti, fost ir-rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet ġuridiċi u finanzjarji tixhed is-suċċess ta’ Pericles. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-Istati Membri imma wkoll għall-pajjiżi fi triqthom lejn l-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li huma ġirien. Minbarra l-kontenut tekniku u ta’ taħriġ, il-programm Pericles jipprovdi forum li joħloq kuntatti regolari fost l-esperti responsabbli mill-ħarsien ta’ l-euro imma fuq kollox joffri lill-professjonisti l-possibbiltà li jiżviluppaw rabtiet li jwasslu għal relazzjonijiet aktar mill-qrib fuq ix-xogħol u titjib ġenerali fuq il-livell ta’ kooperazzjoni. Il-koordinazzjoni stretta tal-proġetti ta’ pericles ma’ l-inizjattivi Komunitarji u ta’ l-Istati Membri wasslet ukoll għal żieda fin-numru ta’ metodi ta’ taħriġ ibbażati fuq l-aħjar prattiċi u għal immaniġġjar aħjar tal-kontenut ta’ l-azzjonijiet ta’ taħriġ. Dan iggarantixxa li l-aqwa esperti disponibbli jkunu mħarrġa minn nies fl-ogħla livell filwaqt li l-kontenut ta’ kull azzjoni ġiet immirata għall-pubbliku biex jintlaħqu għanijiet partikolari.

    Titjib strutturali

    B’mod sinifikattiv, minbarra l-kontenut ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ tagħhom, l-azzjonijiet tal-programm Pericles wasslu għal titjib strutturali u titjib ta' xorta oħra fl-Istati Membri u pajjiżi terzi. Fost azzjonijiet oħra li wasslu għal titjib hemm il-ftuħ ta’ l-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar f’diversi pajjiżi; żewġ seminars ta’ Pericles li pprovdew għajnuna lill-pajjiżi (dak iż-żmien) fi triqthom lejn l-adeżjoni biex japplikaw l- Acquis Komunitarju fis-settur speċifiku tal-ħarsien ta’ l-euro; it-tfassil ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu ma’ l-istampa u l-komunikazzjoni; u waħda mil-laqgħat ta’ ħidma li wasslet għal proposta mill-Istati Membri għal Rokkomandazzjoni tal-Kunsill.

    * * *

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Pericles, li huwa l-programm Komunitarju għall-iskambji, l-għajnuna u t-taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-falsifikazzjoni, ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2001 (2001/923/KE) u huwa mfassal biex isostni u jintegra l-inizjattivi li ħadu l-Istati Membri u li huma previsti fi programmi eżistenti għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar. Fuq il-bażi tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-programm Pericles tat-30 ta’ Novembru 2004, qiegħed jiġi propost li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2001 issa tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    L-ewwel estensjoni sa l-2006

    Fil-bidu, Pericles twettaq mill-1 ta’ Jannar 2002 sa tmiem l-2005. Fit-8 ta' April 2005 il-Kummissjoni ssottomettiet emenda biex il-Programm Pericles jittawwal għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2011 (COM/2005/0127/finali). Fuq il-bażi tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-programm Pericles tat-30 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill qabel li l-programm Pericles għandu jittawwal aktar.

    Il-Kunsill iddeċieda li l-programm ikun imtawwal sal-31 ta’ Diċembru 2006 meta ġie kkunsidrat il-fatt li fiż-żmien meta saru d-diskussjonijiet, il-perspettivi finanzjarji tal-Komunità kienu disponibbli biss sa l-2006.

    Proposti għal estensjoni itwal u ammont akbar

    Il-ftehim milħuq mill-Kunsill jipprovdi li l-programm Pericles għandu jittawwal b’għadd miżjud ta’ snin sa l-2011, skond kif kien ġie propost fil-bidu mill-Kummissjoni. Speċifikament, il-Kunsill iddikjara dan li ġej fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2006: ‘il-Kunsill jikkonsidra li, min-natura tiegħu, Pericles huwa programm multiannwali u li għandu jkun estiż sa l-2011. Għall-fini ta’ dan, qiegħed jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-estensjoni tal-programm għall-perjodu li jibda mill-2007 hekk kif jintlaħaq ftehim dwar il-qafas finanzjarju għall-ġejjieni 2007-2013’[7].

    Fid-dettal, il-Kunsill ikkunsidra l-mottivi li ġejjin għall-estensjoni tal-programm:

    - il-kontinwazzjoni tas-sorveljanza biex jinżamm jew jitnaqqas il-livell kurrenti ta’ ffalsifikar ta’ karti tal-flus ta’ l-euro u biex tiġi evitata żieda fil-livell ta' ffalsifikar ta' muniti ta' l-euro li tista' tippreġudika l-fiduċja taċ-ċittadini;

    - l-għoti ta’ taħriġ/informazzjoni lil staff ġdid u l-estensjoni tat-taħriġ lil setturi li bbenefikaw l-anqas mill-programm Pericles, jiġifieri l-aġenti finanzjarji, il-prosekuturi u l-istaff tekniku;

    - l-għoti ta’ taħriġ lill-istaff relevanti fir-rigward tal-karatteristiċi tal-karti ta’ l-euro tal-ġenerazzjoni l-ġdida, li se joħorġu fl-aħħar ta’ dan id-deċennju;

    - fuq kollox, l-insistenza fuq l-għoti tat-taħriġ u l-għajnuna teknika fl-Istati Membri l-ġodda, bi prijorità favur dawk l-Istati li jkunu l-ewwel li jintroduċu l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

    Jidher ċar li hemm il-ħtieġa għal taħriġ kontinwu u għajnuna teknika għall-ħarsien ta’ l-euro. Dan kemm minħabba li l-Istati Membri x’aktarx jissieħbu maż-żona euro kif ukoll minħabba l-ħtieġa għall-aġġornar kontinwu tal-kompetenzi fis-servizzi rilevanti.

    Il-Kunsill wasal għal ftehim finali dwar il-perspettivi finanzjarji għall-perjodu 2007-2013 fil-laqgħa tal-Kunsill ewropew li saret bejn il-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005[8].

    Hija l-prattika kurrenti li l-programmi finanzjarji tal-Komunità jissodisfaw id-durata tal-perspettivi finanzjarji tal-Komunità. Dan jikkontribwixxi biex tintgħaġġel l-approvazzjoni tal-programmi u jiġu evitati l-proċeduri biex ikunu rrimedjati perjodi mhux koperti.

    Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, qiegħed jiġi propost li l-programm Pericles ikun estiż b’seba’ snin oħra, sa l-aħħar ta’ l-2013 mingħajr tibdil fl-ammont annwali ta’ miljun euro fis-sena – total ta’ 7 miljun euro.

    Modifikazzjonijiet proposti

    Speċifikament, qiegħed jiġi propost li jkunu modifikati:

    - l-Artikolu 1, il-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni Pericles biex tiġi ffissata bħala data ġdida ta’ konklużjoni l-31 ta’ Diċembru 2013;

    - l-Artikolu 6 biex jiffissa l-ammont ta’ referenza bħala EUR 7 miljun.

    Meta jiġi kkunsidrat il-perjodu ta’ estensjoni, qiegħed jiġi propost li jinbidlu kif ġej l-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 13, il-paragrafu 3:

    - fil-punt (a) tinbidel “it-30 ta’ Ġunju 2005” u ssir “it-30 Ġunju 2013”;

    - fil-punt (b) tkun definita skadenza addizzjonali – dik tat-30 ta’ Ġunju 2014.

    Id-data ta’ l-applikazzjoni fl-Artikolu 15 għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2007.

    2006/0078 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikulari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[9],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[11],

    Billi:

    (1) F’konformità ma’ l-Artikolu 13(3)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE [12] , il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2005 rapport ta’ valutazzjoni, li għandu jkun indipendenti mill-amministratur tal-programm, dwar ir-relevanza, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-programm u komunikazzjoni dwar jekk dan il-programm għandux jitkompla u jkun adattat, flimkien ma’ proposta xierqa.

    (2) Ir-rapport ta’ valutazzjoni ipprovdut fl-Artikolu 13 ta’ din id-Deċiżjoni nħareġ fit-30 ta’ Novembru 2004. Ir-rapport jikkonkludi li l-programm kien qiegħed jilħaq l-għanijiet tiegħu u jirrikkmanda li dan il-programm għandu jitkompla.

    (3) L-ammont finanzjarju ta' referenza skond it-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fl-estimi finanzjarji u t-titjib fil-proċedura ta' l-estimi baġitarji[13] huwa inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul taż-żmien kollu tal-programm, mingħajr b'hekk ma jiġu affettwati l-poteri ta' l-awtorità baġitarja kif inhuma definiti fit-Trattat.

    (4) It-tkomplija tal-programm tirrifletti l-ħtieġa li jibqgħu għaddejja l-attivitajiet ta’ sorveljanza, taħriġ u għajnuna teknika li huma fundamentali għall-appoġġ tal-ħarsien ta’ l-euro kontra l-iffalsifikar għax jipprovdu qafas stabbli għall-ippjanar tal-programmi ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari waqt perjodu li matulu se jkun hemm pajjiżi ġodda deħlin jipparteċipaw fiż-żona ta’ l-euro.

    (5) F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni ssottomettiet fit-8 ta’ April 2005 proposta għat-tkomplija tal-programm “Pericles”[14] sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (6) Fil-proċess ta' l-ilħuq ta’ ftehim finali dwar il-perspettivi finanzjarji tal-Komunità għas-snin 2007-2013, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-programm Pericles sas-sena 2006.

    (7) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill qabel li “min-natura tiegħu, Pericles huwa programm multiannwali u li għandu jkun estiż sa l-2011”. Għall-fini ta’ dan, qiegħed jistieden lill-Kummissjoni “tippreżenta proposta għall-estensjoni tal-programm għall-perjodu li jibda mill-2007 hekk kif jintlaħaq ftehim dwar il-qafas finanzjarju għall-ġejjieni 2007-2013”.

    (8) Ikun xieraq li l-programmi Komunitarji jkunu konformi mal-perspettivi finanzjarji tal-Komunità.

    (9) Konsegwentement, u fid-dawl tal-ħtieġa ta’ taħriġ u għajnuna kontinwi għall-ħarsien ta’ l-euro, il-programm Pericles għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2013. Id-Deċiżjoni 2001/923/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata kif xieraq,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Emendi

    Id-Deċiżjoni 2001/923/ KE hija emendata hekk:

    1 L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1(2) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Għandu japplika l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2013.”

    2 Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied wara t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 6:

    “L-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-eżekuzzjoni tal-programm ta’ azzjoni Komunitarju għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 7 miljuni”

    3 L-Artikolu 13(3) huwa emendat kif ġej:

    (a) Fil-punt (a) id-data “30 ta’ Ġunju 2005 tinbidel u ssir "30 ta' Ġunju 2013".

    (b) Il-punt (b) jinbidel u jidħol dan li ġej:

    “(b) fi tmiem l-eżekuzzjoni inizjali u l-perjodi miżjuda tal-programm u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2006 u 2014 rispettivament, rapporti dettaljati dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programm li jagħtu rendikont, b’mod partikolari, tal-valur miżjud ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità.”

    Artikolu 2

    Applikabilità

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fl-Istati Membri parteċipanti kif definit f l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-dħul ta’ l-euro[15].

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandha tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    2006/0079 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[16],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[17],

    Billi:

    (1) Meta adotta d-Deċiżjoni 2006/.../KE [18] il-Kunsill indika li din għandha tapplika fl-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’l-euro[19]

    (2) Madankollu, il-bdil ta’ l-informazzjoni u l-istaff kif ukoll il-miżuri ta’ għajnuna u taħriġ taħt il-programm Pericles għandhom ikunu uniformi madwar il-Komunità kollha u għalhekk għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun garantit l-istess livel ta’ ħarsien għall-euro fl-Istati Membri fejn l-euro mhuwiex il-munita uffiċjali tagħhom.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/.../KE għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex l-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/1998.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UnjoniEwropea.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1. ISEM TAL-PROPOSTA:

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ […] li testendi d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles’) kif emendata l-aħħar u estiża mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE

    2. QAFAS ABM/ABB

    Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat/i u Attività/Attivitajiet assoċjata/i: Ġlieda kontra l-frodi.

    3. LINJI TAL-BAĠIT

    3.1. Linji tal-Baġit (linji operattivi u linji relatati ta’ għajnuna teknika u amministrattiva (ex-linji B u A)), fosthom l-intestaturi:

    24 02 02 Pericles

    3.2. Id-durata ta’ l-azzjoni u ta’ l-impatt finanzjarju:

    Mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013

    3.3. Karatteristiċi baġitarji (żid ir-ringieli jekk ikun hemm bżonn):

    Linja baġitarja | Tip ta’ spiża | Ġdida | Kontribuzzjoni tal-EFTA | Kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi applikanti | Intestatura fil-prospettiva finanzjarja |

    24 02 02 | Mhux komp. | Diff | LE | LE | LE | Nru 1a) |

    4. ĠABRA FIL-QOSOR TAR-RIŻORSI

    4.1. Riżorsi Finanzjarji

    4.1.1. Ġabra fil-qosor ta’ l-approprjazzjonijiet għall-impenji (CA) u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (PA)

    miljuni ta’ EUR (sa 3 skali deċimali)

    AMMONT TOTALI TA’ REFERENZA |

    20% mingħand l-Istati Membri | f | 0,324 | 0,324 | 0,324 | 0,324 | 0,324 | 0,324 | 0,324 | 2,268 |

    TOTAL CA inkluż il-ko-finanzjament | a+c+d+e+f | 1,621 | 1,621 | 1,621 | 1,621 | 1,621 | 1,621 | 1,621 | 11,347 |

    4.1.2. Kompatibilità mal-Programmazzjoni Finanzjarja

    ( Il-proposta hija kompatibbli mal-programmazzjoni finanzjarja eżistenti għall-perjodu sħiħ ta’ l-eżekuzzjoni tagħha.

    4.1.3. Impatt finanzjarju fuq id-Dħul

    ( Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji fuq id-dħul

    5. KARATTERISTIĊI U GĦANIJIET

    Fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jrid ikun hemm dettalji tal-kuntest tal-proposta. Din it-taqsima tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva għandha tinkludi l-informazzjoni kumplementari speċifika li ġejja:

    5.1. Ħtieġa li trid tkun issodisfata fi żmien qasir jew fit-tul: It-tkomplija ta’ l-istruttura għat-taħriġ u l-għajnuna teknika għall-ħarsien ta’ l-euro; il-provvediment ta’ qafas għal medda medja ta’ żmien għall-ippjanar ta’ l-Istati Membri.

    5.2. il-valur miżjud ta’ l-involviment Komunitarju u l-koerenza tal-proposta ma’ strumenti finanzjarji oħra u possibbiltà ta’ sinerġija: Enfasi fuq id-dimensjoni Komunitarja tal-ħarsien ta’ l-euro; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta’ l-importanza tal-ħarsien ta’ l-euro mill-iffalsifikar.

    5.3. L-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi relatati tal-proposta fil-kuntest tal-qafas ABM: Iż-żamma tal-livell ġenerali attwali ta’ taħriġ u għajnuna teknika taħt il-forma ta' azzjonijiet mill-programm Pericles.

    5.4. Metodu ta’ Eżekuzzjoni (indikattiv)

    Hawn taħt uri l-metodu/i [22] magħżul/a biex l-azzjoni tiġi implimentata.

    ( Tmexxija Ċentralizzata

    ( Direttament mill-Kummissjoni

    6. MONITORAĠĠ U VALUTAZZJONI

    6.1. Sistema ta’ monitoraġġ

    Il-Kummissjoni teżamina fid-dettal il-proġetti ta' Pericles u minn żmien għal ieħor tanalizza l-eżekuzzjoni tal-programm.

    6.2. Valutazzjoni

    6.2.1. Valutazzjonii ex-ante

    Il-proposta għall-estensjoni ta’ Pericles hija bbażata fuq il-valutazzjoni tal-programm matul l-ewwel snin ta’ l-eżekuzzjoni tiegħu. Din il-valutazzjoni fil-qosor tinsab fit-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni (p. 4). Partikolarment, il-valutatur irrikkmanda li: il-programm għandu jkompli għal mill-inqas 4 snin oħra bl-istess baġit (€ 1 miljun kull sena); il-programm għandu jagħti prijorità lil dawk l-Istati Membri b’parteċipazzjoni baxxa jew li ma organizzawx azzjonijiet fl-ewwel programm, kif ukoll lill-Istati Membri l-ġodda. Għandu jkun enfasizzat il-taħriġ prattiku. Il-prijorità għandha tkun favur bdil ta’ staff u taħriġ speċifiku, inklużi studji ta’ każi. Għandha tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet/korpi Ewropej (il-Kummissjoni/OLAF, il-BĊE u l-Europol). Bil-għan li tkun possibbli valutazzjoni ta’ l-effetti tal-programm fuq, fost oħrajn, il-konverġenza ta’ taħriġ fuq livell għoli għal dawk li jipprovdu t-taħriġ, il-valutatur jirrikkmanda t-tħejjija ta’ dokument strateġiku, li għandu jiġi finalizzat qabel ma jidħol fis-seħħ il-programm Pericles il-ġdid.

    Fir-rigward ta’ proġetti individwali, għandha ssir valutazzjoni ex-ante mill-Kumitat għall-Valutazzjoni Pericles (il-Kummissjoni).

    6.2.2. Miżuri meħuda wara valutazzjoni intermedja/ ex-post (fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba minn każi preċedenti simili):

    Il-proposta għall-estensjoni ta’ Pericles tikkunsidra l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-valutatur tal-programm (it-taqsima 3, p. 4) li huma:

    - Li l-programm ikkontribwixxa għal titjib fl-għarfien tad-dimensjoni Komunitarja ta’ l-euro u żviluppa wkoll kif il-parteċipanti jifhmu aħjar il-liġijiet u l-istrumenti relatati u, b’mod partikolari, il-liġi Komunitarja u dik aktar wiesgħa Ewropea.

    - Fir-rigward tal-firxa ta’ bdil ta’ informazzjoni u metodoloġiji/miżuri, fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu ġew ippreżentati fid-diversi laqgħat ta’ ħidma, laqgħat oħra u seminars.

    - Il-gruppi li għalihom huwa mmirat il-programm intlaħqu biss parzjalment u pparteċipaw għadd kbir ħafna ta’ uffiċjali tas-sigurezza pubblika; filwaqt li l-attendenza ta’ rappreżentanti mis-settur tal-banek kummerċjali, ta’ avukati speċjalizzati u ta’ rappreżentanti mill-kmamar tal-kummerċ ma kenitx kbira biżżejjed.

    - L-attivitajiet eżaminati kienu meqjusa bħala relevanti u korrispondenti għall-għanijiet ewlenin tal-programm.

    - Fejn jidħlu spejjeż, il-valutatur sab li xi wħud mill-proġetti kienu partikolarment għoljin u ġibed l-attenzjoni għal xi elementi speċifiċi ta’ dawn l-ispejjeż.

    Fir-rigward ta’ proġetti individwali, il-benefiċjarji ta’ kull proġett magħżul jissottomettu rapport finali u rapport finanzjarju lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tanalizza dawn ir-rapporti u tivvalutahom, anki fuq bażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-azzjonijiet, għall-mod kif kienu ġew implimentati u l-impatt li kellhom biex isir magħruf jekk l-għanijet tal-programm intlaħqux.

    6.2.3. Kundizzjonijiet u frekwenza ta’ valutazzjonijiet futuri. Il-programm se ssirlu valutazzjoni indipendenti fl-2013 u rapport dettaljat dwar l-eżekuzzjoni tiegħu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sa Ġunju 2014.

    7. MIŻURI KONTRA L-FRODI

    L-eżami bir-reqqa li jagħmel il-Kumitat ta' Valutazzjoni, id-diskussjonijiet tal-grupp relevanti tal-Kummissjoni u l-analiżi finanzjarju huma garanzija kontra l-frodi. Minbarra dan, il-benefiċjarji huma aġenziji tal-gvern, normalment responsabbli għas-sigurezza pubblika, u dan inqqas sew il-probabbiltà ta’ frodi.

    Il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki fuq il-post u spezzjonijiet taħt dan il-programm f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96[23]. Jekk ikun hemm ħtieġa, isiru investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Frodi (l-OLAF) irregolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill[24].

    Il-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ operazzjoni għandu jżomm disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti sekondarji kollha, inkluża dikjarazzjoni finanzjarja verifikata dwar l-ispejjeż ta’ matul is-sena ta’ l-għotja għal perjodu ta’ ħames snin mill-aħħar pagament. Il-benefiċjarju tas-sussidju jrid jiżgura li, fejn applikabbli, id-dokumenti sekondarji li jkunu għand sħab jew membri jkunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    8. DETTALJI TAR-RIŻORSI 8.1. Għanijiet tal-proposta f’termini ta’ spejjeż finanzjarji

    Approprjazzjonijiet ta’ l-impen f’miljuni ta’ EUR (sa 3 skali deċimali)

    TOTAL | 2,5 | 2,5 | 2,5 | 2,5 | 2,5 | 2,5 | 2,5 |

    Il-bżonnijiet għar-riżorsi umani u amministrattivi għandhom ikunu koperti fi żmien l-allokazzjoni mogħtija lis-servizz ta’ l-amministrazzjoni fil-qafas tal-proċedura annwali ta’ l-allokazzjoni.

    8.2.2. Deskrizzjoni ta’ ħidmiet ġejjin mill-azzjoni

    Valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet: l-amministrazzjoni tal-kumitat ta’ valutazzjoni, kuntatti ma’ l-applikanti; parteċipazzjoni fl-avvenimenti.

    Koordinazzjoni: monitoraġġ kontinwu ta’ l-eżekuzzjoni ta’ Pericles; preżentazzjonijiet lill-gruppi relevanti (l-Istati Membri, il-BĊE, l-Europol); kontribuzzjoni għat-tħejjija tal-proġetti.

    Tħejjija u eżekuzzjoni ta’ l-azzjonijiet Pericles taħt inizjattiva tal-Kummissjoni.

    8.2.3. Sorsi ta’ riżorsi umani (statutorji)

    (Fejn jissemma' aktar minn sors wieħed, jekk jogħġbok indika l-għadd ta’ postijiet li joriġinaw minn kull sors)

    ( Postijiet li bħalissa huma allokati għat-tmexxija tal-programm li għandhom jinbidlu jew jittawlu

    8.2.4. Infiq Amministrattiv ieħor inkluż fl-ammont ta’ referenza (XX 01 04/05 - Infiq fuq immaniġġjar amministrattiv)

    Miljuni ta’ EUR (sa 3 skali deċimali )

    Uffiċjali u staff temporanju (A3 01 01) | 0,162 | 0,162 | 0,162 | 0,162 | 0,162 | 0,162 | 0,162 |

    Staff iffinanzjat bl-Art A3 01 02 (awżiljarju, END, staff bil-kuntratt, eċċ.) (speċifika l-linja baġitarja) | 0,045 | 0,045 | 0,045 | 0,045 | 0,045 | 0,045 | 0,045 |

    Spiża totali fuq ir-Riżorsi Umani u spejjeż assoċjati (MHUX inklużi fl-ammont ta’ referenza) | 0,207 | 0,207 | 0,207 | 0,207 | 0,207 | 0,207 | 0,207 |

    Kalkolu - Uffiċjali u Aġenti Temporanji |

    Għandha ssir referenza għall-Punt 8.2.1, jekk applikabbli |

    0,25A x 108.000 € +1B x 108.000 + 0,25C x 108.000 = 162.000 |

    Kalkolu - Staff iffininanzjat taħt l-Art. A3 01 02

    Għandha ssir referenza għall-Punt 8.2.1, jekk applikabbli |

    1 END x 45.000 |

    |

    2007 |

    2008 |

    2009 |

    2010 |

    2011 |

    2012 |

    2013 |TOTAL | |XX 01 02 11 01 – Missjonijiet |0,030 |0,030 |0,030 |0,030 |0,030 |0,030 |0,030 |0,210 | |XX 01 02 11 02 – Laqgħat u Konferenzi | | | | | | | | | |XX 01 02 11 03 – Kumitati |0,060 |0,060 |0,060 |0,060 |0,060 |0,060 |0,060 |0,420 | |XX 01 02 11 04 – Studji u konsulti | | | | | | | | | |XX 01 02 11 05 - Sistemi ta’ informazzjoni | | | | | | | | | | 2 Infiq Totali Ieħor fuq l- Amministrazzjoni (A3 01 02 11) | 0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,630 | | Infiq amministrattiv totali, barra r-riżorsi umani u l-ispejjeż assoċjati (MHUX inklużi fl-ammont ta’ referenza) | 0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,090 |0,630 | |Kalkolu - Nefqa amministrattiva oħra li mhix inkluża fl-ammont ta’ referenza

    20 missjoni x 1.500 € u 4 laqgħat x 15.000 €

    [1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 1998 lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-BĊE imsejħa ‘It-tħaris ta’ l-euro – il-ġlieda kontra l-iffalsifikar’ COM(98) 474 finali.

    [2] ĠU L 181, 4/7/2001 ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru. 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien ta' l-Euro kontra l-iffalsifikar; ĠU L 181 4/7/2001 ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru. 1339/2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru. 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-Euro bħala l-munita unika tagħhom.

    [3] ĠU L 140, 29/05/2000 id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar ir-rinfurzar tat-tħaris permezz ta’ penalizzar kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro

    [4] ĠU C 149/16, 28/05/1999 id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29.04.1999li testendi l-mandat ta' l-Europol għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-flus u mezzi oħra ta' ħlas

    [5] Ir-Rapport tal-Kummissjoni COM(2001) 771 tat-13.12.2001, it-Tieni Rapport tal-Kummissjoni COM (2003) 532 tat-03.09.2003

    [6] Rapport ta’ valutazzjoni p. 4, 21, 22 u 23

    [7] Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni. Konklużjonijiet tal-Kunsill, 30 ta’ Jannar 2006 p. 11

    [8] (Dok. 15915/05)

    [9] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [10] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [11] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [12] ĠU L 339, 21.12.2001, p.50. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/75/KE (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40).

    [13] ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1

    [14] COM/2005/0127 finali

    [15] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.)

    [16] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [17] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [18] Ara paġna ... ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [19] ĠU L 139, 11.5.1998, p.1.

    [20] Nefqa li ma tidħolx taħt il-Kapitolu xx 01 tat-Titolu xx ikkonċernat.

    [21] Spejjeż fl-ambitu ta’ l-Artikolu xx 01 04 tat-Titolu xx.

    [22] Jekk ikun indikat aktar minn metodu wieħed jekk jogħġbok ipprovdi aktar dettalji fis-taqsima tal-“Kummenti Rilevanti” ta’ dan il-punt

    [23] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    [24] ĠU L 136, 31. 5.1996, p.1.

    [25] In-nefqa għalih MHIX koperta mill-ammont ta’ referenza

    [26] In-nefqa għalih MHIX koperta mill-ammont ta’ referenza

    Top