Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1109

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1109 tal-10 ta’ April 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti u tal-proċeduri amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni, għas-sorveljanza u għall-infurzar tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tas-sistemi tal-ajru ċċertifikati mingħajr bdot abbord, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203

    C/2024/2000

    ĠU L, 2024/1109, 23.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1109/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1109/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1109

    23.5.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1109

    tal-10 ta’ April 2024

    li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti u tal-proċeduri amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni, għas-sorveljanza u għall-infurzar tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tas-sistemi tal-ajru ċċertifikati mingħajr bdot abbord, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(14) u (15), il-punti (a), (b) u (c) u l-Artikolu 72(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, ir-rekwiżiti dettaljati tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà għas-sistemi tal-ajru ċċertifikati mingħajr bdot abbord (UAS) operati fil-kategorija “speċifika” u li għalihom irid jinkiseb ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà, u l-komponenti tagħhom, u għall-organizzazzjonijiet u l-persunal involuti f’dawk l-attivitajiet huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1107 (2).

    (2)

    Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dawk ir-rekwiżiti dettaljati tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti li jridu japplikaw l-awtoritajiet kompetenti. Dawk ir-regoli u l-proċeduri jenħtieġ li jkunu jirriflettu r-rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 (3), iżda fl-istess ħin jiġu adattati għall-qafas speċifiku tal-UAS.

    (3)

    Barra minn hekk, biex jiġu ġestiti r-riskji għas-sikurezza li jinħolqu mit-theddid għas-sigurtà tal-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru ċċertifikati mingħajr bdot abbord u l-komponenti tagħhom jeħtieġ japplikaw ir-rekwiżiti għall-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/203 (4). Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 jenħtieġ li jiġi emendat biex fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkun jinkludi wkoll dawk l-awtoritajiet kompetenti.

    (4)

    L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jiżguraw il-konformità mar-regoli u l-proċeduri l-ġodda għall-valutazzjoni tal-konformità tal-UAS iċċertifikati mar-rekwiżiti dettaljati tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà, u għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Mejju 2025. Madankollu, ir-rekwiżiti għall-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu differiti sakemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 isir applikabbli.

    (5)

    L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea assistiet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punti (b) u (c) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u ppreżentat l-Opinjoni relatata Nru 03/2023 (5) lill-Kummissjoni nhar il-31 ta’ Awwissu 2023.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti bl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jridu japplikaw l-awtoritajiet kompetenti għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dettaljati tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS)” tfisser inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif definit fl-Artikolu 3(30) tar-Regolament (UE) 2018/1139, u l-unità tal-kontroll u tal-monitoraġġ tiegħu;

    (b)

    “unità tal-kontroll u tal-monitoraġġ (CMU)” tfisser it-tagħmir għall-kontroll mill-bogħod tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif definit fl-Artikolu 3(32) tar-Regolament (UE) 2018/1139;

    (c)

    “komponent” tfisser kwalunkwe magna, skrun jew parti mill-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord (UA), jew xi element tal-unità tal-kontroll u tal-monitoraġġ;

    (d)

    “kontinwità tal-ajrunavigabbiltà” tfisser il-proċessi kollha li jiżguraw li, f’kull ħin tul il-ħajja operattiva tagħha, is-sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord tikkonforma mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà applikabbli u tkun f’kundizzjoni ta’ operazzjoni sikura;

    (e)

    “manutenzjoni” tfisser xi waħda jew kombinament tal-attivitajiet li ġejjin: tiġdid, tiswija, spezzjoni, sostituzzjoni, modifika jew rettifika ta’ difett ta’ sistema jew komponent ta’ inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, għajr l-ispezzjoni ta’ qabel it-titjira;

    (f)

    “organizzazzjoni” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika jew parti minn persuna ġuridika, li tista’ tkun stabbilita f’aktar minn post wieħed, sew fit-territorju tal-Istati Membri u sew le;

    (g)

    “spezzjoni ta’ qabel titjira” tfisser l-ispezzjoni li ssir qabel it-titjira biex ikun żgurat li l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord ikun tajjeb għat-titjira maħsuba;

    (h)

    “post prinċipali tan-negozju” tfisser is-sede ewlenija jew l-uffiċċju rreġistrat tal-impriża li fih jitwettqu l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv tal-attivitajiet imsemmija f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Awtoritajiet kompetenti

    1.   Stat Membru għandu jaħtar entità waħda jew aktar bħala l-awtorità kompetenti bis-setgħat u r-responsabbiltajiet allokati meħtieġa biex twettaq il-kompiti taċ-ċertifikazzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    2.   Is-sistemi tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru msemmija fil-paragrafu 1 u tal-Aġenzija għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness.

    3.   Jekk Stat Membru jaħtar aktar minn entità waħda bħala l-awtorità kompetenti, dan irid jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    l-oqsma ta’ kompetenza ta’ kull entità għandhom jiġu definiti b’mod ċar, b’mod partikolari mil-lat tar-responsabbiltajiet u l-limitazzjonijiet ġeografiċi;

    (b)

    għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn dawk l-entitajiet biex ikun żgurat it-twettiq effettiv tal-kompiti taċ-ċertifikazzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

    4.   Meta tkun meħtieġa twettaq kompiti taċ-ċertifikazzjoni, tas-sorveljanza jew tal-infurzar, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li:

    (a)

    teżamina r-rekords, id-data, il-proċeduri, u kull materjal ieħor rilevanti biex twettaq il-kompiti taċ-ċertifikazzjoni, tas-sorveljanza jew tal-infurzar;

    (b)

    tagħmel kopji jew tislet minn dawk ir-rekords, id-data, il-proċeduri u materjal ieħor;

    (c)

    titlob spjegazzjoni orali fuq il-post mingħand membru tal-persunal ta’ dawk l-organizzazzjonijiet;

    (d)

    taċċessa l-binjiet, is-siti operatorji jew il-mezzi tat-trasport rilevanti;

    (e)

    twettaq awditjar, investigazzjonijiet, valutazzjonijiet, spezzjonijiet, li jinkludu spezzjonijiet għal għarrieda, fir-rigward ta’ dawk l-organizzazzjonijiet;

    (f)

    twettaq jew tniedi miżuri tal-infurzar skont kif xieraq.

    5.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli tal-Istat Membru rilevanti.

    Artikolu 4

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/203 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2 jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

    “3a.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Anness I (Parti-AR.UAS) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1109 (*1).

    (*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1109 tal-10 ta’ April 2024 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-awtorità kompetenti u l-proċeduri amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni, għas-sorveljanza u għall-infurzar tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tas-sistemi ċċertifikati tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203(ĠU L, 2024/1109, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1109/oj ”;"

    (2)

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    “2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(2), (3) u (3a) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I (Parti-IS.AR) ta’ dan ir-Regolament.”

    .

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2025.

    Madankollu, il-punti AR.UAS.GEN.125(c), AR.UAS.GEN.135 A, AR.UAS.GEN.200(e) u AR.UAS.GEN.205(c) tal-Anness għandhom japplikaw mit-22 ta’ Frar 2026.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1107 tat-13 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tas-sistemi tal-inġenji tal-ajru ċċertifikati mingħajr bdot abbord u l-komponenti tagħhom, u dwar l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet u tal-persunal involuti f’dawn il-kompiti (ĠU L, 2024/1107, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1107/oj).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1321/oj).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/203 tas-27 ta’ Ottubru 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni għall-organizzazzjonijiet koperti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 1178/2011, (UE) 2015/340, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664, u għall-awtoritajiet kompetenti koperti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, (UE) Nru 1321/2014, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 1178/2011, (UE) 2015/340 u (UE) Nru 139/2014, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664 u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, (UE) Nru 748/2012, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 139/2014, (UE) Nru 1321/2014, (UE) 2015/340, u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664 (ĠU L 31, 2.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/203/oj).

    (5)   https://www.easa.europa.eu/en/document-library/opinions.


    ANNESS

    KONTINWITÀ TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ TAL-UAS – REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ

    (il-Parti-AR.UAS)

    WERREJ

    SUBPARTI GEN —

    REKWIŻITI ĠENERALI

    AR.UAS.GEN.005

    Ambitu

    AR.UAS.GEN.010

    Awtorità kompetenti

    AR.UAS.GEN.115

    Dokumentazzjoni tas-sorveljanza

    AR.UAS.GEN.120

    Mezzi tal-konformità

    AR.UAS.GEN.125

    Informazzjoni lill-Aġenzija

    AR.UAS.GEN.135

    Reazzjoni immedjata għal problema tas-sikurezza

    AR.UAS.GEN.135A

    Reazzjoni immedjata għal inċident jew vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni

    AR.UAS.GEN.200

    Sistema tal-ġestjoni

    AR.UAS.GEN.205

    Allokazzjoni tal-kompiti

    AR.UAS.GEN.210

    Bidliet fis-sistema tal-ġestjoni

    AR.UAS.GEN.220

    Żamma tar-rekords

    AR.UAS.GEN.300

    Prinċipji tas-sorveljanza

    AR.UAS.GEN.305

    Programm tas-sorveljanza — organizzazzjonijiet

    AR.UAS.GEN.310

    Proċedura taċ-ċertifikazzjoni inizjali — organizzazzjonijiet

    AR.UAS.GEN.330

    Bidliet — organizzazzjonijiet

    AR.UAS.GEN.350

    Sejbiet, azzjonijiet korrettivi u osservazzjonijiet — organizzazzjonijiet

    AR.UAS.GEN.351

    Sejbiet u azzjonijiet korrettivi — UAS

    AR.UAS.GEN.355

    Sospensjoni, limitazzjoni u revoka ta’ ċertifikat

    SUBPARTI CAW —

    AJRUNAVIGABBILTÀ TAL-UAS

    AR.UAS.CAW.005

    Ambitu

    AR.UAS.CAW.303

    Monitoraġġ tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-UAS

    AR.UAS.CAW.902

    Reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà mwettqa mill-awtorità kompetenti

    Appendiċi —

    Ċertifikat tal-Parti-CAO.UAS — il-Formola 3-CAO.UAS tal-EASA

    SUBPARTI GEN

    REKWIŻITI ĠENERALI

    AR.UAS.GEN.005   Ambitu

    Dan l-Anness jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kompiti taċ-ċertifikazzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sistema amministrattiva u maniġerjali li trid tissodisfa l-awtorità kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    AR.UAS.GEN.010   Awtorità kompetenti

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tkun:

    (a)

    għas-sorveljanza tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-UA individwali u l-ħruġ taċ-ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà (ARCs), l-awtorità maħtura mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-UA. Dik l-awtorità għandha tkun responsabbli wkoll għas-sorveljanza tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tas-CMU sal-punt li din tapplika għall-UA irreġistrat f’dak l-Istat Membru;

    (b)

    għas-sorveljanza tal-organizzazzjoni kif speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2024/1107:

    (i)

    l-awtorità maħtura mill-Istat Membru tal-post prinċipali tan-negozju ta’ dik l-organizzazzjoni, jew minn Stat Membru ieħor jekk ir-responsabbiltà tkun ġiet riallokata lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2018/1139;

    (ii)

    l-Aġenzija jekk ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-post prinċipali tan-negozju ta’ dik l-organizzazzjoni tkun ġiet riallokata f’konformità mal-Artikolu 64 jew l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    AR.UAS.GEN.115   Dokumentazzjoni tas-sorveljanza

    L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-atti leġiżlattivi, l-istandards, ir-regoli, il-pubblikazzjonijiet tekniċi, u d-dokumenti relatati kollha lill-persunal rilevanti biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu u jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu.

    AR.UAS.GEN.120   Mezzi tal-konformità

    (a)

    L-Aġenzija għandha tiżviluppa mezzi tal-konformità aċċettabbli (“AMC”) li jistgħu jintużaw biex tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    (b)

    Jistgħu jintużaw ukoll mezzi tal-konformità alternattivi biex tiġi stabbilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (c)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar kull mezz tal-konformità alternattiv użat mill-organizzazzjonijiet fis-sorveljanza tagħhom jew minnhom stess biex jistabbilixxu l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    AR.UAS.GEN.125   Informazzjoni lill-Aġenzija

    (a)

    L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tinnotifika lill-Aġenzija jekk tinqala’ xi problema sinifikanti bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta l-awtorità ssir konxja tal-problemi.

    (b)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija malajr kemm jista’ jkun informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li toħroġ mir-rapporti tal-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014.

    (c)

    L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tipprovdi lill-Aġenzija malajr kemm jista’ jkun l-informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li toħroġ mir-rapporti dwar is-sigurtà tal-informazzjoni li tkun irċeviet skont il-punt CAO.UAS.102(b) tal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    AR.UAS.GEN.135   Reazzjoni immedjata għal problema tas-sikurezza

    (a)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred kif xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza.

    (b)

    L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza sew kull informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza li tirċievi, u biex mingħajr dewmien żejjed tipprovdi lill-awtorità rilevanti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni kull informazzjoni, inkluż rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li jridu jittieħdu, li tkun meħtieġa biex jirreaġixxu fil-ħin għal xi problema tas-sikurezza li tkun tinvolvi UAS, komponenti tal-UAS, persuni jew organizzazzjonijiet li huma soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    (c)

    Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza l-problema tas-sikurezza.

    (d)

    L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika minnufih il-miżuri meħuda skont il-punt (c) lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġ jikkonformaw magħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

    AR.UAS.GEN.135   A Reazzjoni immedjata għal inċident jew vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni

    (a)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred b’mod xieraq informazzjoni relatata mal-inċidenti u l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni li jirrappurtaw l-organizzazzjonijiet. Dan għandu jsir b’koordinazzjoni ma’ kull awtorità rilevanti oħra responsabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni jew għaċ-ċibersigurtà fl-Istat Membru biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kompatibbiltà tal-iskemi tar-rappurtar.

    (b)

    L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza sew kull informazzjoni rilevanti sinifikanti għas-sikurezza li hija tirċievi f’konformità mal-punt AR.UAS.GEN.125(c) u biex mingħajr dewmien żejjed tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kull informazzjoni, inkluż rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li jridu jittieħdu, li tkun meħtieġa biex jirreaġixxu fil-ħin għal inċident jew vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni li jinvolvu UAS, komponenti tal-UAS, persuni jew organizzazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    (c)

    Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza l-impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni tal-inċident jew tal-vulnerabbiltà fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni.

    (d)

    Il-miżuri meħuda f’konformità mal-punt (c) għandhom jiġu notifikati minnufih lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġ jikkonformaw magħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

    AR.UAS.GEN.200   Sistema tal-ġestjoni

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u tħaddem sistema tal-ġestjoni, li tkun tinkludi mill-anqas:

    (1)

    politiki u proċeduri dokumentati biex jiddeskrivu l-organizzazzjoni tagħha, il-mezzi u l-metodi biex tinkiseb il-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati, u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi f’dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha tagħha;

    (2)

    għadd biżżejjed ta’ persunal biex iwettaq il-kompiti tagħha u jaqdi r-responsabbiltajiet tagħha. Għandu jkun hemm sistema fis-seħħ biex tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-persunal ħalli tkun żgurata t-tlestija sew tal-kompiti kollha;

    (3)

    persunal ikkwalifikat biex iwettaq il-kompiti allokati lilu u jkollu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa, kif ukoll it-taħriġ inizjali u rikorrenti meħtieġ biex jiżgura kompetenza kontinwa;

    (4)

    faċilitajiet adegwati u akkomodazzjoni fl-uffiċċji biex il-persunal iwettaq il-kompiti allokati lilu;

    (5)

    funzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità tas-sistema tal-ġestjoni mar-rekwiżiti rilevanti, u l-adegwatezza tal-proċeduri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċess tal-awditjar intern u proċess tal-ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza; il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema tar-rispons dwar is-sejbiet tal-awditjar lill-meniġment superjuri tal-awtorità kompetenti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi, kif meħtieġ;

    (6)

    persuna jew grupp ta’ persuni li jingħataw ir-responsabbiltà mill-maniġment superjuri tal-awtorità kompetenti biex jaqdu l-funzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha taħtar, għal kull qasam tal-attività tagħha, inkluż is-sistema tal-ġestjoni, persuna waħda jew diversi persuni li jingħataw ir-responsabbiltà ġenerali li jmexxu l-kompitu/i rilevanti.

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni bi skambju reċiproku tal-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa ma’ kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata, kemm jekk mill-istess Stat Membru jew minn Stati Membri oħra, inkluż dwar dan li ġej:

    (1)

    is-sejbiet indikati kollha u kull azzjoni ta’ segwitu meħuda wara s-sorveljanza tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li jkunu ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija;

    (2)

    l-informazzjoni li toħroġ mir-rappurtar obbligatorju u volontarju tal-okkorrenzi kif jeżiġi l-punt CAO.UAS.120 tal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    (d)

    Il-proċeduri relatati mas-sistema tal-ġestjoni u l-emendi tagħhom għandhom isiru disponibbli għall-Aġenzija għall-fini ta’ standardizzazzjoni.

    (e)

    Minbarra r-rekwiżiti tal-punt (a), is-sistema tal-ġestjoni stabbilita u mħaddma mill-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-Anness I (il-Parti-IS.AR) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 biex tiżgura l-ġestjoni sew tar-riskji tas-sigurtà tal-informazzjoni li jaf iħallu impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni.

    AR.UAS.GEN.205   Allokazzjoni tal-kompiti

    (a)

    L-awtorità kompetenti tista’ talloka kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni inizjali jew mas-sorveljanza kontinwa tal-organizzazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, lil entitajiet ikkwalifikati. Meta talloka l-kompiti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li din tkun:

    (1)

    stabbiliet sistema għal valutazzjoni inizjali u kontinwa jekk l-entità kkwalifikata tkunx konformi mal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139; dik is-sistema u r-riżultati tal-valutazzjonijiet għandhom jiġu dokumentati;

    (2)

    stabbiliet ftehim bil-miktub mal-entità kkwalifikata, li jkun approvat miż-żewġ partijiet fil-livell xieraq tal-meniġment, li jistabbilixxi:

    (i)

    il-kompiti li jridu jitwettqu;

    (ii)

    id-dikjarazzjonijiet, ir-rapporti u r-rekords li jridu jingħataw;

    (iii)

    il-kundizzjonijiet tekniċi li jridu jintlaħqu bit-twettiq ta’ dawk il-kompiti;

    (iv)

    il-kopertura tar-responsabbiltà relatata;

    (v)

    il-protezzjoni tal-informazzjoni miksuba waqt it-twettiq ta’ dawk il-kompiti.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-proċess tal-awditjar intern u l-proċess tal-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza, stabbiliti skont il-punt AR.UAS.GEN.200(a)(5), ikunu jkopru l-kompiti kollha taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza kontinwa li twettaq l-entità kkwalifikata f’isimha.

    (c)

    Għaċ-ċertifikazzjoni u għas-sorveljanza tal-konformità tal-organizzazzjoni mal-punt CAO.UAS.102 tal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, l-awtorità kompetenti tista’ talloka kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati f’konformità mal-punt (a), jew lil xi awtorità rilevanti responsabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni jew għaċ-ċibersigurtà fl-Istat Membru; meta tkun qed talloka l-kompiti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:

    (1)

    l-aspetti kollha relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni huma kkoordinati u jiġu kkunsidrati mill-entità kkwalifikata jew mill-awtorità rilevanti;

    (2)

    ir-riżultati tal-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza mwettqa mill-entità kkwalifikata jew mill-awtorità rilevanti jiġu integrati fil-fajls ġenerali taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza tal-organizzazzjoni;

    (3)

    is-sistema tal-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni tagħha stess, stabbilita skont il-punt AR.UAS.GEN.200(e), tkun tkopri l-kompiti kollha taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza kontinwa mwettqa f’isimha.

    AR.UAS.GEN.210   Bidliet fis-sistema tal-ġestjoni

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema stabbilita biex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompiti u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. Dik is-sistema għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti tieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiżgura li s-sistema tal-ġestjoni tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha taġġorna s-sistema tal-ġestjoni tagħha fil-ħin biex tkun tirrifletti kull bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, ħalli tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija kull bidla li tkun taffettwa l-kompetenza tagħha li twettaq il-kompiti u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha kif previst fir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    AR.UAS.GEN.220   Żamma tar-rekords

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi sistema taż-żamma tar-rekords li tippermetti ħżin xieraq, aċċessibbiltà u traċċabbiltà affidabbli:

    (1)

    tal-politiki u l-proċeduri dokumentati tas-sistema tal-ġestjoni;

    (2)

    tat-taħriġ, il-kwalifiki u l-awtorizzazzjonijiet tal-persunal tagħha;

    (3)

    tal-allokazzjoni tal-kompiti, li jkopru l-elementi meħtieġa mill-punt AR.UAS.GEN.205, u d-dettalji tal-kompiti allokati;

    (4)

    tal-proċessi taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza kontinwa tal-organizzazzjonijiet iċċertifikati, inkluż:

    (i)

    tal-applikazzjoni għal ċertifikat tal-organizzazzjoni;

    (ii)

    tal-programm tas-sorveljanza kontinwa tal-awtorità kompetenti, inkluż ir-rekords kollha tal-valutazzjonijiet, tal-awditjar u tal-ispezzjonijiet;

    (iii)

    iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni, inkluż kull bidla fih;

    (iv)

    il-programm tas-sorveljanza li jelenka d-dati meta jmisshom isiru l-awditi u meta saru;

    (v)

    il-korrispondenza formali kollha;

    (vi)

    ir-rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ jew it-tkomplija ta’ ċertifikat, dettalji dwar is-sejbiet indikati u l-azzjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet biex jagħlqu dawk is-sejbiet, inkluż id-data tal-għeluq, l-eżenzjonijiet, l-azzjonijiet tal-infurzar u l-osservazzjonijiet;

    (vii)

    kull valutazzjoni, awditjar u rapport ta’ spezzjoni maħruġ minn awtorità kompetenti oħra skont il-punt AR.UAS.GEN.300(d);

    (viii)

    l-espożizzjonijiet jew il-manwali kollha tal-organizzazzjoni, u kull emenda fihom;

    (ix)

    kull dokument ieħor approvat mill-awtorità kompetenti;

    (5)

    fir-rigward tal-UAS fis-sorveljanza tal-awtorità kompetenti, il-proċess tas-sorveljanza tal-UAS, inkluż:

    (i)

    iċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà tal-UA;

    (ii)

    l-ARCs;

    (iii)

    rapporti mir-reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà mwettqa mill-awtorità kompetenti stess;

    (iv)

    kull korrispondenza rilevanti relatata mal-UAS;

    (v)

    dettalji dwar kull eżenzjoni u azzjoni(jiet) tal-infurzar;

    (vi)

    kull dokument approvat mill-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan l-Anness;

    (6)

    dokumenti ta’ appoġġ għall-użu ta’ mezzi tal-konformità alternattivi;

    (7)

    informazzjoni dwar is-sikurezza mogħtija f’konformità mal-punt AR.UAS.GEN.125 u l-miżuri ta’ segwitu;

    (8)

    l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u ta’ flessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 70, l-Artikoli 71(1) u 76(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista taċ-ċertifikati kollha tal-organizzazzjoni li tkun ħarġet.

    (c)

    Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, ħlief għar-rekords imsemmija fil-punt (a)(5) li għandhom jinżammu għal 3 snin wara li l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jitneħħa għalkollox mir-reġistru nazzjonali tal-Istat Membru.

    (d)

    Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom isiru disponibbli, meta jintalbu, għall-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew għall-Aġenzija.

    AR.UAS.GEN.300   Prinċipji tas-sorveljanza

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tivverifika:

    (1)

    il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet jew għall-UAS qabel toħroġ xi ċertifikat, approvazzjoni jew awtorizzazzjoni, kif applikabbli;

    (2)

    il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli tal-organizzazzjonijiet li tkun iċċertifikat;

    (3)

    il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli għall-UAS fis-sorveljanza tagħha;

    (4)

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-sikurezza xierqa approvati mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punti AR.UAS.GEN.135(c) u (d).

    (b)

    Din il-verifika għandha:

    (1)

    tkun appoġġata minn dokumentazzjoni maħsuba speċifikament biex tipprovdi gwida lill-persunal responsabbli mis-sorveljanza dwar kif irid jaqdi l-funzjonijiet tiegħu;

    (2)

    tipprovdi r-riżultati tal-attivitajiet tas-sorveljanza lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati;

    (3)

    tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet, awditjar, spezzjonijiet, stħarriġiet u, jekk meħtieġ, spezzjonijiet għal għarrieda;

    (4)

    tipprovdi l-evidenza meħtieġa lill-awtorità kompetenti jekk ikun hemm bżonn azzjoni ulterjuri, inkluż il-miżuri previsti fil-punti AR.UAS.GEN.350 u AR.UAS.GEN.351.

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-ambitu tas-sorveljanza stabbilita fil-punti (a) u (b) filwaqt li tqis ir-riżultati tal-attivitajiet tas-sorveljanza preċedenti u l-prijoritajiet tas-sikurezza.

    (d)

    Jekk il-faċilitajiet ta’ organizzazzjoni jkunu qegħdin f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtorità kompetenti, kif previst fil-punt AR.UAS.GEN.010, tista’ tiftiehem biex il-kompiti tas-sorveljanza jitwettqu mill-awtorità(jiet) kompetenti tal-Istat(i) Membru/i fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet. Kull organizzazzjoni soġġetta għal dan il-ftehim għandha tiġi infurmata bl-eżistenza tiegħu u bl-ambitu tiegħu.

    (e)

    Għal kull attività tas-sorveljanza li titwettaq f’faċilitajiet li jkunu qegħdin fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, l-awtorità kompetenti, kif previst fil-punt AR.UAS.GEN.010, għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel twettaq xi awditjar jew spezzjoni fuq il-post tal-faċilitajiet.

    (f)

    L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tipproċessa kull informazzjoni meqjusa meħtieġa biex twettaq l-attivitajiet tas-sorveljanza.

    AR.UAS.GEN.305   Programm tas-sorveljanza — organizzazzjonijiet

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u tħaddem programm tas-sorveljanza li jkopri l-attivitajiet tas-sorveljanza meħtieġa mill-punt AR.UAS.GEN.300.

    (b)

    Għall-organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-awtorità kompetenti, il-programm tas-sorveljanza għandu jqis in-natura speċifika tal-organizzazzjoni, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati tal-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni u/jew tas-sorveljanza li jkunu saru, u għandu jistrieħ fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. F’kull ċiklu tal-ippjanar tas-sorveljanza, għandu jinkludi:

    (1)

    valutazzjonijiet, awditjar u spezzjonijiet, inkluż, kif xieraq:

    (i)

    awditjar tal-proċessi;

    (ii)

    awditi tal-prodotti minn kampjun rilevanti tal-inġenji tal-ajru ġestiti mill-organizzazzjoni, jew tal-manutenzjoni mwettqa mill-organizzazzjoni, jew it-tnejn li huma, kif applikabbli;

    (iii)

    kampjunar tar-reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà mwettqa;

    (iv)

    spezzjonijiet għal għarrieda;

    (2)

    laqgħat bejn il-meniġer responsabbli u l-awtorità kompetenti biex ikun żgurat li ż-żewġ partijiet jibqgħu infurmati dwar il-kwistjonijiet sinifikanti kollha.

    (c)

    Għall-organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-awtorità kompetenti, iċ-ċiklu tal-ippjanar tas-sorveljanza ma għandux jaqbeż l-24 xahar.

    (d)

    Iċ-ċiklu tal-ippjanar tas-sorveljanza jista’ jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni tkun naqset.

    (e)

    Il-programm tas-sorveljanza għandu jinkludi rekords tad-dati meta jmisshom isiru l-valutazzjonijiet, l-awditjar, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat, u meta jkunu saru effettivament.

    (f)

    Wara t-tlestija ta’ kull ċiklu tal-ippjanar tas-sorveljanza, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ rapport ta’ rakkomandazzjoni dwar it-tkomplija tal-approvazzjoni, li jkun jirrifletti r-riżultati tas-sorveljanza.

    AR.UAS.GEN.310   Proċedura taċ-ċertifikazzjoni inizjali — organizzazzjonijiet

    (a)

    Malli tirċievi applikazzjoni mingħand organizzazzjoni għall-ħruġ inizjali ta’ ċertifikat, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli.

    (b)

    Laqgħa mal-meniġer responsabbli tal-organizzazzjoni għandha tissejjaħ imqar darba waqt l-investigazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni inizjali biex ikun żgurat li dik il-persuna tifhem ir-rwol u r-responsabbiltà tagħha.

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra kull sejba maħruġa, kull azzjoni tal-għeluq u kull rakkomandazzjoni għall-ħruġ taċ-ċertifikat.

    (d)

    L-awtorità kompetenti għandha tikkonferma mal-organizzazzjoni bil-miktub is-sejbiet kollha li tkun indikat waqt il-verifika. Għaċ-ċertifikazzjoni inizjali, is-sejbiet kollha jridu jkunu ġew ikkoreġuti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

    (e)

    Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha:

    (1)

    toħroġ iċ-ċertifikat f’konformità mal-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

    (2)

    tapprova formalment il-manwal tal-organizzazzjoni.

    (f)

    In-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat għandu jiġi inkluż fiċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni bil-mod kif speċifikat mill-Aġenzija.

    (g)

    Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ għal perjodu bla limitu. Il-privileġġi u l-ambitu tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni tkun approvata biex twettaq, inkluż kull limitazzjoni kif applikabbli, għandhom jiġu speċifikati fit-termini tal-approvazzjoni mehmuża maċ-ċertifikat.

    (h)

    Biex l-organizzazzjoni tkun tista’ timplimenta bidliet mingħajr l-approvazzjoni bil-quddiem tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt CAO.UAS.105 tal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-proċedura manwali tal-organizzazzjoni rilevanti li tistabbilixxi l-ambitu ta’ tawn il-bidliet u tiddeskrivi kif dawn il-bidliet għandhom jiġu ġestiti u notifikati lill-awtorità kompetenti.

    AR.UAS.GEN.330   Bidliet — organizzazzjonijiet

    (a)

    Malli tirċievi applikazzjoni għal bidla li tkun teħtieġ approvazzjoni bil-quddiem, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli qabel toħroġ l-approvazzjoni.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-organizzazzjoni tkun tista’ topera waqt il-bidla, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeterminax li ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni jeħtieġ jiġi sospiż.

    (c)

    Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-bidla.

    (d)

    Mingħajr preġudizzju għal xi miżura tal-infurzar addizzjonali, jekk l-organizzazzjoni timplimenta bidliet li jkunu jeħtieġu approvazzjoni bil-quddiem mingħajr ma tkun kisbet l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt (c), l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tissospendi, tillimita jew tirrevoka ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni.

    (e)

    Għall-bidliet li jeħtieġu approvazzjoni bil-quddiem, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi r-rieżami ta’ dawn il-bidliet fis-sorveljanza kontinwa tagħha f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-punt AR.UAS.GEN.300. Jekk tinstab xi nonkonformità, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni, titlob bidliet ulterjuri, u taġixxi skont il-punt AR.UAS.GEN.350.

    AR.UAS.GEN.350   Sejbiet, azzjonijiet korrettivi u osservazzjonijiet — organizzazzjonijiet

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema stabbilita biex tanalizza s-sejbiet skont is-sinifikanza tagħhom għas-sikurezza.

    (b)

    Sejba tal-livell 1 għandha toħroġha l-awtorità kompetenti meta tinstab xi nonkonformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u l-manwali tal-organizzazzjoni, jew maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni, inkluż it-termini tal-approvazzjoni, li tnaqqas is-sikurezza jew tipperikola serjament is-sikurezza tat-titjir.

    Is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu wkoll:

    (1)

    kull nuqqas ta’ għoti tal-aċċess lill-awtorità kompetenti għall-faċilitajiet tal-organizzazzjoni msemmija fil-punt CAO.UAS.112 tal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat 2024/1107 tul is-sigħat normali tat-tħaddim u wara żewġ talbiet bil-miktub;

    (2)

    il-kisba taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni jew iż-żamma tal-validità tiegħu bil-falsifikazzjoni tal-evidenza dokumentarja mressqa;

    (3)

    kull evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu frawdulenti taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni;

    (4)

    in-nuqqas ta’ meniġer responsabbli.

    (c)

    Sejba tal-livell 2 għandha toħroġha l-awtorità kompetenti meta tinstab xi nonkonformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u l-manwali tal-organizzazzjoni, jew maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni, inkluż it-termini tal-approvazzjoni, li ma tkunx ikklassifikata bħala sejba tal-livell 1.

    (d)

    Meta tinstab sejba waqt is-sorveljanza jew b’xi mezz ieħor, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr preġudizzju għal xi azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, tikkomunika bil-miktub is-sejba lill-organizzazzjoni u titlob azzjoni korrettiva li tindirizza n-nonkonformità identifikata. Jekk sejba tal-livell 1 tkun relatata direttament ma’ UA jew ma’ CMU, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti speċifikata fil-punt AR.UAS.GEN.010(a), jekk din tkun differenti mill-awtorità kompetenti li tindika s-sejba.

    (1)

    Jekk ikun hemm sejba tal-livell 1, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjoni minnufih u xierqa biex tipprojbixxi jew tillimita l-attivitajiet tal-organizzazzjoni kkonċernata u, jekk xieraq, għandha tieħu azzjoni biex tirrevoka ċ-ċertifikat jew biex tissospendih jew tillimitah għalkollox jew parzjalment, skont il-firxa tas-sejba tal-livell 1, sakemm l-organizzazzjoni jirnexxilha twettaq azzjoni korrettiva.

    (2)

    Jekk ikun hemm sejba tal-livell 2, l-awtorità kompetenti għandha:

    (i)

    tipprovdi perjodu ta’ implimentazzjoni lill-organizzazzjoni għal azzjoni korrettiva xierqa skont in-natura tas-sejba u li, fi kwalunkwe każ, għall-ewwel ma għandux ikun itwal minn 3 xhur. Il-perjodu għandu jibda mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tas-sejba lill-organizzazzjoni. Fi tmiem dak il-perjodu, u soġġett għan-natura tas-sejba, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ 3 xhur;

    (ii)

    tivvaluta l-pjan tal-azzjoni korrettiva propost mill-organizzazzjoni, u jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li dan ikun biżżejjed biex tiġi indirizzata n-nonkonformità, din għandha taċċettah.

    (3)

    Jekk l-organizzazzjoni tonqos milli tressaq pjan tal-azzjoni korrettiva aċċettabbli, jew tonqos milli twettaq l-azzjoni korrettiva fil-perjodu aċċettat inizjalment jew estiż ulterjorment mill-awtorità kompetenti, is-sejba għandha tittella’ għal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni f’konformità mal-punt (d)(1).

    (4)

    L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra s-sejbiet kollha li tkun indikat jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha f’konformità mal-punt (e) u, meta applikabbli, il-miżuri tal-infurzar li tkun applikat, u l-azzjonijiet korrettivi kollha u d-dati tal-għeluq tal-azzjoni għas-sejbiet kollha.

    (e)

    Mingħajr preġudizzju għal kull miżura tal-infurzar addizzjonali, jekk meta awtorità li tkun qed twettaq il-kompiti tas-sorveljanza skont il-punt AR.UAS.GEN.300(d) tidentifika xi nonkonformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, minn organizzazzjoni ċċertifikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, din għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti u tagħti indikazzjoni tal-livell tas-sejba.

    (f)

    L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ osservazzjonijiet għal kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li ma jeħtiġux sejba tal-livell 1 jew tal-livell 2:

    (1)

    għal kwalunkwe element li l-prestazzjoni tiegħu tkun ġiet ivvalutata bħala ineffettiva;

    (2)

    meta jinstab element li jkollu l-potenzjal jikkawża nonkonformità skont il-punti (b) jew (c);

    (3)

    meta s-suġġerimenti jew it-titjib ikunu fl-interess tal-prestazzjoni ġenerali tas-sikurezza tal-organizzazzjoni.

    L-osservazzjonijiet maħruġa skont dan il-punt għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub lill-organizzazzjoni u jiġu rreġistrati mill-awtorità kompetenti.

    AR.UAS.GEN.351   Sejbiet u azzjonijiet korrettivi — UAS

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema stabbilita biex tanalizza s-sejbiet skont is-sinifikanza tagħhom għas-sikurezza.

    (b)

    Sejba tal-livell 1 hija sejba ta’ nonkonformità sinifikanti tal-UAS mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, li tnaqqas is-sikurezza jew tipperikola serjament is-sikurezza tat-titjir.

    (c)

    Sejba tal-livell 2 hija sejba ta’ nonkonformità tal-UAS mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, li mhix ikklassifikata bħala sejba tal-livell 1.

    (d)

    Jekk waqt l-istħarriġiet tal-inġenji tal-ajru jew b’mezzi oħra tinstab evidenza li turi n-nonkonformità tal-UAS mar-rekwiżiti tal-UAS tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, l-awtorità kompetenti għandha:

    (1)

    għas-sejbiet tal-livell 1, teżiġi minnufih pjan ta’ azzjoni korrettiva li jkun fih il-korrezzjonijiet li jridu jsiru qabel aktar titjir u, jekk xieraq, tirrevoka jew tissospendi l-ARC; u

    (2)

    għas-sejbiet tal-livell 2, teżiġi pjan ta’ azzjoni korrettiva, kif xieraq skont in-natura tas-sejba.

    AR.UAS.GEN.355   Sospensjoni, limitazzjoni u revoka ta’ ċertifikat

    L-awtorità kompetenti għandha:

    (a)

    tissospendi ċertifikat meta jkun jidhrilha li hemm raġunijiet validi biex dik l-azzjoni tkun meħtieġa ħalli tevita theddida kredibbli għas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord;

    (b)

    tissospendi, tirrevoka jew tillimita ċertifikat jekk dik l-azzjoni tkun meħtieġa f’konformità mal-punt AR.UAS.GEN.350 jew mal-punt AR.UAS.GEN.351;

    (c)

    tissospendi jew tillimita għalkollox jew parzjalment ċertifikat ta’ organizzazzjoni jekk xi ċirkostanzi imprevedibbli barra mill-kontroll tal-awtorità kompetenti jkunu jxekklu lill-ispetturi tagħha milli jaqdu r-responsabbiltajiet tas-sorveljanza tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ippjanar tas-sorveljanza.

    SUBPARTI CAW

    AJRUNAVIGABBILTÀ TAL-UAS

    AR.UAS.CAW.005   Ambitu

    Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li trid tissodisfa l-awtorità kompetenti meta twettaq il-kompiti tagħha u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tas-sorveljanza tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-UAS soġġetta għar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, u tal-ħruġ taċ-ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbilità (ARCs).

    AR.UAS.CAW.303   Monitoraġġ tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa programm ta’ stħarriġ li jħaddem approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-monitoraġġ tal-istatus tal-ajrunavigabbiltà tal-flotta tal-UAs fir-reġistru tagħha, u tal-unitajiet tal-kontroll u tal-monitoraġġ (CMUs) tagħhom.

    (b)

    Il-programm tal-istħarriġ għandu jinkludi stħarriġ tal-prodotti minn kampjun ta’ UA u CMUs, u għandu jkopri l-aspetti kollha tal-elementi ewlenin tar-riskji għall-ajrunavigabbiltà.

    (c)

    L-istħarriġ tal-prodotti għandu jieħu kampjuni mill-istandards tal-ajrunavigabbiltà miksuba, abbażi tar-rekwiżiti applikabbli, u għandu jidentifika s-sejbiet.

    (d)

    Kull sejba identifikata għandha tiġi kkategorizzata f’konformità mal-punt AR.UAS.GEN.351 u kkonfermata bil-miktub lill-persuna jew lill-organizzazzjoni responsabbli f’konformità mal-punt ML.UAS.201 tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    (e)

    L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra s-sejbiet u l-azzjonijiet tal-għeluq kollha.

    (f)

    Jekk waqt dawn l-istħarriġiet tinstab evidenza li turi nonkonformità ma’ dan l-Anness jew ma’ Annessi oħra, is-sejba għandha tiġi indirizzata kif speċifikat fl-Anness rilevanti.

    (g)

    Jekk tkun teħtieġ tiżgura azzjoni xierqa tal-infurzar, l-awtorità kompetenti għandha tiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra dwar kull nonkonformità identifikata f’konformità mal-punt (f).

    AR.UAS.CAW.902   Reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà mwettqa mill-awtorità kompetenti

    (a)

    Meta l-awtorità kompetenti twettaq ir-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u toħroġ l-ARC (il-Formola 15d tal-EASA) kif stabbilit fl-Appendiċi 2 tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, l-awtorità kompetenti għandha twettaq rieżami tal-ajrunavigabbiltà f’konformità mal-punt ML.UAS.903 tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandu jkollha persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà biex twettaq ir-reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà. Dan il-persunal għandu jkun konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (1)

    ikollu tal-anqas 3 snin esperjenza fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà;

    (2)

    ikollu lawrja jew liċenzja fil-qasam ajrunawtiku, jew kwalifika ekwivalenti;

    (3)

    ikun kiseb taħriġ xieraq fil-manutenzjoni ajrunawtika;

    (4)

    ikollu pożizzjoni li tawtorizzah jiffirma f’isem l-awtorità kompetenti.

    Minkejja l-punti (b)(1) sa (b)(4), ir-rekwiżit tal-punt (b)(2) jista’ jiġi sostitwit bi 3 snin esperjenza fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà, apparti l-esperjenza diġà meħtieġa mill-punt (b)(1).

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha żżomm rekord tal-persunal kollu tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà, li għandu jinkludi dettalji dwar kull kwalifika adegwata li jkollu l-persunal, u sommarju tal-esperjenza u t-taħriġ rilevanti fil-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà.

    (d)

    Waqt it-twettiq tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà, l-awtorità kompetenti għandu jkollha aċċess għad-data applikabbli, bħal dik speċifikata fil-punti ML.UAS.305 u ML.UAS.401 tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107.

    (e)

    Il-persunal li jwettaq ir-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà għandu joħroġ ARC (il-Formola 15d tal-EASA) kif stabbilit fl-Appendiċi 2 tal-Anness I (il-Parti-ML.UAS) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1107, mat-tlestija sodisfaċenti tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà.

    (f)

    Kull meta ċ-ċirkostanzi jiżvelaw li hemm theddida potenzjali għas-sikurezza, l-awtorità kompetenti għandha twettaq reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u toħroġ l-ARC hija stess.


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/376/oj).


    Appendiċi

    Ċertifikat tal-Parti-CAO.UAS — il-Formola 3-CAO.UAS tal-EASA

    (a)

    Fil-klassi(jiet) u l-klassifikazzjoni(jiet) tal-approvazzjoni stabbiliti mill-awtorità kompetenti, l-ambitu tax-xogħol speċifikat fil-manwal tal-organizzazzjoni jiddefinixxi l-limiti eżatti tal-approvazzjoni. Għalhekk, hu essenzjali li l-klassi(jiet) u l-klassifikazzjoni(jiet) tal-approvazzjoni u l-ambitu tax-xogħol tal-organizzazzjoni jkunu jaqblu.

    (b)

    Klassifikazzjoni tal-UAS, fir-rigward tal-privileġġi tal-manutenzjoni tal-UA jew tas-CMU, tfisser li l-organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS tista’, f’konformità mal-ambitu tal-ħidma speċifikat fil-manwal tal-organizzazzjoni, twettaq manutenzjoni fuq il-UA, fuq is-CMU, jew fuq it-tnejn. Din l-organizzazzjoni tista’ twettaq ukoll manutenzjoni fuq il-komponenti (inkluż il-magni) f’konformità mad-data dwar il-manutenzjoni tal-UA jew tas-CMU jew, jekk maqbul mill-awtorità kompetenti, f’konformità mad-data dwar il-manutenzjoni tal-komponenti, biss meta dawk il-komponenti jkunu mmuntati fil-UA jew fis-CMU. Madankollu, din l-organizzazzjoni tista’ tneħħi temporanjament komponent għall-manutenzjoni biex ittejjeb l-aċċess għal dak il-komponent, għajr meta t-tneħħija tiegħu tkun toħloq il-ħtieġa ta’ manutenzjoni addizzjonali li l-organizzazzjoni ma tkunx approvata li twettaq. Din it-tneħħija ta’ komponent għall-manutenzjoni minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni kklassifikata tal-UAS għandha tkun soġġetta għal proċedura tal-kontroll speċifikata fil-manwal tal-organizzazzjoni.

    Fi klassifikazzjoni ta’ UAS, l-organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS tista’ tiġi approvata wkoll, f’konformità mal-ambitu tax-xogħol speċifikat fil-manwal tal-organizzazzjoni, biex tinstalla CMUs, biex timmaniġġja l-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-UAS, biex twettaq reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà, u biex toħroġ permessi għat-titjir.

    (c)

    Klassifikazzjoni ta’ magna kompluta (magna bit-turbini, b’pistuni, elettrika, jew oħrajn) tfisser li l-organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS tista’ twettaq manutenzjoni fuq il-magna mhux installata u fuq il-komponenti tal-magna mhux installata, f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-magna jew, bi qbil mal-awtorità kompetenti, f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-komponenti, biss meta dawk il-komponenti jkunu mmuntati fil-magna. Madankollu, din l-organizzazzjoni kklassifikata tal-magni tista’ tneħħi temporanjament komponent għall-manutenzjoni biex ittejjeb l-aċċess għal dak il-komponent, għajr meta t-tneħħija tiegħu tkun toħloq il-ħtieġa ta’ manutenzjoni addizzjonali li l-organizzazzjoni ma tkunx approvata li twettaq. Organizzazzjoni klassifikata tal-magni tista’ twettaq ukoll manutenzjoni fuq magna installata waqt il-manutenzjoni tal-UA soġġetta għal proċedura tal-kontroll speċifikata fil-manwal tal-organizzazzjoni li trid tiġi approvata mill-awtorità kompetenti.

    (d)

    Klassifikazzjoni ta’ komponent għajr magni kompluti tfisser li l-organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS tista’ twettaq manutenzjoni fuq komponenti mhux installati (għajr magni kompluti) maħsuba biex jiġu mmuntati fil-UA, fil-magna jew fis-CMU. Dik l-organizzazzjoni tista’ twettaq ukoll manutenzjoni fuq komponent installat (għajr magni kompluti) waqt il-manutenzjoni tal-UA, il-manutenzjoni tas-CMU jew f’faċilità tal-manutenzjoni tal-magni soġġetta għal proċedura tal-kontroll speċifikata fil-manwal tal-organizzazzjoni li trid tiġi approvata mill-awtorità kompetenti.

    (e)

    Klassifikazzjoni ta’ test nondistruttiv (NDT) hija klassifikazzjoni awtonoma li mhux bilfors tkun relatata ma’ xi UA, magna jew komponent ieħor speċifiku. Il-klassifikazzjoni ta’ NDT hija meħtieġa biss għal organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS li twettaq NDT bħala kompitu partikolari għal organizzazzjoni oħra. Organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS approvata bi klassifikazzjoni ta’ UAS, ta’ magna jew ta’ komponent tista’ twettaq NDT fuq il-prodotti u l-komponenti li tagħmilhom manutenzjoni, soġġetta għall-manwal tal-organizzazzjoni li jkun fih il-proċeduri tal-NDT, mingħajr il-ħtieġa li jkollha klassifikazzjoni ta’ NDT.

    Paġna 1 minn 2

    [STAT MEMBRU (*1) ]

    Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (*2)

    ĊERTIFIKAT CAO.UAS

    Referenza: [KODIĊI TAL-ISTAT MEMBRU (*1) ].CAO.UAS.[XXXX]

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1109 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2024/1107, u soġġetta għall-kundizzjonijiet speċifikati hawn taħt, l-[AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*1) ] b’dan tiċċertifika:

    [L-ISEM U L-INDIRIZZ TAL-ORGANIZZAZZJONI APPROVATA]

    bħala organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS f’konformità mal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1107

    KUNDIZZJONIJIET:

    (a)

    Din l-approvazzjoni hija limitata għal dak speċifikat fit-termini tal-approvazzjoni mehmuża u fit-taqsima “Ambitu tax-xogħol” tal-manwal tal-organizzazzjoni msemmi fl-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1107;

    (b)

    Din l-approvazzjoni teżtieġ il-konformità mal-proċeduri speċifikati fil-manwal tal-organizzazzjoni;

    (c)

    Din l-approvazzjoni hija valida sakemm li l-organizzazzjoni approvata tal-Parti-CAO.UAS tibqa’ konformi mal-Anness II (il-Parti-CAO.UAS) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1107;

    (d)

    Meta l-organizzazzjoni tal-Parti-CAO.UAS approvata tissottokuntratta l-forniment ta’ xi servizzi lil organizzazzjoni waħda jew aktar, din l-approvazzjoni tibqa’ valida diment li dik/dawk l-organizzazzjoni(jiet) jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali applikabbli;

    (e)

    Soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet preċedenti, din l-approvazzjoni għandha tibqa’ valida għal żmien bla limitu, sakemm l-approvazzjoni ma tkunx preċedentement ġiet ċeduta, sostitwita, sospiża jew revokata.

    Data tal-ħruġ oriġinali taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni: …

    Data ta’ din ir-reviżjoni taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni: …

    Nru tar-reviżjoni: …

    Iffirmata: …

    Għall-awtorità kompetenti: [L-AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*1)]

    Il-Formola 3-CAO.UAS tal-EASA – il-Ħarġa 1

     

    Paġna 2 minn 2

    Organizzazzjoni tal-PARTI-CAO.UAS

    TERMINI TAL-APPROVAZZJONI

    Referenza: [KODIĊI TAL-ISTAT MEMBRU (*3) ].CAO.UAS.XXXX

    Organizzazzjoni: [L-ISEM U L-INDIRIZZ TAL-ORGANIZZAZZJONI APPROVATA]

     

     

    KLASSI

    KLASSIFIKAZZJONI

    PRIVILEĠĠI  (*5)

     

     

    UAS  (*4)

    UAS (*4)

    Manutenzjoni tal-UA

    Manutenzjoni tas-CMU

    Installazzjoni tas-CMU

    Ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

    Reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà

    Permess għat-titjir

     

     

    KOMPONENTI  (*4)

    Magna kompluta (*4)

    Manutenzjoni

     

    Komponenti, għajr magni kompluti (*4)

     

    SERVIZZI SPEĊJALIZZATI  (*4)

    Test nondistruttiv (NDT) (*4)

    NDT

     

     

     

     

     

    Lista tal-organizzazzjoni(jiet) sottokuntrattati li jwettqu kompiti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

     

     

     

     

     

     

     

    Dawn it-termini tal-approvazzjoni huma limitati għall-UAS, għall-komponenti tal-UAS, u għall-attivitajiet speċifikati fit-taqsima “Ambitu tax-xogħol” tal-manwal tal-organizzazzjoni.

    Referenza għall-manwal tal-organizzazzjoni: …

    Data tal-ħruġ oriġinali tal-manwal tal-organizzazzjoni: …

    Data tal-aħħar reviżjoni approvata: … Nru tar-reviżjoni: …

    Iffirmata: …

    Għall-awtorità kompetenti: [L-AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*3) ]

    Il-Formola 3-CAO.UAS tal-EASA – il-Ħarġa 1


    (*1)  Jew l-“EASA”, jekk l-EASA tkun l-awtorità kompetenti.

    (*2)  Ħassar jekk ma jkunx Stat Membru tal-UE jew l-EASA.

    (*3)  Jew l-“EASA”, jekk l-EASA tkun l-awtorità kompetenti.

    (*4)  Ħassar kif xieraq jekk l-organizzazzjoni ma tkunx approvata.

    (*5)  Agħżel kif xieraq.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1109/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top