This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52005DC0607
Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on Pandemic Influenza Preparedness and Response Planning in the European Community
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istat ta’ Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istat ta’ Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika
/* KUMM/2005/0607 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istat ta’ Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika /* KUMM/2005/0607 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.11.2005 KUMM(2005) 607 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istat ta’ Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika WERREJ 1. L-Isfond u l-Għan tal-Komunikazzjoni 4 2. L-Istat ta’ Tħejjija għall-Influwenza Pandemika fl-Unjoni Ewropea 5 3. Il-Ħidmiet Prinċipali għall-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenziji ta’ l-UE 7 3.1. L-ippjanar u l-Koordinazzjoni 8 3.2. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni 9 3.3. Il-prevenzjoni u t-trażżin 10 3.4. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa 13 3.5. Il-Komunikazzjoni 14 4. Il-Fażijiet tal-Pandemija u l-Livelli ta’ Allarm fl-UE 15 WHO PHASE 1 (Perjodu interpandemiku) 17 WHO PHASE 2 (Perjodu interpandemiku) 17 Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 17 WHO PHASE 3 (Perjodu ta’ allarm ta’ pandemija) 18 Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 18 4.1.1. Il-Kummissjoni 18 4.1.2. L-ECDC 19 4.1.3. L-Istati Membri 20 WHO PHASE 4 (Perjodu ta’ twissija ta’ pandemija) 20 4.1.4. Il-Kummissjoni 21 4.1.5. L-ECDC 21 4.1.6. L-Istati Membri 22 WHO PHASE 5 (Perjodu ta’ twissija ta’ pandemija) 23 Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 23 4.1.7. Il-Kummissjoni 23 4.1.8. L-ECDC 24 4.1.9. L-Istati Membri 25 WHO PHASE 6 (Perjodu ta’ pandemija) – Livelli ta’ allarm ta’ l-UE - 1-4 25 Il-livell ta’ allarm 1 ta’ l-UE 25 Il-livell ta’ allarm 2 ta’ l-UE 25 Il-livell ta’ allarm 3 ta’ l-UE 26 Il-livell ta’ allarm 4 ta’ l-UE 26 Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 26 4.1.10. Il-Kummissjoni 26 4.1.11. L-ECDC 27 4.1.12. L-Istati Membri 28 4.2. Perjodu Post-pandemiku: irkuprar u ritorn għall-perjodu interpandemiku 28 5. Konklużjonijiet 29 ANNESS 1: Fażijiet WHO Ġodda 30 ANNESS 2: Proġetti marbuta ma' l-influwenza ffinanzjati mill-programm ta’ azzjoni għas-saħħa pubblika 31 ANNESS 3: Riċerka appoġġata mill-UE marbuta ma’ l-influwenza pandemika tal-bniedem 32 1. L-ISFOND U L-GħAN TAL-KOMUNIKAZZJONI Ħafna ċittadini Ewropej jkunu affettwati mill-influwenza kull xitwa. F'epidemija normali staġjonali, bejn 5 u 10% tal-popolazzjoni timrad. Pandemiji ta' l-influwenza fl-imgħoddi affettwaw il-popolazzjoni b'qawwa ħafna akbar minn epidemiji staġjonali, b'rati ta' attakk bejn l-10 u l-50%. Kien hemm tliet pandemiji fis-seklu għoxrin: l-influwenza Spanjola ta' l-1918-1920 (l-akbar waħda; ikkawżat aktar minn 20 miljun mewta, forsi wkoll 50 miljun mewta madwar id-dinja), l-influwenza Ażjatika ta' l-1957-1958, u l-influwenza ta' Ħong Kong ta' l-1968-1969. Il-mixja ta' epidemija ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) miċ-Ċina u x-Xlokk ta' l-Ażja wasslet għal tħassib li jista' jirriżulta virus ta' l-influwenza, li hu kompletament adattat għat-trażmissjoni minn bniedem għall-ieħor u kapaċi li jikkawża miljuni ta' mwiet u ħsara ekonomika kbira. Filwaqt li huwa impossibbli li wieħed ibassar meta se tfaqqa' l-pandemija li jmiss, is-servizzi tas-saħħa, dawk soċjali u servizzi essenzjali oħra x'aktarx li jkunu taħt pressjoni kbira mill-bidu nett tagħha. Pandemija ta' l-influwenza tirriżulta f' livell għoli ta' inkwiet mill-pubbliku, mill-politiċi u mill-midja, u tikkawża sfrattu soċjali u ekonomiku wiesa', kemm matul il-perjodu tal-pandemija, kif ukoll wara li tgħaddi. L-ansjetà, ir-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq, il-limitazzjonijiet fuq il-laqgħat pubbliċi, id-diffikultajiet ta' distribuzzjoni u numru kbir ta' mwiet żejda kollha x'aktarx iżidu l-pressjonijiet u l-isfrattu għas-soċjetà. L-effetti tal-pandemija fuq is-soċjetajiet huma inevitabbli, iżda tħejjija bir-reqqa u ppjanar tar-risponsi jistgħu jikkontribwixxu sabiex jittaffew il-firxa u l-impatt. Strateġiji nazzjonali u lokali komprensivi li huma komplementari u li huma appoġġati minn mekkaniżmi għall-iżgurar ta’ pariri u informazzjoni fil-ħin u preċiżi, iridu jkunu fondamentali għall-pjanijiet kollha. L-ippjanar għal pandemija hija ħaġa kumplessa peress li ftit hemm għarfien dwar l-impatt probabbli: Id-dejta differenti mhumiex konkreti u huma neqsin minn fatturi komuni. Abbażi ta' pandemiji preċedenti, pariri esperti u mmudellar teoretiku, l-parti l-kbira tal-pjanijiet ta' tħejjija huma bbażati fuq assunzjonijiet ta' ppjanar li jinkludu. Rata t'attakk: din hija l-proporzjoni tal-popolazzjoni li tiżviluppa influwenza klinika matul pandemija. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe intervent, min qed jippjana jassumi li fuq perjodu ta' 9 sa 15-il ġimgħa madwar 30% tal-popolazzjoni timrad. Ir-rati ta' attakk, u s-serjetà tal-mard, x'aktarx ivarjaw skond il-grupp ta' l-età, iżda peress li ma huwiex probabbli li kemm it-tfal u kemm l-adulti jkollhom l-immunità għall-virus il-ġdid, għall-iskopijiet ta' ppjanar, wieħed għandu jassumi rata uniformi ta' attakk, mard aktar serju u rati ogħla ta' mwiet mill-influwenza normali 'staġjonali' għall-gruppi kollha ta' età. Rata ta' fatalità tal-każijiet: il-proporzjoni ta' nies morda li jmutu minħabba l-influwenza. Ħafna pjanijiet nazzjonali jibbażaw l-assunzjonijiet tagħhom fuq perċentwal tar-rata kumplessiva ta' fatalità tal-każijiet ta' 0,37% matul perjodu ta' pandemija. Konsultazzjonijiet kliniċi : 50% tal-persuni morda huma mistennija li jfittxu tabib ġenerali jew kura medika outpatients. Ammissjonijiet l-isptar: għal kundizzjonijiet respiratorji serji u kundizzjonijiet marbuta magħhom, każijiet simili għall-influwenza x'aktarx jammontaw għall- 1% tal-każijiet kliniċi. Rata tal-Kura Intensiva: huwa mistenni li 15% tal-pazjenti li jidħlu l-isptar għall-mard simili għall-influwenza jeħtieġu l-kura intensiva, u 50% jistgħu ikunu jeħtieġu ventilators mekkaniċi. Assenteiżmu mix-xogħol: għal skopijiet ta' ppjanar, wieħed għandu jassumi li totali kumulattiv ta' 30% tar-riżorsi umani li jaħdmu mhux se jidħlu għax-xogħol għal ħames sa tmint ijiem ta' ġranet tax-xogħol fuq perjodu ta' tliet xhur. It-tixrid ta' l-influwenza jkun aċċellerat fl-iskejjel u f'komunitajiet oħra magħluqa, u dan iwassal għal ħtieġa potenzjali li l-iskejjel jingħalqu. Dan, flimkien ma' l-isfrattu fl-ivjaġġjar u l-ħtieġa li min jaħdem jipprovdi l-kura għall-membri tal-familja u oħrajn, ikompli jiggrava l-assenteiżmu. Hija prinċipalment ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jieħu l-miżuri l-aktar adattati biex jiġġieled pandemiji ta' l-influwenza tal-bniedem. Madankollu, l-ebda pajjiż waħdu ma jista' jiffaċċja l-konsegwenzi ta' pandemija. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija ħtieġa assoluta jekk l-impatt tagħha għandu jitnaqqas. Fl-UE, fejn ma jeżistux fruntieri interni, miżuri addizzjonali ta' koordinazzjoni huma meħtieġa. Minħabba f’hekk hemm il-ħtieġa għal azzjoni fuq il-livell ta' l-UE. L-Istati membri kollha ippjanaw u saħħew it-tħejjija tagħhom għal pandemija ta' l-influwenza fix-xhur reċenti b'assistenza mill-Kummissjoni u l-WHO, u qed isir aktar xogħol, bl-appoġġ tal-konklużjonijiet tal-Kunsill[1] u tal-Ministri tas-Saħħa fil-laqgħa informali tagħhom fl-20 ta' Ottubru 2005. Il-Kummissjoni tassumi rwol importanti billi tgħin lill-Istati membri u tikkoordina l-miżuri fuq il-livell ta' l-UE, hi u tuża, b'mod partikolari, in-Netwerk Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll ta' mard li jittieħed[2] u s-Sistema ta' Twissija u Rispons minn Kmieni (EWRS)[3] u l-arranġamenti mandatorji tagħhom għan-notifikazzjoni uffiċjali ta' każijiet u avvenimenti ta' mard u ta' informazzjoni, konsultazzjoni u koordinazzjoni tal-miżuri meħuda jew ippjanati. Il-Kummissjoni ħadmet għal numru ta' snin sabiex tgħin fit-titjib tat-tħejjija ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha għall-pandemiji, hekk kif inhu deskritt fil- working paper tal-Kummissjoni[4] dwar is-suġġett, li ġiet ippubblikata f'Marzu 2004. Minn dak iż-żmien, il-WHO irrivediet id-deskrizzjoni tagħha tal-fażijiet varji tal-pandemija (ara l-ANNESS 1) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) li twaqqaf permezz tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], li jipprovdi konsulenza u esperjenza u li jgħin lill-Kummissjoni billi jopera l-EWRS, beda jopera fi Stokkolma f’Mejju 2005. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, sar neċessarju li l-pjan ta' tħejjija u rispons ta' l-UE għall-influwenza pandemika jiġi rivedut. Il-pjan rivedut huwa propost f'din il-komunikazzjoni. 2. L-Istat ta’ Tħejjija għall-Influwenza Pandemika fl-Unjoni Ewropea Rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet qabel u matul il-pandemiji nħarġu mill-WHO[6] u jservu bħala bażi għall-ippjanar minn pajjiżi madwar id-dinja kollha. L-ippjanar fil-livell ta’ l-UE huwa bbażat fuq l-istess rakkomandazzjonijiet, madankollu, irid isir provvediment speċifiku għal ċerti ċirkustanzi u kundizzjonijiet partikolari għall-UE. Li kieku ċ-ċirkostanzi ta' l-influwenza pandemika kellhom jiġu identifikati l-ewwel barra l-UE, id-dikjarazzjoni tal-pandemija (il-Fażi 6 tar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO) kważi ċertament tinħareġ l-ewwel mill-WHO. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza tas-saħħa pubblika, marbuta ma' l-emerġenza ta' strain pandemiku taf toħroġ qabel. Ladarba l-UE tiġi affettwata, Stati Membri differenti jistgħu jgħaddu mill-fażijiet fi żminijiet u b’rati differenti. Għalhekk, għall-finijiet ta’ l-UE, l-attività epidemika ġewwa l-UE u fl-Istati Membri għandha sinifikat speċjali u teħtieġ dettall addizzjonali fil-qafas tal-klassifikazzjoni tal-WHO. Sensiela ta’ miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati fil-livell ta’ l-UE huma deskritti f'din il-komunikazzjoni għal kull fażi u dawn ikunu japplikaw fil-kuntest epidemjoloġiku speċifiku. F'Marzu 2005, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa organizzaw workshop sabiex jiġu diskussi l-pjanijiet dwar il-pandemiji u jiġu identifikati n-nuqqasijiet u t-titjib li jinħtieġ. L-impenn politiku, aktar riżorsi għat-tħejjija għall-pandemiji, aktar riċerka u r-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet legali u etiċi kumplessi ġew identifikati bħala kwistjonijiet ewlenin u tleħħen interess qawwi fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet komuni u l-kooperazzjoni bejn pajjiż u ieħor[7]. F’Lulju 2005, il-Kummissjoni kitbet lill-Ministri tas-Saħħa kollha, u talbithom biex jipprovdu informazzjoni dwar l-istat ta’ tħejjija ta’ pajjiżhom, partikularment dwar id-disponibbiltà ta’ pjanijiet nazzjonali, antivirali u politika dwar it-tilqim. Ir-risposti u l-pjanijiet nazzjonali kollha ġew evalwati mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (ref.1) u l-ECDC. Dawn ġew diskussi aktar fil-fond bejn il-Ministri tas-Saħħa u l-Kummissjoni waqt laqgħa informali organizzata mill-Presidenza tar-Renju Unit fl-20 t’Ottubru u meqjusa fit-tieni workshop konġunt KE/WHO mill-24 sas-26 t’Ottubru 2005. Barra minn hekk, żjarat konġunti ta' evalwazzjoni mal-WHO u l-ECDC bdew iseħħu fl-Istati Membri ta’ l-UE u Pajjiżi oħra Ewropej. Is-sejbiet preliminari juru li l-istat ta’ tħejjija huwa ġeneralment limitat għas-settur tas-saħħa. Xi wħud mill-pjanijiet jeħtieġ li jsiru aktar operazzjonali – b’mod partikulari l-pjanijiet ta’ kontinġenza għal faċilitajiet ta’ kura tas-saħħa u s-servizzi ċivili, kif ukoll it-taħriġ għall-forza tax-xogħol. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fil-pjanijiet tagħhom indirizzaw kwistjonijiet ta’ prijorità bħall-istruttura tal-ġerarkija, l-istrateġija tal-komunikazzjoni u l-kapaċità tal-laboratorji. Madwar nofs l-Istati Membri s'issa koprew miżuri fuq l-ivvjaġġjar internazzjonali, ir-rintraċċar tal-kuntatti u l-kwarantina, u l-limitazzjoni fuq iċ-ċaqliq. Xi Stati Membri evalwaw il-bżonn għal miżuri li jikkonċernaw ċittadini nazzjonali msefrin. Il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta' simulazzjoni fuq l-influwenza pandemika ("Common Ground") sabiex tittestja l-komunikazzjonijiet u l-pjanijiet ta' tħejjija u l-koordinazzjoni bejn l-Istati membri, il-Kummissjoni u aġenziji tal-Komunità, bħalma huma l-ECDC u l-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Mediċini (EMEA), kif ukoll mal-WHO. Ir-riżultati u t-tagħlimiet minn dan l-eżerċizzju se jkunu importanti fl-isforzi sabiex jittejbu l-pjanijiet u l-interoperabbiltà tagħhom. Biex tkun żgurata kooperazzjoni aħjar bejn is-setturi tas-saħħa pubblika u tas-saħħa ta’ l-annimali, il-Kummissjoni laqqgħet flimkien l-Uffiċjali Għolja Mediċi (CMO) u Uffiċjali Għolja Veterinarji (CVO) ta' l-UE fit-22 ta' Settembru 2005. Din il-laqgħa mmarkat il-bidu ta' proċess kontinwu sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u s-servizzi veterinarji u tas-saħħa huma u jindirizzaw aspetti ewlenin marbuta mal-kontroll ta' l-influwenza. In-natura tat-theddida hija tali li huwa ovvju li l-provvista tal-protezzjoni għall-Istati Membri timplika ż-żieda tal-miżuri protettivi u preventivi globalment. Il-Kummissjoni flimkien ma' l-Istati Membri qed tipprovdi wkoll appoġġ għal kollaborazzjonijiet internazzjonali, partikolarment ix-xogħol ta' l-Aġenziji tan-NU bħalma huma l-WHO, il-FAO, l-OIE u x-xogħol tal-Bank Dinji, sabiex jgħinu lil pajjiżi terzi, partikolarment pajjiżi li bħalissa huma affettwati mill-influwenza tat-tjur, sabiex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta' sorveljanza u ta' kontroll tal-mard, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli, speċifikament b'referenza għall-Afrika u l-Ażja. Dan se jinkludi għajnuna sabiex jiġi pprovdut aċċess għal prodotti mediċinali essenzjali. L-UE tipproponi li tisponsorja bi sħab konferenza ta' pledging flimkien mal-Bank Dinji u ċ-Ċina sabiex jiġi żgurat l-appoġġ għal forma ta' Fond Fiduċjarju sabiex tiġi miġġielda l-Influwenza tat-Tjur madwar id-dinja kollha. Huwa wkoll importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinsistu li r-rappurtar epidemjoloġiku jsir mill-ewwel, ikun preċiż u totalment trasparenti madwar id-dinja. Teżisti wkoll il-ħtieġa li l-Komunità tiffaċilità involviment akbar ta' l-imsieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) fix-xogħol f'dan il-qasam. Bħalissa Pjanijiet ta' Azzjoni ma' sitt pajjiżi jirreferu għal xogħol bħal dan (l-Ukraina, il-Moldova, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija). Fir-rigward ta' l-aktar interventi qawwija sabiex tiġi miġġielda pandemija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li l-vaċċini u l-mediċini antivirali jkunu disponibbli. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-EMEA u l-Istati Membri, ippubblikat dokument[8] dwar sħubija pubblika-privata sabiex tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta' vaċċini pandemiċi fl-iqsar żmien possibbli. Kwistjonijiet ewlenin li ġew identifikati kienu l-kopertura ta' l-akbar numru possibbli ta' sotto-tipi tal-virus, provi kliniċi, żieda fil-kapaċità permezz ta’ żieda fit-tilqim interpandemiku u s-sorveljanza ta' l-istatus ta' immunizzazzjoni u l-effetti negattivi. Fir-rigward ta' l-antivirali, il-Kummissjoni impenjat ruħa fi sforzi sabiex jiġu stimulati strateġiji għall-akkwist u l-użu tagħhom, u dan wassal għal benefiċċi għall-Istati Membri f'dak li jirrigwarda għarfien u informazzjoni kruċjali dwar il-kundizzjonijiet ta' provvista u limitazzjonijiet, kif ukoll interess fl-industrija farmaċewtika għall-involviment ta' aktar kumpaniji f'dan il-qasam. L-Istati Membri qed jevalwaw ukoll, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u l-ECDC, il-bżonn ta’ maskri u tagħmir ieħor bħal pereżempju respirators . 3. Il-Ħidmiet Prinċipali għall-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenziji ta’ l-UE Element kruċjali tar-risponsi għal pandemija fuq kwalunkwe livell huwa li jkun żgurat li jkunu multi-settorjali u li jkopru servizzi barra s-settur tas-saħħa. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu, għalhekk, ikollhom fis-seħħ strateġiji, dejjem aġġornati, għall-ippjanar u l-koordinazzjoni li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni multi-settorjali. L-iżvilupp ta' pjanijiet għall-influwenza pandemika jinvolvi l-prinċipji u l-komponenti ta' proċess ta' ppjanar ippreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni dwar l-ippjanar tat-tħejjija ġenerika għall-emerġenzi ta' saħħa pubblika fuq il-livell ta' liUE[9]. L-applikazzjoni ta' dan il-proċess ta' ppjanar għall-influwenza pandemika identifikat is-suġġetti ewlenin li ġejjin li fuqhom jissejjes il-pjan ta' l-UE għall-influwenza pandemika. - l-ippjanar u l-koordinazzjoni - il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - il-prevenzjoni u t-trażżin - ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - il-komunikazzjoni Dawn is-suġġetti huma amplifikati wieħed wieħed hawn taħt. 3.1. L-ippjanar u l-Koordinazzjoni Il-ħidmiet meħtieġa f’kull fażi u f’kull livell ta’ allarm għandhom jiġu diretti lejn l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ l-impatt kurrenti u l-potenzjal ta’ theddida sussegwenti ta’ tifqigħa ta’ l-influwenza biex jiġu limitati l-konsegwenzi tagħha. It-tranżizzjoni bejn stadji ta' allarm u ta' azzjoni, madankollu, jeħtieġ li tkun rapida, skond l-evoluzzjoni ta’ l-avvenimenti, u ċerti fażijiet jew livelli jista’ jkollhom jinqabżu. Il-pjanijiet, għalhekk, jeħtieġ li jkunu flessibbli biex jippermettu din il-kontinġenza. Valur miżjud fl-UE jista’ jinkiseb billi jiġu mtejba l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fost il-Kummissjoni u l-Istati Membri b’għajnuna mill-ECDC, aġenziji Ewropej oħra bħalma huma l-EMEA u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (EFSA) u mal-WHO. Hija prevista struttura bi tliet livelli: L-ewwel, il-Grupp ta’ Tħejjija għas-Saħħa Pubblika u l-Ippjanar tar-Rispons (PRPG) tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, kif propost fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2004, għandu jimpenja ruħu f'numru ta' xogħlijiet bħall-iskambju ta’ informazzjoni, jikkomunika u jirrivedi pjanijiet nazzjonali eżistenti ta’ l-istat ta’ tħejjija u ta’ rispons u jipprovdi konsulenza dwar nuqqasijiet u ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni bejn pjanijiet nazzjonali, il-qsim ta’ għarfien espert u prassi tajba ma’ gruppi oħrajn li qed jaħdmu fuq pjanijiet ta’ tħejjija għas-saħħa u jwaqqaf gruppi li jagħtu pariri dwar aspetti partikolari ta' l-ippjanar ta’ kontinġenza. It-tieninett, kull notifikazzjoni, skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħhħa pubblika u konsultazzjoni u koordinazzjoni dwar miżuri, ippjanati jew meħuda mill-Istati Membri, jridu jsiru permezz tas-Sistema ta’ Twissija u ta’ Rispons Bikri tal-Komunità, kif stipulat fid-Deċiżjoni 2119/98/KE[10] li tistabbilixxi Netwerk Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll tal-mard li jinxtered u d-Deċiżjoni 2000/57/KE[11] dwar is-Sistema ta’ Twissija u Tweġiba (rispons) Bikrija . It-tieletnett, il-mobilizzazzjoni ta' Timijiet ta’ Assistenza għat-Tifqigħat (OATs) se tkun parti mill-mekkaniżmu ta’ respons. B'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni ħejjiet lista primarja ta' esperti li jistgħu jiġu mmobilizzati u l-ECDC issa qed tkompli b'dan ix-xogħol. It-timijiet jaħdmu fuq mandat, organizzazzjoni, struttura u proċeduri ta’ distakkament miftiehma. Il-firxa sħiħa ta’ responsabbiltajiet tat-tim tista’ tvarja skond it-termini ta’ referenza li għandhom jiġu ddefiniti mill-ECDC, iżda li jinkludu l-parteċipazzjoni f’investigazzjoni ta’ tifqigħa ġewwa u barra l-Komunità sabiex jintużaw il-koerenza u s-sinerġiji mar-rispons estern ta’ l-UE f’kooperazzjoni mal-WHO u l-provvediment ta’ assistenza fl-evalwazzjoni tar-riskju u l-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet fil-post, partikolarment fejn jaqbżu l-fruntieri ta' Stat Membru.. 3.2. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni L-aktar ħidma importanti tas-sistemi ta’ sorveljanza u djanjostiċi ta’ l-Istati Membri hija li jipprovdu individwazzjoni u karatterizzazzjoni bikrija ta’ l- istrains pandemiċi minn kampjuni kliniċi jew kampjuni oħra u li jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju affidabbli dwar il-potenzjal li dawn jikkawżaw tifqigħat mifruxa sew fil-bnedmin. L-elementi ewlenin huma kopertura tajba ta’ dijanjożi viroloġika għall-każijiet suspettużi, b’karatterizzazzjoni rapida u effettiva ta’ l- istrains tal-virus iżolati mill-pazjenti, u l-evalwazzjoni ta’ l-impatt epidemjoloġiku, b’mod partikolari l-piż tal-mard. Is-sorveljanza effettiva ta’ l-influwenza hija l-aktar parti li tiżgura allarm f’waqtu li tkun ġejja pandemija. L-ECDC għandu rwol ta’ koordinazzjoni fil-ħidma ta’ sorveljanza. L-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw tifqigħat ta’ influwenza lin-netwerk tal-Komunità ta’ mard li jinxtered imwaqqaf mid-Deċiżjoni 2119/98/KE. Bħala parti minn dan in-netwerk, Is-Sistema ta' Twissija u Rispons minn Kmieni (EWRS) hija l-pedament ċentrali għar-rispons Komunitarju. Is-sistema qed tgħaqqad l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika ta' l-Istati Membri. Taħt l-EWRS, in-notifikazzjoni formali u mill-aktar fis possibbli tal-każijiet trid issir permezz tat-trażmissjoni immedjata ta' l-informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha, kif ukoll (minn qabel, jekk ikun possibbli) il-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni ta' kontro-miżuri mill-Istati Membri. Is-sorveljanza ta’ infezzjonijiet ta’ l-influwenza fl-annimali, speċjalment fil-popolazzjonijiet tat-tjur, hija importanti u hija rekwiżit taħt il-liġi tal-KE, minħabba li l-annimali jistgħu jżommu fihom varjetà kbira ta’ strains tal-virus ta’ l-influwenza. Abbażi ta' l-esperjenza miġbura minn stħarriġ madwar l-Ewropa fuq it-tjur domestiċi u tjur selvaġġi, programm ta’ sorveljanza mmirat se jkun imtejjeb ulterjorment. Komunikazzjoni f’waqtha tas-sejbiet tas-sorveljanza fil-bnedmin u fl-annimali hija essenzjali biex ikun hemm il-medda ta’ żmien massima għat-tħejjija għall-produzzjoni tal-vaċċin u kontro-miżuri oħra għas-saħħa pubblika. Kapaċità adegwata tal-laboratorji u kapaċitajiet dijanjostiċi mtejba jridu jkunu fis-seħħ sabiex jiġu żgurati s-sorveljanza effettiva u l-identifikazzjoni mill-aktar fis ta' strains ta' virus ta' l-influwenza. Il-kooperazzjoni fost il-laboratorji f'dan ir-rigward huwa organizzat permezz ta' l-Iskema Ewropea għas-Sorveljanza ta' l-Influwenza (EISS), proġett immirat lejn il-monitoraġġ ta' l-attività ta' l-influwenza fl-Istati Membri kollha ta' l-UE permezz tan-netwerking tal-kliniċi u l-laboratorji, u l-assistenza lill-Kummissjoni fl-ippjanar għat-tħejjija għall-influwenza pandemika. L-EISS hija ffinanzjata bi sħab mill-Komunità fil-qafas tal-Programm għas-Saħħa Pubblika 2003-2008. Madankollu, laboratorji nazzjonali ta' referenza għandhom jiġu ddeżinjati mill-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri, u jkunu rikonoxxuti, fejn hu xieraq mill-Programm Globali tal-WHO għall-Influwenza bħala Ċentri Nazzjonali ta' l-Influwenza. In-netwerk ta' laboratorji EISS bħalissa qed jieħu l-funzjoni ta' struttura ta' "Laboratorju ta' Referenza Komunitarju għall-Influwenza tal-Bniedem" li hija prevista li titwaqqaf b'appoġġ mill-Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tas-Saħħa u tal-Ħarsien tal-Konsumatur 2007-2013[12] li l-Kummissjoni pproponiet fis-6 ta' April 2005. Sorveljanza klinika fil-forma ta' għassa għandha tibda fl-Istati Membri b’sistemi tajbin ta’ rikonoxximent tal-każijiet minn dawk li jmexxu l-kliniċi marbuta mas-sorveljanza viroloġika u għandhom jinkludu morbidità u mortalità relatati ma’ l-età, u possibbilment ukoll ir-rata ta’ ammissjonijiet fl-isptar. Manifestazzjonijiet kliniċi jistgħu jinbidlu, speċjalment matul il-mewġiet ta’ pandemija li jiġu wara meta jistgħu jitfaċċaw karatteristiċi ġodda. L-impatt ta’ programmi ta’ tilqim u miżuri oħra tas-saħħa, għandhom jiġu vvalutati minħabba li r-rotot staġjonali ta' l-i strains ta' l-influwenza fiċ-ċirkolazzjoni u b'konsegwenza l-kompożizzjoni tal-vaċċini jvarjaw minn sena għal oħra. Għandha ssir enfasi akbar fuq sorveljanza sistematika ta’ l-impatt tal-programmi ta’ tilqim fuq il-morbidità u l-mortalità u fuq informazzjoni tajba fuq l-istat ta’ immunizzazzjoni fl-UE. Peress li l-vaċċini għall-pandemiji se jkunu prodotti biss xi xhur wara l-iżolament ta' l-i strain tal-pandemija iżda se jiġu amministrati mingħajr il-provi konvenzjonali, se jkun hemm il-ħtieġa għall-monitoraġġ ta' l-effettività, is-sikurezza u l-effetti sekondarji tagħhom. L-ECDC jieħu fuqu l-ħidmiet relatati mas-sorveljanza epidemjoloġika skond il-pjan, jieħu sehem fl-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ l-assistenza f’tifqigħat ta’ influwenza, u jipprovdi konsulenza dwar għażliet u linji ta’ gwida għar-rispons adattat fil-fażijiet u l-livelli varji li hemm fil-pjan. Bħalissa l-Kummissjoni qegħda tiffinanzja proġetti taħt il-Programm ta’ Azzjoni tas-Saħħa Pubblika (2003-2008) biex issaħħaħ is-sorveljanza u l-istat ta’ tħejjija fuq il-livell ta’ l-UE (ara l-ANNESS 2). 3.3. Il-prevenzjoni u t-trażżin Kontromiżura ewlenija għall-prevenzjoni ta’ l-influwenza huwa t-tilqim. Vaċċin għall-pandemija jkun prodott wara li l-i strain pandemiku jkun iżolat, iżda dan jista' jieħu bejn 6-8 xhur qabel ma jkun disponibbli. Barra dan, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-vaċċini mhix adegwata. Kull Stat Membru għandu jipprepara pjanijiet biex ilaqqam gruppi ta’ prijorità. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna mill-ECDC u l-WHO diġà tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-pjanijiet biex tiżgura l-inter-operabbiltà u tevita l-konfuzjoni u t-tħassib pubbliku fuq il-livelli differenti ta’ protezzjoni tas-saħħa li jingħataw f’partijiet differenti ta’ l-UE. Fil-bidu ta' pandemija, il-mediċini antivirali jikkostitwixxu l-ewwel pilastru tal-prevenzjoni u l-intervenzjoni medika sakemm isiru disponibbli l-vaċċini. L-Istati membri għandhom jikkunsidraw kif se jużaw il-ħażniet limitati minħabba d-disponibbiltà kurrenti limitata, u jagħtu prijorità lil dawk li għandhom jirċievu l-mediċina matul l-ewwel mewġa, b'attenzjoni partikolari fuq dawk li huma morda bl- istrain tal-pandemija u, għalhekk, li x'aktarx l-aktar li se jibbenefikaw minn trattament minn kmieni. Il-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-qsim ta’ prassi tajba f’dan il-qasam. Kemm għall-vaċċini kif ukoll għall-antivirali, kwistjonijiet dwar distribuzzjoni ekwa u l- “mutwalizzazzjoni” ta’ ħażniet eżistenti biex tiġi miġġielda l-marda minn ras il-għajn ġew proposti, fid-dawl tan-nuqqas ta' kapaċità ta' produzzjoni f'ħafna pajjiżi u l-iżbilanċ innutat bejn il-pajjiżi sinjuri u b’saħħithom li jiġbru strains permezz ta’ programmi ta’ kollaborazzjoni mal-pajjiżi fqar u milquta iżda li jkunu huma biss li jibbenefikaw mill-produzzjoni tal-manifattura (tagħhom). Informazzjoni li tikkonċerna l-użu annwali ta’ vaċċini fi gruppi ta’ riskju u l-pubbliku ġenerali għandha tinġabar biex tipprovdi bażi għall-istimi tal-bżonnijiet eventwali matul pandemija. Stimi ta’ dak li jista’ jkun hemm bżonn waqt pandemija jgħinu l-proċess ta’ provvista annwali ta’ vaċċini. Bħala parti mill-pjan dawn li ġejjin jistgħu jiġu segwiti: - Il-provvista ta’ stimi għall-bżonn ta’ vaċċini, antivirali u antibijotiċi mill-Istati Membri skond ix-xenarji l-aktar probabbli għall-użu tagħhom. - Id-determinazzjoni ta’ gruppi ta’ prijorità għat-tilqim, meta l-provvista tal-vaċċini ma tkunx biżżejjed. - L-istabbiliment ta’ għażliet għal miżuri tas-saħħa pubblika biex jitnaqqsu l-morbidità u d-diżordni soċjali meta jkun hemm akkumulazzjoni rapida ta’ każijiet ta’ l-influwenza. - Il-ġbir ta’ informazzjoni mingħand il-manifatturi dwar il-kapaċitajiet u l-pjanijiet ta’ produzzjoni għal vaċċini, antivirali u antibijotiċi. Il-Kummissjoni qed tappoġġa proġetti f'dan il-qasam. L-aktar ħaġa importanti hija li l-Kummissjoni qablet ma' l-Istati Membri dwar dokument ta’ politika dwar sħubija pubblika-privata (PPP)[13] bejn korpi pubbliċi u l-industrija tal-vaċċini biex jipprovdu l-vaċċin ta’ l-influwenza lill-popolazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fl-iqsar żmien possibbli f’każ ta’ pandemija ta’ l-influwenza. Ix-xogħol li qed isir taħt il-mandat tal-Kunsill f'dan il-qasam diġà ta frott billi pprovda għarfien utli għall-Istati Membri sabiex dawn jinnegozjaw ma' l-industrija u wassal lill-industrija sabiex tibda tipproduċi fajls simulatorji u tirrevedi l-ispejjeż u l-prezzijiet, kif ukoll ħeġġeġ aktar kumpaniji sabiex jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni tal-vaċċini. Il-kontribuzzjoni li stqarret li tat l-industrija lill-PPP hija l-iżvilupp tal-prototip tal-vaċċini ta' l-influwenza skond il-linji ta' gwida prodotti mill-EMEA[14] sabiex jitħejjew dossiers simulatorji . Erba’ kumpaniji ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jippreparaw dossier ta’ dan it-tip fix-xhur li ġejjin. L-industrija se tiżgura l-produzzjoni tal-vaċċini tal-pandemija, bl-użu tal-faċilitajiet kollha disponibbli fil-waqt tal-pandemija. Is-settur pubbliku jappoġġa l-industrija l-ewwelnett permezz ta' l-iżvilupp ta' librerija ta' seed stocks għall-manifattura tal-vaċċin ta' l-influwenza. Barra minn hekk, jista' jipprovdi l-appoġġ għal provi kliniċi għall-vaċċini simulatorji u l-iżvilupp ta' sistemi ta' sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Jgħin lill-industrija fil-provi kliniċi u l-ġbir tad-dejta ta' formulazzjonijiet alternattivi ta' vaċċini, inklużi dożi varjati ta' antiġeni u l-użu ta' adjuvants. Is-settur pubbliku wkoll jieħu l-impenn studji sjeroloġiċi u fuq l-annimali għall-effettività sabiex jipprovdi evidenza xjentifika għall-effikaċja protettiva probabbli ta' vaċċini kandidati kontra strain partikolari ta' pandemija li tkun qed tiċċirkola. Il-ħin li jiġi ffrankat billi l-vaċċin isir disponibbli għall-użu mill-pubbliku permezz ta' dawn l-attivitajiet potenzjalment huwa ta' xahrejn sa tliet xhur u possibilment aktar. Il-kapaċità kurrenti tal-produzzjoni tal-vaċċin m’hijiex meqjusa suffiċjenti biex tlaħħaq mad-domandi tal-Komunità f’każ ta’ pandemija. Il-kapaċità ta’ riserva ta’ min jimmanifattura x’aktarx ma tkunx biżżejjed biex tagħmel tajjeb għal żieda f’daqqa fid-domanda. Parti mill-kontribuzzjoni pubblika tkun li żżid l-użu ta' vaċċin ta’ l-influwenza interpandemika, sabiex b'hekk tikkontribwixxi għal kapaċità akbar, billi tiżgura li t-teħid tagħha jittella' għal-livelli rrakkomandati mir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa 56.19[15] li tipprevedi kopertura ta' 75% tal-gruppi mhedda identifikati mill-Istati Membri. Ġie osservat li t-tilqim fl-2005 b'vaċċini interpandemiċi żdied drastikament u l-ħażniet spiċċaw f'ħafna mill-Istati Membri ta' l-UE. Qed issir ħidma fl-implimentazzjoni tas-sħubija pubblika-privata sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti iż-‘żmien mill-produzzjoni għas-suq'. Sabiex jintlaħaq dan l-għan u sabiex titgħaġġel l-evalwazzjoni ta' vaċċini ġodda speċifiċi għall-pandemiji, il-Kummissjoni qablet ma' l-EMEA li teżenta mill-ħlas ir-reġistrazzjoni tad-dossiers. L-isforzi ta' l-Istati membri li jiksbu l-vaċċini għall-pandemiji tista' tkun appoġġata mill-Komunità wara l-proposta mill-Kummissjoni fis-6 ta' April 2005 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea[16], sabiex jiġi żviluppat l-aspett ta' solidarjetà ta' l-istrateġija integrata tal-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat ir-rispons għal diżastri maġġuri jew emerġenzi tas-saħħa pubblika, ikunu x'ikunu in-natura u l-oriġni tagħhom. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jikkonkludu xogħolhom fuq ir-Regolament Propost dwar l-EUSF malajr kemm jista' jkun sabiex jiddaħħal fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. L-ambitu ġeografiku huwa limitat għall-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom ma' l-UE. L-ambitu tematiku jinkludi theddidiet għas-saħħa pubblika u atti ta' terroriżmu. Il-fond jibqa' limitiat għal diżastri "maġġuri" ddefiniti bħala avvenimenti li jirriżultaw fi ħsara totali diretta ta' aktar minn biljun EUR jew 0,5% tad-Dħul Gross Nett (GNI) tal-pajjiż affettwat rispettivament, jew jekk il-Kummissjoni tiddikjara li sitwazzjoni diżastruża hija "maġġuri", f'ċirkostanzi ġġusitifikati kif jixraq u eċċezzjonali, fejn il-konsegwenzi huma partikolarment serji iżda ma jistgħux jiġu evalwati abbażi ta' ħsara fiżika biss. Dan se jkun partikolarment importanti biex tkun protetta l-UE f'każ ta' pandemiji, partikolarment f'pandemiji ta' l-influwenza li huma ddikjarati uffiċjalment. Protezzjoni effettiva se teħtieġ użu rapidu u wiesa' ta' mediċini antivirali u vaċċini. L-EUSF jista' jintuża bħala għajnuna għall-finanzjament mill-ġdid ta' l-ispejjez ta' dawn il-mediċinali. Il-mobbilizzazzjoni tal-Fond, kif inhi taħt il-proċedura kurrenti, għandha tkun possibbli biss fuq talba minn Stat eliġibbli. Wara l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u l-proposta lill-awtorità baġitarja dwar l-ammont ta' assistenza finanzjarja li għandha tingħata, din ta' l-aħħar tadotta baġit addizzjonali korrispondenti. Imbagħad il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta' għotja, li tkun segwita mill-konklużjoni ta' ftehim ta' implimentazzjoni, li jwassal għall-ħlas ta' l-għotja. Bil-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jissaħħu u jitwessgħu il-possibbiltajiet għar-rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika. Dan ikopri assistenza medika u miżuri immedjati biex tkun protetta l-popolazzjoni kontra theddid imminenti għas-saħħa, fosthom l-ispejjeż tal-vaċċini, il-mediċini, il-prodotti mediċi, it-tagħmir u l-infrastruttura li jintużaw matul emerġenza. L-użu ta' dan il-fond, madankollu, huwa marbut ma' rekwiżiti speċifiċi u jirrappreżenta, fil-kunċett bażiku tiegħu, finanzjament mill-ġdid u għalhekk tip ta' strument ta' rispons, bi proċeduri standard li normalment idumu xi ftit. Għalhekk, il-Kummissjoni ssuġġeriet mekkaniżmu avvanzat ta' finanzjament li jippermetti finanzjament limitat bi żmien qasir għar-reazzjoni. Id-disponibbiltà ta’ vaċċini jew antivirali lill-popolazzjonijiet l-aktar f’riskju tista’, f’sitwazzjonijiet kritiċi, tkun limitata ulterjorment permezz ta’ miżuri imposti mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru biex jipprovdu l-protezzjoni massima għall-popolazzjoni tagħhom stess. Għalhekk għandhom jiġu ikkunsidrati miżuri bil-ħsieb li jiżguraw aċċess ekwu għhal kulħadd. Aktar kollaborazzjoni ma' l-industrija, l-Istati Membri u oħrajn hija meħtieġa. Il-miżuri, madankollu, m’għandhomx jinkludu l-promozzjoni ta’ kwalunkwe mġiba li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE. Miżuri mhux farmaċewtiċi bħalma huma l-ħasil ta' l-idejn u ż-żamma ta' ċertu distanza bejn in-nies se jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis ta' l-impatt ta' l-influwenza pandemika. L-ECDC, f'ħidma mal-Kummissjoni u korpi nazzjonali u internazzjonali, se jipprepara gwida bbażata fuq l-evidenza fuq dawn is-suġġetti sabiex tintuża mill-Istati Membri. Finalment, il-Kummissjoni, permezz tal-Programmi ta’ Qafas għar-Riċerka, mill-1998 qed tiffinanzja proġetti fil-qasam ta’ l-influwenza pandemika tal-bnedmin. Dawn l-isforzi għandhom jibqgħu fis-seħħ matul is-7 Programm ta' Qafas[17] (ANNESS 3). 3.4. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa Biex tiżgura t-trattament effettiv u sigur ta’ każijiet ta’ strain ġdida ta’ l-influwenza fil-bnedmin, huwa importanti li l-isptarijiet ikollhom pjanijiet ta’ emerġenza stabbiliti sew biex ilaħħqu ma’ ħafna każijiet u jiżguraw kontinwità u reżistenza, il-linji ta’ gwida kliniċi jkunu lesti, il-ħażniet ikunu disponibbli u l-istaff ikun konxju tal-kriterji għall-ammissjoni. Hija r-responsabbiltà u l-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-aħjar prassi u huwa l-għan tal-Komunità li inugwaljanzi f’dan il-qasam jitwittew bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. Barra minn hekk, l-istaff li jaħdem fil-kura tas-saħħa għandu jkun konxju ta’ u jiġi mħarreġ f’miżuri ta’ kontroll ta’ l-infezzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ linjita’ gwida għall-immaniġġjar kliniku ta’ pazjenti ssuspetati jew ikkonfermati li huma infettati bi strain ta’ l-influwenza pandemika. Linji ta' gwida għall-kontroll ta’ l-infezzjoni huma importanti biex jiġu ċċarati r-rotot tat-trażmissjoni u metodi li jinterrompu t-trażmissjoni permezz ta’ miżuri iġjeniċi. Il-kontroll ta’ l-infezzjoni huwa parti essenzjali mill-immaniġġjar tal-pazjenti, u jgħin biex jipprevjeni li l-marda tinfirex aktar fost il-pubbliku, u jeħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-kwalità tas-servizzi tal-pajjiżi ġirien biex ikunu lesti li jgħinu ċittadini li jfittxu għajnuna billi jaqsmu l-fruntieri nazzjonali. Huwa kruċjali li s-servizzi tas-saħħa jadattaw għall-kundizzjonijiet pandemiċi sabiex il-kura bażika għal dawk li l-aktar li huma fil-bżonn tinżamm. Sabiex dan jiġi żgurat, bosta passi ta’ emerġenza għandhom jiġu żviluppati għall-assikurazzjoni ta' l-immaniġġjar sensibbli tal-ħaddiema u tal-volontarji u li jsir l-aħjar użu tal-faċilitajiet u tal-prodotti farmaċewtiċi disponibbli. Ġeneralment, attivitajiet f’dan il-qasam għandhom ikunu bbażati fuq pjan ġenerali ta’ tħejjija għall-emerġenzi tas-saħħa. Ikun importanti li l-pjanijiet tal-kura klinika u tas-servizzi tas-saħħa jkunu kkoordinati ma' ġuriżdizzjonijiet ġirien sabiex jiġi evitat li l-pazjenti jaqsmu l-fruntieri bil-ħsieb li jsibu kura tas-saħħa aħjar. Bil-Komunikazzjoni[18] tagħha dwar il-linji ta' gwida strateġiċi għall-Komunità għal politika ta' koeżjoni b'appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi (2007-2013), il-Kummissjoni ssuġġeriet li tiġi inkluża l-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-infrastruttura tas-saħħa bħala parametri strateġiċi għall-politika ta' koeżjoni fil-ġejjieni. Għal dawk l-Istati Membri li qed jippjanaw li jiżviluppaw programmi orizzontali ta' koeżjoni fuq is-saħħa u dawk ir-reġjoni li beħsiebhom jintegraw prijoritajiet marbuta mas-saħħa fil-programmi operazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tirrakkomanda rbit b'saħħtu bejniethom u bejn il-pjanijiet nazzjonali ta' tħejjija. Għandha tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-possibilitajiet offruti mill-istrumenti ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni dwar il-kooperazzjoni territorjali, partikolarment il-kooperazzjoni minn pajjiż għal ieħor.' 3.5. Il-Komunikazzjoni Komunikazzjoni lill-pubbliku Pjan ta’ komunikazzjoni għandu jitħejja għal kull fażi u livell. Aktar ma tkun serja t-theddida, aktar ikun importanti li tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti lill-pubbliku ġenerali u lill-midja. Il-perċezzjoni tat-theddida ta’ pandemija tista’ tagħti lok għal interess konsiderevoli mill-midja. It-tħejjija ta’ informazzjoni affidabbli dwar it-theddida potenzjali għandha tkun prijorità ewlenija ta’ l-Istati Membri, l-ECDC u tal-Kummissjoni. L-għoti ta' informazzjoni awtorevoli minn stadju bikri tipprevjeni l-ħolqien ta’ “vojt fl-informazzjoni” li l-midja jistgħu jimlew bi spekulazzjoni u għajdut. Biex jiżguraw li qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu dan, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni u l-ECDC, għandhom jiżviluppaw firxa ta’ materjali lesti biex jintużaw bħala informazzjoni qasira lill-midja dwar l-influwenza. Numru ta' Stati Membri diġà għamlu dan, u taw, pereżempju, ċertu ammont ta’ informazzjoni bażika dwar il-marda u s-sistemi li hemm lesti biex jirrispondu għal tifqigħat kbar. Matul epidemija ta’ l-influwenza, informazzjoni dwar azzjonijiet fuq il-livell ta’ l-UE u fuq il-livell nazzjonali biex tiġi indirizzata t-theddida, jeħtieġ li jiġu kkomunikati lill-midja, u lill-pubbliku, b’manjiera f’waqtha u konsistenti. L-istrateġija tal-komunikazzjoni teħtieġ li tiġi kkunsidrata minn kmieni fil-proċess ta' indirizzar ta' pandemija potenzjali. L-Istati Membri, l-ECDC u l-Kummissjoni għandhom ifittxu li jiżviluppaw aktar pjanijiet ta' komunikazzjoni u jagħmlu ħilithom li jikkoordinaw messaġġi u stqarrijiet preċiżi lill-midja dwar it-theddida u l-miżuri ppjanati biex jiġu evitati l-konfużjoni u stqarrijiet kontradittorji. Mod wieħed kif jiġi żgurat il-qsim ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u s-sinċerità mal-pubbliku u l-midja jkun li, matul pandemija, jiġu ppubblikati rapporti regolari fuq l-Internet dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija madwar l-Ewropa. Dan il-mod ta’ ħidma wera li kien effettiv meta faqqgħet is-SARS. Arranġamenti għat-tilqim u d-distribuzzjoni ta’ l-aġenti antivirali se jvarjaw minn pajjiż għal ieħor skond il-pjanijiet nazzjonali individwali. Il-komunikazzjoni lill-professjonisti tas-saħħa u lill-pubbliku dwar dawn l-arranġamenti bilfors se jkun xogħol l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru. Madankollu, anke f’dawn iċ-ċirkustanzi se jkun hemm il-bżonn ta’ koordinazzjoni madwar l-UE kollha. Din se tgħin biex issaħħaħ il-kunfidenza tal-pubbliku fl-istrateġija tar-rispons jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu juru li l-istrateġiji nazzjonali madwar l-UE huma konsistenti u bbażati fuq evalwazzjoni komuni tax-xjenza rilevanti. Komunikazzjoni fost l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti Skambju rapidu ta’ informazzjoni u notifika fil-pront matul l-ewwel stadji ta’ influwenza pandemika huma essenzjali biex jgħinu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-ECDC, u lill-WHO u korpi oħra biex jirrispondu b’pożizzjonijiet komuni fil-komunikazzjonijiet pubbliċi, u jwasslu l-allarm kif jixraq lill-istrutturi tagħhom, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu implementati f’waqthom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha f'azzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-servizzi tal-midja ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li huma inkarigati minn Komunikazzjonijiet pubbliċi dwar l-influwenza pandemika. F’Ottubru ta’ l-2005 dokument ta’ gwida teknika dwar ‘‘ Procedure for Communication to Member States, the Commission and the ECDC about highly pathogenic Avian Influenza events in humans ’ kien maqbul u ppubblikat fuq il-websajt Europa[19]. 4. Il-Fażijiet tal-Pandemija u l-Livelli ta’ Allarm fl-UE Il-miżuri ewlenin li għandhom jiġu ppjanati u implimentati fir-rigward ta' pandemiji ta' l-influwenza jistgħu jinqasmu bejn il-fażijiet u l-livelli ppreżentati hawn taħt. Settijiet differenti ta' azzjoni għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda jeżistu wkoll azzjonijiet li għandhom jitwettqu flimkien. Huma maħsuba azzjonijiet għal fażijiet u livelli varji u dawn jibbenefikaw mill-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika mwettqa mill-ECDC u l-WHO abbażi tax-xenarji u l-firxa ġeografika hekk kif deskritta hawn taħt. L-għażla ta' fażijiet u livelli hija konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO u d-definizzjoni tagħha ta' fażijiet ta' pandemija. Madankollu, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' l-Unjoni Ewropea, li hi kkaratterizzata min-nuqqas tal-fruntieri interni u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-persuni u ta' l-oġġetti, l-erba' livelli ta' allarm ta' l-UE li ġejjin għandhom jintużaw taħt il-WHO Phase 6 (perjodu ta' pandemija), wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, l-WHO u l-ECDC: Livelli ta' Allarm ta' l-UE fil-fażi pandemika 6: Wieħed – l-ebda każijiet ikkonfermati ta' infezzjoni fil-bnedmin tal-virus pandemiku fi kwalunkwe Stat Membru ta' l-UE; Tnejn – każ wieħed jew aktar ta' infezzjoni fil-bnedmin tal-virus pandemiku fi kwalunkwe Stat Membru ta' l-UE; Tlieta – tifqigħa (trażmissjoni) kkonfermata mal-virus pandemiku fi kwalunkwe Stat Membru ta' l-UE; Erbgħa – trażmissjoni mifruxa fl-Istati Membri ta' l-UE Fi ħdan dawn il-livelli ta' allarm, u speċjalment il-Livell ta' Allarm 4, l-esperjenza bit-trażmissjoni ta' l-influwenza staġjonali tissuġġerixxi li l-attività pandemika mhix se tkun uniformi madwar l-UE u dan se jkun deskritt mill-Istati Membri u l-ECDC. Assunzjoni għall-ippjanar hija li l-pandemija ma toħroġx fi Stat Membru u miżuri addizzjonali jkunu meħtieġa bejn l-ewwel u t-tieni mewġa tal-pandemija u wara li l-vaċċin isir disponibbli. L-azzjonijiet li ġejjin huma komuni għal kull fażi pandemika u għalhekk se jitqiesu mill-atturi rilevanti kull darba li s-sitwazzjoni timxi għall-fażi ta' wara. L-ippjanar u l-koordinazzjoni L-Istati Membri huma obbligati li jinfurmaw, jikkonsultaw u jikkoordinaw il-miżuri ma' Stati Membri oħra u l-Kumissjoni permezz ta' l-EWRS u, fejn ikun xieraq, mekkaniżmi oħra; Il-Kummissjoni torganizza l-informazzjoni, l-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni tal-miżuri. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni L-Istati Membri huma obbligati jittrażmettu informazzjoni dwar is-sejba ta’ każijiet fil-bnedmin lin-Netwerk dwar mard li jittieħed, u lill-ECDC, permezz tas-Sistema ta’ Twissija u Rispons Bikri; Il-Kummissjoni qed tikkoordina l-iskambju ta' informazzjoni bl-għajnuna ta' l-ECDC li qed jopera l-EWRS. Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi tas-saħħa pubblika - Il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-ECDC, tirrepeti miżuri adegwati u inadegwati għall-pajjiżi milquta u mhux milquta; - Il-Kummissjoni tirrakkomanda li organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet internazzjonali adattati u kumpaniji tat-trasport jiżviluppaw u jħejju biex jimplimentaw miżuri standard għal dawk li jivvjaġġaw bi trasport internazzjonali, skond il-fażi tal-pandemija; - Mir-raba' fażi sas-sitt waħda: Il-Kummissjoni b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, tivvaluta l-bżonn li jiġu rrakkomandati miżuri ta’ trażżin addizzjonali eż. fil-fruntieri internazzjonali; Il-komunikazzjonijiet - Il-Kummissjoni għandha taħdem ma' l-Istati Membri, bl-għajnuna ta' l-ECDC u b'kooperazzjoni mal-WHO, sabiex tipprovdi messaġġi preċiżi skond il-fażi tal-pandemija; - Il-Kummissjoni regolarment tinforma lill-midja u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni, iżżomm il-kapaċità sabiex jiġu indirizzati talbiet mistennija internazzjonali għall-informazzjoni u tevalwa u taġġorna r-rispons tal-komunikazzjoni matul il-fażijiet varji fid-dawl tat-tagħlimiet li tikseb. WHO PHASE 1 (Perjodu interpandemiku) F’din il-fażi l-ebda sottotip ġdid tal-virus ta’ l-influwenza ma nstab fil-bniedem. Sottotip tal-virus ta’ l-influwenza li kkawża infezzjoni fil-bniedem jista’ jkun preżenti fl-annimali. Jekk jinsab fl-annimali, ir-riskju ta’ infezzjoni jew mard fil-bniedem jitqies li huwa baxx. L-għan ewlieni ta’ saħħa pubblika huwa t-tisħiħ ta’ l-istat ta’ tħejjija għall-influwenza pandemika fil-livelli globali, reġjonali, nazzjonali u sotto nazzjonali. Dan ix-xenarju ma jinkludi l-ebda virus ġdid ta’ l-Influwenza tat-tjur misjub fl-annimali fl-Ewropa u l-ebda każ fil-bniedem. WHO PHASE 2 (Perjodu interpandemiku) Ma nstab l-ebda sottotip ġdid tal-virus ta’ l-influwenza fil-bniedem. Madankollu, sottotip ta’ l-influwenza tal-virus ta’ l-annimali li qed jiċċirkola huwa ta’ riskju sostanzjali għall-mard fil-bniedem. L-għan ewlieni ta’ saħħa pubblika huwa li jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ trażmissjoni lill- bnedmin; l-individwazzjoni u r-rappurtar ta’ tali trażmissjoni jekk din isseħħ. Dan ix-xenarju ma jinkludi l-ebda każ fil-bniedem fl-UE. Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet Fil-fażijiet 1 u 2, it-tisħiħ ta’ l-istat ta’ tħejjija għall-influwenza pandemika fil-livelli nazzjonali u internazzjonali huwa ta’ importanza partikolari fit-tħejjija għar-rispons f’każ ta’ pandemija. Biex jiġi aġġornat l-istatus ta’ tħejjija fil-livell tal-Komunità, il-Kummissjoni u l-ECDC, f’konsultazzjoni mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u f’kooperazzjoni mal-WHO, jevalwaw, jirrevedu u jorganizzaw eżerċizzji dwar il-pjanijiet nazzjonali għall-pandemija, b’enfasi speċjali fuq l-interoperabbiltà tagħhom. WHO PHASE 3 (Perjodu ta’ allarm ta’ pandemija) Infezzjoni(jiet) fil-bniedem b’sottotip ġdid, iżda mingħajr trażmissjoni minn bniedem għall-ieħor, jew l-iktar, każijiet rari ta’ trażmissjoni minn kuntatt fil-qrib. F’din il-fażi l-għan prinċipali ta’ saħħa pubblika huwa li tkun żgurata l-karatterizzazzjoni rapida tas-sottotip tal-virus il-ġdid u l-individwazzjoni bikrija u n-notifikazzjoni ta’ każijiet addizzjonali u r-rispons għalihom. L-ebda każ fil-bniedem iżda riskju ta’ importazzjoni sporadika jew li jitfaċċaw każijiet iżolati fl-Istati Membri. Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 4.1.1. Il-Kummissjoni L-ippjanar u l-koordinazzjoni - Tikkoordina t-tmexxija għall-awtoritajiet nazzjonali fir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali ta’ kontinġenza, fuq il-bażi ta' tagħrif xjentifiku li jkun qed jevolvi dwar il-każ(ijiet) fil-bnedmin. - Tirrevedi l-pjan ta’ kontinġenza intern tal-Kummissjoni. Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi ta’ saħħa pubblika - Titlob lill-Istati Membri milquta li jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-implimentazzjoni u l-effettività ta’ miżuri ta’ trażżin bil-għan li tikkoordinahom, permezz tas-sistema EWRS; Mediċini antivirali - Taħdem ma’ l-awtoritajiet nazzjonali biex tikoordina d-disponibbiltà biex dawn ikunu jistgħu jintbagħtu malajr; Vaċċini - Taħdem ma’ l-awtoritajiet nazzjonali biex tivvaluta l-benefiċċji u l-iżvantaġġi possibbli tat-tlaqqim ta’ persuni esposti minħabba xogħol jew mod ieħor bil-vaċċin ta’ l-influwenza ta’ l-istaġun, u tħejji programmi ta’ tilqim jekk ikun xieraq; - Taħdem ma’ l-Istati Membri u l-industrija sabiex tħeġġeġ id-disponibbilta’ ta’ vaċċini effettivi u suffiċjenti. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrivedu u jaġġornaw l-istrateġiji ta’ rispons tas-sistema tas-saħħa fil-livelli nazzjonali u sotto-nazzjonali; Komunikazzjonijiet - Tikkoordina l-qsim ta’ tagħrif ta’ sfond fir-rigward ta’ l-effettività tal-miżuri rrakkomandati; - Taġġorna lil imsieħba u partijiet interessati oħrajn, u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika globali u l-karatteristiċi tal-marda; - Tikkoordina l-qsim tat-tagħrif fir-rigward ta’ l-effettività tal-miżuri rakkomandati bl-għajnuna ta’ l-ECDC. 4.1.2. L-ECDC Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jissorvelja t-theddida pandemika ta’ l-influwenza permezz tal-ġbir ta’ tagħrif u l-kollaborazzjoni ma’ l-Aġenziji Ewropej (eż. l-EFSA) u entitajiet internazzjonali (WHO, OIE, FAO) u jikkomunika regolarment dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tar-riskju tiegħu; - Jiffaċilita l-qsim tat-tagħrif dwar il-konferma minn laboratorju ta’ l-infezzjoni fil-bniedem permezz tan-netwerk ta’ laboratorji ta’ referenza; - Jikkoordina l-iżvilupp ta’ definizzjoni tal-każ għar-rappurtar mill-pajjiżi; - Jipprovdi formoli ta’ rappurtar u jikkoordina r-rappurtar rapidu ta’ infezzjonijiet fil-bniedem bi strain ġdida ta’ l-influwenza b’mezzi xierqa; - Tipprovdi appoġġ xieraq lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjoni tal-każ(i) u ċ-ċirkostanzi epidjemoloġiċi ta’ l-infezzjoni, u fl-identifikazzjoni tal-gruppi fir-riskju; Ir-Rispons tas-Sistema tas-Saħħa - Tipprovdi pariri xjentifiċi dwar il-miżuri ta’ kontroll li mhumiex faramaċewtiċi sabiex toffri gwida lill-Istati Membri fl-Istrateġija ta’ Rispons tagħhom Komunikazzjonijiet - Taħdem ma’ l-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ messaġġi konsistenti dwar il-marda u s-sitwazzjoni epidjemoloġika; - Tikkoordina l-qsim ta’ tagħrif ta’ sfond fir-rigward ta’ l-effettività tal-miżuri rrakkomandati b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni - Taġġorna lil imsieħba u partijiet interessati oħrajn, u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika globali u l-karatteristiċi tal-marda. 4.1.3. L-Istati Membri Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jiffaċilitaw il-qsim tat-tagħrif dwar il-konferma minn laboratorju ta’ l-infezzjoni fil-bniedem permezz tan-netwerk ta’ laboratorji ta’ referenza; - Japplikaw definizzjonijiet tal-każ maqbula fuq livell ta’ l-UE għar-rappurtar; - Jiżguraw ir-rappurtar rapidu ta’ infezzjonijiet fil-bniedem bi strain ġdida tal-virus ta’ l-influwenza permezz ta’ l-EWRS u, fejn xieraq, mekkaniżmi oħrajn; - Jinvestigaw każ(i) u ċ-ċirkostanzi epidjemoloġiċi ta’ l-infezzjoni u jidentifikaw gruppi fir-riskju u jikkomunikaw minnufih ir-riżultati lill-Kummissjoni u lill-ECDC. Ir-Rispons tas-Sistema tas-Saħħa - Jirrevedu, jaġġornaw u jxerrdu linji ta’ gwida għal kura klinika, dijanjostiċi, trattament, kontroll ta’ l-infezzjoni u l-użu sikur tal-kampjuni. Komunikazzjonijiet - Jaħdmu ma’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni sabiex jibagħtu messaġġi preċiżi; - Jaqsmu ma’ l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni tagħrif dwar l-effettività tal-miżuri rrakkomandati; - Jaġġornaw lil imsieħba u partijiet interessati oħrajn, u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika globali u l-karatteristiċi tal-marda. WHO PHASE 4 (Perjodu ta’ twissija ta’ pandemija) Raggruppament(i) żgħar bi trażmissjoni limitata minn bniedem għall-ieħor iżda l-firxa hija lokalizzata ħafna li tindika li l-virus mhuwiex adattat sewwa għall-bniedem. L-għan ewlieni tas-saħħa pubblika hu li jitrażżan il-virus il-ġdid ġewwa punti limitati jew li tiddewwem il-firxa biex jintrebaħ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tħejjija, inkluż l-iżvilupp tal-vaċċin. Ma hemm l-ebda każijiet fil-bniedem fl-UE iżda riskju elevat ta’ importazzjoni jew każijiet iżolati fl-Istati Membri u riskju elevat ta’ trażmissjoni minnhom. Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 4.1.4. Il-Kummissjoni Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - F’konsultazzjoni ma’ l-ECDC, tikkoordina strateġiji ta’ l-awtoritajiet nazzjonali sabiex ittejjeb is-sorveljanza fil-gruppi ta’ riskju; - F'konsultazzjoni ma’ l-ECDC, tikkoordina ma’ l-awtoritajiet nazzjonali s-sorveljanza ta’ miżuri għat-trażżin u l-kontroll. Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi tas-saħħa pubblika - Tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ trażżin irrakkomandati. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jivvalutaw mill-ġdid il-linji gwida għall-immaniġġjar kliniku u l-kontroll ta’ l-infezzjoni fil-kura tas-saħħa (inklużi faċilitajiet ta’ kura għall-medda t-twila); - Tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jitħejjew għall-fażi li jmiss, inkluż pjan ta’ mobilizzazzjoni għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa; Komunikazzjonijiet - Bl-għajnuna ta’ l-ECDC, tippromwovi l-qsim ta’ mudelli għall-materjali ta’ edukazzjoni tas-saħħa ġeneral 4.1.5. L-ECDC Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jissorvelja r-riskju għall-UE b’enfasi speċjali fuq il-potenzjal għall-importazzjoni ta’ każijiet miż-żoni affettwati - F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jikkoordina strateġiji ta’ l-awtoritajiet nazzjonali sabiex itejjeb is-sorveljanza fil-gruppi ta’ riskju; - Jiffaċilita r-rappurtaġġ ta’ trażmissjoni ta’ l-infezzjoni minn bniedem għall-ieħor bi strain ġdida tal-virus ta’ l-influwenza mill-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ l-użu ta’ l-EWRS; - Jipprovdi appoġġ xieraq lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjoni tal-każijiet u l-kuntatti, fit-titjib tas-sorveljanza tal-mard biex jiġu identifikati każijiet addizzjonali u ċ-ċirkostanzi epidemjoloġiċi ta’ l-infezzjoni (eż. is-sors ta’ l-esponiment, l-infezzjoni ta’ min ikollu kuntatt, u l-firxa fil-popolazzjoni ġenerali) u fl-identifikazzjoni tal-gruppi ta’ riskju; Interventi ta’ saħħa pubblika - Jipprovdi pariri xjentifiċi dwar l-intervenzjonijiet ta’ saħħa pubblika li mhumiex farmaċewtiċi; - F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jitlob lill-Istati Membri milquta li jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza mtejba, jassisti fl-evalwazzjoni ta’ l-effettività ta’ miżuri bħal dawn, u jittrażmetti t-tagħrif adegwat lill-Istati Membri kollha biex jinfurmaw l-ippjanar nazzjonali u internazzjonali; - Jirrevedi l-linji ta’ gwida għall-bijosigurtà fin-netwerk ta’ laboratorji ta’ l-influwenza; Komunikazzjonijiet - Jassigura l-aġġornar regolari tat-tagħrif dwar ir-riskju għall-Unjoni Ewropea u l-evalwazzjoni xjentifika tal-miżuri rakkomandati. 4.1.6. L-Istati Membri Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jaqsmu bejniethom tagħrif dwar is-sorveljanza mtejba tal-gruppi fir-riskju u dwar l-effettività tal-miżuri għat-trażżin u l-kontroll. Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi tas-saħħa pubblika - Jikkonsultaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar kull miżura ta’ trażżin addizzjonali ppjanata. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Jaqsmu bejniethom il-linji gwida għall-immaniġġjar kliniku u l-kontroll ta’ l-infezzjonijiet fil-kura tas-saħħa (inklużi faċilitajiet ta’ kura għall-medda t-twila); - Jirrappurtaw u jikkonsultaw dwar il-preparazzjonijiet għall-fażi li jmiss, speċjalment fir-rigward ta’ Stati Membri oħra u pjanijiet għall-għajnuna ta’ ċittadini ta’ l-UE f’pajjiżi terzi, inkluża l-protezzjoni fil-post u r-ripatrijazzjoni. Komunikazzjonijiet - Jaqsmu bejniethom messaġġi maħsuba għall-pubbliku u materjal edukattiv ma' l-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni u l-ECDC. WHO PHASE 5 (Perjodu ta’ twissija ta’ pandemija) Raggruppament(i) akbar iżda t-tixrid minn bniedem għal bniedem għadu lokalizzat, li jindika li l-virus qed jadatta dejjem aktar għall-bnedmin, iżda għadu m’huwiex kompletament trażmissibbli (riskju sostanzjali ta’pandemija). F’din il-fażi hemm il-ħtieġa li l-isforzi jiġu mmassimizzati biex jittrażżan jew jiġi pposponut it-tixrid biex possibbilment tkun evitata pandemija, u biex jintrebaħ iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ reazzjoni għall-pandemija. Raggruppamenti kbar lokalizzati f’pajjiżi barra l-Ewropa bi trażmissjoni minn persuna għall-oħra mingħajr konferma ta’ tixrid internazzjonali; hemm riskju li progressivament qed jogħla ta’ importazzjoni jew każijiet iżolati fl-UE. Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet 4.1.7. Il-Kummissjoni L-ippjanar u l-koordinazzjoni - Tikkoordina l-evalwazzjoni dejjem għaddejja ta’ l-interventi; - Tiffinalizza t-tħejjijiet għal pandemija imminenti, inklużi l-organizzazzjoni interna u l-kapaċità taż-żieda fl-istaff; - Tagħti bidu għall-pjan ta’ kontinġenza tal-Kummissjoni; Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi ta’ saħħa pubblika - Tikkollabora ma’ l-awtoritajiet nazzjonali billi tgħin fit-tqassim ta’ provvisti għall-kontroll ta’ l-infezzjoni lill-oqsma tal-kura tas-saħħa li qed jipprovdu kura għall-każijiet tal-bnedmin, speċjalment jekk dawn il-provvisti ġejjin minn Stati Membri oħra; - Tirrevedi l-miżuri jew il-possibilitajiet għal proposti għall-miżuri Komunitarji fis-setturi kollha rilevanti ta’ politika Komunitarja. Mediċini antivirali - Tikkollabora ma’ l-awtoritajiet nazzjonali fl-għoti ta’ profilassi antivirali lil gruppi u persuni xierqa u tgħin fil-koordinazzjoni tal-mobilizzazzjoni tal-ħażniet ta’ Stati Membri oħra jekk ikun meħtieġ; Vaċċini - Tippromwovi, b’għajnuna mill-ECDC, flimkien ma' l-awtoritajiet nazzjonali, it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ tilqim immirati li jinvolvu l-gruppi u l-persuni xierqa fil-komunità milquta, jekk il-vaċċin pandemiku jkun disponibbli; Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Tikkoordina, bl-għajnuna ta' l-ECDC, it-tmexxija għall-awtoritajiet nazzjonali fl-assistenza lit-tobba fl-għarfien, id-dijanjożi u r-rappurtar tal-każijiet; - Tikkoordina, bl-għajnuna ta' l-ECDC, it-tmexxija għall-awtoritajiet nazzjonali għall-aħjar użu tal-faċilitajiet skarsi (klassifikazzjoni medika ( triage ), linji ta’ gwida kliniċi modifikati, linji ta’ gwida għal infezzjoni fl-isptar modifikati, eċċ.); Komunikazzjonijiet - Tinkoraġġixxi l-applikazzjoni tal-miżuri rrakkomandati għall-pubbliku, minkejja l-limitazzjonijiet possibbli tagħhom, u dwar interventi li jistgħu jiġu modifikati jew implementati matul pandemija; 4.1.8. L-ECDC Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni: - Jissorvelja r-riskju għall-Unjoni Ewropea b’enfasi speċjali fuq il-potenzjal għall-importazzjoni ta’ każijiet minn żoni affettwati - Jippromwovi l-intensifikazzjoni tas-sorveljanza tal-mard fil-pajjiżi li għadhom m’humiex milquta, sal-limitu massimu possibbli; - Jirrevedi u jaġġusta d-definizzjoni tal-każ u l-linji ta’ gwida jekk hemm bżonn; - Jgħaġġel u jtejjeb l-attivitajiet tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni mibdija fil-fażi 4 ta’ pandemija, sal-massimu; - Jippromwovi monitoraġġ tal-ħtiġijiet u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fil-pajjiżi li qegħdin f’riskju; - Jippromwovi mudelli matematiċi għat-tbassir ta’ xejriet għall-ewwel mewġa tal-pandemija (reġjuni milquta, gruppi fir-riskju, ħtiġijiet ta’ riżorsi għall-kura tas-saħħa, impatt, eċċ.); Komunikazzjonijiet - Jaġġorna lill-imsieħba u l-partijiet interessati, u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni globali, ix-xejriet, il-karatteristiċi epidemjoloġiċi u l-miżuri rakkomandati, kif ukoll is-sitwazzjoni u r-riskju fl-UE. 4.1.9. L-Istati Membri Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jevalwaw ir-riskju u jinfurmaw minnufih dwar l-investigazzjonijiet Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi tas-saħħa pubblika - Jikkoordinaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, miżuri addizzjonali ta’ trażżin. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Jimplimentaw il-linji ta’ gwida għall-immaniġġjar kliniku u l-kontroll ta’ l-infezzjoni fil-kura tas-saħħa (inklużi faċilitajiet ta’ kura għall-medda t-twila); - Jaqsmu bejniethom il-miżuri ta’ kontinġenza għall-fażi li jmiss, speċjalment fir-rigward ta’ Stati Membri oħra u pjanijiet għall-għajnuna ta’ ċittadini ta’ l-UE f’pajjiżi terzi, inkluża l-protezzjoni fil-post u r-ripatrijazzjoni. Komunikazzjonijiet Jaqsmu bejniethom messaġġi maħsuba għall-pubbliku u materjal edukattiv ma' l-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni u l-ECDC. WHO PHASE 6 (Perjodu ta’ pandemija) – Livelli ta’ allarm ta’ l-UE - 1-4 Pandemija: trażmissjoni akbar u sostenuta fil-popolazzjoni ġenerali. Bosta tifqigħat f’minn ta’ lanqas pajjiż wieħed barra mill-UE bi trażmissjoni sostenuta minn persuna għall-oħra, u b’tixrid lejn pajjiżi oħra. L-għan ewlieni ta’ saħħa pubblika huwa li jiġi mminimizzat l-impatt tal-pandemija. Ix-xenarji li ġejjin għall-UE jistgħu jseħħu fil-WHO Phase 6 u jvarjaw fis-sekwenza epidjemoloġika u l-firxa ġeografika, u jokkorru f’ordni kronoloġika; Il-livell ta’ allarm 1 ta’ l-UE - L-ebda każ fil-bniedem fl-UE. Riskju għoli ħafna ta’ introduzzjoni jew suspett ta’ każijiet sporadiċi impurtati fl-Ewropa; Il-livell ta’ allarm 2 ta’ l-UE - Iżolament tas-sottotip tal-pandemija minn każ uman wieħed ġewwa l-UE; Il-livell ta’ allarm 3 ta’ l-UE - Raggruppament iżolat b’sottotip pandemiku fi Stat Membru ta' l-UE jew trażmissjoni sostnuta minn bniedem għall-ieħor b'għadd ta' raggruppamenti kkonfermati fl-UE; Il-livell ta’ allarm 4 ta’ l-UE - Attività mifruxa fi Stat Membru wieħed jew aktar. Ir-responsabbiltajiet u l-azzjonijiet L-azzjonijiet se jitqassmu skond il-livell ta’ allarm, u se jiġu implimentati f’konsultazzjoni ma’ l-imsieħba kollha kkonċernati, wara evalwazzjoni mill-ECDC tas-sitwazzjoni epidjemoloġika u t-tbassir dwar l-evoluzzjoni, u l-evalwazzjoni ta' l-effettività tal-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri. Hekk kif is-sitwazzjoni tevolvi mal-livelli ta’ allarm, ikun jeħtieġ li l-azzjonijiet jiġu koordinati partikolarment bejn il-mewġiet konsekuttivi tal-pandemija u f’rabta mad-disponibbiltà ta’ vaċċin. 4.1.10. Il-Kummissjoni L-ippjanar u l-koordinazzjoni - Twaqqaf u tħaddem ċentru ta’ informazzjoni u koordinazzjoni għall-influwenza pandemika; - Tinteraġixxi ma' organizzazzjonijiet u aġenziji biex tikkoordina intervenzjonijiet fil-livell ta’ l-UE u dak internazzjonali u tikkoordina l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri; - Tikkoordina l-iżvilupp dejjem għaddej tal-linji ta’ gwida; - Tikkoordina l-evalwazzjoni tal-miżuri u l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tagħhom; Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi ta’ saħħa pubblika - Tikkoordina ma’ l-Istati Membri l-pożizzjoni dwar iċ-ċaqliq ta’ persuni u oġġetti u tikkoopera ma’ l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet internazzjonali xierqa u kumpaniji tat-trasport sabiex jimplimentaw miżuri standard għall-vjaġġaturi abbord mezzi tat-trasport, b'konsistenza mal-livell ta' allarm; - Tikkoordina flimkien ma' l-Istati Membri l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-miżuri, bl-għajnuna ta' l-ECDC, partikolarment dwar l-użu ta' l-antivirali u l-effett tal-kampanji ta' tilqim immirati. Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - Tiffaċilita arranġamenti ta’ għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri skond il-fażi tal-pandemija, inkluża l-mobilizzazzjoni ta’ ħaddiema immunizzati fil-kura tas-saħħa u t-trasferiment ta’ l-assi mediċi; 4.1.11. L-ECDC Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni - Jissorvelja t-tixrid tal-marda, il-gruppi fir-riskju, ir-rata ta’ mwiet tal-każijiet u r-rata ta’ trażmissjoni u jikkoordina l-aġġustament tad-definizzjonijiet tal-każi; - Jikkoordina l-karatterizzazzjoni klinika, mikrobijoloġika u epidjemoloġika ta’ l-i strain pandemika fir-raggruppamenti li ġew irrappurtati l-ewwel fl-UE sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta' trażmissjoni, il-proporzjon ta' mwiet tal-każijiet (mortalità attribbwita) u l-gruppi ta' età milquta. - Jikkoordina l-monitoraġġ għall-bidliet possibbli fl-aspetti epidemjoloiċi, kliniċi u viroloġiċi ta’ l-infezzjoni, inkluża r-reżistenza għall-mediċina antivirali; - Jikkoordina r-rappurtar nazzjonali dwar l-istima ta’ l-impatt nazzjonali u jassisti l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni globali (tixrid globali, xejriet nazzjonali); - Jinkoraġġixxi t-tħejjija ta’ tbassir għall-mewġa li jmiss (reġjuni ġodda milquta, gruppi fir-riskju, riżorsi għall-kura tas-saħħa, eċċ); - Jirrivedi t-tagħlimiet meħuda u jagħmel aġġustamenti fil-linji ta’ gwida u l-għodod tas-sorveljanza għall-pajjiżi Il-prevenzjoni u t-trażżin Interventi ta’ saħħa pubblika - Jikkoordina u jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ l-interventi u jaġġorna r-rakkomandazzjonijiet jekk ikun meħtieġ; - Iwieġeb għal talbiet sabiex jintbagħtu t-timijiet ta' għajnuna f'tifqigħa; Mediċini antivirali - Jaġġorna, f’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-gwida dwar l-aħjar użu ta' l-aġenti disponibbli; - Jikkoordina, ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba (partikolarment l-EMEA) il-monitoraġġ tal-kopertura, l-effettività, l-effetti sekondarji u s-sikurezza; Vaċċini - Meta l-vaċċin pandemiku jsir disponibbli, jikkoordina ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba (partikolarment l-EMEA) il-monitoraġġ tal-kopertura, l-effettività, l-effetti sekondarji u s-sikurezza; Il-Komunikazzjoni - Jinforma regolarment lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-imsieħba u lill-partijiet interessati oħra, u lill-pubbliku dwar is-sitwazzjoni; - Jimplimenta u jżomm kapaċità biex ilaħħaq mad-domanda ta’ informazzjoni internazzjonali mistennija; - Jevalwa r-rispons għall-komunikazzjonijiet matul il-fażijiet ta’ qabel; jirrivedi t-tagħlimiet meħuda; 4.1.12. L-Istati Membri Ir-rispons tas-sistema tas-saħħa - F’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, jippromwovu t-titjib tal-linji ta’ gwida u algoriżmi mudelli (aġġornati) għall-klassifikazzjoni medika ( triage ) tal-każijiet ta’ influwenza u dawk mhux ta’ l-influwenza; - F’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, jippromwovu l-iżvilupp ta’ linji ta’ gwida dwar il-kura tal-persuna nnifisha. 4.2. Perjodu Post-pandemiku: irkuprar u ritorn għall-perjodu interpandemiku Wara li tgħaddi mewġa pandemika, x’aktarx ikun mistenni li ħafna nies jibqgħu affettwati f’xi mod jew ieħor: ħafna persuni jistgħu jkunu tilfu ħbieb jew qraba, jistgħu jkunu qed isofru minn għeja u problemi psikoloġiċi, jew jistgħu jkunu ġarrbu telf finanzjarju minħabba l-interruzzjoni tan-negozju. Il-gvernijiet jew awtoritajiet oħrajn għandhom ir-rwol naturali li jiżguraw li t-tħassib jista’ jiġi indirizzat u li jappoġġaw ‘il-bini mill-ġdid tas-soċjetà’. L-Istati Membri għandu jkollhom pjan lest biex jiżguraw li l-pajjiż jirkupra malajr wara pandemija. Dan għandu jinkludi pjanijiet ta’ rkupru għas-servizzi essenzjali, u għandu jidentifika l-aġenziji u l-individwi responsabbli biex jagħtu appoġġ soċjali u psikoloġiku lill-familji u l-kumpaniji milquta. Għandu jkun hemm ukoll mekkaniżmu lest biex jevalwa t-telf ekonomiku u sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gruppi milquta. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi essenzjali jiżviluppaw pjanijiet ta’ rkupru għas-servizzi jew organizzazzjoni tagħhom. Il-pjanijiet ta' tħejjija nazzjonali għandhom iqisu wkoll jekk l-irkupru wara pandemija jkunx jeħtieġ appoġġ finanzjarju mill-gvern. Jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kriterji għall-appoġġ finanzjarju u jsibu modi kif jiżguraw id-disponibbiltà tal-fondi. Il-Kummissjoni permezz tal-Fond ta’ Solidarjetà propost, tista’ tgħin lill-Istati Membri fl-isforz tagħhom ta’ rkupru u fit-tnaqqis tat-telf ekonomiku minħabba l-pandemija. 5. Konklużjonijiet Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi fil-qosor l-elementi ewlenin u l-ġabriet ta’ azzjonijiet tal-Pjan ta’ Tħejjija u Rispons għall-Influwenza Pandemika tal-Komunità. L-implimentazzjoni se teħtieġ li jiġi żviluppat iktar dettall għal dawk li huma responsabbli minn ħidmiet operazzjonali fil-Kummissjoni, l-ECDC, l-EMEA u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Se tkun meħtieġa reviżjoni perjodika fid-dawl tad-diskussjonijiet internazzjonali u fuq il-bażi ta’ l-esperjenza, matul l-influwenza staġjonali u minn eżerċizzji bejn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni mill-qrib għandha titkompla taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u l-esperti fil-livell nazzjonali u Ewropew fil-qasam ta’ l-infezzjonijiet bil-virus ta’ l-influwenza. F’dan il-kuntest, skambju reċiproku ta’ esperjenzi fl-ippjanar ta’ kontinġenzi huwa ta’ importanza kbira, minħabba li l-pjanijiet ta’ kontinġenza fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali huma diġà stabbiliti sew u, fil-passat, urew li kienu effettivi. Li tħejji u tirreaġixxi għall-pandemija ta’ l-influwenza hija sfida enormi u tinħtieġ sforzi akbar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dan għandu jsir bħala parti minn approċċ aktar ġenerali għall-emerġenzi fis-settur tas-saħħa pubblika, sabiex jintużaw il-ftit riżorsi disponibbli b’mod aktar effettiv, ikun hemm benefiċċju minn għarfien espert kemm jista’ jkun wiesa’ u biex il-proċeduri u l-funzjonijiet jinżammu taħt kontroll u sempliċi kemm jista’ jkun; il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-ippjanar ġeneriku ta’ l-emerġenzi fis-saħħa pubblika sabiex tgħin f'dawn l-isforzi. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jista’ jipprovdi approċċ strutturat u sistematiku għas-sorveljanza u l-kontroll ta’ l-influwenza u mard ieħor li jixtered li jistgħu jaffettwaw il-poplu tal-Unjoni Ewropea. L-ECDC jista’ jimmobilizza u jirrinforza b’mod sinifikanti s-sinerġiji bejn iċ-ċentri nazzjonali eżistenti għall-kontroll tal-mard u, bla dubju, se jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkontrollaw l-influwenza b’mod effettiv. L-azzjoni fuq livell inter-settorjali għandha tkun kwistjoni ewlenija fl-indirizzar ta’ l-influwenza pandemika. Ħafna azzjonijiet diġà ttieħdu fil-livell nazzjoni u dak ta’ l-UE sabiex jiġi żgurat li l-miżuri fid-diversi setturi ta' politika jkunu effettivi u koordinati. Iżda jeħtieġ li jsir iktar u l-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin imexxu x-xogħol il-quddiem f’dan ir-rigward. L-indirizzar tal-problema pandemika mis-sors tagħha se jkun ta’ importanza partikolari ; l-azzjoni esterna tal-Komunità, f’dan ir-rigward, hija importanti biex tgħin l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti u l-pajjiżi terzi biex jiffaċjaw il-possibilità ta’ pandemija u jnaqqsu t-tixrid u l-impatt tagħha. ANNESS 1: Fażijiet WHO Ġodda [20] Fażijiet Pandemiċi | Għanijiet ta’ Saħħa Pubblika | Perjodu Interpandemiku | 1 | Ma nstab l-ebda sottotip ġdid tal-virus ta’ l-influwenza fil-bniedem. Sottotip tal-virus ta’ l-influwenza li kkawża infezzjoni fil-bniedem jista’ jkun preżenti fl-annimali. Jekk preżenti fl-annimali, ir-riskju għal infezzjoni jew mard fil-bniedem jitqies li hu baxx | It-tisħiħ ta’ l-istat ta’ tħejjija għall-influwenza pandemika fil-livelli globali, reġjonali, nazzjonali u sotto-nazzjonali. | 2 | Ma nstab l-ebda sottotip ġdid tal-virus ta’ l-influwenza fil-bniedem. Madankollu, sottotip ta’ l-influwenza tal-virus ta’ l-annimali li qed jiċċirkola huwa ta’ riskju sostanzjali għall-mard fil-bniedem. | It-tnaqqis kemm jista’ jkun tat-trażmissjoni lill-bniedem; l-individwazzjoni u r-rappurtar ta’ tali trażmissjoni jekk din isseħħ. | Perjodu ta’ allarm ta' Pandemija | 3 | Infezzjoni(jiet) fil-bniedem b’sottotip ġdid, iżda mingħajr trażmissjoni minn bniedem għall-ieħor, jew l-iktar, każijiet rari ta’ trażmissjoni minn kuntatt fil-qrib. | L-iżgurar tal-karatterizzazzjoni rapida tas-sottotip tal-virus il-ġdid u l-individwazzjoni bikrija u n-notifikazzjoni ta’ każijiet addizzjonali u r-rispons għalihom. | 4 | Raggruppament(i) żgħir/żgħar bi trażmissjoni limitata minn bniedem għall-ieħor iżda l-firxa hija lokalizzata ħafna li tindika li l-virus mhuwiex adattat sewwa għall-bniedem. | It-trażżin tal-virus il-ġdid ġewwa punti limitati jew il-posponiment tal-firxa biex jintrebaħ iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ tħejjija, inkluż l-iżvilupp tal-vaċċin. | 5 | Raggruppament(i) akbar iżda t-tixrid minn bniedem għal bniedem għadu lokalizzat, li jindika li l-virus qed jadatta dejjem aktar għall-bnedmin, iżda għadu m’huwiex kompletament trażmissibbli (riskju sostanzjali ta’pandemija). | L-isforzi jiġu mmassimizzati biex jittrażżan jew jiġi posponut iż-żmien tal-firxa biex possibbilment tkun evitata pandemija, u biex jintrebaħ iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ reazzjoni għall-pandemija. | Perjodu Pandemiku | 6 | Pandemija: trażmissjoni akbar u sostenuta fil-popolazzjoni ġenerali | Il-minimizzazzjoni ta’ l-impatt tal-pandemija. | Perjodu Post-pandemiku | Perjodu Post-pandemiku: ritorn lejn il-perjodu interpandemiku | Ritorn lejn il-perjodu interpandemiku | ANNESS 2: Proġetti marbuta ma' l-influwenza ffinanzjati mill-programm ta’ azzjoni għas-saħħa pubblika Il-Kummissjoni Ewropea, DG SANCO, bħalissa qiegħda tiffinanzja proġetti taħt il-Programm ta’ Azzjoni għas-Saħħa Pubblika (2003-2008), li huma direttament jew indirettament marbuta ma’ l-istat ta’ tħejjija u r-rispons għall-influwenza, kif ġej: - EISS - The European Influenza Surveillance Scheme. - MODELREL - EU co-ordination and dissemination of strategic modelling capabilities concerning the deliberate release of biological agents. - EUNID - European Network of Infectious Diseases physicians. - EPIET - European Programme for Intervention Epidemiology Training. - Epi-North – A framework for communicable disease surveillance, communication and training in Northern Europe. - INSIGHT - International network of national public health Institutes sharing information, expertise and capabilities in order to grapple with major health threats. - VENICE - Vaccine European new integrated collaboration effort. - EPIVAC - Europe-wide pandemic influenza vaccine coverage: good epidemic vaccination practice by establishing integrated national stakeholders networks. - ETIDE - European Training for Infectious Disease Emergencies. - Epi-South - Network for Communicable Disease Control in Southern Europe and Mediterranean Countries. - FLUSECURE - Combating FLU in a combined action between industry and the public sector in order to SECURE adequate and fast interventions in Europe. - VAC-SAT - Vaccine Safety - Attitudes, Training and Communication. ANNESS 3: Riċerka appoġġata mill-UE marbuta ma’ l-influwenza pandemika tal-bniedem Il-Ħames Programm ta’ Qafas (1998-2002) - FLUPAN - Preparing for an influenza pandemic - NOVAFLU - Novel vaccination strategies and vaccine formulations for epidemic and pandemic influenza control 6th Framework Programme (2002-2006) - VIRGIL - European vigilance network for the management of antiviral drug resistance” - SARS/FLU VACCINE - FLUVACC - Live attenuated replication-defective influenza vaccine Is-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) Fil-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet deċiżjoni tal-Kunsill dwar il- Programmi Speċifiċi li jimplimentaw is-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni inkluża proposta għal programm speċifiku li għandu t-titolu ta' 'Kooperazzjoni' u jinkludi taqsima partikolari fuq is-saħħa, li konsegwentement tapplika għall-qasam ta' l-influwenza. Il-punt fokali se jkun fuq il-ġlieda kontra l-patoġeni b’potenzjal pandemiku li qed jitfaċċaw, fosthom iż-żoonosi (eż. is-SARS u l-influwenza b’patoġeniċità għolja). Fejn xieraq, għandhom isiru provvedimenti biex tkun tista’ tinbeda malajr riċerka kollaborattiva mmirata lejn l-aċċellerazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ dijanjostiċi, mediċini u vaċċini ġodda għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kontroll effiċjenti ta’ emerġenzi ta’ mard li jittieħed. [1] SAN 104, 9882/04, tat-2.6.2004 [2] ĠU L 268/1-7, tat-3.10.1998 [3] ĠU L 21/32-35, tas-26.1.2000 [4] http://europa.eu.int/eur-lex/en/com/wdc/2004/com2004_0201en01.pdf [5] ĠU L 142/1-11, tat-30.4.2004 [6] http://www.who.int/csr/resources/publications/influenza/WHO_CDS_CSR_GIP_2005_5.pdf [7] http://europa.eu.int/comm/health/ph_threats/com/Influenza/influenza_key04_en.pdf [8] http://europa.eu.int/comm/health/ph_threats/com/Influenza/influenza_key03_en.pdf [9] KUMM(2005) 605 finali [10] ĠU L 268/1-7, tat-3.10.1998 [11] ĠU L 21/32-35, tas-26.1.2000 [12] http://www.cc.cec/home/dgserv/sg/sgvista/i/sgv2/repo/repo.cfm?institution=COMM&doc_to_browse=COM/2005/0115&refresh_session=YES [13] http://europa.eu.int/comm/health/ph_threats/com/Influenza/influenza_key03_en.pdf [14] EMEA/CPMP/4986/03 & EMEA/CPMP/4717/03, Réf.:http://www.emea.eu.int/indem/indexh1.htm [15] http://www.who.int/gb/ebwha/pdf_files/WHA56/ea56r19.pdf [16] KUMM(2005) 108 finali, tas-6.4.2005 http://europa.eu.int/comm/regional_policy/funds/solidar/solid_en.htm [17] KUMM (2005) 119 finali, tas-6.4.2005 [18] KUMM (2005) 304 finali, tal-5.7.2005 [19] http://europa.eu.int/comm/health/ph_threats/com/Influenza/influenza_key09_en.pdf [20] WHO global influenza preparedness plan – WHO/CDS/CSR/GIP/2005.5 http://www.who.int/csr/resources/publications/influenza/WHO_CDS_CSR_GIP_2005_5.pdf