Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1457

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1457 tas-27 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana li joriġinaw mit-Turkija, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    C/2024/3385

    ĠU L, 2024/1457, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1457/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1457/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1457

    29.5.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1457

    tas-27 ta’ Mejju 2024

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana li joriġinaw mit-Turkija, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu tiegħu

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Bħala segwitu tal-valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod proviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Wieħed mill-ġeneri elenkati huwa Prunus L.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti ospitati minn dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-pesti tal-kwarantina tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

    (4)

    Fid-29 ta’ Jannar 2020, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil li ġejjin: biċċiet mingħajr għeruq, mingħajr weraq, inattivi, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis, pjanti għat-tħawwil mhux imlaqqma, mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis, u pjanti għat-tħawwil, mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis imlaqqma fuq salvaġġ ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca jew Prunus davidiana li joriġinaw mit-Turkija (“il-pjanti rilevanti”). Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossiers tekniċi rilevanti.

    (5)

    Fl-1 ta’ Diċembru 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti rilevanti (5). L-Awtorità identifikat il-pesti Anoplophora chinensis, Didesmococcus unifasciatus, Euzophera semifuneralis, Hoplolaimus galeatus, Lasiodiplodia pseudotheobromae, Lepidosaphes malicola, Lepidosaphes pistaciae, Maconellicoccus hirsutus, Malacosoma parallela, Neoscytalidium dimidiatum, Neoscytalidium novaehollandiae, Nipaecoccus viridis, Peach rosette mosaic virus, Phenacoccus solenopsis, Pochazia shantungensis, Russellaspis pustulans, Scirtothrips dorsalis u l-virus tar-ringspot tat-tadam bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti.

    (6)

    L-Awtorità evalwat il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossiers għall-pesti identifikati u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti.

    (7)

    B’segwitu tal-konferma uffiċjali dwar in-nuqqas ta’ Malacosoma parallela fit-Turkija, il-pest ma għadux meqjus rilevanti għall-komoditajiet ta’ Prunus L. li joriġinaw f’dak il-pajjiż.

    (8)

    Abbażi ta’ dik l-opinjoni u tal-informazzjoni addizjonali mit-Turkija fir-rigward ta’ Malacosoma parallela, huwa meqjus li r-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti jitnaqqas għal-livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

    (9)

    Il-miżuri deskritti mit-Turkija fid-dossiers tekniċi huma kkunsidrati suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fih.

    (10)

    B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-pjanti rilevanti ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

    (12)

    L-Anoplophora chinensis, il-Peach rosette mosaic virus, is-Scirtothrips dorsalis u l-virus tar-ringspot tat-tadam huma elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

    (13)

    B’kuntrast, il-pesti Didesmococcus unifasciatus, Euzophera semifuneralis, Hoplolaimus galeatus, Lepidosaphes pistaciae, Maconellicoccus hirsutus, Nipaecoccus viridis, Pochazia shantungensis, u Russellaspis pustulans għadhom mhumiex elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u għalhekk il-miżuri fitosanitarji għal dawn il-pesti huma bbażati fuq dawk deskritti mit-Turkija fid-dossiers. Jeħtieġ li jsiru disponibbli l-valutazzjonijiet tar-riskju kompluti dwar dawn il-pesti sabiex jiġi stabbilit jekk il-pesti jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u jekk il-pjanti rilevanti għandhomx jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi rispettivi.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat kif xieraq.

    (15)

    Barra minn hekk, il-pesti Lasiodiplodia pseudotheobromae, Neoscytalidium dimidiatum, u Phenacoccus solenopsis għadhom mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Madankollu, minħabba li ma ġie osservat l-ebda impatt sinifikanti fuq il-pjanti ospitanti infettati minn dawk il-pesti fit-territorju tal-Unjoni, ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-pesti.

    (16)

    In-Neoscytalidium novaehollandiae huwa sinonimu tan-Neoscytalidium dimidiatum. Għaldaqstant, l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni ma huwa meħtieġ għal dak il-pest.

    (17)

    L-opinjoni xjentifika dwar il-kategorizzazzjoni tal-pesti ta’ Lepidosaphes malicola (6) prodotta mill-Awtorità tikkonkludi li, bħala riżultat ta’ inċertezza kbira dwar l-impatt tiegħu fl-UE, il-pest ma jissodisfax il-kriterji kollha biex jitqies bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni ma huwa meħtieġ għal dak il-pest.

    (18)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1213/oj).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

    (5)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Prunus persica and Prunus dulcis plants from Turkey. EFSA Journal 2023;21(1):7735, 212 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.7735.

    (6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2024. Kategorizzazzjoni tal-pesti ta’ Lepidosaphes malicola. EFSA Journal, 22(3), e8665. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8665.


    ANNESS I

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fil-punt 1, fit-tieni kolonna tat-tabella “Deskrizzjoni”, l-entrata “ Prunus L., għajr dawk bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-pjanti għat-tħawwil tal-Prunus domestica mlaqqma fuq is-salvaġġ ta’ Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna”, hija sostitwita b’dan li ġej:

     

    Prunus L., għajr:

    pjanti għat-tħawwil, mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin ta’ Prunus domestica mlaqqmin fuq is-salvaġġ ta’ Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna;

    biċċiet mingħajr għeruq, mingħajr weraq, inattivi ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis li joriġinaw mit-Turkija; u

    pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana, li joriġinaw mit-Turkija.”


    ANNESS II

    Fit-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara “ Persea americana Mill., u l-biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 2 cm.”:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi ta’ oriġini

    Miżuri

    “—

    Prunus persica u Prunus dulcis, biċċiet mingħajr għeruq, ta’ mhux aktar minn sentejn, inattivi, mingħajr weraq;

    Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana: pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq, ta’ mhux aktar minn sentejn, inattivi, bl-għeruq mikxufin.

    ex 0602 10 90

    ex 0602 20 20

    It-Turkija

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-pesti Didesmococcus unifasciatus, Euzophera semifuneralis, Hoplolaimus galeatus, Lepidosaphes pistaciae, Maconellicoccus hirsutus, Nipaecoccus viridis, Pochazia shantungensis u Russellaspis pustulans;

    (ii)

    is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-pesti Didesmococcus unifasciatus, Euzophera semifuneralis, Hoplolaimus galeatus, Lepidosaphes pistaciae, Maconellicoccus hirsutus, Nipaecoccus viridis, Pochazia shantungensis u Russellaspis pustulans matul l-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa fi żminijiet xierqa, mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti;

    (iii)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza ta’ Didesmococcus unifasciatus, Euzophera semifuneralis, Hoplolaimus galeatus, Lepidosaphes pistaciae, Maconellicoccus hirsutus, Nipaecoccus viridis, Pochazia shantungensis u Russellaspis pustulans, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 % għal kull pest;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’; u

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1457/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top