EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0431

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsil, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tieni Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza Elettronika - It-twassil ta ' eCall liċ-Ċittadini

/* KUMM/2005/0431 finali */

52005DC0431




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.9.2005

KUMM(2005) 431 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSIL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tieni Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza Elettronika IT-TWASSIL TA ' ECALL LIċ-ĊITTADINI

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSIL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tieni Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza Elettronika IT-TWASSIL TA ' ECALL LIċ-ĊITTADINI

1. DAħLA

Fil-Komunikazzjoni i2010 – Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija tagħha sa l-2010 għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni . L-inizjattiva i2010 tagħraf l-importanza tas-settur tat-trasport, li jirrappreżenta 10% tal-PGD u l-impjiegi ta’ l-Ewropa, u s-sinifikanza tas-settur għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ l-ICT. Fil-fatt, servizzi ta' trasport u mobbiltà sikuri u effiċjenti huma essenzjali għall-kisba ta' l-għanijiet ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi.

Sabiex tgħin ħalli jsir progress lejn dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha tagħha – għodod regolatorji fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, fondi ta’ riċerka u inizjattivi politiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tniedi Inizjattiva ta’ Prominenza “Il-Karozza Intelliġenti” bħala parti mill- istrateġija i2010 [1].

Il-Komunikazzjoni preżenti li tikkonċerna l-azzjonijiet urġenti u prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-eCall, is-sejħa ta’ emerġenza abbord vettura fuq skala pan-Ewropea hija l-ewwel pass ta' l-inizjattiva Karozza Intelliġenti[2].

Iż-żieda fis-sikurezza fit-triq hija ħtieġa umana u ekonomika. Fl-2004, in-numru ta’ mwiet fit-triq fil-25 Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea kien 43,000. Mingħajr miżuri urġenti, l-għan ambizzjuż li dan jitnaqqas għal 25,000 mewta fit-triq sas-sena 2010[3] mhux se jintlaħaq. Il-qtil ta' ħafna nies fit-toroq Ewropej se jkompli, u dan joħloq sofferenza umana li ma titkejjilx. L-ispejjeż għas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna se jibqgħu enormi, u l-ekonomiji tagħna se jibqgħu mtaqqla bit-telf tal-produttività u l-ħsara materjali fuq skala kbira.

Teknoloġiji li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet u li jnaqqsu s-severità tal-korrimenti jeżistu llum. Fl-ewwel Komunikazzjoni Sikurezza-e[4] il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet sabiex tiżviluppa u timplimenta Sistemi Intelliġenti ta' Sikurezza tal-Vetturi li huma bbażati fuq Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) avvanzati. Dawn is-sistemi jistgħu jipprevjenu l-okkorrenza ta’ l-inċidenti, itaffu l-konsegwenzi tagħhom u jgħinu fis-salvataġġ jekk fil-fatt iseħħu l-inċidenti.

Mill-adozzjoni ta’ l-ewwel Komunikazzjoni Sikurezza-e, sar progress konsiderevoli, u ħafna teknoloġiji, sistemi u servizzi tas-Sikurezza-e huma lesti biex jiġu implimentati. Sistema minn dawn hija is-sejħa ta' emerġenza pan-Ewropea abbord il-vettura, eCall.

Fil-każ ta’ inċident, l-apparat eCall fil-karozza jittrażmetti sejħa ta’ emerġenza li tmur awtomatikament fl-eqreb stabbiliment tas-servizzi ta’ l-emerġenza. L-eCall jista’ jiġi attivat manwalment, iżda f’każ ta’ inċident serju, il-karozza tibgħatu awtomatikament. Il-karatteristika ta’ l-eCall li ssalva l-ħajjiet hija t-tagħrif preċiż li tipprovdi dwar fejn jinsab il-post ta’ l-inċident: is-servizzi ta’ l-emerġenza jiġu nnotifikati minnufih u jkunu jafu preċiżament fejn għandhom imorru. Dan jirriżulta fi tnaqqis drastiku tal-ħin li jieħu s-salvataġġ.

L-implimentazzjoni fuq skala kbira ta’ l-eCall huwa għan prijoritarju ta’ l-inizjattiva Sikurezza-e. Sa mill-2002, il-partijiet interessati ħadmu flimkien u żviluppaw pjan ta’ implimentazzjoni għall-eCall. Madankollu, mingħajr azzjonijiet urġenti min-naħa ta’ l-Istati Membri jista’ jkun hemm dewmien sostanzjali fl-implimentazzjoni ta’ l-eCall .

2. Lejn is-Servizz Pan-Ewropew ta’ Sejħa ta’ Emerġenza abbord Il-Vetturi (eCall)

Rakkomandazzjoni ewlenija ta’ l-ewwel Komunikazzjoni Sikurezza-e kienet it-twaqqif ta' servizz armonizzat pan-Ewropew ta’ sejħa ta' emerġenza abbord il-vettura (eCall) li jżid man-numru waħdieni Ewropew ta' emerġenza 112.

Fl-Ewropa, kull sena jkun hemm ‘il fuq minn 1.7 miljun inċident li jkun jeħtieġ l-għajnuna medika, u ħafna iktar li jkunu jeħtieġu tipi oħra ta' assistenza. Wara l-inċident in-nies fil-karozza jistgħu jkunu taħt xokk, ma jkunux jafu fejn jinsabu, ma jkunux jistgħu jikkomunikaw fejn jinsabu jew ma jkunux jistgħu jużaw il-mowbajl. F'dawn il-każijiet kollha, l-eCall tgħin: tista’ tnaqqas drastikament il-ħin li s-servizzi jieħdu biex jirrispondu għall-emerġenza, issalva l-ħajjiet u tnaqqas is-severità tal-korrimenti. Meta tiġi implimentata, il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi ta’ eCall se jkunu enormi.

Sar progress sinifikanti fit-triq lejn l-implimentazzjoni sħiħa ta’ eCall. Il- Grupp ta’ Tmexxija eCall, li ġie stabbilit sabiex jieħu ħsieb l-implimentazzjoni, iffissa l-2009 bħala s-sena fil-mira għall-implimentazzjoni sħiħa.

Madankollu, l-istabbiliment ta’ katina sħiħa għall-emerġenza għall-eCall jeħtieġ il-kooperazzjoni ta’ ħafna awtoritajiet. Din il-kooperazzjoni ma mmaterjalizzatx mill-ewwel u f'ħafna Stati Membri għadha nieqsa għal kollox. Il-ħtieġa li s-servizzi ta' l-emerġenza jiġu mmodernizzati hija rikonoxxuta, iżda dan ma jsirx minħabba nuqqas ta' fondi jew kumplessitajiet organizzativi.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali sabiex jaġixxu u jinvestu fl-infrastruttura tas-settur tas-servizzi ta' l-emerġenza meħtieġa għall-eCall, bil-ħsieb li s-servizz sħiħ pan-Ewropew jitnieda fl-2009.

2.1 L-eCall: Kif taħdem?

L-eCall hija sejħa ta' emerġenza abbord vettura li tkun attivata jew manwalment mill-passiġieri fil-vettura jew awtomatikament permezz ta’ l-attivazzjoni ta’ sensors abbord il-vettura wara inċident. Meta jkun attivat, l- apparat eCall abbord il-vettura jistabbilixxi sejħa ta’ emerġenza li tippermetti kemm komunikazzjoni bil-leħen kif ukoll trażmissjoni ta’ dejta lill-eqreb servizzi ta’ l-emerġenza (normalment l-eqreb ċentru li jirċievi t-telefonati ta’ emerġenza 112, PSAP – Public Safety Answering Point ) ara l-Figura 1. It-telefonata bil-leħen tippermetti lill-passiġġieri tal-vettura li jikkomunikaw ma’ l-operatur eCall imħarreġ. Fl-istess ħin, ġabra minima ta’ dejta tintbagħat lill-operatur eCall li qed jirċievi t-telefonata bil-leħen.

Il-ġabra minima ta’ dejta fiha tagħrif dwar l-inċidenti inkluż il-ħin, il-post preċiż, l-identifikazzjoni tal-vettura, l-istatus ta' l-eCall (bħala minimu, indikazzjoni jekk l-eCall kinitx attivata manwalment jew awtomatikament) u tagħrif dwar fornitur possibbli tas-servizz.

2.2 Għalfejn neħtieġu l-eCall?

Skond ir-riżultati ta’ analiżi mwettqa mill-proġett E-MERGE[5] iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, sistema eCall li tittrażmetti l-post preċiż ta’ l-inċident lill-PSAP u lis-servizzi ta’ l-emerġenza se tagħmel possibbli tnaqqis ta’ madwar 50% fil-ħin li jittieħed għar-rispons f’żoni rurali u sa 40% f'żoni urbani . Fejn tingħata kura medika iktar malajr lil nies korruti serjament wara l-inċident, ir-rata ta’ l-imwiet u s-severità tat-trawma li tirriżulta mill-korrimenti tista’ titnaqqas sewwa. Dan huwa magħruf bħala l- Golden Hour Principle tal-mediċina ta’ l-inċidenti.

[pic] Figura 1: Il-prinċipju ta’ l-operazzjoni ta’ eCall

Stimi imwettqa fi ħdan il-proġett E-MERGE u l-istudju SeiSS[6] li jqabblu l-ispiża mal-benefiċċju ta’ eCall jindikaw li fl-UE-25 jistgħu jiġu salvati sa 2,500 ħajja kull sena, bi tnaqqis ta’ 15% fis-severità tal-korrimenti . Dawn l-istimi kienu bbażati fuq id- database ta' l-inċidenti CARE[7] mill-2002.

Inċidenti tat-traffiku jwasslu wkoll għall-konġestjoni tat-traffiku u possibbilment għal inċidenti sekondarji. B'riżultat tal-fatt li jkun meħtieġ inqas ħin għas-salvataġġ, l-eCall tista' tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. L-istudji msemmija hawn fuq jindikaw li dan it-tnaqqis jista' jkun sa 20%. Barra minn hekk, nies oħra fit-triq jistgħu jiġu infurmati iktar malajr dwar l-inċident.

Meta wieħed iqis li l-istima ta’ l-impatt totali ta' l-eCall mill-istudju SEiSS, l-iffrankar annwali fuq l-inċidenti huwa stmat li jkun sa 22 biljun € u l-iffrankar minħabba l-konġestjoni annwali sa 4 biljun €, li jġibu t-total ta’ benefiċċji annwali għal 26 biljun €. Meta mqabbla ma’ dawn il-benefiċċji, l-investimenti meħtieġa huma relattivament żgħar, 150€ kull vettura u sa 50,000€ għall-adattament ta’ PSAP[8]. Fuq il-bażi ta’ dan l-investiment inizjali kull PSAP, u biż-żieda ta’ l-ispejjeż għat-taħriġ ta' l-istaff tagħhom u sabiex ikun assigurat appoġġ lingwistiku adegwat, l-ispejjeż totali annwali jitilgħu għal 4,550 miljun € fl-UE 25, inklużi s-sistemi abbord il-vetturi. Biex jiġi kkalkulat dan l-ammont, in-numra ta’ PSAPs meħtieġa fl-UE 25 ġie stmat b’medja ta’ PSAP waħda kull 30,000 abitant, b’60 membru ta’ l-istaff kull PSAP.

Il-figuri msemmija hawn fuq jindikaw proporzjon sostanzjali bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-eCall. Anki bi stima ta’ rata ta’ suċċess inqas u b’iktar spejjeż, il-proporzjoni bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż jibqa’ wieħed pożittiv, sabiex b’hekk jikkonferma l-validità ta’ l-investiment fis-servizz ta’ l-eCall.

2.3 Għalfejn l-eCall juża l-112?

L-għan tal-proġett eCall huwa l-implimentazzjoni ta’ servizz ta’ emerġenza pan-Ewropew li jista’ jintuża mill-vetturi kollha fl-Ewropa, ikunu x'ikunu l-għamla, il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni u l-lok tagħhom. L-Ewropej jivvjaġġaw ‘il barra minn pajjiżhom bil-karozzi tagħhom dejjem iktar spiss u, għalhekk, servizz interoperabbli pan-Ewropew huwa prerekwiżit għall-eCall.

In-numru waħdieni Ewropew ta’ emerġenza 112 ġie introdott biex joffri dan it-tip ta’ servizz għal sejħiet ta’ emerġenza b’Deċiżjoni tal-Kunsill fl-1991[9]. Sejħiet lil dan in-numru jmorru fl-eqreb PSAP fil-pajjiżi Ewropej differenti. Is-sejħiet jistgħu jsiru minn kull telefown mingħajr ħlas u normalment jirċievu aċċess prjoritarju.

Iktar u iktar mill-180 miljun sejħa lis-servizzi ta’ emerġenza kull sena joriġinaw mill-mowbajls (attwalment 60-70%). Għal 15% ta' dawn is-sejħiet, il-lok ta’ l-inċident ma’ jkunx jista’ jiġi ddeterminat b’mod preċiż , u dan iwassal għal dewmien sinifikanti fil-għoti ta' l-għajnuna u anki għall-possibbiltà li din ma tkunx tista' tintbagħat.

Id-Direttiva ta’ Servizz Universali adottata fl-2002[10] tistipula l-obbligu li l-operaturi tan-netwerk pubbliku jagħmlu l-lok ta’ min jagħmel is-sejħa disponibbli għas-servizzi ta’ l-emerġenza għas-sejħiet kollha, sal-punt li huwa fattibbli teknikament[11]. Is-sejħiet 112 b’tagħrif dwar il-lok huma magħrufa bħala sejħiet E112.

L-implimentazzjoni tal-kapaċità li tagħraf il-lok għall-ipproċessar tas-sejħiet E112 fil-PSAPs tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-eCall. Wara dan l-investiment, l-ispiża biex il-PSAPs jinġiebu f'livell konformi ma' l-eCall titqies relattivament żgħira. L-użu tal-112 jippermetti l-bini ta' servizz eCall li huwa tassew pan-Ewropew, ibbazat fuq Direttivi approvati, b'investiment relattivament żgħir.

Id-Direttiva dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika[12] fiha dispożizzjonijiet għas-salvagwardja tad-dejta personali u l-ħarsien tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madankollu, fil-każ ta’ emerġenza reali, jitqies li l-ħtieġa għall-għajnuna tiġi qabel il-ħtieġa għall-privatezza. Id-Direttiva għalhekk tippermetti l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar il-lok u dejta oħra personali għal organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb is-sejħiet ta’ emerġenza.

2.4 Road Map għal implimentazzjoni sħiħa sa l-2009

Il-Grupp ta’ Tmexxija eCall ġie stabbilit sabiex jipproduċi arkitettura ta’ qafas u mudell kummerċjali għall-eCall , u sabiex jiddefinixxi r-rwoli kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-partijiet interessati. Dawn jinkludu l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, l-operaturi tal-PSAPs, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri tat-tagħmir, l-operaturi ta’ l-awtostradi, il-klabbs awtomobilistiċi, l-industrija ta' l-assigurazzjoni u l-fornituri tas-servizzi.

Il-Grupp ta’ Tmexxija pproduċa Memorandum ta’ Ftehim[13] dwar l-implimentazzjoni ta’ l-eCall . L-għan tal-Memorandum ta’ Ftehim huwa li jassigura li l-eCall taħdem f’kull Stat Membru ta’ l-UE. Il-Memorandum ta’ Ftehim jgħaqqad lill-partijiet interessati sabiex jimplimentaw l-eCall flimkien fuq il-bażi ta’ arkitettura u speċifikazzjonijiet ta’ interface komuni u approvati, inkluża l-Ġabra Minima ta’ Dejta (MSD - Minimum Set of Data ). Il-Memorandum ta’ Ftehim ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea, ACEA f’isem l-industrija awtomobilistika u l-partnerjat multi-settorjali ERTICO f’isem sħabha f’Awissu 2004. Il-Memorandum ta’ Ftehim issa għandu ‘l fuq minn 50 firma.

L-imsieħba Sikurezza-e qablu dwar Road Map għall-implimentazzjoni ta’ l-eCall , li tidher fil-Figura 2. Il-punti ewlenin huma dawn li ġejjin:

a) Ftehim dwar pjan ta’ implimentazzjoni, mudell kummerċjali u standards ta’ l-eCall sa tmiem l-2005

b) Speċifikazzjoni sħiħa tas-sistema eCall abbord il-vetturi u l-bidu ta’ l-iżvilupp sa nofs l-2006.

c) Testijiet prattiċi fuq skala sħiħa b’adozzjonijiet bikrija fl-2007.

d) L-introduzzjoni ta’ l-eCall bħala tagħmir standard fil-vetturi kollha li jidħlu fis-suq wara Settembru 2009.

Sabiex it-teknoloġija eCall tkun tista’ taħdem, is-servizzi ta’ l-emerġenza fl-Istati Membri ta’ l-UE se jinħtieġu li jgħammru jew jadottaw il-PSAPs tagħhom sabiex jipproċessaw rapporti eCall ta’ tagħrif dwar il-lok sa tmiem l-2007 l-aktar tard.

[pic] [pic]

Figura 2: Road Map għall-implimentazzjoni ta’ l-eCall

3. Azzjonijiet għat-twassil ta’ l-eCall liċ-ċittadini sa l-2009

Bl-impenn ta’ l-industrija u l-partijiet interessati tas-settur pubbliku, l-eCall jista' jsir realtà. L-industrija hija lesta li tgħammar il-vetturi ġodda kollha tagħha bit-tagħmir eCall fil-mudelli li jidħlu fis-suq wara Settembru 2009. Madankollu, mingħajr l-impenn sħiħ ta' l-Istati Membri ma jkunx hemm investiment mill-industrija awtomobilistika. Il-partijiet interessati kollha għandhom jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu l-eCall fil-fora nazzjonali u internazzjonali, partikolarment il-Forum Sikurezza-e.

3.1 Azzjonijiet għall-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jiffirmaw il-Memorandum ta’ Ftehim eCall. L-Istati Membri għandhom jiffirmaw minnufih il-Memorandum ta’ Ftehim eCall f’livell xieraq, u jikkomettu ruħhom għall-implimentazzjoni ta’ l-eCall pan-Ewropea. Il-Memorandum ta’ Ftehim issa għandu ‘l fuq minn 50 firma ta’ partijiet interessati, iżda żewġ Stati Membri (il-Finlandja u l-Iżvezja) u l-Isvizzera biss iffirmaw. In-nuqqas ta’ firem, speċjalment mill-Istati Membri jhedded li jdewwem l-implimentazzjoni ta’ l-eCall u jdgħajjef l-impenn ta’ l-industrija. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-112 u l-E112. In-numru waħdieni Ewropew ta’ emerġenza 112 jintuża f’24 Stat Membru[14]. Madankollu, jintuża b’mod parallel man-numri nazzjonali u fid-Danimarka u l-Olanda biss huwa l-uniku numru. Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri ma għaġġlux biex iħeġġu lill-operaturi tan-netwerks bla wajer pubbliċi tagħhom sabiex jipprovdu t-tagħrif dwar il-lok (E112). Minħabba li eCall hija bbażata fuq il-112 u l-E112, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu tal-112 u jieħdu passi sabiex jaċċelleraw l-introduzzjoni tat-tagħrif dwar il-lok fin-netwerks tal-wireless pubbliċi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jadattaw il-PSAPs tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw sejħiet E112 u eCalls miżjuda b’tagħrif dwar il-lok. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li sa l-aħħar ta’ l-2007 l-aktar tard, skemi adegwati jkunu fis-seħħ għall-adattamnet ta’ l-infrastruttura tal-PSAPs għall-ipproċessar ta’ sejħiet b’tagħrif ta' lok u tagħrif ieħor minn eCalls li joriġinaw mill-vetturi. Sabiex jikkonformaw mar-regolament ta’ l-E112, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-PSAPs tagħhom l-ewwel biex ikunu jistgħu jipproċessaw it-tagħrif dwar il-lok ta’ sejħiet E112, u mbagħad iwettqu l-adattament li jmiss li jippermetti li jkunu jistgħu jiġu pproċessati l-eCalls, skond standards li qed jiġu żviluppati mill-ETSI. L-Istati Membri għandhom jipprovdu servizzi adegwati ta’ emerġenza li jipproċċessaw it-tagħrif dwar il-lok u joffru appoġġ lingwistiku. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-PSAPs tagħhom ikunu kapaċi jipproċessaw b’mod adegwat l-eCalls li joriġinaw minn vetturi, li l-istaff jitħarreġ biex jagħmel dan, u li jkun mogħti appoġġ lingwistiku. Huma għandhom itejbu wkoll il-katina kollha ta’ servizzi ta’ l-emerġenza tagħhom (PSAPs, l-għoti tas-sokkors, il-vetturi ta’ emerġenza, u s-swali ta’ l-emerġenza ta’ l-isptarijiet) b’għodod adegwati bbażati fuq l-ICT li jassiguraw rispons rapidu u affidabbli għall-inċidenti tal-vetturi u jieħdu l-benefiċċju kollu mit-tagħrif ipprovdut mill-eCalls abbord il-vetturi. Qed jiġi żviluppat kunċett ta’ servizz għall-katina ta’ emerġenza kollha mill-proġett RESCUE[15]. |

4. 3.2 Il-Promozzjoni ta’ l-eCall f'Fora Nazzjonali u Internazzjonali

Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jwaqqfu pjattaformi nazzjonali għall-promozzjoni ta’ l-eCall. Dawn għandhom ikollhom il-parteċipazzjoni minn ministeri rilevanti (trasport, telekomunikazzjonijiet u intern) inklużi l-awtoritajiet responsabbli għas-servizzi ta’ emerġenza, kif ukoll l-industrija privata u l-fornituri tas-servizzi. Il-Kummissjoni se tniedi kampanja ta’ promozzjoni tal-112, E112 u l-eCall, u se torganizza Konferenzi għall-iskambju ta’ l-aħjar prassi, b’appoġġ għall-attivitajiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kumitat tal-Protezzjoni Ċivili il-ħolqien ta’ sottokumitat li jieħu ħsieb il-Komunikazzjonijiet ta’ Emerġenza, il- 112, l-E112 u l-eCall. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-ħidma ta' dan is-sottokumitat sabiex isolvi l-kwistjonijiet li fadal marbuta ma’ l-investimenti fis-servizzi interoperabbli pan-Ewropej ta’ E112 u eCall fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Il-partijiet interessati kollha tas-Sikurezza-e għandhom jappoġġaw il-ħidma tal- Grupp ta’ Tmexxija eCall u jużaw dan il-forum sabiex isolvu l-kwistjonijiet li fadal marbuta ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-eCall pan-Ewropea sa l-2009. Dan jinkludi qbil dwar l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema abbord il-vettura, qbil dwar il-mudell kummerċjali eCall, u l-organizzazzjoni tat-testijiet prattiċi.

Il- Forum Sikurezza-e huwa pjattaforma Ewropea importanti fejn jitkompla d-djalogu dwar l-aċċellerazzjoni ta’ l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu ta' sistemi intelliġenti ta' sikurezza tal-vettura fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat ta' Livell Għoli u laqgħat Plenarji tal-Forum. Dawn jippermettu lill-partijiet interessati kollha li jimmonitorjaw il-progress ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-eCall u li jieħdu azzjonijiet ulterjuri jekk meħtieġa.

eCall għandu jopera fin-netwerks GSM u 3G kollha fl-Ewropa. Għalhekk, l-istandardizzazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ l-eCall u l-protokolli tat-trasferiment tad-dejta bejn it-terminal ta' l-eCall abbord il-vettura u l-PSAPs huwa kruċjali. Il-Kummissjoni talbet lill-ETSI taċċellera l-istandardizzazzjoni ta’ l-eCall u li taħdem mas-CEN kif meħtieġ. L- ETSI għandha tipproduċi abbozzi ta’ standards għall-eCall sa tmien l-2005.

4. IL-BINI TA’ ĠEJJIENI IKTAR SIKUR B'SIKUREZZA-E U AZZJONIJIET OħRA TAL-KUMMISSJONI

L-inizjattiva Sikurezza-e hija parti mill- istrateġija komprensiva tal-Kummissjoni għat-titjib tas-sikurezza fit-triq u l-effiċjenza tat-trasport fl-Ewropa, waqt li fl-istess ħin iżżomm u ttejjeb il-kompetittività ta' l-industriji involuti, partikolarment is-settur awtomobilistiku.

Fil-qasam tas-Sikurezza fit-Triq, l-inizjattiva Sikurezza-e hija rikonoxxuta madwar id-dinja. L-eCall hija punt ta' prijorità taħt is-Sikurezza-e li mmatura. Taħt il-Forum Sikurezza-e, ħdax-il Grupp ta’ Ħidma ġew stabbiliti u qed joħorġu r-riżultati, mhux biss l-eCall. Il-Kummissjoni hija wkoll attiva mil-lat regolatorju u fil-promozzjoni tas-sikurezza fit-triq f’inizjattivi konġunti.

B’riżultat ta’ l-inizjattiva Sikurezza-e u programm ta’ riċerka appoġġati mill-Komunità, Sistemi ta’ Sikurezza Attiva u Sistemi Avvanzati ta’ Għajnuna lis-Sewwieq bħal ESP, ACC, twissija ta' ħruġ mill-karreġġjata u tnaqqis tal-ħabtiet diġà huma lesti biex jiddaħħlu f'suq usa'. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi biex tippromwovi l-implimentazzjoni volontarja ta’ dawn is-sistemi.

4.1 Sikurezza-e

L-Interazzjoni bejn il-Magni u l-Bniedem (HMI – Human Machine Interaction ) hija tema ta’ prijorità fis-Sikurezza-e. Il-Grupp ta’ Ħidma HMI ġie stabbilit fl-2003 sabiex janalizza s-sitwazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ l-hekk imsejjħa Dikjarazzjoni Ewropea ta' Prinċipji [16] għall-Interazzjoni bejn il-Magni u l-Bniedem . Din l-analiżi saret fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri. Il-grupp iffoka fuq oqsma problematiċi fl-HMI, bħall-introduzzjoni ta’ tagħmir nomadiku u l-kumplessità li qiegħda tiżdied b’ħeffa ta’ sistemi ġodda abbord il-vettura. Il-Grupp ta' Ħidma ppubblika r-Rapport Finali tiegħu fi Frar 2005. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni biħsiebha tipprovdi Rakkomandazzjoni fuq l-HMI b’Dikjarazzjoni Ewropea ta’ Prinċipji (EsoP) mġedda.

L-Informazzjoni f’Ħin Reali dwar it-Traffiku u l-Ivvjaġġar (RTTI - Real Time Traffic and Travel Information ) huwa prijorità oħra. Il-Grupp ta' Ħidma RTTI tal-Forum Sikurezza-e għandu l-għan li jidentifika u jneħħi x-xkiel għall-implimentazzjoni fl-Ewropa kollha ta’ servizzi RTTI, bħalma huma d-disponibbiltà limitata ta’ kontenut ta’ tagħrif dwar it-traffiku, id-diffikultajiet fid-definizzjoni tar-rwoli tas-setturi pubbliċi u privati, id-disponibbiltà tal-kapaċità tax-xandir u d-diffikulajiet bil-mudelli kummerċjali. Il-ħidma tqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizz TTI fl-Ewropa[17]. Il-mira ffissata mill-Grupp ta’ Ħidma RTTI hija li l-pajjiżi kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea jaqblu li jestendu l-installazzjoni tal-katina ta’ tagħrif meħtieġa għal Servizzi ta’ Informazzjoni tat-Traffiku f’Ħin Reali sabiex tkopri 80% tal-popolazzjoni ta’ l-UE b’servizzi standard sa l-2010. Il-grupp se jippubblika r-Rapport Finali tiegħu sa tmiem l-2005.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Għarfien ta’ l-Utenti tal-Forum Sikurezza-e qed jinvestiga azzjonijiet għall-komunikazzjoni lill-utenti tal-benefiċċji ta' sistemi Sikurezza-e sabiex jiżdied l-għarfien ta’ l-utenti. Dan huwa essenzjali sabiex tiżdied id-domanda ta’ l-utenti għal sistemi bħal dawn u sabiex jittejjeb il-lat kummerċjali. Il-grupp analizza l-aħjar prassi u t-tagħlimiet miksuba minn kampanji li diġà saru u azzjonijiet ta' għarfien ta' l-utenti, kif ukoll ix-xejriet ta' penetrazzjoni ta' xi wħud mis-sistemi ta' qabel. Il-grupp jipproponi li tinħoloq “pjattaforma ta’ komunikazzjoni” tal-partijiet interessati kollha u l-ħolqien ta’ tikketta Sikurezza-e. Din il-proposta kienet inkluża fl-ewwel rapport interim tiegħu f’Mejju 2005 u bħalissa qiegħda tiġi diskussa fi gruppi oħra Sikurezza-e, inkluż il-grupp dwar ir- Road Maps ta’ implimentazzjoni.

4.2 Azzjonijiet oħra tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta’ Livell Għoli fl-2005 għal Industrija tal-Karozzi ta’ l-UE kompetittiva. Dan il-grupp, imsejjaħ CARS 21 jgħaqqad flimkien il-Kummissjoni Ewropea, l-atturi dominanti ta' l-industrija awtomobilistika, il-Parlament Ewropew, it- Trade Unions , Organizzazzonijiet mhux Governattivi u Utenti, u se jiżviluppa strateġija integrata għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-industrija, jiddefinixxi l-aħjar approċċi regolatorji u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-innovazzjoni.

Fl-2005 il-Kummissjoni se tipproduċi wkoll Reviżjoni ta’ Nofs il-Mandat tal-Programm ta’ Azzjoni dwar is-Sikurezza fit-Triq . Din ir-reviżjoni se tevalwa l-progress kumplessiv li sar lejn l-ilħuq ta’ l-għan li jitnaqqas b'nofs in-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq Ewropej sa l-2010.

5. Konklużjonijiet

Teknoloġiji u sistemi li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet u li jnaqqsu s-severità tal-korrimenti kkawżati mill-inċidenti tat-traffiku jeżistu llum. L-inizjattiva Sikurezza-e qed twassal sistemi bħal dawn li huma bbażati fuq l-użu ta’ ICTs avvanzati f’idejn l-utenti tat-triq. eCall hija l-ewwel waħda: meta tkun implimentata bis-sħiħ, se ssalva 2,500 ħajja kull sena u se jkollha benefiċċji soċjo-ekonomiċi sostanzjali. Se ttejjeb direttament il-kwalità tal-ħajja ta’ l-454 miljum ċittadin tagħna.

L-isfida tagħna hija li nassiguraw l-implimentazzjoni fuq skala kbira ta’ l-eCall fl-Ewropa. It-teknoloġija hija lesta u l-industrija kkommettiet ruħha għaliha. L-Istati Membri issa jridu jikkommettu ruħhom għaliha u jinvestu fl-infrastruttura meħtieġa fis-servizzi ta’ emerġenza tagħhom.

It-titjib tas-servizzi ta’ emerġenza se jqum il-flus, iżda l-istima tal-proporzjon bejn l-ispiża u l-benefiċċji hija tajba. Hekk kif isir l-investiment, ikun hemm ukoll benefiċċji addizzjonali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu passi minnufih fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress mill-qrib u fil-każ li l-implimentazzjoni ta’ l-eCall ma tagħmilx progress skond ir- Road Map ippreżentat, din tqis miżuri ulterjuri.

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: i2010 – Soċjeetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, COM(2005) 229 Finali, 1.6.2005

[2] Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni i2010, “Karozza” tinkludi karozzi, trakkijiet, karozzi tal-linja u muturi

[3] Il-Programm ta’ Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Triq: It-tnaqqis bin-nogs tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sa l-2010: Responsabbiltà Komuni, COM (2003) 311 finali tat-2.6.2003

[4] Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni għal Vetturi Sikuri u Intelliġenti, COM(2003) 542 Finali, tal-15.9.2003

[5] Ara http://www.gstforum.org/en/subprojects/rescue/

[6] Studju esploratorju dwar l-impatt potenzjali soċjo-ekonomiku ta’ l-introduzzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti ta’ Sikurezza fil-Vetturi tat-Triq, ara http://europa.eu.int/information_society/activities/esafety/call_4/index_en.htm.

[7] http://europa.eu.int/comm/transport/care/index_en.htm

[8] Stimi ta’ l-istudju SeiSS: Fuq il-bażi tal-volum tal-produzzjoni ta’ l-unità abbord il-vettura u l-adattament tal-PSAPs li diġà jistgħu jipproċessaw informazzjoni dwar il-lok tas-sejħiet E112.

[9] Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-introduzzjoni ta' numru waħdieni Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza (91/396/KEE), Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Nru. L 217, tas-6.8.1991 p. 31

[10] Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’Servizz Universali); ippubblikata fil-ĠU L108 ta’ l-24.4.2002

[11] Għas-sejħiet lin-numru 112, l-operatur tan-netwerk jew jibgħat l-informazzjoni dwar il-lok ( push ) jew jagħtiha meta jintalab jagħmel hekk ( pull ). Din il-funzjoni li qed tiġi implimentata f’madwar 50% ta’ l-Istati Membri tissejjaħ il-112 imtejba jew E112. L-informazzjoni dwar il-lok, ħafna drabi, tkun il-lok taċ-ċellulari mingħajr wajer (l’hekk imsejjaħ Cell-ID)

[12] Id-Direttiva 2002/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

[13] Memorandum ta' Ftehim għat-Twettiq ta’ eCall Interoperabbli abbord il-vetturi, ara www.eScope.info

[14] Proċedura ta’ ksur kontra l-Polonja nbdiet f’Marzu 2005.

[15] RESCUE hija parti mill-Proġett Integrat GST, ara http://www.gstforum.org/en/7_sub-projects/rescue_rsq/

[16] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 1999 dwar sistemi sikuri u effiċjenti ta’ tagħrif u komunikazzjoni abbord il-vetturi: Dikjarazzjoni Ewropea ta’ prinċipji dwar l-interazzjoni bejn il-magni u l-bnedmin ĠU L19 tal-25.1.2000

[17] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ĠU L 199 ta’ l-24.7.2001, p. 20.

Top